Language of document : ECLI:EU:F:2014:24

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tal-25 ta’ Frar 2014

Kawża F‑155/12

Luis García Domínguez

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/215/11 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Motivazzjoni għal deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Kunflitt ta’ interessi”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. García Domínguez jitlob l-annullament tad-deċizjoni li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/215/11 iddeċieda li r-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni, kif ukoll li l-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tħallas id-danni lir-rikorrent.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. L. García Domínguez għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Modalitajiet u kontenut tal-eżamijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

2.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Obbligu ta’ indipendenza u ta’ integrità — Probabbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi fil-każ tal-eżistenza ta’ relazzjonijiet professjonali bejn membru tal-Bord tal-Għażla u l-kandidat — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, hekk li l-Bord tal-Għażla għandu jiżgura l-osservanza stretta tiegħu bejn il-kandidati waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni. Għalkemm il-Bord tal-Għażla għandu setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni dwar il-metodi u l-kontenut dettaljat tal-eżamijiet, madankollu hija l-qorti tal-Unjoni li għandha teżerċita l-istħarriġ tagħha sa fejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kandidati u sabiex tiġi ggarantita l-oġġettività tal-għażla bejniethom magħmula mill-Bord tal-Għażla.

Kull eżami għandu, b’mod ġenerali u fih innifsu, riskju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, fid-dawl tan-natura neċessarjament limitata tan-numru ta’ domandi li jistgħu raġonevolment isiru waqt eżami dwar suġġett speċifiku. Għalhekk, ġie ammess li jista’ jiġi kkonstatat li hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss meta l-Bord tal-Għażla ma llimitax, waqt l-għażla tal-eżamijiet, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ opportunitajiet inerenti, bħala regola ġenerali, għal kull eżami.

Madankollu, fir-rigward tal-għażla tas-suġġett fl-eżami li jista’ jagħti vantaġġ lil ċerti kandidati, tali ċirkustanza, li tagħmel parti inerenti, bħala regola ġenerali, minn kull kompetizzjoni, ma tagħti l-ebda vantaġġ lil dawn tal-aħħar tali li jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan huwa l-każ, meta s-suġġett jintgħażel mill-Bord tal-Għażla għall-kandidati kollha f’kompetizzjoni ġenerali li jistgħu jagħmlu l-eżamijiet, indipendentement mill-grupp lingwistiku tagħhom, u meta din l-għażla ssir qabel id-data meta ħarġu r-riżultati tal-eżamijiet għad-dħul u, għaldaqstant, qabel id-data meta ħarġu l-ismijiet tal-kandidati li jistgħu jipparteċipaw fl-eżamijiet tal-imsemmija kompetizzjoni.

(ara l-punti 24, 25, 28 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, punti 132 u 133

2.      Waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet professjonali bejn uffiċjal u terz ma tistax, fil-prinċipju, timplika li l-indipendenza tal-uffiċjal hija kompromessa jew tidher li hija hekk, meta dan l-uffiċjal jissejjaħ jiddeċiedi fuq kwistjoni li tirrigwarda dan it-terz. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni jitlob b’hekk l-astensjoni ta’ membru tal-Bord tal-Għażla waqt l-evalwazzjoni ta’ kandidat meta hemm rabta diretta bejn il-membru tal-Bord tal-Għażla u l-kandidat.

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi dedott miċ-ċirkustanza li wieħed mill-membri tal-Bord tal-Għażla kien il-kap ta’ tim f’dipartiment ta’ istituzzjoni Ewropea meta kandidat f’kompetizzjoni kien impjegat hemmhekk, li dan il-membru tal-Bord tal-Għażla kellu rabta diretta ma’ dan il-kandidat.

Barra minn hekk, il-fatt li kandidat f’kompetizzjoni jidher bħala ħabib fuq il-kont tal-Facebook ta’ membru tal-Bord tal-Għażla, lanqas ma juri l-eżistenza ta’ rabtiet diretti bejn il-kandidat u l-membru tal-Bord tal-Għażla. Issa, il-fatt li żewġ persuni jkunu ħbieb fil-kuntest ta’ dan in-netwerk ma jimplikax neċessarjament l-eżistenza, bejn dawn it-tnejn, ta’ relazzjoni ta’ ħbiberija, fis-sens li normalment jingħata lil dan it-terminu, iżda jista’ biss ikun ir-rieda ta’ dawn iż-żewġ persuni li jpartu informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali jew professjonali. Barra minn hekk, persuna li hija ħbieb ma’ persuna oħra mhux bilfors ikollha aċċess għall-informazzjoni kollha li hija ppubblikata minn din il-persuna, peress li l-aċċess li kull utenti ta’ Facebook irid jagħti għad-data personali tiegħu jista’ jiġi limitat.

(ara l-punti 34, 36 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T-137/03, punt 33; 12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il-Kummissjoni, T-157/04, punt 35; Giannini vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 224

3.      L-evalwazzjonijiet li jagħmel il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kapaċitajiet tal-kandidati, kif ukoll id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom dan il-Bord jikkonstata li kandidat ma għaddiex minn eżami, jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ opinjoni personali. Dawn jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Bord tal-Għażla u jistgħu biss jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni fil-każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla.

F’dan ir-rigward, għalkemm kandidat li ma jgħaddix jallega li l-marka li ġab fl-eżami tal-kompetizzjoni ma hijiex koerenti mal-marka għolja li ġab fil-kuntest ta’ eżami ieħor fl-istess kompetizzjoni, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi konkluż li l-Bord tal-Għażla wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li kif imur kandidat f’eżamijiet suċċessivi jista’ jvarja minn eżami għall-ieħor. Barra minn hekk, Bord tal-Għażla, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-konoxxenzi professjonali tal-kandidati kif ukoll tal-kapaċitajiet u tal-motivazzjoni tagħhom, għandu jibbaża ruħu, b’mod esklużiv u awtonomu, fuq kif ikun mar il-kandidat biss, skont ir-rekwiżiti tal-avviż tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi kandidat ma jistax, sabiex jikkontesta l-marka li ngħatatlu fil-kuntest tal-eżami, jibbaża ruħu utilment fuq l-esperjenza professjonali twila tiegħu. Fl-aħħar nett, il-konvinzjoni personali tal-kandidat lanqas ma tista’ tikkostitwixxi prova ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 58 u 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Lulju 2000, Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-146/09, punt 41; 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il-Kummissjoni, T‑336/02, punt 25

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2012, Mileva vs Il-Kummissjoni, F-101/11, punt 45