Language of document : ECLI:EU:F:2010:61

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

29 ta’ Ġunju 2010

Kawża F-35/09

Maria Teresa Visser-Fornt Raya

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Europol — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Kuntratt għal żmien indeterminat — Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol — Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 40(3) tal-konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) u l-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li permezz tiegħu M.T. Visser-Fornt Raya titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Europol, tat-12 ta’ Ġunju 2008, li tirrifjuta li tagħtiha kuntratt għal żmien indeterminat u tad-deċiżjoni tal-Europol, tas-7 ta’ Jannar 2009, li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2008.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2008 li permezz tagħha l-Europol irrifjuta li jagħti kuntratt għal żmien indeterminat lir-rikorrenti hija annullata. Il-Europol huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi li ma humiex fil-fajl personali tiegħu — Illegalità

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 6 u 23)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi li ma humiex fil-fajl personali tiegħu — Influwenza deċiżiva — Annullament — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 23)

1.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li l-ksur tagħha jista’ jitqajjem ex officio. Huwa jikkostitwixxi wkoll, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-persuni kollha li kontrihom tista’ tittieħed deċiżjoni li tikkawżalhom preġudizzju għandu jkollhom l-opportunità li jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom b’mod utli dwar fatturi li jistgħu jintużaw kontrihom fl-att li jkun ser jiġi adottat. Bħala korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet ta’ difiża, id-dritt għal aċċess jimplika li l-amministrazzjoni għandha tikkomunika lill-membru tal-persunal ikkonċernat id-dokumenti kollha li fuqhom hija tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punti 56 u 57)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Mejju 1991, Interhotel vs Il‑Kummissjoni, C‑291/89, Ġabra p. I‑2257, punt 14; 7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 68 u 71; 9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punti 37 u 38; 6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 46; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/05 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 487; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, F‑51/07, ĠabraSP p. I‑A-1-289 u II‑A‑1-1533, punt 77, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑491/08 P

2.      Għall-membri tal-persunal tal-Europol, l-Artikolu 23 tar‑Regolamenti tal-Europol għandu l-għan li jiżgura d-drittijiet tad-difiża, billi jiżgura li deċiżjonijiet meħuda mill‑amministrazzjoni u li jaffettwaw l-istat amministrattiv u l-karriera ta’ membru tal-persunal, ma jkunux ibbażati fuq fatti relatati mal-kompetenza, mal-effiċjenza jew mal-kondotta tiegħu, li ma humiex imsemmija fil-fajl personali tiegħu. Minn dan isegwi li deċiżjoni bbażata fuq fatti bħal dawn tikser il-garanziji tal‑imsemmija Regolamenti tal-Persunal u għandha tiġi annullata għaliex ġiet adottata fuq il-bażi ta’ proċedura vvizzjata b’illegalità.

Deċiżjoni li tiġi adottata fuq il-bażi proċedura partikolari ta’ għoti ta’ kuntratti għal żmien indeterminat prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-istess Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, tista’ taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal tal-Europol u għalhekk tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju. Minn dan isegwi li tali deċiżjoni tista’ tiġi adottata biss skont il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

(ara l-punti 58 u 60)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Ġunju 1972, Brasseur vs Il‑Parlament, 88/71, Ġabra p. 499, punt 11; 12 ta’ Frar 1987, Bonino vs Il‑Kummissjoni, 233/85, Ġabra p. 739, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punti 70 u 72; 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punt 50; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2007, Bianchi vs ETF, F‑38/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑183 u II‑A‑1‑1009, punt 48

3.      Il-ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika l-annullament ta’ att biss jekk jiġi stabbilit li dokumenti li ma ġewx trażmessi lill-membru tal-persunal setgħu jkollhom effett deċiżiv fuq id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikkonċernah.

F’dan ir-rigward, formola ta’ evalwazzjoni, li ma tikkonsistix fis-sempliċi repetizzjoni tal-informazzjoni inkluża fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-persuna kkonċernata, iżda li tinkludi sezzjonijiet dwar il-kompetenza, l-effiċjenza u l-kondotta tagħha kif ukoll evalwazzjoni tal-impatt tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha dwar il-funzjonament tajjeb tal-Europol, jista’ jkollha effett deċiżiv fuq l-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 64 sa 68)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il‑Kummissjoni, C‑294/95 P, Ġabra p. I‑5863, punt 67; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑21 u II‑A‑2‑131, punt 149