Language of document : ECLI:EU:F:2008:158

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

2 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-15/07

K

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Mard ikkaġunat mix-xogħol – Fastidju psikoloġiku – Talba għall-kumpens”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu K essenzjalment titlob li l-Parlament ikun ikkundannat għall-ħlas ta’ danni morali u materjali li hija sofriet minħabba fastidju psikoloġiku li tiegħu kienet vittma bejn l-1993 u 2001 waqt il-qadi tal-kariga tagħha.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett

2.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett

3.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa skont is-sistema statutorja – Talba għal kumpens addizzjonali skont id-dritt komuni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

1.      Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, stabbilit mir-Regolament Nru 723/2004 li jemendahom, il-fastidju psikoloġiku kien iddefinit bħala aġir intiż, oġġettivament, sabiex jiskredita uffiċjal jew sabiex ikun hemm degradazzjoni intenzjonali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

(ara l-punt 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il‑Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2-107 u II‑A‑2‑485, punt 79

2.      Ma jistax jikkostitwi prova li uffiċjal ikun ġie espost għal fastidju psikoloġiku l‑fatt biss li l-kompiti ta’ taħriġ li kien iwettaq hu ġew irtirati. Barra minn hekk ma jistax jitqies bħala indikazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku l-fatt li s-superjur ġerarkiku tiegħu, wara li rċieva lmenti fuq il-kwalità tax-xogħol tal-parti kkonċernata, talab lil kollega sabiex jipprovdilu xi eżempji tax-xogħol difettuż imwettaq mill-parti kkonċernata sabiex jivverifika l-fondatezza tal-ilmenti. L-istess, in-noti u evalwazzjonijiet, anki negattivi, li hemm f’rapport ta’ evalwazzjoni ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala indikazzjonijiet li dan ir-rapport ġie stabbilit bl-għan ta’ fastidju psikoloġiku.

(ara l-punti 38 u 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Magone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80

3.      Fil-każ ta’ inċident jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, l-uffiċjali għandhom dritt jitolbu kumpens addizzjonali tal-benefiċċji rċevuti skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-istituzzjoni hija responsabbli għall-inċident jew għall-mard ikkaġunat mix-xogħol skont id-dritt komuni u l-benefiċċji statutorji ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu subit.

Jekk jitqies li żball tal-istituzzjoni kien l-oriġini tal-inċident jew tal-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-parti kkonċernata, din għandha tistabbilixxi li s-somma f’daqqa li tħallsitilha skont l-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal ma żguratx il-kumpens tal-psikoloġiku subit minħabba dan l-inċident jew dan il-mard ikkaġunat mix-xogħol. Jekk, f’dan ir-rigward, il-parti kkonċernata tallega li l-kapital ikkumpensa biss il-konsegwenzi tal-inkapaċità tagħha sabiex twettaq attività professjonali sas-sena li fiha kellha tirtira, kieku ma kinitx is-suġġett ta’ irtirar antiċipat minħabba invalidità, dan l-argument ma jistax jintlaqa’ peress li l‑proċedura prevista fl-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal hija intiża għall-kumpens permezz ta’ somma f’daqqa tad-dannu materjali kif ukoll id-danni morali li jirriżultaw minn mard ikkaġunat mix-xogħol.

(ara l-punti 33 u 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. I‑2801, punti 10 sa 14; 9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra I‑5251, punti 19 sa 22; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, Ġabra p. I‑0000, punt 198