Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Frar  2024 minn Global Nanotechnologies AE schediasmou anaptyxis paraskevis kai emporias ylikon nanotechnologias (Glonatech) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-409/22, Glonatech vs REA

(Kawża C-114/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Global Nanotechnologies AE schediasmou anaptyxis paraskevis kai emporias ylikon nanotechnologias (Glonatech) (rappreżentant: N. Scandamis, dikigoros)

Parti oħra fil-proċedura: Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA)

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata totalment jew parzjalment; u

tiddikjara n-Nota ta’ Debitu Nru 3242113938 ta’ REA tat-22 ta’ Diċembru 2021, li titlob mingħand l-appellanti kif irriveduta sussegwentement, il-pagament ta’ EUR 202 833.48, bħala nieqsa mill-validità u mill-effetti ġuridiċi;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni ġdida fis-sens tat-talbiet mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-REA għall-ħlas tal-ispejjeż legali tal-appellant u spejjeż oħra sostnuti fil-kuntest ta’ dan l-appell u tal-proċedura preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala proprja għad-dissimmetrija tal-imsieħba fil-ftehim ta’ sussidju.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ finanzjament b’rata fissa miftiehma abbażi ta’ riżultati konkreti miksuba.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-ftehim ta’ sussidju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni imsemmija iktar ʼil fuq fir-rigward tal-portata u l-impatt tal-kontroll tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni fil-forma ta’ finanzjament b’rata fissa, kif ukoll fl-interpretazzjoni tad-dritt Belġjan bħala parti wkoll ta’ ius commune fir-rigward tal-prinċipju ta’ bona fide.

Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta evalwa l-provi prodotti minn interpretazzjoni ħażina tal-probandum fir-rigward ta’ finanzjament b’rata fissa u billi żnaturat tali provi billi ċaħdet il-forza probattiva legali tagħhom.

Il-ħames aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet is-sottomissjoni tal-appellanti li, taħt ċirkustanzi ta’ dubju mressqa mir-REA, fl-assenza ta’ irregolaritajiet eventwalment ammessi bħala “mhux sistematiċi” mir-REA stess u minkejja n-natura speċifika tal-finanzjament bħala dipendenti fuq ir-riżultati, l-onus probandi għandu jiġi invertit taħt l-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u l-prinċipju tal-proporzjonalità għandu japplika bis-sħiħ fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti kif iffissati fil-bidu u kif żviluppati matul l-implimentazzjoni.

____________