Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Ġunju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-619/18)1

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – L-istat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema – Applikazzjoni għall-imħallfin fil-kariga – Possibbiltà ta’ tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallef lil hinn minn din l-età suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni diskrezzjonali tal-President tar-Repubblika”

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Banks, H. Krämer u S. L. Kalėda, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentanti: B. Majczyna, K. Majcher u S. Żyrek, aġenti)

Dispożittiv

Minn naħa, billi tipprevedi l-applikazzjoni tal-miżura intiża sabiex titnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) għall-imħallfin fil-kariga li kienu nħatru f’din il-qorti qabel it 3 ta’ April 2018 u, min-naħa l-oħra, billi taw lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali sabiex jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

____________

1     ĠU C 427 du 26.11.2018