Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-14 ta’ Marzu 2019 – K.A. vs Minister van Buitenlandse Zaken

(Kawża C-226/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: K.A.

Konvenut: Minister van Buitenlandse Zaken

Domandi preliminari

L-appell skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi 1 , minn deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ viża minħabba r-raġuni prevista fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-istess kodiċi, jikkostitwixxi rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

- fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni, l-Istat Membru sempliċiment jiddikjara: “inti meqjus minn Stat Membru wieħed jew iktar bħala li tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika, fis-sens tal-punt 19, attwalment il-punt 21 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru wieħed jew iktar”;

- l-Istat Membru la fid-deċiżjoni u lanqas fil-kuntest tal-appell ma jispeċifika liema raġuni jew raġunijiet minn dawn l-erba’ raġunijiet, previsti mill-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, qiegħdin jiġu invokati fil-konfront tal-applikant;

- fil-kuntest tal-appell, l-Istat Membru ma jipprovdix informazzjoni preċiża dwar il-kontenut jew il-bażi tar-raġuni jew raġunijiet li fuqhom hija msejsa t-twissija tal-Istat Membru l-ieħor (jew tal-Istati Membri l-oħra)?

Iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda huma konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta, b’mod partikolari inkonnessjoni mal-obbligu tal-amministrazzjoni li tipprovdi motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha?

a. Ir-risposti għall-ewwel u t-tieni domanda għandhom ikunu differenti jekk, fid-deċiżjoni definittiva marbuta mal-viża, l-Istat Membru jindika l-possibbiltà ta’ rimedju effettivament eżistenti u speċifikata b’mod suffiċjentement ċar fl-Istat Membru l-ieħor kontra l-awtorità responsabbli indikata b’isimha f’dan l-Istat Membru l-ieħor (jew f’dawn l-Istati Membri l-oħra) li ħareġ (jew ħarġu) it-twissija prevista fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, rimedju li fil-kuntest tiegħu tista’ tiġi kkontestata r-raġuni ta’ rifjut inkwistjoni?

b. Sabiex tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, b’rabta mal-parti (a) tat-tielet domanda, huwa meħtieġ li d-deċiżjoni dwar l-appell ippreżentat fi u kontra l-Istat Membru li ħa d-deċiżjoni finali tiġi sospiża sa meta l-applikant ikollu l-opportunità jeżerċita l-possibbiltà ta’ rimedju prevista fl-Istat Membru l-ieħor (jew fl-Istati Membri l-oħra) u, fil-każ li l-applikant jeżerċita din il-possibbiltà, sa meta tingħata d-deċiżjoni (definittiva) fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju??

Sabiex tingħata risposta għad-domandi, huwa rilevanti jekk (l-awtorità ta’) l-Istat Membru (jew tal-Istati Membri) li ħareġ (jew ħarġu) it-twissija għall-ħruġ tal-viża tistax ikollha l-fakultà li tintervjeni fil-proċedura ta’ appell mid-deċiżjoni definittiva marbuta mal-viża bħala t-tieni parti konvenuta u, f’din il-kwalità, tistax tkun f’pożizzjoni li tesponi l-bażi tar-raġuni jew tar-raġunijiet li fuqhom hija msejsa t-twissija?

____________

1  Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1).