Language of document : ECLI:EU:F:2011:137

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

14 ta’ Settembru 2011

Kawża F-47/10

André Hecq

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Mard ikkaġunat mix-xogħol — Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal — Regolarità tal-opinjoni tal-Kumitat Mediku — Rifjut li tiġi rikonoxxuta l-invalidità parzjali permanenti”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106(a) tiegħu, li permezz tiegħu A. Hecq essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2009 tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad it-talba tiegħu għar-rikonoxximent ta’ rata għall-invalidità parzjali permanenti minħabba mard ikkaġunat mix-xogħol tiegħu.

Deċiżjoni:      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Settembru 2009, sa fejn dawn jimponu fuq ir-rikorrent l-ispejjeż u l-onorarji tat-tabib li huwa ħatar sabiex jirrappreżentah fi ħdan il-Kumitat Mediku kif ukoll nofs l-ispejjeż u l-onorarji tat-tielet tabib tal-Kumitat Mediku maħtur bi ftehim. It-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas-7 ta’ Settembru 2009, sa fejn dawn jirrifjutaw ir-rikonoxximent lir-rikorrent ta’ rata għall-invalidità permanenti, huma miċħuda bħala infondati. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Setgħa diskrezzjonali tal-Kumitat Mediku — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 23)

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Kumitat Mediku — Prinċipju ta’ funzjonament kolleġjali tal-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 23)

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità permanenti skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċetti distinti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 78)

4.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kumitat Mediku — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 23)

5.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Kompożizzjoni tal-Kumitat Mediku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

1. L-evalwazzjonijiet mediċi attwali fformulati mill-Kumitat Mediku, imsemmi fl-Artikolu 23 tal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, għandhom jiġu kkunsidrati definittivi meta jinħarġu f’kundizzjonijiet regolari. Il-qorti għandha s-setgħa li tivverifika biss, minn naħa, jekk l-imsemmi Kumitat ġiex stabbilit u jiffunzjonax b’mod regolari u, min-naħa l-oħra, jekk l-opinjoni tiegħu hijiex regolari, b’mod partikolari jekk fihiex motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata u jekk tistabbilixxix rabta li tinftiehem bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li huwa jwettaq u l-konklużjonijiet li jasal għalihom.

Għalhekk, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju limitat li għandu jagħmel it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kritika bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li bih hija vvizzjata l-opinjoni tal-Kumitat Mediku ma tistax tintlaqa’.

F’ċirkustanzi bħal dawn, stħarriġ ġudizzjarju strett tal-proċedura użata mill-Kumitat Mediku jidher bħala garanzija importanti tad-drittijiet tal-persuna assigurata.

Madankollu, jekk il-garanziji proċedurali tal-persuna assigurata quddiem dan il-Kumitat għandhom jiġu mistħarrġa biss mill-qorti, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-istħarriġ għandu jikkunsidra n-natura stess tax-xogħol ta’ dan il-Kumitat, liema xogħol ma huwiex intiż sabiex jiddeċiedi dibattitu kontradittorju, iżda sabiex jistabbilixxi konstatazzjonijiet mediċi.

(ara l-punti 44 sa 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il-Qorti tal-Awdituri, 2/87, punt 16

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta̕ Settembru 2010, AE vs Il-Kummissjoni, F‑79/09, punti 64, u l-ġurisprudenza ċċitata, u 89; 11 ta̕ Mejju 2011, J vs Il-Kummissjoni, F‑53/09, punt 104

2.Ma teżisti l-ebda dispożizzjoni espressa dwar il-prinċipju ta’ kulleġjalità fil-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol. Dan il-prinċipju, li jimplika li kull wieħed mill-membri tal-Kumitat Mediku għandu jkollu l-opportunità li jsostni b’mod effettiv l-opinjoni tiegħu quddiem il-membri l-oħra, huwa l-korollarju tas-salvagwardja tal-interessi tal-uffiċjal, fi ħdan il-Kumitat Mediku, fil-preżenza ta’ tabib li jgawdi mill-fiduċja tiegħu, kif ukoll fil-ħatra tat-tielet tabib bi ftehim mill-membri maħtura minn kull waħda mill-partijiet.

Il-prinċipju ta’ kulleġjalità ma jfissirx li l-Kumitat Mediku ma jistax jiddeċiedi b’mod validu b’maġġoranza, u lanqas li r-responsabbiltà prinċipali tal-abbozzar tar-rapport tal-Kumitat Mediku ma tistax tiġi żgurata miż-żewġ tobba b’maġġoranza fi ħdanu.

Għalhekk, meta t-tabib maħtur mill-uffiċjali kien tpoġġa fil-pożizzjoni li jissottometti l-osservazzjonijiet u l-analiżi tiegħu tal-fajl tal-persuna interessata matul laqgħa tal-Kumitat Mediku, in-nuqqas ta’ ftehim li kien jeżisti bejn iż-żewġ tobba l-oħra b’maġġoranza fi ħdan dan il-Kumitat u dan it-tabib, li kien issepara ruħu mill-analiżi medika tal-kollegi tiegħu wara eżami kulleġjali tal-persuna interessata u tal-fajl tagħha, ma jirrilevax preġudizzju għall-kulleġjalità tax-xogħol tal-Kumitat Mediku u lanqas irregolarità tat-tip li tippreġudika r-rapport stabbilit f’ismu. B’mod partikolari, il-fatt li t-tabib maħtur mill-uffiċjal irċieva rapport stabbilit f’isem il-Kumitat Mediku biex jiffirmah, elaborat miż-żewġ kollegi tiegħu b’maġġoranza u ppreżentat bħala li diġà huwa ffinalizzat, u li f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kien hemm l-ebda possibbiltà oħra ħlief li tinkiteb nota ta’ nuqqas ta’ qbil, ma huwiex waħdu biżżejjed sabiex jikkostitwixxi preġudizzju għall-prinċipju ta’ kulleġjalità li għandu jirregola x-xogħol tal-Kumitat Mediku.

(ara l-punti 52, 55, 57 u 58)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 15 ta̕ Novembru 2000, Camacho-Fernandes vs Il-Kummissjoni, T‑20/00, punti 31 u 32

3.Teżisti distinzjoni fundamentali bejn l-invalidità permanenti skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, kunċett ekwivalenti għall-inkapaċità tax-xogħol u għaldaqstant għall-bżonn ta’ dħul sostituttiv taħt forma ta’ allowance tal-invalidità, u l-invalidità permanenti skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, ekwivalenti għall-preġudizzju għall-integrità fiżika u psikika.

Fil-fatt, jekk invalidità totali skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tfisser b’mod ġenerali inkapaċità totali ta’ xogħol, il-kuntrarju ma huwiex neċessarjament minnu peress li uffiċjal jista’ ma jkunx assolutament kapaċi għax-xogħol skont l-Artikolu 78, filwaqt li jkun isofri biss minn invalidità permanenti parzjali baxxa ħafna skont l-imsemmi Artikolu 73.

Barra minn hekk, il-kumpens ta’ invalidità previst fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa differenti mill-pensjoni tal-invalidità prevista fl-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal li tingħata biss f’każ ta’ inkapaċità ta’ xogħol. Min-naħa l-oħra, il-kumpens previst fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jingħata lill-persuna interessata tkun xi tkun il-kapaċità ta’ din tal-aħħar sabiex tkompli teżerċita l-impjieg tagħha. Invalidità permanenti parzjali tagħti lok għall-kumpens, anki jekk din ma taffettwa bl-ebda mod il-possibbiltajiet tal-persuna interessata li teżerċita l-impjieg tagħha. Minn dan jirriżulta li l-invalidità skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi interpretata bħala li hija intiża li tippreġudika l-integrità fiżika jew psikika tal-uffiċjal, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali inkapaċità ta’ xogħol.

Isegwi li, fis-sistema tal-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax jiġi eskluż li ma tiġi rrikonoxxuta lil uffiċjal, li kien suġġett ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba mard ikkaġunat mix-xogħol, ebda rata ta’ invalidità permanenti parzjali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol u tal-iskema, jekk din il-marda ma tkun ikkawżatlu ebda preġudizzju għall-integrità fiżika jew psikika skont dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punti 73 sa 76)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 14 ta̕ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, T‑165/95, punt 74; 27 ta̕ Ġunju 2000, Plug vs Il-Kummissjoni, T‑47/97, punti 73 u 74

4. Meta l-Kumitat Mediku, previst fl-Artikolu 23 tal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, jitressqulu domandi ta’ natura medika kumplessi li jirrigwardaw dijanjosi diffiċli jew rabta kawżali bejn il-kundizzjoni li tkun qed tbati minnha l-persuna kkonċernata u l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha fi ħdan istituzzjoni, huwa għandu jindika b’mod partikolari fl-opinjoni tiegħu l-elementi tal-fajl li huwa bbaża ruħu fuqhom u jippreċiża, f’każ ta’ diverġenza sinjifikattiva, ir-raġunijiet li għalihom huwa jvarja minn ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata.

Ma huwiex meħtieġ, li r-rapport tal-Kumitat Mediku jkun, fuq il-pjan formali mudell fir-rigward tal-abbozzar. Huwa biss meħtieġ li jkun fih raġuni li tagħti l-opportunità li jiġi eżaminat fuq liema kunsiderazzjonijiet kienu bbażati l-konklużjonijiet li jinsabu fih u li tistabbilixxi rabta li tinftiehem bejn il-verifiki mediċi li jissemmew u l-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Kumitat Mediku.

Barra minn hekk, peress li r-rapport tal-Kumitat Mediku huwa ta’ natura xjentifika, il-ħtieġa li jkun koerenti u li jinftiehem ma għandhomx għalfejn jiġu eżaminati mill-perspettiva tal-uffiċjal stess, iżda minn dik tat-tabib li jirrappreżentah fi ħdan il-Kumitat Mediku, peress li b’mod partikolari dan it-tabib għandu r-rwol li jispjega lill-pazjent tiegħu, jekk dan huwa meħtieġ, ir-raġunijiet taċ-ċaħda tat-talba tiegħu għar-rikonoxximent tal-mard ikkaġunat mix-xogħol.

(ara l-punti 80, 86 u 87)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: AE vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata; J vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 96

5.Meta t-tliet tobba tal-Kumitat Mediku, previst fl-Artikolu 23 tal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, ikunu ġew maħtura mill-persuni li għandhom tali setgħa, is-salvagwardja tal-interessi tal-uffiċjal tkun debitament żgurata permezz tal-preżenza ta’ tabib li jgawdi mill-fiduċja tiegħu u mill-ħatra tat-tielet tabib, li ma jagħmilx parti mill-amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol ma tistabbilixxi l-ebda eżiġenza partikolari ta’ speċjalizzazzjoni tal-membri tal-Kumitat Mediku. Għaldaqstant, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tagħti libertà totali fir-rigward tal-għażla tat-tabib kemm lill-uffiċjal interessat kif ukoll lill-amministrazzjoni, ma hemm xejn li jfixkel lill-uffiċjali milli jaħtar tabib speċjalizzat sabiex jirrappreżentah fi ħdan il-Kumitat Mediku, jekk huwa jqis li dan huwa neċessarju.

(ara l-punti 107 u 108)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta̕ Lulju 1981, Suss vs Il-Kummissjoni, 186/80, punt 9

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: AE vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51