Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Leipzig (il-Ġermanja) fid-19 ta Ġunju 2013 – Elisabeta Dano, Florin Dano vs Jobcenter Leipzig

(Kawża C-333/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Sozialgericht Leipzig

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Elisabeta Dano, Florin Dano

Konvenut: Jobcenter Leipzig

Domandi preliminari

Persuni li ma jitolbux benefiċċji tal-liġi ta’ sigurtà soċjali jew benefiċċji tal-familja skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 1 iżda pjuttost benefiċċji mhux kontributorji skont l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 70 tar-Regolament, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

Jekk ir-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jipprekludi Stati Membri, bil-għan li jevitaw li jkun hemm rikors irraġonevoli għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mhux kontributorji skont l-Artikolu 70 tar-Regolament, li jiggarantixxu livell ta’għajxien, milli jeskludu kompletament jew parzjalment ċittadini tal-Unjoni fil-bżonn milli jirrikorru għal dawn il-benefiċċji li huma pprovduti liċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu fl-istess sitwazzjoni?

Jekk ir-risposta għall-ewwel jew għat-tieni domanda tkun fin-negattiv: L-Artikolu 18 TFUE u/jew il-punt a tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) TFUE flimkien mat-tielet sentenza tal-Artikolu 20(2) TFUE u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE 2 , jipprekludi Stati Membri, bil-għan li jevitaw li jkun hemm rikors irraġonevoli għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mhux kontributorji skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li jiggarantixxu livell ta’ għajxien, milli jeskludu kompletament jew parzjalment ċittadini tal-Unjoni Ewropea fil-bżonn milli jirrikorru għal dawn il-benefiċċji li huma pprovduti liċ-ċittadini tagħhom stess li huma fl-istess sitwazzjoni?

Jekk, skont ir-risposti għad-domandi iktar ’il fuq, l-esklużjoni parzjali tal-benefiċċji li jiggarantixxu livell ta’ għajxien tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni: l-għoti ta’ benefiċċji mhux kontributorji li jiggarantixxu livell ta’ għajxien liċ-ċittadini tal-Unjoni, għajr f’każijiet ta’ emerġenza akuta, jista’ jiġi limitat għall-fondi neċessarji għar-ritorn tal-Istat tal-oriġini tagħhom jew l-Artikoli 1, 20 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeżiġu iktar benefiċċji li jagħtu l-possibbiltà ta’ residenza permanenti?

____________

1  Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).