Language of document : ECLI:EU:F:2009:7

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Jannar 2009


Kawża F-98/07


Nicole Petrilli

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Ammissibbiltà – Att li jikkawża preġudizzju – Artikoli 3b u 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Perijodu tal-kuntratt – Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2004, dwar it-terminu massimu tal-użu tal-persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni – Legalità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu N. Petrilli titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2007, li tiċħad it-talba tagħha għat‑tiġdid tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil‑kuntratt, kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għad‑danni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2007, li tiċħad it‑talba għat-tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt favur ir-rikorrenti, hija annullata. Il-partijiet, f’terminu ta’ tliet xhur li jibdew jiddekorru minn meta tingħata din is‑sentenza interlokutorja, għandhom jittrażmettu lit-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, jew l-ammont tal-kumpens pekunjarju, miftiehem bejn il-partijiet, marbut mal-illegalità tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2007, jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tal-kumpens. L-ispejjeż huma rriżervati.


Sommarju


1.      Uffiċjali – Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Perijodu tal-impjieg

(Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88)

2.      Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Perijodu tal-impjieg

(Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88)


1.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej jippermetti lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li tikkonkludi u li ġġedded kuntratti ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil‑kuntratt għal perijodu determinat, sakemm “il-perjodu attwali ta’ l-impieg f’istitituzzjoni, inkluż kull perjodu għat-tiġdid, ma jaqbiżx it‑tliet snin”. Is-sens tal-kliem “perjodu attwali ta’ l-impieg f’istitituzzjoni” jista’ jirreferi biss għall-perijodu ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal bil‑kuntratt fis‑sens tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal‑Komunitajiet Ewropej, u mhux dak ta’ kwalunkwe impjieg ieħor fl‑istituzzjoni.

(ara l-punti 47 u 48)

2.      Istituzzjoni ma tistax, mingħajr ma tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88 tal‑Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, tirrestrinġi, b’mod ġenerali u impersonali, b’mod partikolari permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jew ta’ deċiżjoni interna ta’ portata ġenerali, il-perijodu massimu possibbli ta’ impjieg ta’ membri tal-persunal bil‑kuntratt skont l‑Artikolu 3b tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, hekk kif ġie stabbilit mil-leġiżlatur stess. Fil-fatt, l‑istituzzjonijiet ma humiex kompetenti sabiex jidderogaw minn regola espliċita tar‑Regolamenti tal-Persunal jew ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg permezz ta’ dispożizzjoni ta’ implementazzjoni, ħlief b’awtorizzazzjoni espressa f’dan is‑sens.

Issa, mit-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2004, dwar it-terminu massimu tal-użu tal-persunal mhux permanenti fid‑dipartimenti tal-Kummissjoni, jirriżulta li din id-deċiżjoni, u għalhekk il‑limitu ta’ sitt snin ta’ provvista ta’ servizzi previst fl-Artikolu 3(1) tagħha, japplika għall‑membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt kollha, bl‑eċċezzjoni tal‑interpreti tal-konferenzi msemmija fl-Artikolu 90 tal‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

Ċertament, ir-regola ta’ sitt snin tista’ tillimita l-perijodu ta’ kuntratt ta’ membru tal‑persunal awżiljarju bil-kuntratt għal perijodu inqas minn tliet snin biss fil-każ fejn il-persuna kkonċernata kienet preċedentement irreklutata bħala membru tal‑persunal temporanju, awżiljarju, bil-kuntratt, provviżorju jew diversament. Għalhekk, l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004 ma għandux l-effett li jnaqqas b’mod sistematiku l-perijodu massimu ta’ tliet snin previst fl-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 88 tal‑Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal‑Komunitajiet Ewropej.

Madankollu, il-frekwenza tal-applikazzjoni ta’ deroga, espressa f’termini ġenerali u impersonali, fir-rigward tal-perijodu massimu possibbli ta’ impjieg ta’ membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, kif stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88 tal‑Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ma tistax tkun determinanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni hijiex kompetenti sabiex tidderoga minn regola espliċita tal‑Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004 jirrestrinġi illegalment il-portata tad-dispożizzjoni tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 88 tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punti 54 sa 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Diċembru 1994, Schneider vs Il‑Kummissjoni, T‑54/92, ĠabraSP p. I‑A‑281 u II‑887, punt 19

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 26 ta’ Ġunju 2008, Joseph vs Il‑Kummissjoni, F‑54/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69