Language of document : ECLI:EU:C:2010:45

Kawża C-406/08

Uniplex (UK) Ltd

vs

NHS Business Services Authority

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division)

“Direttiva 89/665/KEE — Proċedura ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Termini għall-preżentata ta’ rikors

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Termini għall-preżentata ta’ rikors

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1))

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Termini għall-preżentata ta’ rikors

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1))

1.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir‑regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50, jirrikjedi li t-terminu għall‑preżentata ta’ rikors li huwa intiż sabiex jikkonstata ksur tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew għall-kisba tad-danni minħabba l-ksur ta’ dawn ir-regoli jibda jiddekorri minn meta r-rikorrent kien jaf jew kellu jkun jaf b’dan il-ksur.

Fil-fatt, l-għan, stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ rikorsi effettivi kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ jintlaħaq biss jekk it‑termini imposti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi jibdew jiddekorru biss minn meta r-rikorrent kien jaf jew kellu jkun jaf bl-allegat ksur tal‑imsemmija dispożizzjonijiet.

Il-fatt li kandidat jew offerent isir jaf li l-applikazzjoni jew l-offerta tiegħu ġiet miċħuda ma jimplikax li r-rikors tiegħu ser jirnexxi. Huwa biss wara li kandidat jew offerent ikkonċernat ikun ġie informat bil-motivi li minħabba fihom huwa ġie eskluż mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li jkun jista’ jifforma konvinzjoni ċara dwar l-eżistenza probabbli ta’ ksur tad‑dispożizzjonijiet applikabbli u dwar l-opportunità li jippreżenta rikors.

(ara l-punti 30-32, 35 u d-dispożittiv)

2.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir‑regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti nazzjonali li tiċħad bħala dekadenti rikors intiż sabiex jikkonstata ksur tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew sabiex jinkiseb kumpens għad-danni għall-ksur ta’ dawn ir-regoli skont il‑kriterju, evalwat b’mod diskrezzjonali, li rikors tali għandu jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun.

F’dan ir-rigward, dispożizzjoni nazzjonali li tistipula li rikors ma għandux jiġi ppreżentat sakemm “dan ir-rikors ma jiġix ippreżentat malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ f’terminu ta’ tliet xhur” tinkludi element ta’ inċertezza. Ma jistax jiġi eskluż li dispożizzjoni tali tippermetti lill-qrati nazzjonali li jiċħdu rikors bħala dekadenti anki qabel l-iskadenza tat‑terminu ta’ tliet xhur, jekk huma jqisu li r-rikors ma ġiex ippreżentat “malajr kemm jista’ jkun” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-terminu ta’ dekadenza li t-tul tiegħu hija fid-diskrezzjoni tal-qorti kompetenti ma huwiex previdibbli inkwantu t-tul tiegħu. B’dan il-mod, dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu tali ma tiżgurax traspożizzjoni effettiva tad‑Direttiva 89/665.

(ara l-punti 41-43 u d-dispożittiv)

3.        Sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir‑regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50, il-qorti nazzjonali adita b’rikors skont dan l-artikolu, sa fejn huwa possibbli, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors b’mod li tiżgura li dan it-terminu jibda jiddekorri biss minn meta r-rikorrent kien jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur tar-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernat.

Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jiġux interpretati b’dan il-mod, din il-qorti jkollha, billi tuża, jekk ikun il-każ, is-setgħa diskrezzjonali tagħha, tipproroga t-terminu għall-preżentata ta’ rikors b’mod li tiżgura lir-rikorrent terminu ekwivalenti għal dak li kien jiddisponi minnu li kieku t-terminu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli beda jiddekorri minn meta kien jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Fi kwalunkwe każ, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors ma jistgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-Direttiva 89/665, il-qorti nazzjonali tkun obbligata li ma tapplikahomx, sabiex tapplika integralment id-dritt Komunitarju u tħares id-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi.

(ara l-punti 47-50 u d-dispożittiv)