Language of document : ECLI:EU:C:2020:36

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

23 ta’ Jannar 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Regolament KE Nru 883/2004 – Benefiċċji tal-qgħad – Kalkolu – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar salarju rċevut fl-Istat Membru ta’ residenza – Perijodu ta’ referenza qasir wisq – Salarju rċevut wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol – Persuna li preċedentement tkun eżerċitat attività bħala persuna impjegata fl-Isvizzera”

Fil-Kawża C‑29/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

ZP

vs

Bundesagentur für Arbeit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ZP, minn M. Hanke, Rechtsanwalt,

–        għall-Bundesagentur für Arbeit, minn B. Klug, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, ZP u, min-naħa l-oħra, il-Bundesagentur für Arbeit (l-Aġenzija Federali tal-Impjieg, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) dwar l-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad li din tal-aħħar tatu b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni

3        L-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem l-“FMLP”) jipprevedi:

“B’mod partikolari, il-partijiet kontraenti għandhom jipprovdu, skont l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont l-Artikolu 1 tal-Anness II tal-FMLP, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-FMLP, tal-31 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 103, p. 51):

“1.      Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti legali tal-Unjoni Ewropea li għalihom qiegħda ssir referenza u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti..

2.      It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea.It-Taqsima A tal-imsemmi Anness II tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 883/2004.”

5        It-Taqsima A tal-imsemmi Anness II tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 883/2004.

 Ir-Regolament Nru 883/2004

6        Il-premessi 4, 32 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu:

“(4)      Huwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni.

[…]

(32)      Sabiex tkun inkoraġġita l-mobilità ta’ ħaddiema, huwa xieraq li, b’mod partikolari, tkun faċilitata t-tfittxija għal impjieg fid-diversi Stati Membri; għaldaqstant, huwa meħtieġ li tkun assigurata koperazzjoni aktar fil-qrib u aktar effettiva bejn l-iskemi ta’ assigurazzjoni għal meta persuna ma tkunx impjegata u s-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istati Membri kollha.

[…]

(45)      Minħabba li l-objettiv ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-miżuri ta’ kordinazzjoni sabiex jiggarantixxu li d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, ma jistax jintlaħaq kif suppost mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-livell u l-effetti ta’ dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan il-Regolament ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.”

7        Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

8        Il-Kapitolu 6 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 jinkludi, fl-Artikoli 61 sa 65 tiegħu, id-dispożizzjonijiet partikolari ta’ dan ir-regolament applikabbli għall-benefiċċji tal-qgħad.

9        L-Artikolu 61(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“L-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel il-kisba, iż-żamma, l-irkupru jew it-tul tad-dritt għal benefiċċji kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, jew ta’ perjodi ta’ impjieg jew ta’ perjodi ta’ impjieg għal rashom għandha, sa fejn ikun meħtieġ, tikkunsidra perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għal rashom magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor bħallikieku saru taħt il-leġislazzjoni applikata minnha.

[…]”

10      L-Artikolu 62(1) u (2) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu taħseb għall-kalkulazzjoni ta’ benefiċċji fuq il-bażi ta’ l-ammont tal-paga li l-persuna kellha qabel jew fuq dħul professjonali għandha tikkunsidra biss il-paga jew id-dħul professjonali li l-persuna konċernata rċeviet fir-rigward ta’ l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha taħt il-leġislazzjoni msemmija.

2.      Il-paragrafu 1 għandhu japplika wkoll meta l-leġislazzjoni amministrata mill-istituzzjoni kompetenti taħseb għal perjodu ta’ referenza speċifiku għad-determinazzjoni tal-paga li sservi bħala bażi għall-kalkulazzjoni ta’ benefiċċji u meta, għall-perjodu kollu jew għal parti minnu, il-persuna konċernata kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.”

 Id-dritt Ġermaniż

11      Taħt it-titoli “Prinċipju”, l-Artikolu 149 tad-Drittes Buch Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali, it-tielet ktieb), fil-verżjoni tiegħu tal-20 ta’ Diċembru 2011 (BGBl. 2011 I, p. 2854, iktar il quddiem is-“SGB III”), jipprovdi:

“L-allowance tal-qgħad jammonta għal

[…]

2.      għall-persuni qiegħda l-oħra, għal 60 % (rata ta’ benefiċċju ġenerali)

tas-salarju nett b’rata fissa (benefiċċju mogħti bħala salarju) li jirriżulta mis-salarju gross irċevut mill-persuna qiegħda matul il-perijodu ta’ referenza (salarju ta’ referenza).”

12      L-Artikolu 150 tas-SGB III, intitolat “Perijodu ta’ referenza u kuntest ta’ referenza”, jipprovdi:

“(1)      Il-perijodu ta’ referenza jkopri l-perijodi ta’ kalkolu tas-salarji għall-impjiegi, suġġetti għal kontribuzzjonijiet obbligatorji matul il-kuntest ta’ referenza, stabbiliti fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol ikkonċernata. Dan il-kuntest ta’ referenza jkopri sena; dan jintemm fl-aħħar ġurnata tal-aħħar relazzjoni li hija suġġetta għal kontribuzzjonijiet obbligatorji qabel il-ħolqien tad-dritt.

[…]

(3)      Il-qafas ta’ referenza huwa estiż għal sentejn meta

1.      il-perijodu ta’ referenza jinkludi inqas minn 150 ġurnata li jagħtu dritt għal salarju,

[…]”

13      L-Artikolu 151 tas-SGB III, intitolat “Salarju ta’ referenza”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-salarju ta’ riferiment jikkorrispondi għas-salarju medju ta’ kuljum suġġett għal kontribuzzjonijiet obbligatorji li l-persuna qiegħda tkun irċeviet matul il-perijodu ta’ referenza. […]”

14      Skont l-Artikolu 152 tas-SGB III, intitolat “Kalkolu fittizju”:

“(1)      Meta, fil-kuntest ta’ referenza estiż għal sentejn, perijodu ta’ referenza ta’ mhux inqas minn 150 jum li jagħti dritt għal salarju ma jistax jiġi kkonstatat, għandu jittieħed bħala bażi, bħala salarju ta’ referenza, salarju fittizju. […]

Sabiex jiġi ddeterminat is-salarju fittizju, jeħtieġ li l-parti qiegħda tiġi assenjata għal grupp ta’ kwalifika li jikkorrispondi għall-kwalifika professjonali meħtieġa għall-impjieg li għalih l-Agentur für Arbeit [l-Aġenzija tal-Impjieg, il-Ġermanja] għandha, fl-ewwel lok, tuża l-isforzi tagħha għall-impjieg tal-persuna qiegħda. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ta’ nazzjonalità Ġermaniża u jirrisjedi fil-Ġermanja. Bejn l-1 ta’ Lulju 1990 u l-31 ta’ Ottubru 2014, huwa ħadem bħala ħaddiem transkonfinali f’impriża li tinsab fl-Isvizzera. Mill-1 ta’ Novembru 2014 huwa kien impjegat fil-Ġermanja, u l-persuna li timpjegah temmet l-impjieg tiegħu b’effett mill-24 ta’ Novembru 2014. Is-salarju li kellu jitħallas lir-rikorrent fil-kawża prinċipali għax-xahar ta’ Novembru 2014 ġie stabbilit u mħallas fil-11 ta’ Diċembru 2014.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Jannar 2015, l-Aġenzija tat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-25 ta’ Novembru 2014 u għal perijodu ta’ sentejn, benefiċċju tal-qgħad ta’ EUR 29.48 kuljum, ikkalkolat fuq il-bażi ta’ salarju ta’ kuljum ta’ referenza fittizju ta’ EUR 73.73. Peress li s-salarju li rċieva r-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-impjieg tiegħu fl-Isvizzera ma ġiex adottat bħala bażi ta’ kalkolu ta’ dan il-benefiċċju tal-qgħad, dan ressaq ilment quddiem l-Aġenzija, li ġie miċħud b’deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2015.

17      Sabiex jiġi konkluż li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien kiseb id-dritt għal benefiċċju tal-qgħad, l-Aġenzija ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg imwettqa skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-FMLP. F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ dan il-benefiċċju tal-qgħad, l-Aġenzija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 152(1) tal-SGB III, ikkunsidrat bħala salarju ta’ referenza, salarju fittizju, billi qieset li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jinvoka “perijodu ta’ referenza” fis-sens tad-dritt nazzjonali applikabbli, jiġifieri perijodu ta’ impjieg suġġett għal kontribuzzjonijiet obbligatorji skont l-Artikolu 150(1) tas-SGB III, ta’ mill-inqas 150 jum li jagħtu dritt għal salarju fil-Ġermanja. Barra minn hekk, l-Aġenzija kkunsidrat li s-salarju rċevut f’Diċembru 2014, għall-impjieg fil-Ġermanja f’Novembru 2014, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni, minħabba li din id-dispożizzjoni kienet tirrigwarda biss is-salarji li kienu diġà ġew stabbiliti fi tmiem ir-relazzjoni tax-xogħol.

18      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Jannar 2016, is-Sozialgericht Konstanz (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Konstanz, il-Ġermanja) laqgħet parzjalment ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra l-imsemmija deċiżjonijiet tal-Aġenzija u ordnat lill-Aġenzija tikkalkola l-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad billi tieħu bħala bażi salarju ta’ referenza ta’ EUR 93.03.

19      Il-Landessozialgericht Baden-Württemberg (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali tal-Baden-Württemberg, il-Ġermanja) ċaħdet l-appelli ppreżentati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali u mill-Aġenzija kontra din is-sentenza. Skont din il-qorti, il-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad għandu jkun ibbażat biss, skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 883/2004, fuq l-ammont tas-salarju rċevut mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tal-aħħar impjieg tiegħu fil-Ġermanja, u mhux fuq salarju fittizju bħal dak li ġie kkalkolat b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, peress li dan ir-regolament jipprevali fuq dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

20      Adita b’rikors ta’ “Reviżjoni” ippreżentat mill-Aġenzija kontra s-sentenza ta’ din l-aħħar qorti, il-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja) tqis li interpretazzjoni stretta tal-formulazzjoni tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 883/2004 hija konformi ma’ dik adottata f’din il-kawża mill-qrati nazzjonali inferjuri. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li kemm l-Artikolu 48 TFUE kif ukoll dan ir-regolament jipprevedu biss koordinazzjoni, u mhux armonizzazzjoni, tad-drittijiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fejn dawn tal-aħħar jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt nazzjonali jissuġġetta l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk, din il-qorti tistaqsi jekk ir-riferiment, fl-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament, għas-salarju rċevut għall-aħħar impjieg tikkostitwixxix biss rabta ta’ prinċipju għall-finijiet tal-koordinazzjoni tad-dritt soċjali li ma taffettwax ir-regoli ta’ kalkolu tal-benefiċċji soċjali applikati mill-Istati Membri.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 62(1), moqri flimkien mal-Artikolu 62(2), tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ qgħad ta’ ħaddiem, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza għandha tibbaża l-kalkolu tal-benefiċċji fuq il-“paga” li l-persuna kkonċernata tkun “rċeviet” fir-rigward tal-aħħar attività tagħha eżerċitata fit-territorju tal-imsemmija istituzzjoni anki jekk, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-benefiċċji tal-qgħad applikabbli għall-istituzzjoni kompetenti, din il-paga ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minħabba li ż-żmien li matulu tkun ġiet irċevuta ma kienx twil biżżejjed, u sussidjarjament, ikun previst kalkolu tal-benefiċċji fittizju?

2)      L-Artikolu 62(1), moqri flimkien mal-Artikolu 62(2), tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ qgħad ta’ ħaddiem, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza għandha tibbaża l-kalkolu tal-benefiċċji fuq il-“paga” li l-persuna kkonċernata tkun “rċeviet” fir-rigward tal-aħħar attività tagħha eżerċitata fit-territorju tal-imsemmija istituzzjoni anki jekk, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-benefiċċji tal-qgħad applikabbli għall-istituzzjoni kompetenti, din il-paga ma tkunx tista’ tiġi inkluża fil-kalkolu tal-benefiċċji għall-perijodu ta’ referenza peress li ma tkunx ġiet ikkontabbilizzata fil-ħin, u sussidjarjament, ikun previst kalkolu fittizju tal-benefiċċji?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

22      Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 883/2004 japplika, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.

23      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 8 tal-FMLP jipprovdi li l-partijiet kontraenti jirregolaw, skont l-Anness II ta’ dan il-ftehim, il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li jiggarantixxu, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-ħlas tal-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-partijiet kontraenti. Issa, il-punt 1 tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness II jipprevedi l-applikazzjoni, bejn il-partijiet kontraenti, tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk, u peress li, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi Anness II, “[i]t-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea”, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ikopru wkoll il-Konfederazzjoni Svizzera (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Dreyer, C‑372/18, EU:C:2019:206, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.)

24      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Ġermaniż li, qabel l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fil-Ġermanja li sussegwentement għaliha huwa rċieva benefiċċju tal-qgħad skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, kien suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad ikun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, ma tippermettix, meta l-perijodu ta’ ġbir tas-salarju mħallas lill-persuna kkonċernata abbażi tal-aħħar attività bħala persuna impjegata li hija tkun wettqet taħt din il-leġiżlazzjoni ma jilħaqx il-perijodu ta’ referenza previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni għad-determinazzjoni tas-salarju li jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, li jittieħed inkunsiderazzjoni s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għal din l-attività.

27      Jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 883/2004 li, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad ikun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għall-aħħar attività bħala persuna impjegata li hija tkun wettqet taħt din il-leġiżlazzjoni.

28      Għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit previst f’din id-dispożizzjoni ma jinkludi l-ebda deroga. F’dan ir-rigward, l-eċċezzjoni li tinsab fid-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), jiġifieri l-Artikolu 68(1) tiegħu, li kien jipprevedi bażi oħra ta’ kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad meta l-persuna kkonċernata ma tkunx eżerċitat l-aħħar impjieg tagħha għal mill-inqas erba’ ġimgħat fit-territorju tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu kienet applikabbli għall-finijiet ta’ dawn il-benefiċċji, ma ġietx riprodotta fl-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

29      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 62(2) ta’ dan ir-regolament, ir-rekwiżit li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni esklużivament tas-salarju relatat mal-aħħar attività bħala persuna impjegata taħt il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru japplika wkoll fil-każ fejn din il-leġiżlazzjoni tipprevedi perijodu ta’ referenza ddefinit għad-determinazzjoni tas-salarju li jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-benefiċċji u fejn, matul il-perijodu kollu jew parti minnu, il-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

30      Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tiddefinixxi perijodu ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat is-salarju li jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-benefiċċji, il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-perijodu ta’ referenza.

31      Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li b’applikazzjoni tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-perijodu ta’ referenza li hija tistabbilixxi jkunx intlaħaq, huma biss il-perijodi ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bl-esklużjoni ta’ dawk imwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, tal-Konfederazzjoni Svizzera skont il-FMLP.

32      Konsegwentement, mill-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li, minn naħa, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji jkun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni esklużivament is-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għall-aħħar attività bħala persuna impjegata li hija tkun eżerċitat taħt din il-leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk din tipprevedi u tistabbilixxi perijodu ta’ referenza għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-salarju li jservi ta’ bażi għall-kalkolu, dan il-perijodu ta’ referenza għandu jinkludi l-perijodi ta’ impjieg imwettqa kemm taħt l-imsemmija leġiżlazzjoni kif ukoll taħt dik ta’ Stati Membri oħra.

33      Din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-għanijiet tar-Regolament Nru 883/2004 li, kif jirriżulta mill-premessi 4 u 45 tiegħu, huwa intiż sabiex jikkoordina s-sistemi ta’ sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst, C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 31). Għal dan il-għan, dan ir-regolament huwa intiż li jiġi evitat li ħaddiem li, bl-użu tad-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, kien impjegat f’iktar minn Stat Membru wieħed ikun, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, is-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli mill-ħaddiem li jkun għadda l-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, van den Berg et, C‑95/18 u C‑96/18, EU:C:2019:767, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dawl tal-FMLP, li l-libertà ta’ moviment tal-persuni ggarantita minn dan il-ftehim tkun ostakolata jekk ċittadin ta’ parti kontraenti jġarrab żvantaġġ fl-Istat ta’ oriġini tiegħu minħabba s-sempliċi fatt li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu (sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 53).

35      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad previst fl-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 883/2004, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament Nru 1408/71 kellha l-għan li tiffaċilita l-mobbiltà tal-ħaddiema, billi l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji li kienu jieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn huwa possibbli, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg, u b’mod partikolari ta’ remunerazzjoni, li huma kienu jibbenefikaw minnhom taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 1980, Fellinger, 67/79, EU:C:1980:59, punt 7).

36      Issa, minn naħa, il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-aħħar salarju rċevut mill-persuna kkonċernata taħt din il-leġiżlazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad li għandha dritt għalih abbażi tagħha huwa intiż li jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema, b’mod partikolari, kif tindika l-premessa 32 tar-Regolament Nru 883/2004, billi jiffaċilita t-tfittxija ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru.

37      Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi salarju għar-raġuni li, matul parti mill-perijodu ta’ referenza previst mill-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-allowance tal-qgħad, il-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, għandu bħala konsegwenza li ħaddiem li jkun uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu jkun suġġett għal trattament inqas favorevoli mill-ħaddiem li wettaq il-karriera kollha tiegħu f’dan l-Istat Membru.

38      Ma jistax jiġi aċċettat l-argument tal-Aġenzija li r-Regolament Nru 883/2004 intiż sabiex jikkoordina, u mhux li jarmonizza, is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, ir-rekwiżit li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-aħħar salarju rċevut taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti prevista fl-Artikolu 62(1) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi biss regola ta’ prinċipju li tħalli jissussistu dispożizzjonijiet partikolari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tipprovdi r-rikors għal kalkolu tal-ammont tal-allowance tal-qgħad fuq il-bażi ta’ salarju fittizju, previst fl-Artikolu 152 tas-SGB III.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan ir-regolament ma jistabbilixxix sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu sistemi nazzjonali distinti u għandu bħala uniku għan tiegħu li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex ifasslu s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Crespo Rey, C‑2/17, EU:C:2018:511, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Madankollu, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li, għalkemm ċerti aspetti tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, b’mod partikolari l-għażla li jiġi previst li dan il-kalkolu jkun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, jaqgħu effettivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li, meta Stat Membru jkun għamel tali għażla fil-leġiżlazzjoni tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu li jittieħed inkunsiderazzjoni esklużivament is-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għall-aħħar attività bħala persuna impjegata mwettqa taħt din il-leġiżlazzjoni (ara b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst, C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 46).

41      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom sabiex ifasslu s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Issa, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad għandu, f’sitwazzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali, isir fuq il-bażi ta’ salarju fittizju, tista’, għar-raġunijiet esposti fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, tostakola l-moviment liberu tal-persuni suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad ikun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, ma tippermettix, meta l-perijodu ta’ ġbir tas-salarju mħallas lill-persuna kkonċernata għal din l-aħħar attività bħala persuna impjegata li hija eżerċitat taħt din il-leġiżlazzjoni ma jilħaqx il-perijodu ta’ referenza previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni għad-determinazzjoni tas-salarju li jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, li jittieħed inkunsiderazzjoni s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għal din l-attività.

 Fuq it-tieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad ikun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, ma tippermettix, meta s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għall-aħħar attività bħala persuna impjegata li hija tkun eżerċitat taħt din il-leġiżlazzjoni jkun ġie stabbilit u mħallas biss wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tagħha, li jittieħed inkunsiderazzjoni s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għal din l-attività.

45      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 150(1) tas-SGB III jipprevedi li l-perijodu ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat il-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad “jkopri l-perijodi ta’ kalkolu tas-salarji għall-impjiegi […] stabbiliti fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol ikkonċernata”. Bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Aġenzija ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-salarju relatat mal-impjieg eżerċitat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja f’Novembru 2014, peress li dan is-salarju ġie stabbilit u mħallas lil dan tal-aħħar biss fix-xahar ta’ wara, jiġifieri wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tiegħu.

46      Issa, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha, għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għall-aħħar attività bħala persuna impjegata eżerċitata minnha taħt din il-leġiżlazzjoni.

47      Ċertament, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-imsemmi Artikolu 62(1) tipprevedi, b’differenza mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tiegħu, it-teħid inkunsiderazzjoni esklużiv tas-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata “matul” l-aħħar attività bħala persuna impjegata mwettqa minnha taħt l-imsemmija leġiżlazzjoni (“[…] berücksichtigt autachließlich das Entgelt […], das die betreffende Person während ihrer letzten Beschäftigung […] nach diesen Rechtsvorschriften erhalten hat”), kif l-Aġenzija tirrileva insostenn tal-argument tagħha li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-salarju stabbilit u mħallas lill-persuna kkonċernata wara t-tmiem tal-aħħar attività tagħha huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-unika bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 883/2004 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 62(1) tiegħu, kif imfakkra fil-punti 33 u 35 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tissuġġetta t-teħid inkunsiderazzjoni tas-salarju relatat mal-aħħar attività bħala persuna impjegata tal-persuna kkonċernata għall-fatt li dan is-salarju ġie stabbilit u rċevut mill-persuna kkonċernata mhux iktar tard mill-aħħar ġurnata tal-eżerċizzju ta’ din l-attività.

50      Fil-fatt, id-data li fiha s-salarju jitħallas lill-persuna kkonċernata ma għandha ebda effett fuq it-tfittxija tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat lil din tal-aħħar il-benefiċċju ta’ allowances li jieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn huwa possibbli, kundizzjonijiet tal-impjieg, u b’mod partikolari ta’ remunerazzjoni, li hija kienet tibbenefika minnhom taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg. Għall-kuntrarju, il-fatt li d-dritt iggarantit mill-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jiġi ssuġġettat għad-data ta’ stabbiliment u ta’ ħlas tas-salarju jista’ jostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni.

51      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad ikun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, ma tippermettix, meta s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għall-aħħar attività bħala persuna impjegata li hija tkun eżerċitat taħt din il-leġiżlazzjoni jkun ġie stabbilit u mħallas biss wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tagħha, li jittieħed inkunsiderazzjoni s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għal din l-attività.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad ikun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, ma tippermettix, meta l-perijodu ta’ ġbir tas-salarju mħallas lill-persuna kkonċernata għal din l-aħħar attività bħala persuna impjegata li hija eżerċitat taħt din il-leġiżlazzjoni ma jilħaqx il-perijodu ta’ referenza previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni għad-determinazzjoni tas-salarju li jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, li jittieħed inkunsiderazzjoni s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għal din l-attività.

2)      L-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad ikun ibbażat fuq l-ammont tas-salarju preċedenti, ma tippermettix, meta s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għall-aħħar attività bħala persuna impjegata li hija tkun eżerċitat taħt din il-leġiżlazzjoni jkun ġie stabbilit u mħallas biss wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tagħha, li jittieħed inkunsiderazzjoni s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata għal din l-attività.

Firem


*      Lingwa tal-Kawża: il-Ġermaniż.