Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Novembru 2009 - Marcuccio vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża F-91/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tar-rikorrent intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu subit b'konsegwenza ta' ittra li biha l-Kummissjoni talbet lil tabib sabiex jipproċedi b'eżami mediku sabiex jevalwa jekk ir-rikorrent huwiex effettivament f'pożizzjoni li jaħdem.

Talbiet tar-rikorrent

jiddikjara l-ineżistenza ex lege jew, sussidjarjament, l-annullament, tad-deċiżjoni materjalment ippreżentata permezz ta' merum silentium, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tad-9 ta' Settembru 2008;

sa fejn huwa meħtieġ, jiddikjara l-ineżistenza ex lege jew, sussidjarjament, l-annullament, tal-att, independentement mill-forma tiegħu, li permezz tiegħu l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment kontra d-deċiżjoni ta' ċaħda tat-talba tad-9 ta' Settembru 2008, liema lment kien ġie ppreżentat fis-16 ta' Marzu 2009;

sa fejn huwa meħtieġ, jiddikjara l-ineżistenza ex lege jew, sussidjarjament, l-annullmanet, tal-memorandum ADMINB2/MB/ks/D(09) bin-numru 16 349, tat-30 ta' Ġunju 2009;

sa fejn huwa meħtieġ, jistabbilixxi l-fatt li uffiċjal tal-Kummissjoni: a) issottometta jew kien bagħat memorandum bid-data tad-9 ta' Diċembru 2003 bis-suġġett "eżami mediku fi Tricase (Le)" lid-direttur tal-ASL Le2 - Maglie; b) talbu jissuġġetta lir-rikorrent għal eżami mediku; c) informah li, għal raġunijiet ta' mard fit-tul (iktar minn 365 jum), kienet inbdiet proċedura kontra r-rikorrent fl-14 ta' Frar 2003 (Kumitat tal-Invalidità) sabiex jiġi evalwat jekk ir-rikorrent setax jaħdem jew le; d) informah bil-fehmiet tiegħu, li huma assolutament infondati, li r-rikorrent "uża bosta tattiki dilatorji sabiex joħloq dewmien fil-ħatra tal-Kumitat tal-Invalidità, liema tattiki ġew miċħuda kollha mis-servizz kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea bħala infondati"; e) informah bil-fatt li r-rikorrent "ġie mistieden jippreżenta ruħu għal eżami mediku fi Brussell nhar it-Tnejn 8 ta' Diċembru 2003"; f) bagħatlu l-isem tal-persuna magħżula sabiex tirrappreżenta l-istituzzjoni fil-Kumitat tal-Invalidità; g) informah li, fid-9 ta' Diċembru 2003, "ebda ċerifikat mediku ma ntbagħat b'faks lis-Servizz Mediku tal-Kummissjoni"; h) informah fil-fehma tiegħu, li hija assolutament infondata, li r-rikorrent kellu jibgħat b'faks ċertifikat mediku lis-Servizz Mediku tal-Kummissjoni sabiex jiġġustifika għaliex ma marx għall-kontroll mediku li kellu jsir fi Brussell fit-8 ta' Diċembru 2003; i) ehmeż żewġ dokumenti mal-memorandum tad-9 ta' Diċembru 2003, fejn l-ewwel wieħed huwa dwar l-allegat fatt li l-każ tar-rikorrent tressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, u t-tieni dwar is-sejħa tar-rikorrent għall-kontroll mediku;

sa fejn huwa meħtieġ, jistabbilixxi u jiddikjara l-illegalità tal-fatti kollha li jipproduċu d-danni inkwistjoni u a fortiori fl-intier tagħhom;

jikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, bħala kumpens għad-danni inkwistjoni, l-ammont ta' EUR 300 000, jew ammont ikbar jew iżgħar li dan it-Tribunal jista' jidhirlu ġust u ekwu;

jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent, mill-jum suċċessiv għal dak li fih il-Kummissjoni rċeviet it-talba tad-9 ta' Settembru 2008 u sa meta l-ammont ta' EUR 300 000 effettivament jitħallas, l-interessi fuq dan l-ammont b'rata ta' 10 % fis-sena u b'kapitalizzazzjoni annwali;

jikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż, id-drittijiet u l-onorarji kollha tal-proċeduri li jirrigwardaw dan ir-rikors.

____________