Language of document : ECLI:EU:C:2009:465

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

16 ta’ Lulju 2009 (*)

“Drittijiet tal‑awtur – Soċjetà tal‑informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 u 5 – Xogħlijiet letterarji u artistiċi – Kunċett ta’ ‘riproduzzjoni’ – Riproduzzjoni ‘parzjali’ – Riproduzzjoni ta’ siltiet qosra minn xogħlijiet letterarji – Artikli tal‑istampa – Riproduzzjonijiet temporanji u tranżitorji – Proċess tekniku li jikkonsisti fl‑iskanjar diġitali ta’ artikli segwit minn konverżjoni f’fajl ta’ test, mill‑ipproċessar elettroniku tar‑riproduzzjoni, mill‑ħażna ta’ parti minn din ir‑riproduzzjoni u mill‑istampar tagħha”

Fil‑Kawża C‑5/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Højesteret (id‑Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑21 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑4 ta’ Jannar 2008, fil‑proċedura

Infopaq International A/S

vs

Danske Dagblades Forening,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal‑Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑20 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Infopaq International A/S, minn A. Jensen, advokat,

–        għal Danske Dagblades Forening, minn M. Dahl Pedersen, advokat,

–        għall‑Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn H. Krämer u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑12 ta’ Frar 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 2001/29/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol., 1, p. 230), u, min‑naħa l‑oħra, il‑kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal‑atti temporanji ta’ riproduzzjoni skont l‑Artikolu 5 ta’ din id‑direttiva.

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn Infopaq International A/S (iktar ’il quddiem “Infopaq”) u d‑Danske Dagblades Forening (iktar ‘il quddiem id‑“DDF”) dwar ir‑rifjut tat‑talba tagħha intiża li jiġi rrikonoxxut li hija ma kinitx marbuta tikseb il‑kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur għall‑atti ta’ riproduzzjoni ta’ artikli tal‑istampa permezz ta’ proċess awtomatiku li jikkonsisti fl‑iskanjar diġitali u l‑konverżjoni tagħhom f’fajl diġitali segwit mill‑ipproċessar elettroniku ta’ dan il‑fajl.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑dritt internazzjonali

3        Skont l‑Artikolu 9(1) tal‑Ftehim dwar l‑aspetti tad‑drittijiet tal‑proprjetà intellettwali relatati mal‑kummerċ, li jinsab fl‑Anness 1 C tal‑Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Kummerċ, li kien ġie approvat bid‑Deċiżjoni tal‑Kunsill Nru 94/800/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 1994, dwar il‑konklużjoni f’isem il‑Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil‑kompetenza tagħha, fuq il‑ftehim milħuq fil‑Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl‑Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 11, Vol., 21, p. 80):

“Il‑Membri għandhom iħarsu lejn [josservaw] l‑Artikoli 1 sa 21 tal‑Konvenzjoni ta’ Berne (1971) u l‑Appendiċi tagħha. [...]”

4        L‑Artikolu 2 tal‑Konvenzjoni ta’ Berna għall‑Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil‑verżjoni li tirriżulta mill‑emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Berna”) jipprovdi kif ġej:

“1) Il‑frażi ‘xogħlijiet letterarji u artistiċi” jinkludu kull produzzjoni fil‑qasam litterarju, xjentifiku jew artistiku, indipendentement mill‑metodu jew mill‑forma ta’ espressjoni, bħal kotba, fuljetti u kitbiet oħra; [...]

[...]

5)      Il‑ġabriet ta’ xogħlijiet letterarji jew artistiċi bħal enċiklopediji u antoloġiji li, minħabba l‑għażla jew id‑dispożizzjoni tal‑kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali huma protetti bħala tali, bla ħsara għad‑drittijiet tal‑awtur ta’ kull wieħed mix‑xogħlijiet li jagħmlu parti minn dawn il‑ġabriet.

[...]

8)      Il‑protezzjoni tal‑konvenzjoni preżenti ma tapplikax għal aġġornamenti jew għal fatti diversi li jikkostitwixxu sempliċi informazzjoni ta’ stampa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 9 tal‑Konvenzjoni ta’ Berna, l‑awturi ta’ xogħlijiet letterarji jew artistiċi protetti minn din il‑konvenzjoni jgawdu d‑dritt esklużiv li jawtorizzaw ir‑riproduzzjoni ta’ dawn ix‑xogħlijiet, b’kull mod u b’kull forma.

 Id‑dritt Komunitarju

6        L‑Artikolu 1 tad‑Direttiva tal‑Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il‑protezzjoni legali ta’ programmi tal‑kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol., 1, p. 114) jipprovdi:

“1.      Skond id‑disposizzjonijiet ta’ din id‑Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal‑kompjuter, bid‑drittijiet ta’ l‑awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit‑tifsira tal‑Konvenzjoni ta’ Berna għall‑Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. [...]

[...]

3.      Programm tal‑kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis‑sens li jkun il‑ħolqien intellettwali ta’ l‑awtur stess. L‑ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l‑eliġibilità tiegħu għall‑protezzjoni.”

7        L‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 96/9/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑11 ta’ Marzu 1996, dwar il‑protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol., 15 p. 459), jipprovdi:

“B’konformità ma’ din id‑Direttiva, databases li, minħabba l‑għażla jew l‑arranġament tal‑kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l‑awtur innifsu għandhom ikunu protetti bid‑dritt ta’ l‑awtur. L‑ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex tkun stabbilita l‑eliġibilità tagħhom għal dik il‑protezzjoni.”

8        Id‑Direttiva 2001/29 dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni tipprovdi, fil‑premessi 4, 6, 9 sa 11, 20 sa 28, 31 kif ukoll 33, dan li ġej:

“(4)      Qafas armonizzat legali dwar id‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil‑kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network [...]

(6)      Mingħajr armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità, attivitajiet leġislattivi f’livell nazzjonali li diġà bdew f’għadd ta’ Stati Membri sabiex jirrispondu għall‑isfidi jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil‑protezzjoni u b’hekk fir‑restrizzjonijiet fuq il‑moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali, li twassal għal frammentazzjoni mill‑ġdid tas‑suq intern u inkonsistenza leġislattiva. L‑impatt ta’ dawn id‑differenzi leġislattivi u inċertezzi jsir aktar sinjifikanti b’aktar żvilupp tas‑soċjetà ta’ l‑informazzjoni, li diġà żiedet ħafna l‑isfruttament li jaqsam il‑fruntieri ta’ proprjetà intellettwali. Dan l‑iżvilupp qiegħed u għandu jikber aktar. Differenzi u inċertezzi legali sinifikanti dwar il‑protezzjoni jistgħu jfixklu ekonomiji ta’ ċertu daqs għal prodotti u servizzi ġodda li jkunu jinkludu drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati.

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar‑raġuni li dawn id‑drittijiet huma kruċjali għall‑kreazzjoni intellettwali. [...]

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix‑xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall‑użu tax‑xogħol tagħhom [...]

(11)      Sistema rigoruż effettiv għall‑protezzjoni tad‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati hija waħda mill‑metodi li tiżgura li l‑kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r‑riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l‑indipendenza u d‑dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi.

[…]

(20)      Din id‑Direttiva hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid‑Direttivi preżentement fis‑seħħ f’dan il‑qasam, b’mod partikolari d‑Direttivi [91/250] [...] u [96/9], u tiżviluppa dawk il‑prinċipji u regoli u tpoġġihom fil‑kuntest tas‑soċjetà ta’ l‑informazzjoni. Id‑disposizzjonijiet ta’ din id‑Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad‑disposizzjonijiet ta’ dawn id‑Direttivi, kemm‑il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor f’din id‑Direttiva.

(21)      Din id‑Direttiva għandha tiddefinixxi l‑iskop ta’ l‑atti regolati mid‑dritt ta’ riproduzzjoni rigward il‑benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l‑acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l‑atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s‑suq intern.

(22)      L‑għan ta’ appoġġ xieraq biex tinfirex il‑kultura m’għandux jintlaħaq billi jissagrifikaw il‑protezzjoni stretta tad‑drittijiet jew billi jittolleraw forom illegali ta’ distribuzzjoni ta’ xogħolijiet falsifikati jew ikkupjati jew imxandra illegalment.

[...]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il‑kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il‑kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utent[i] ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. […]

[...]

(33)      Id‑dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni għandu jkun bla ħsara għal eċċezzjoni biex tippermetti ċerti atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li huma riproduzzjonijiet temporanji [tranżitorji] jew inċidentali, li jagħmlu parti integrali u essenzali mill‑proċess teknoloġiku u mwettaq għal fini unika li tippermetti jew trasmissjoni effiċjenti f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, jew użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir. L‑atti ta’ riproduzzjoni relatati m’għandu jkollhom l‑ebda valur ekonomiku separat għalihom waħedhom. Sa fejn dawn jissodisfaw dawn il‑kondizzjonijiet, din l‑eċċezzjoni għandha tinkludi atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna, inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trasmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, kemm‑il darba li l‑intermedjarju ma jimmodifikax l‑informazzjoni u ma jfixkilx l‑użu legali tat‑teknoloġija, rikonoxxuta b’mod wiesgħa u użata mill‑industrija, biex jikseb data dwar l‑użu ta’ l‑informazzjoni. Użu għandu jiġi kkunsidrat legali fejn ikun awtorizzat mid‑detentur tad‑drittijiet jew ma jkunx ristrett bil‑liġi.”

9        Skont l‑Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 2001/29:

“L‑Istati Membri għandhom jipprovdu għad‑dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall‑awturi, tax‑xogħolijiet tagħhom; [...]”

10      L‑Artikolu 5 tal‑istess direttiva jipprovdi:

“1.      Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl‑Artikolu 2, li huma temporanji [tranżitorji] jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal‑proċess teknoloġiku u li l‑iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

a)      trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

b)      użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid‑dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl‑Artikolu 2.

[...]

5.      L‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil‑paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tax‑xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet.”

11      Skont l‑Artikolu 6 tad‑Direttiva 2006/116/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar il‑perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal‑awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12):

“Il‑fotografiji li jkunu oriġinali fis‑sens li jkunu l‑kreazzjoni intellettwali ta’ l‑awtur innifsu għandhom ikunu protetti skond l‑Artikolu 1. L‑ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex jistabbilixxu l‑eliġibbiltà tagħhom għall‑protezzjoni. L‑Istati Membri jistgħu jipprovdu għall‑protezzjoni ta’ fotografiji oħra.”

 Id‑dritt nazzjonali

12      L‑Artikoli 2 u 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 ġew trasposti fis‑sistema legali Daniża bl‑Artikoli 2 u 11a(1) tal‑Liġi Nru 395 dwar id‑drittijiet tal‑awtur (lov Nru 395 om ophavsret), tal‑14 ta’ Ġunju 1995 (Lovtidende 1995 A, p. 1796), kif emendata u kkodifikata, b’mod partikolari, bil‑Liġi Nru 1051 (lov n° 1051 om ændring af ophavsretsloven), tas‑17 ta’ Diċembru 2002 (Lovtidende 2002 A, p. 7881).

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13      Infopaq teżerċita attivitajiet fil‑qasam tal‑osservazzjoni u tal‑analiżi tal‑istampa li jinkludu, essenzjalment, it‑tħejjija ta’ sunti ta’ artikli magħżula mill‑istampa ta’ kuljum Daniża u minn diversi rivisti. Din l‑għaża tal‑artikli ssir permezz ta’ temi magħżula mill‑klijenti u titwettaq permezz ta’ proċess imsejjaħ “kisba tad‑data”. Is‑sunti jintbagħtu lill‑klijenti bil‑posta elettronika.

14      DDF hija assoċjazzjoni ta’ professjonisti fis‑settur tal‑gazzetti ta’ kuljum Daniżi, li b’mod partikolari, għandha l‑għan li tgħin lill‑membri tagħha fir‑rigward ta’ kwistjonijiet relatati mad‑drittijiet tal‑awtur.

15      Matul is‑sena 2005, DDF ġiet informata li Infopaq kienet qiegħda tipproċessa, għall‑finijiet kummerċjali, artikli minn pubblikazzjonijiet mingħajr il‑kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur ta’ dawn l‑artikli. Billi qieset li tali kunsens kien neċessarju għall‑ipproċessar tal‑artikli permezz tal‑proċess inkwistjoni, id‑DDF informat lil Infopaq bil‑pożizzjoni tagħha.

16      Il‑proċess ta’ kisba tad‑data jinkludi l‑ħames fażijiet segwenti li jwasslu, skont DDF, għal erba’ atti ta’ riproduzzjoni ta’ artikli tal‑istampa.

17      L‑ewwel nett, il‑pubblikazzjonijiet kkonċernati jiġu rreġistrati bl‑idejn f’database elettronika minn kontributuri ta’ Infopaq.

18      It‑tieni nett, isir l‑iskanjar diġitali ta’ dawn il‑pubblikazzjonijiet, wara li tkun tneħħiet l‑ispina tagħhom b’mod li jkun hemm paġni individwali. Il‑parti tal‑pubblikazzjoni li għandha tiġi pproċessata tintagħżel fid‑database qabel l‑inklużjoni tal‑pubblikazzjoni fis‑sistema tal‑iskanjar diġitali (scanner). L‑operazzjoni tippermetti li jinħoloq fajl f’format TIFF (“Tagged Image File Format”) għal kull paġna ta’ pubblikazzjoni. Wara li tintemm tali operazzjoni, il‑fajl TIFF jiġi ttrasferit fuq server OCR (“Optical Character Recognition”) (rikonoxximent ottiku tal‑karattri).

19      It‑tielet nett, l‑imsemmi server OCR jikkonverti l‑fajl TIFF f’data li tista’ tkun suġġetta għal ipproċessar diġitali. Matul dan il‑proċess, ix‑xbieha ta’ kull karattru tinbidel f’kodiċi diġitali li jindika lill‑kompjuter it‑tip tal‑karattru. Pereżempju, ix‑xbieha tal‑ittri “TDC” tinbidel f’informazzjoni li l‑kompjuter jista’ jipproċessa bħala l‑ittri “TDC” u jikkonvertihom f’test li jista’ jiġi rrikonoxxut mis‑sistema tal‑kompjuter. Din id‑data tinħażen bħala fajls ta’ test li jistgħu jinqraw minn kull wordprocessor. Il‑proċess OCR jintemm bit‑tħassir tal‑fajl TIFF.

20      Ir‑raba’ nett, il‑fajl ta’ test jiġi analizzat sabiex issir riċerka għall‑kliem gwida predefiniti. Kull darba, jinħoloq fajl li jindika t‑titolu, it‑taqsima u n‑numru tal‑paġna tal‑pubblikazzjoni fejn tidher il‑kelma gwida kif ukoll il‑valur, espress f’perċentwali minn 0 sa 100, sabiex tiġi indikata l‑pożizzjoni ta’ din il‑kelma gwida fit‑test, u b’hekk jiġi ffaċilitat il‑qari tal‑artiklu. Biex tiġi ffaċilitata iktar ir‑referenza waqt il‑qari tal‑artiklu, mal‑kelma gwida jkun hemm il‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jsegwuha (iktar ’il quddiem is‑“silta komposta minn ħdax‑il kelma”). Il‑proċess jintemm bit‑tħassir tal‑fajl tat‑test.

21      Il‑ħames nett, il‑proċess tal‑kisba tad‑data jintemm bl‑istampar ta’ dokument ta’ referenza għal kull paġna tal‑pubblikazzjoni fejn tidher il‑kelma gwida. Id‑dokument ta’ referenza jista’ jkollu l‑forma li ġejja:

“4 ta’ Novembru 2005 – Dagbladet Arbejderen, paġna 3:

TDC: 73 %, ‘bejgħ fil‑qrib tal‑grupp ta’ TDC, li huwa mistenni li ser jinxtara’”.

22      Infopaq ikkontestat li din l‑attività teħtieġ il‑kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur u għalhekk ippreżentat rikors quddiem l‑Østre Landsret kontra DDF, fejn talbet lil din il‑qorti tiddikjara li DDF għandha tirrikonoxxi li Infopaq għandha dritt li tuża l‑proċess imsemmi iktar ’il fuq, mingħajr il‑kunsens ta’ din l‑assoċjazzjoni ta’ pubblikaturi jew tal‑membri tagħha. Peress li l‑Østre Landsret ċaħdet ir‑rikors, Infopaq ippreżentat appell quddiem il‑qorti tar‑rinviju.

23      Skont din tal‑aħħar, huwa paċifiku li l‑kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur mhuwiex meħtieġ għall‑attività ta’ osservazzjoni tal‑istampa u t‑tħejjija ta’ sunti, sa fejn din tikkonsisti fil‑qari fiżiku minn persuna ta’ kull pubblikazzjoni, fl‑għażla tal‑artikli rilevanti abbażi ta’ kliem gwida predefinit kif ukoll fit‑trażmissjoni lill‑awtur tas‑sunt ta’ fajl li b’riżultat ikun sar bl‑idejn, flimkien mal‑indikazzjoni tal‑kelma gwida fl‑artiklu u l‑pożizzjoni ta’ dan l‑artiklu fil‑pubblikazzjoni. Bl‑istess mod, il‑partijiet fil‑kawża prinċipali jaqblu fuq il‑fatt li t‑tħejjija ta’ sunt hija, minnha nfisha, legali u ma teħtieġx il‑kunsens tal‑proprjetarju tal‑imsemmija drittijiet.

24      Lanqas mhuwa kkontestat li l‑imsemmi proċess ta’ kisba tad‑data jikkonsisti f’żewġ attivitajiet ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l‑ħolqien ta’ fajls TIFF waqt l‑iskanjar diġitali tal‑artikli stampati u l‑ħolqien ta’ fajls ta’ test li jirriżultaw mill‑konverżjoni ta’ fajls TIFF. Barra minn hekk, huwa paċifiku li dan il‑proċess iwassal għal riproduzzjoni ta’ partijiet ta’ artikli diġitali peress li s‑silta komposta minn ħdax‑il kelma tinħażen fil‑memorja informatika u dawn il‑ħdax‑il kelma jirriżultaw f’dokument stampat fuq il‑karta.

25      Madankollu, il‑partijiet fil‑kawża prinċipali ma jaqblux rigward il‑kwistjoni jekk l‑aħħar żewġ atti msemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxux atti ta’ riproduzzjoni msemmija fl‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29. Barra minn hekk, huma ma jaqblux fuq il‑punt dwar jekk l‑atti inkwistjoni kollha fil‑kawża prinċipali humiex, skont il‑każ, koperti mill‑eżenzjoni tad‑dritt ta’ riproduzzjoni prevista fl‑Artikolu 5(1) ta’ din id‑direttiva.

26      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Højesteret iddeċiediet li tissospendi l‑proċeduri u tagħmel id‑domandi preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Il‑ħażna u l‑istampar sussegwenti ta’ silta minn artiklu ta’ gazzetta, li tikkonsisti f’kelma prinċipali, minn ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jiġu warajha, jistgħu jitqiesu bħala atti ta’ riproduzzjoni protetti skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva [2001/29]?

2)      Iċ‑ċirkustanzi li fihom iseħħ att ta’ riproduzzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex dan l‑att jista’ jiġi kkwalifikat bħala ‘[tranżitorju]’ fis‑sens tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29?

3)      Att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala ‘[tranżitorju]’ jekk ir‑riproduzzjoni tiġi pproċessata, pereżempju jekk fajl ta’ test jinħoloq abbażi ta’ fajl ta’ xbieha jew jekk issir riċerka ta’ sekwenzi ta’ kliem minn fajl ta’ test?

4)      Att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala ‛[tranżitorju]’ meta tinħażen parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew f’diversi siltiet ta’ testi magħmula minn ħdax‑il kelma?

5)      Att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala ‛[tranżitorju]’ meta tiġi stampata parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew f’diversi siltiet ta’ testi magħmula minn ħdax‑il kelma?

6)      Sabiex att ta’ riproduzzjoni jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi “parti integrali u essenzjali tal‑proċess teknoloġiku” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑istadju tal‑proċess teknoloġiku li fih iseħħ?

7)      Att ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala ‛parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku’ jekk jikkonsisti fl‑iskanjar diġitali bl‑idejn ta’ artikli sħaħ ta’ pubblikazzjonijiet li permezz tiegħu dawn l‑artikli jinbidlu minn dokumenti fuq karta stampata f’dokumenti diġitali?

8)      Att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ‛parti integrali u essenzjali tal‑proċess teknoloġiku’ jekk jikkonsisti fl‑istampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni li tinkludi silta jew diversi siltiet ta’ testi komposti minn ħdax‑il kelma?

9)      Il‑kunċett ta’ ‛użu legali’ skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 huwa intiż għal kull forma ta’ użu li ma teħtieġx il‑kunsens tad‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur?

10)      Il‑kunċett ta’ ‛użu legali’ skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jinkludi l‑iskanjar diġitali tal‑artikli sħaħ ta’ pubblikazzjonijiet, l‑ipproċessar sussegwenti tar‑riproduzzjoni, kif ukoll il‑ħażna u l‑eventwali stampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni li tikkonsisti f’silta jew f’diversi siltiet ta’ testi magħmulin minn ħdax‑il kelma, utilizzati minn impriża għall‑finijiet tal‑attività ta’ tħejjija ta’ sunti, anki jekk id‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur ma jkunux awtorizzaw dan l‑att?

11)      Liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi stabbilit jekk atti temporanji ta’ riproduzzjoni għandhomx ‛sinifikat ekonomiku indipendenti’ skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 sa fejn il‑kundizzjonijiet l‑oħra ta’ din id‑dispożizzjoni jkunu ġew sodisfatti?

12)      Il‑qligħ minn produttività favur l‑utent, matul l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanji għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk l‑atti għandhomx ‛sinifikat ekonomiku indipendenti’ skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29?

13)      L‑iskanjar diġitali sħiħ tal‑artikli ta’ pubblikazzjonijiet, l‑ipproċessar sussegwenti tar‑riproduzzjoni, kif ukoll il‑ħażna u l‑eventwali stampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni li tikkonsisti f’silta jew f’diversi siltiet ta’ testi magħmulin minn ħdax‑il kelma magħmula mingħajr il‑kunsens tad‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur, jistgħu jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt ‛ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali’ tal‑artikli ta’ gazzetta u li ‛ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l‑interessi leġittimi [tad‑detentur] tad‑drittijiet’ skont l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

27      L‑ewwel nett, għandu jitfakkar li mir‑rekwiżiti kemm tal‑applikazzjoni uniformi tad‑dritt Komunitarju kif ukoll tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali, jirriżulta li t‑termini ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju li, bħal dawk tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva Nru 2001/29, ma jinkludu ebda riferiment espliċit għal‑leġiżlazzjoni tal‑Istati Memrbi sabiex jiġi stabbilit is‑sens u l‑iskop tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil‑Komunità kollha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, Ġabra p. I‑1251, punt 23, u tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 31).

28      Dawn ir‑rekwiżiti għandhom jiġu osservati b’mod partikolari fir‑rigward tad‑Direttiva 2001/29, fid‑dawl tal‑formulazzjoni tal‑premessi 6 u 21 tagħha.

29      Konsegwentement, il‑Gvern Awstrijak ma jistax validament isostni li huma l‑Istati Membri li għandhom jagħtu definizzjoni tal‑kunċett ta’ “riproduzzjoni [parzjali]” ipprovdut fl‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 (ara f’dan is‑sens, fir‑rigward tal‑kunċett ta’ “pubbliku”, ipprovdut fl‑Artikolu 3 tal‑istess direttiva, is‑sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

 Fuq l‑ewwel domanda

30      Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il‑kunċett ta’ “riproduzzjoni [parzjali]” skont id‑Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis‑sens li jinkludi atti ta’ ħażna informatika ta’ silta komposta minn ħdax‑il kelma u l‑istampar ta’ tali silta fuq il‑karta.

31      Għandu jiġi rrilevat li d‑Direttiva 2001/29 la tiddefinixxi l‑kunċett ta’ “riproduzzjoni” u lanqas dak ta’ “riproduzzjoni [parzjali]”.

32      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, dawn il‑kunċetti għandhom jiġu ddefiniti fid‑dawl tal‑formulazzjoni u tal‑kuntest tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 li fihom jinsabu, kif ukoll fid‑dawl kemm tal‑għanijiet tad‑direttiva sħiħa u tad‑dritt internazzjonali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza ċċitata iktar ’il fuq SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

33      L‑Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 2001/29 jipprovdi li l‑awturi għandhom id‑dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r‑riproduzzjoni sħiħa jew parzjali tax‑xogħlijiet tagħhom. Minn dan jirriżulta li l‑protezzjoni tad‑dritt li tiġi awtorizzata jew ipprojbita r‑riproduzzjoni li jgawdi awtur għandha bħala suġġett “xogħol”.

34      Għandu jingħad ukoll, f’dan ir‑rigward li, mill‑istruttura ġenerali tal‑Konvenzjoni ta’ Berna, b’mod partikolari mill‑paragrafi 5 u 8 tal‑Artikolu 2 tagħha, jirriżulta li l‑protezzjoni ta’ ċerti oġġetti bħala xogħlijiet letterarji jew artistiċi tippreżupponi li dawn jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali.

35      Bl‑istess mod, skont l‑Artikoli 1(3) tad‑Direttiva 91/250, 3(1) tad‑Direttiva 96/9 u 6 tad‑Direttiva 2006/116, xogħlijiet bħal programmi tal‑kompjuter, databases u fotografiji huma biss protetti bid‑drittijiet tal‑awtur jekk ikunu oriġinali fis‑sens li huma kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess.

36      Billi tistabbilixxi kuntest ġuridiku armonizzat tad‑drittijiet tal‑awtur, id‑Direttiva 2001/29 hija bbażata, hekk kif jirriżulta mill‑premessi 4, 9 sa 11 u 20, fuq l‑istess prinċipju.

37      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, id‑drittijiet tal‑awtur fis‑sens tal‑Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 2001/29 jistgħu japplikaw biss fir‑rigward ta’ xogħol li huwa oriġinali fis‑sens li huwa kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess.

38      Fir‑rigward tal‑partijiet differenti ta’ xogħol, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fid‑Direttiva 20001/29 jew f’direttiva applikabbli oħra f’dan il‑qasam li jindika li dawn il‑partijiet huma suġġetti għal sistema differenti minn dik li huwa suġġett għaliha xogħol sħiħ. Isegwi li dawn huma protetti mid‑drittijiet tal‑awtur meta huma jagħmlu parti, bħala tali, mill‑oriġinalità tax‑xogħol sħiħ.

39      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet esposti fil‑punt 37 ta’ din is‑sentenza, il‑partijiet differenti ta’ xogħol għalhekk jibbenefikaw minn protezzjoni skont l‑Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 2001/29 bil‑kundizzjoni li jkun fihom ċerti elementi li huma l‑espressjoni tal‑kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess ta’ dan ix‑xogħol.

40      Fir‑rigward tal‑portata ta’ tali protezzjoni tax‑xogħol, mill‑premessi 9 sa 11 tad‑Direttiva 2001/29 jirriżulta li l‑għan prinċipali ta’ din id‑direttiva huwa li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur, b’mod partikolari, tal‑awturi, billi tippermettilhom jirċievu kumpens xieraq għall‑użu tax‑xogħol tagħhom, inkluż għar‑riproduzzjonijiet tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jissoktaw bix‑xogħol kreattiv u artistiku tagħhom.

41      Bl‑istess mod, il‑premessa 28 tad‑Direttiva 2001/29 teżiġi li l‑atti koperti mid‑dritt ta’ riproduzzjoni jingħataw interpretazzjoni stretta.

42      Din l‑eżiġenza ta’ definizzjoni wiesgħa tal‑imsemmija atti hija barra minn hekk imsemmija fil‑formulazzjoni tal‑Artikolu 2 tal‑imsemmija direttiva, li jinkludi espressjonijiet bħal “diretta jew indiretta”, “temporanja jew permanenti”, “b’kull mezz” u “f’kull forma”.

43      Konsegwentement, il‑protezzjoni mogħtija mill‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 għandha jkollha portata wiesgħa.

44      Fir‑rigward tal‑artikli tal‑istampa, il‑kreazzjoni intellettwali tal‑awtur tagħhom, imsemmija fil‑punt 37 tas‑sentenza preżenti, tirriżulta regolarment mill‑mod kif huwa ppreżentat is‑suġġett, kif ukoll mill‑espressjoni lingwistika. Barra minn hekk, fil‑kawża prinċipali, huwa paċifiku li l‑artikli tal‑istampa jikkostitwixxu, fihom infushom, xogħlijiet letterarji kif imsemmija fid‑Direttiva 2001/29.

45      Fir‑rigward tal‑elementi ta’ tali xogħlijiet li huma protetti, għandu jiġi rrilevat li dawn huma komposti minn kliem li, meħuda waħedhom, mhumiex fihom infushom kreazzjoni intellettwali tal‑awtur li jużahom. Huwa biss permezz tal‑għażla, tad‑dispożizzjoni u tal‑kumbinazzjoni ta’ dawn il‑kliem li l‑awtur jista’ jesprimi l‑kreattività tiegħu b’mod oriġinali u jasal għal riżultat li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali.

46      Għaldaqstant, il‑kliem fihom infushom ma jikkostitwixxux elementi li huma protetti.

47      Jekk dan huwa l‑każ, fir‑rigward tar‑rekwiżit ta’ interpetazzjoni wiesgħa tal‑portata tal‑protezzjoni mogħtija mill‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29, ma jistax jiġi eskluż li ċerti frażijiet iżolati, jew anki ċerti partijiet ta’ frażi tat‑test ikkonċernat, ikunu adatti sabiex jittrażmettu lill‑qarrej l‑oriġinalità ta’ pubblikazzjoni bħal artiklu tal‑istampa, billi jikkomunikaw lil tali qarrej element li, fih innifsu, huwa l‑espressjoni tal‑kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess ta’ dan l‑artiklu. Għalhekk, tali frażijiet jew tali partijiet ta’ frażijiet jistgħu jingħataw il‑protezzjoni pprovduta fl‑Artikolu 2(a) tal‑imsemmija direttiva.

48      Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, it‑teħid ta’ silta minn xogħol protett li, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, huwa magħmul minn ħdax‑il kelma konsekuttiva tiegħu, jista’ jikkostitwixxi riproduzzjoni parzjali, fis‑sens tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29, jekk – ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill‑qorti tar‑rinviju – tali silta tinkludi element mix‑xogħol li, inkwantu tali, tesprimi l‑kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l‑proċess tal‑kisba tad‑data użata minn Infopaq jippermetti t‑teħid ta’ diversi siltiet tax‑xogħlijiet protetti. Fil‑fatt, dan il‑proċess jirriproduċi silta komposta minn ħdax‑il kelma kull darba li kelma gwida tidher fix‑xogħol ikkonċernat u, barra minn hekk, dan spiss jopera permezz ta’ diversi kliem gwida peress li ċerti klijenti jitolbu lil Infopaq tistabbilixxi sunti bi kriterji differenti.

50      B’dan il‑mod, l‑imsemmi proċess ikollu l‑probabbiltà li Infopaq twettaq riproduzzjonijiet parzjali fis‑sens tal‑Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 2001/29 peress li l‑akkumulazzjoni tal‑imsemmija siltiet tista’ twassal għar‑rikostituzzjoni ta’ biċċiet estiżi li jistgħu jirriflettu l‑oriġinalità tax‑xogħol ikkonċernat b’mod li jinkludu numru ta’ elementi li jistgħu jesprimu kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess ta’ dan ix‑xogħol.

51      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, ir‑risposta li għandha tingħata għall‑ewwel domanda għandha tkun li att li twettaq matul proċess ta’ kisba tad‑data, li jikkonsisti fil‑ħażna informatika ta’ silta minn xogħol protett komposta minn ħdax‑il kelma kif ukoll fl‑istampar ta’ din is‑silta jista’ jaqa’ taħt il‑kunċett ta’ riproduzzjoni parzjali skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 jekk, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill‑qorti tar‑rinviju, l‑elementi li ttieħdu huma l‑espressjoni tal‑kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess.

 Fuq it‑tieni sat‑tnax‑il domanda

52      Jekk jitqies li l‑atti inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jaqgħu taħt il‑kunċett ta’ riproduzzjoni parzjali ta’ xogħol protett, fis‑sens tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29, jirriżulta mill‑Artikoli 2 u 5 tal‑imsemmija direttiva li tali riproduzzjoni ma tistax issr mingħajr il‑kunsens tal‑awtur ikkonċernat, sakemm din ir‑riproduzzjoni tissodisfa l‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5 ta’ din id‑direttiva.

53      F’dan il‑kuntest, permezz tat‑tieni sat‑tnax‑il domandi tagħha, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑atti ta’ riproduzzjoni li twettqu matul proċess ta’ kisba tad‑data, bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jissodisfawx il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, u għalhekk, jekk dan il‑proċess jistax jitwettaq mingħajr il‑kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur ikkonċernati, peress li huwa intiż li jippermetti t‑tħejjija ta’ sunt ta’ artikli tal‑istampa u jikkonsisti fl‑iskanjar diġitali ta’ dawn l‑artikli kollha, fil‑ħażna ta’ silta ta’ ħdax‑il kelma u fl‑istampar ta’ din is‑silta.

54      Skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, att ta’ riproduzzjoni jaqa’ taħt id‑dritt ta’ riproduzzjoni previst fl‑Artikolu 2 tagħha biss jekk huwa jissodisfa ħames kundizzjonijiet, jiġifieri meta

–        dan l‑att huwa temporanju;

–        huwa tranżitorju jew inċidentali;

–        jikkostitwixxi parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku;

–        l‑iskop ta’ dan il‑proċess huwa li jippermetti trażmissjoni f’netwerk bejn terzi minn intermedjarju jew użu legali ta’ xogħol jew oġġett protett, u;

–        l‑imsemmi att ma għandux sinjifikat ekonomiku indipendenti.

55      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li dawn il‑kundizzjonijiet huma kumulattivi fis‑sens li n‑nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minnhom biss għandha l‑konsegwenza li l‑att ta’ riproduzzjoni ma jkunx eżentat, skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, mid‑dritt ta’ riproduzzjoni previst fl‑Artikolu 2 tagħha.

56      Għall‑interpretazzjoni ta’ dawn il‑kundizzjonijiet, individwalment, għandu sussegwentement jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id‑dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jidderogaw minn prinċipju ġenerali stabbilit minn din l‑istess direttiva għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Kapper, C‑476/01, Ġabra p. I‑5205, punt 72, u tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑36/05, Ġabra p. I‑10313, punt 31).

57      Dan huwa l‑każ tal‑eżenzjoni prevista fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, li tikkostitwixxi deroga mill‑prinċipju ġenerali stabbilit minn din id‑direttiva, jiġifieri r‑rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tad‑detentur ta’ drittijiet tal‑awtur għal kull riproduzzjoni ta’ xogħol protett.

58      Dan jgħodd iktar peress li din l‑eżenzjoni għandha tiġi interpretata fid‑dawl tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29, li permezz tagħha l‑imsemmija eżenzjoni tapplika biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jikkawżawx ħsara lill‑isfruttament normali tal‑artikli tax‑xogħol jew ta’ oġġett ieħor u lanqas ma jikkawżaw dannu inġustifikat lill‑interessi leġittimi tal‑proprjetarju tad‑drittijiet.

59      Skont il‑premessi 4, 6 u 21 tad‑Direttiva 2001/29, il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(1) tagħha għandhom jiġu wkoll interpretati fid‑dawl tar‑rekwiżit ta’ ċertezza legali tal‑awturi fir‑rigward tal‑protezzjoni tax‑xogħlijiet tagħhom.

60      Fil‑kawża preżenti, Infopaq issostni, l‑ewwel nett, li l‑atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jissodisfaw il‑kundizzjoni ta’ natura tranżitorja, peress li jitneħħew fi tmiem il‑proċess ta’ riċerka elettronika.

61      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid‑dawl tat‑tielet kundizzjoni mfakkra fil‑punt 54 tas‑sentenza preżenti, att ta’ riproduzzjoni temporanju u tranżitorju huwa intiż li jippermetti t‑twettiq ta’ proċess tekniku li tiegħu għandu jkun parti integrali u essenzjali. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fid‑dawl tal‑prinċipji stabbiliti fil‑punti 57 u 58 tas‑sentenza preżenti, l‑imsemmija atti ta’ riproduzzjoni ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall‑funzjonament tajjeb tal‑proċess tekniku.

62      Iċ‑ċertezza legali tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur titlob, barra minn hekk, li l‑konservazzjoni u t‑tneħħija tar‑riproduzzjoni ma jkunux dipendenti fuq intervent diskrezzjonarju mill‑bniedem, b’mod partikolari dak tal‑utenti tax‑xogħlijiet protetti. Fil‑fatt, f’dan il‑każ, bl‑ebda mod mhuwa ggarantit li l‑persuna kkonċernata effettivament tħassar ir‑riproduzzjoni maħluqa jew, fi kwalunkwe każ, tħassarha peress li l‑eżistenza tagħha mhijiex iktar ġustifikata fid‑dawl tal‑funzjoni tagħha intiża li tippermetti t‑twettiq ta’ proċess tekniku.

63      Tali konklużjoni hija kkonfermata mill‑premessa 33 tad‑Direttiva 2001/29 li telenka, bħala eżempji karatteristiċi ta’ atti msemmija fl‑Artikolu 5(1) tagħha, l‑atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna (“caching”), inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trażmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti. Tali atti huma, minnhom infushom, maħluqa u mħassra awtomatikament u mingħajr intervent mill‑bniedem.

64      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li att jista’ biss jiġi kkwalifikat bħala “temporanju [tranżitorju]” fis‑sens tat‑tieni kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jekk it‑tul tiegħu huwa limitat għal dak li huwa neċessarju għat‑tħaddim tajjeb tal‑proċess tekniku kkonċernat, peress li dan il‑proċess għandu jkun awtomatizzat b’mod li jħassar dan l‑att b’mod awtomatiku, mingħajr intervent mill‑bniedem, minn meta tintlaħaq il‑funzjoni tiegħu intiża għat‑twettiq ta’ tali proċess.

65      Fil‑kawża prinċipali, ma jistax jiġi eskluż mill‑bidu li l‑ewwel żewġ atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jiġifieri l‑ħolqien ta’ fajls TIFF kif ukoll ta’ fajls ta’ test li jirriżultaw mill‑konverżjoni ta’ fajls TIFF, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala tranżitorji peress li jitneħħew awtomatikament mill‑ħażna informatika.

66      Fir‑rigward tat‑tielet att ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l‑ħażna informatika tas‑silta komposta minn ħdax‑il kelma, l‑elementi ppreżentati quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma jippermettux li jiġi evalwat jekk il‑proċess tekniku huwiex awtomatizzat b’mod li dan il‑fajl huwa mħassar mill‑ħażna informatika mingħajr intervent mill‑bniedem u f’terminu iqsar. Għalhekk, hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika jekk it‑tħassir tiegħu jiddependix mir‑rieda tal‑utent tar‑riproduzzjoni u jekk dan il‑fajl jibqax maħżun wara t‑twettiq tal‑funjoni tiegħu ta’ twettiq tal‑proċess tekniku kkonċernat.

67      Madankollu, huwa paċifiku li, permezz tal‑aħħar att ta’ riproduzzjoni tal‑proċess ta’ kisba tad‑data, Infopaq twettaq riproduzzjoni barra mill‑isfera informatika. Hija twettaq stampar tal‑fajls li jinkludi siltiet komposti minn ħdax‑il kelma u għalhekk jirriproduċi dawn is‑siltiet fuq il‑karta.

68      Għandu jingħad ukoll li, peress li ssir fuq karta, din ir‑riproduzzjoni tintemm biss meta tinqered din il‑karta.

69      Barra minn hekk, peress li l‑proċess ta’ kisba ta’ data ma jistax, f’dan il‑każ, jeqred huwa stess tali karta, it‑tħassir ta’ tali riproduzzjoni jiddependi biss mir‑rieda tal‑utent ta’ tali proċess, li bl‑ebda mod ma huwa ċert li dan irid jeħles minnha, li għandu bħala konsegwenza li l‑imsemmija riproduzzjoni tista’ tissussisti matul perijodu estiż skont il‑bżonnijiet tal‑utent.

70      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l‑aħħar att tal‑proċess tal‑kisba tad‑data inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li matul tiegħu Infopaq tistampa s‑siltiet komposti minn ħdax‑il kelma, ma jikkostitwixxix att tranżitorju fis‑sens tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

71      Barra minn hekk, la jirriżulta mill‑proċess trażmess lill‑Qorti tal‑Ġustizzja u lanqas ġie sostnut li tali att jista’ jkun inċidentali.

72      Minn dak li ntqal jirriżulta li l‑imsemmi att ma jissodisfax it‑tieni kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 u għalhekk, tali att ma jistax jiġi eżentat mid‑dritt ta’ riproduzzjoni previst fl‑Artikolu 2 tagħha.

73      Isegwi li l‑proċess ta’ kisba tad‑data inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma jistax jitwettaq mingħajr il‑kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur, u għalhekk, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l‑erbgħa atti li jikkostitwixxu dan il‑proċess josservawx il‑kundizzjonijiet l‑oħra stabbiliti fl‑imsemmi Artikolu 5(1).

74      Konsegwentement, ir‑risposta li għandha tingħata għat‑tieni sat‑tnax‑il domandi għandha tkun li l‑att ta’ stampar ta’ silta komposta minn ħdax‑il kelma, li jitwettaq waqt proċess ta’ kisba tad‑data bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ma jissodisfax il‑kundizzjoni dwar in‑natura tranżitorja stabbilita fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 u għalhekk, dan il‑proċess ma jistax jitwettaq mingħajr il‑kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur ikkonċernati.

 Fuq it‑tlettax‑il domanda

75      Fid‑dawl tar‑risposta li ngħatat għat‑tieni sat‑tnax‑il domandi, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat‑tlettax‑il domanda.

 Fuq l‑ispejjeż

76      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, minbarra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Att li twettaq matul proċess ta’ kisba tad‑data, li jikkonsisti fil‑ħażna informatika ta’ silta minn xogħol protett komposta minn ħdax‑il kelma kif ukoll fl‑istampar ta’ din is‑silta, jista’ jaqa’ taħt il‑kunċett ta’ riproduzzjoni parzjali skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni jekk, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill‑qorti tar‑rinviju, l‑elementi li ttieħdu huma l‑espressjoni tal‑kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess.

2)      L‑att ta’ stampar ta’ silta komposta minn ħdax‑il kelma, li jitwettaq waqt proċess ta’ kisba tad‑data bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ma jissodisfax il‑kundizzjoni dwar in‑natura tranżitorja stabbilita fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 u għalhekk, dan il‑proċess ma jistax jitwettaq mingħajr il‑kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur ikkonċernati.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: id‑Daniż.