Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fid-9 ta’ Settembru 2018 – DŚ vs Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Jaśle

(Kawża C-522/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti:

Konvenut: Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Jaśle

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE, tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju tal-irremovibbiltà tal-imħallfin, li huwa element tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt, huwa miksur meta l-leġiżlatur nazzjonali jnaqqas l-età tal-bidu tal-irtirar (iktar ’il quddiem l-“età tal-irtirar”) tal-imħallfin tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru (pereżempju minn 70 sa 65 sena) u li l-età inferjuri ġdida tal-irtirar hija applikata għall-imħallfin fis-servizz, mingħajr ma d-deċiżjoni li jittieħed vantaġġ mill-età tal-irtirar inferjuri titħalla unikament għad-diskrezzjoni tal-imħallef ikkonċernat?

Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE, tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju tal-Istat tad-dritt u l-livell ta’ indipendenza neċessarju għall-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kawżi li jimplikaw id-dritt tal-Unjoni huma miksura, meta l-leġiżlatur nazzjonali, bi ksur tal-prinċipju tal-irremovibbiltà tal-imħallfin, inaqqas minn 70 sa 65 sena l-età normali li fiha mħallef tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru jista’ jokkupa pożizzjoni ta’ mħallef, billi jissuġġetta l-possibbiltà taż-żamma tiegħu għal tali pożizzjoni għall-kunsens diskrezzjonali ta’ korp eżekuttiv?

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2, u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu diskriminazzjoni minħabba l-età t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin fis-servizz tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru u l-issuġġettar għall-kunsens ta’ korp eżekuttiv tal-possibbiltà taż-żamma ta’ pożizzjoni ta’ mħallef fis-servizz ta’ din il-qorti li jkun laħaq l-età inferjuri ġdida tal-irtirar?

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 2, 9 u 11 tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-preżenza ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età eżerċitata kontra mħallfin tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, minħabba t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tagħhom li preċedentement kienet 70 sena u issa saret 65 sena, din il-qorti, meta tiddeċiedi dwar kwalunkwe kawża f’kompożizzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ mħallef ikkonċernat mill-konsegwenzi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali diskriminatorji u li ma jkunx esprima x-xewqa li jieħu vantaġġ minn din l-eta tal-irtirar ġdida, hija obbligata, sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni preliminari dwar il-kulleġġ ġudikanti, li tirrifjuta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex konformi mad-Direttiva 2000/78 u mal-Artikolu 21 tal-Karta u li tkompli taġġudika bil-parteċipazzjoni ta’ dan l-imħallef, meta dan il-pass huwa l-unika possibbiltà effettiva li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-imħallef jislet mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni?

Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1), tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 2 TUE kif ukoll tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat tad-dritt għandu jitqies bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li fil-każ ta’ dubju dwar il-konformità ma’ dan il-valur u mal-prinċipju korrelattiv ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin tagħhom fis-servizz – ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin skont il-modalitajiet deskritti fl-ewwel żewġ domandi, il-qorti nazzjonali għandu jkollha s-setgħa li tissospendi ex officio l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiksru l-prinċipju ta’ irremovibbiltà tal-imħallfin, fir-rigward tal-imħallfin kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.