Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Ottubru 2007 - Kolountzios vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-117/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Parti rikorrenti: Kolountzios (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u E. Marchal, avukati)

Parti konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Mejju 2007 li ċaħdet it-talba tar-rikorrent li jsir kalkolu tal-bonus tad-drittijiet għall-pensjoni miksub qabel ma beda jaħdem fi drakmi fi ħdan il-korpi Griegi ta' pensjoni TMSEDE u ELPP billi tiġi applikata r-rata medja, aġġustata skond l-inflazzjoni, ta' konverżjoni stabbilita mill-Kummissjoni sabiex jittieħed in konsiderazzjoni iċ-ċaqliq tad-drakma matul il-perijodu ta' kontribuzzjoni;

tordna li l-konvenuta għandha tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, uffiċjal fil-grad AD 12, skala 4, jinvoka tliet motivi; l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-illegalità tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta' imlementazzjoni (iktar 'il quddiem id-"DGE") ta' l-Artikolu 11(2) ta' l-Anness VIII għar-Regolamenti (u b'mod aktar partikolari ta' l-Artikolu 7(3)) u, safejn huwa meħtieġ, l-illegalità ta' din id-dispożizzjoni regolamentarja.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta' l-Euro (ĠU L 162, p.1).

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' trattament ugwali u ta' non diskriminazzjoni.

____________