Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Marzu 2019 – WQ vs Land Berlin

(Kawża C-216/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: WQ

Konvenut: Land Berlin

Domandi preliminari

“Ettaru eliġibbli” ikun għad-dispożizzjoni tal-proprjetarju tiegħu, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 1 , f’sitwazzjoni fejn ebda terz ma jkollu dritt ta’ użu fir-rigward tal-art inkwistjoni u, b’mod partikolari, ebda terz ma jkollu dritt ta’ użu mogħti mill-proprjetarju, jew inkella, f’sitwazzjoni fejn terz juża de facto l-art inkwistjoni għal finijiet agrikoli mingħajr ma jkollu dritt ta’ użu, dan l-“ettaru eliġibbli” ikun għad-dispożizzjoni tat-terz jew ma jkun għad-dispożizzjoni ta’ ħadd?

L-espressjoni “kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl-2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVa tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003” 2 , li tinsab fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex tkun eliġibbli għall-pagamenti skont l-iskema ta’ pagament uniku jew skont l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, iż-żona għandha tkun issodisfatt, fl-2008, il-kundizzjonijiet meħtieġa, rispettivament, mit-Titoli III u IVa tar-Regolament Nru 1782/2003?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: L-espressjoni “kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl-2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVa tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003”, li tinsab fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex żona afforestata konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 3 tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala ettaru eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 32(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1307/2013, huwa meħtieġ li jkun hemm użu ta’ dritt ta’ art imwarrba jew ta’ dritt ieħor għall-pagament fir-rigward ta’ din iż-żona, fis-sens tal-Artikolu 44(1) jew tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1782/2003?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda: L-espressjoni “kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl-2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVa tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003”, li tinsab fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex żona afforestata konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala ettaru eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 32(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1307/2013, il-bidwi għandu jkun ippreżenta, fl-2008, applikazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 22(1) jew tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u għandu jkun issodisfa, fl-istess sena, il-kundizzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa sabiex jibbenefika minn pagament dirett taħt it-Titolu III jew taħt it-Titolu IVa?

____________

1     Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

2     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).

3     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391).