Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia nº 17 de Palma de Mallorca (Spanja) fl-14 ta’ Marzu 2019 – CY vs Caixabank S.A.

(Kawża C-224/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia nº 17 de Palma de Mallorca

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: CY

Konvenut: Caixabank S.A.

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 1 , id-dikjarazzjoni ta’ nullità minħabba klawżola inġusta li tattribwixxi lil min jissellef l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja tista’ tkun mibdula f’dak li jirrigwarda l-effetti restitutorji tagħha wara li tkun ġiet iddikjarata nulla minħabba li hija inġusta?

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li, wara li klawżola li tattribwixxi l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja lil min jissellef tiġi ddikjarata nulla, l-ispejjeż tan-nutar u ta’ amministrazzjoni għandhom jinqasmu bin-nofs bejn is-sellief u min jissellef tista’ titqies li hija bdil minn qorti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta u għaldaqstant tmur kontra l-prinċipju, previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li klawżoli inġusti ma humiex vinkolanti fuq il-konsumatur?

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li, wara li klawżola li tattribwixxi l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja lil min jissellef tiġi ddikjarata nulla, huwa wkoll min jissellef li għandu jħallas l-ispejjeż tal-istima tal-proprjetà immobbli u t-taxxa għall-istabbiliment ta’ ipoteka li jirriżultaw mill-formalizzazzjoni tas-self tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju li klawżola inġusta iddikjarata nulla ma hijiex vinkolanti fuq il-konsumatur, u l-fatt li huwa min jissellef li għandu l-oneru li jipprova li ma kienx tħalla jippreżenta l-istima tiegħu tal-proprjetà immobbli, imur kontra l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13?

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tmur kontra [l-imsemmija direttiva] ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li, wara li klawżola li tattribwixxi l-ispejjeż kollha ta’ kostituzzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja lil min jissellef tiġi ddikjarata nulla, din il-klawżola tista’ tkompli tipproduċi effetti fil-konfront ta’ min jissellef meta dan iwettaq novazzjonijiet modifikattivi jew meta jikkanċella l-ipoteka, fis-sens li jibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż li jirriżultaw minn tali modifiki jew kanċellazzjoni tal-ipoteka, u l-attribuzzjoni ta’ dawn l-ispejjeż fuq min jissellef timplika ksur tal-prinċipju li klawżola inġusta iddikjarata nulla ma hijiex vinkolanti fuq il-konsumatur?

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, ġurisprudenza nazzjonali li teskludi parżjalment l-effett restitutorju ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta li tattribwixxi lil min jissellef l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja, tmur kontra l-effett dissważiv fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13?

Fid-dawl tal-prinċipju, stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li klawżoli ddikjarati nulli ma jistgħux jinbidlu, u fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva li klawżoli inġusti ma humiex vinkolanti fuq il-konsumatur, ġurisprudenza nazzjonali li tibdel l-effetti restitutorji, wara li klawżola li tattribwixxi l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja lil min jissellef tiġi ddikjarata nulla, billi tinvoka l-interess ta’ min jissellef, tista’ tmur kontra dan?

Fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 93/13, ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li klawżola msejħa kommissjoni ta’ ftuħ tissodisfa awtomatikament il-verifika ta’ trasparenza tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ inverżjoni tal-oneru tal-prova stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, sa fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur jkollu biss jipprova li pprovda informazzjoni minn qabel u li l-klawżola tkun ġiet innegozjata individwalment?

Il-fatt li ġurisprudenza nazzjonali tistabbilixxi li konsumatur għandu per se jkun jaf li hija prattika abitwali li l-istabbilimenti finanzjarji jimponu kommissjoni ta’ ftuħ; u għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li min jissellef jipproduċi xi prova biex isostni l-allegazzjoni li l-klawżola ġiet innegozjata individwalment, jew jekk bil-kontra ta’ dan, f’kull każ, min isellef għandu jipprova li l-imsemmija klawżola tkun ġiet innegozjata individwalment, imur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 u kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Fid-dawl tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li l-klawżola msejħa kommissjoni ta’ ftuħ ma tistax tiġi mistħarrġa fir-rigward tan-natura inġusta tagħha b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) peress li din tkun tikkonċerna d-definizzjoni tal-għan prinċipali tal-kuntratt, tista’ tmur kontra l-imsemmija direttiva, jew inkella għandu, bil-kontra ta’ dan, jitqies li tali kommissjoni ta’ ftuħ ma tikkostitwixxix parti mill-prezz tal-kuntratt iżda remunerazzjoni sussidjarja, u għaldaqstant għandha tippermetti li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tistħarreġ it-trasparenza u/jew il-kontenut tagħha sabiex tiddetermina jekk din tkunx inġusta taħt id-dritt nazzjonali?

Fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, li ma ġiex traspost mil-LCGC 2 fl-ordinament ġuridiku Spanjol, il-fatt li qorti Spanjola tinvoka u tapplika l-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva meta tali dispożizzjoni ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol skont ir-rieda tal-leġiżlatur, li ried livell ta’ protezzjoni sħiħ fir-rigward tal-klawżoli kollha li l-bejjiegħ jew il-fornitur ikun jista’ jinkludi f’kuntratt konkluż ma konsumaturi, inklużi dawk li jaffettwaw l-għan prinċipali tal-kuntratt, anki jekk ikunu ġew redatti b’mod ċar u li jinftihem, jekk jitqies li klawżola msejħa kommissjoni ta’ ftuħ tikkostitwixxi l-għan prinċipali tal-kuntratt ta’ self, imur kontra l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13?

Fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżola msejħa kommissjoni ta’ ftuħ, meta ma tkunx ġiet innegozjata individwalment u meta l-istabbiliment finanzjarju ma jipprovax li din tikkorrispondi għal servizzi effettivament mogħtija u għal-spejjez li huwa jkun sostna, u meta tikkawża żbilanċ kunsiderevoli bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, għandha tiġi ddikjarata nulla mill-qorti nazzjonali?

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-kundanna tal-bejjiegħ jew tal-fornitur għall-ispejjeż, li tirriżulta minn proċedura li fiha konsumatur ikun qed jeżerċita azzjonijiet għall-annullament ta’ klawżoli inġusti inklużi f’kuntratt konkluż mal-istess konsumatur, u fil-każ li l-imsemmija dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola abbużiva tinkiseb mill-qrati, tkun konformi mal-prinċipju li klawżola inġusta ma hijiex vinkolanti u mal-prinċipju ta’ effett dissważiv fuq il-bejjiegħ jew fuq il-fornitur meta dawn l-azzjonijiet jintlaqgħu mill-qorti nazzjonali, irrispettivament mir-restituzzjoni konkreta tal-ammonti deċiżi fis-sentenza, sa fejn, barra minn hekk, it-talba prinċipali tkun l-annullament tal-klawżola, u r-restituzzjoni tal-ammonti tkun biss talba sussidjarja marbuta mat-talba prinċipali?

Fid-dawl tal-prinċipju li klawżola inġusta ma hijiex vinkolanti u tal-prinċipju ta’ effett dissważiv previsti fid-Direttiva 93/13 (Artikoli 6(1) u 7(1)), l-effetti restitutorji li jirriżultaw minn dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta inkluża f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, jistgħu jiġu limitati ratione temporis billi tintlaqa’ l-eċċezzjoni li r-restituzzjoni tal-ammont tkun preskritta, anki jekk skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali l-azzjoni għal annullament ab initio ta’ klawżola abbużiva ma tkunx suġġetta għall-preskrizzjoni?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2)

2 Il-Liġi 7/1998, tat-13 ta’ April, dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti.