Language of document : ECLI:EU:T:2018:439

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Lulju 2018 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ppjanata mir-Renju Unit favur l-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point C – Kuntratt għad-Differenza, Ftehim tas-Segretarju tal-Istat u Garanzija ta’ Kreditu – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Artikolu 107(3)(c) TFUE – Għan ta’ interess pubbliku – Promozzjoni tal-enerġija nukleari – Neċessità ta’ intervent mill-Istat – Avviż dwar il-garanziji – Determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna – Proporzjonalità – Għajnuna għall-investiment – Għajnuna għall-funzjonament – Dritt li jiġu ppreżentati kummenti – Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑356/15,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata inizjalment minn C. Pesendorfer u M. Klamert, sussegwentement minn G. Hesse u M. Fruhmann, bħala aġenti, assistiti minn H. Kristoferitsch, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn D. Holderer, bħala aġent, assistita minn P. Kinsch, avukat,

intervenjent,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, R. Sauer, T. Maxian Rusche u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, T. Müller u J. Vláčil, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn G. de Bergues, D. Colas u J. Bousin, sussegwentement minn D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

minn

L-Ungerija, irrappreżentata inizjalment minn M. Fehér u M. Bóra, sussegwentement minn B. Sonkodi, sussegwentement minn A. Steiner, bħala aġenti, assistiti minn P. Nagy, avukat, u fl-aħħar nett minn A. Steiner,

minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

minn

Ir-Rumanija, irrappreżentata inizjalment minn R. Radu u M. Bejenar, sussegwentement minn M. Bejenar u C.‑R. Canţăr, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

u minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn C. Brodie u S. Brandon, sussegwentement minn C. Brodie, S. Simmons u M. Holt, sussegwentement minn C. Brodie, S. Simmons u D. Robertson, sussegwentement minn C. Brodie u D. Robertson, sussegwentement minn C. Brodie u fl-aħħar nett minn C. Brodie u Z. Lavery, bħala aġenti, assistiti minn T. Johnston, barrister, u A. Robertson, QC,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658 tat‑8 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C (ĠU 2015, L 109, p. 44), li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li din il-miżura ta’ għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u awtorizzat l-implimentazzjoni tagħha,

Il-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, A. Dittrich (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Ottubru 2013, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika miżuri ta’ appoġġ għall-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point C (iktar ’il quddiem “Hinkley Point C”). Il-benefiċjarja tal-miżuri nnotifikati hija l-kumpannija NNB Generation Company Limited (iktar ’il quddiem “NNBG”), li hija sussidjarja ta’ EDF Energy plc (iktar ’il quddiem “EDF”).

2        Fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżuri nnotifikati. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, C 69, p. 60).

3        Fit-8 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2015/658 dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C (ĠU 2015, L 109, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

4        Il-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit huma deskritti fil-punt 2 tad-Deċiżjoni kkontestata.

5        L-ewwel miżura nnotifikata, li hija deskritta fil-punt 2.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija Kuntratt għad-Differenza. Dan huwa strument intiż li jiggarantixxi stabbiltà fil-prezzijiet għall-bejgħ ta’ elettriku minn NNBG matul il-fażi operattiva ta’ Hinkley Point C. F’dan il-kuntratt huwa previst li NNBG ser tbigħ fis-suq l-elettriku prodott fl-imsemmi reattur. Madankollu, l-ammont ta’ dħul ta’ NNBG ser jiġi stabbilizzat mill-Kuntratt għad-Differenza. Għal dan il-għan, il-prezz tal-eżerċitar, li ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni u tal-operat proġettati ta’ NNBG u li jinkludi profitt raġonevoli, ser jiġi pparagunat mal-prezz ta’ referenza, li ser jikkorrispondi għall-medja ponderata tal-prezzijiet bl-ingrossa stabbiliti mir-Renju Unit għall-operaturi kollha appoġġati minn Kuntratt għad-Differenza u li ser jirrifletti l-prezzijiet tas-suq. Fil-każ ta’ NNBG, il-prezz ta’ referenza rilevanti huwa dak tas-suq tal-karga bażika, li japplika għall-operaturi kollha li jipproduċu karga bażika. Meta l-prezz ta’ referenza ser ikun iktar baxx mill-prezz tal-eżerċitar, NNBG ser tirċievi pagament għad-differenza li jikkorrispondi għad-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet. Dan id-dritt għal pagament għad-differenza ser ikun limitat minn limitu massimu ta’ produzzjoni. Min-naħa l-oħra, meta l-prezz ta’ referenza ser ikun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar, NNBG ser tkun obbligata tħallas id-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet lill-parti l-oħra fil-Kuntratt għad-Differenza (iktar ’il quddiem il-“parti kontraenti ma’ NNBG”). Il-parti kontraenti ma’ NNBG ser tkun Low Carbon Contracts Ltd, entità li ser tkun iffinanzjata permezz ta’ obbligu statutorju li jorbot lill-fornituri tal-elettriku liċenzjati kollha b’responsabbiltà in solidum. Ser jiġu implimentati żewġ mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tal-profitt, li l-ewwel wieħed minnhom jirrigwarda l-ispejjeż ta’ produzzjoni u li t-tieni wieħed minnhom jirrigwarda r-rata ta’ redditu azzjonarju. Ser jiġu previsti żewġ dati għar-reviżjoni tal-ispejjeż tal-operat, li l-ewwel waħda minnhom ser tkun 15-il sena u li tieni waħda minnhom ser tkun 25 sena wara d-data ta’ dħul fis-servizz tal-ewwel reattur.

6        Il-Kuntratt għad-Differenza jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, kumpens għal NNBG għal ċerti emendi leġiżlattivi. Barra minn hekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, hija ser tirċievi kumpens fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point għal raġunijiet politiċi u fil-każ ta’ problemi marbuta mal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili nukleari. F’tali każijiet, kemm l-investituri ta’ NNBG kif ukoll ir-Renju Unit ser ikunu jistgħu jitolbu t-trasferiment ta’ NNBG lill-Gvern tar-Renju Unit u ser ikun dovut kumpens lill-imsemmija investituri.

7        It-tieni miżura nnotifikata, li hija deskritta fil-punt 2.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija Ftehim bejn is-Segretarju tal-Istat għall-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima tar-Renju Unit u l-investituri ta’ NNBG (iktar ’il quddiem “il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat”). Dan il-ftehim jissupplimenta l-Kuntratt għad-Differenza. Huwa jipprovdi li, jekk, wara għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point għal raġunijiet politiċi, il-parti kontraenti ma’ NNBG tonqos milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħmel pagamenti għad-differenza lill-investituri ta’ NNBG, is-Segretarju tal-Istat inkwistjoni ser iħallas il-kumpens miftiehem lill-investituri. Huwa jipprevedi wkoll mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tal-profitt.

8        It-tielet miżura nnotifikata, li hija deskritta fil-punt 2.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija Garanzija ta’ Kreditu tar-Renju Unit fuq il-bonds li għandhom jinħarġu minn NNBG, li tiggarantixxi l-ħlas f’waqtu tas-somma kapitali u tal-interessi tad-dejn kwalifikattiv u li tista’ tammonta għal 17-il biljun lira sterlina (GBP). Ir-rata tat-tariffa tal-garanzija li awtorizzat il-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni tammonta għal 295 punti bażi.

9        Fil-punt 7 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li t-tliet miżuri nnotifikati msemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

10      Fil-punti 9 u 10 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżuri inkwistjoni setgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. F’dan il-kuntest, fil-punt 9.1 ta’ din id-deċiżjoni, hija esponiet li dawn il-miżuri kienu kompatibbli mar-regolamentazzjoni eżistenti tas-suq. Fil-punt 9.2 tal-imsemmija deċiżjoni, hija kkonstatat li l-għan ta’ interess pubbliku li kien qiegħed ifittex li jilħaq ir-Renju Unit permezz ta’ dawn il-miżuri kien il-promozzjoni tal-enerġija nukleari u, b’mod iktar speċifiku, il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Skont il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati fil-punt 9.3 tal-istess deċiżjoni, intervent mir-Renju Unit kien neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq f’waqtu. Fil-punt 9.4 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni analizzat jekk il-miżuri inkwistjoni kinux jikkostitwixxu strumenti xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u jekk kellhomx effett ta’ inċentiv. Fil-punti 9.5 u 9.6 tad-Deċiżjoni, hija eżaminat in-natura proporzjonata tal-miżuri inkwistjoni u kkonstatat li, suġġett għal aġġustament tar-rata tat-tariffa tal-Garanzija ta’ Kreditu għal 295 punti bażi u għal emenda tal-mekkaniżmi fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-profitt, il-miżuri inkwistjoni kellhom jitqiesu li huma neċessarji u li, globalment, il-potenzjal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni kien limitat u li l-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni kienu kkontrobilanċjati mill-effetti pożittivi tagħhom. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 10 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri inkwistjoni kienu kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

11      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“L-għajnuna lil Hinkley Point C fil-forma ta’ Kuntratt għad-Differenza, il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat u Garanzija tal-Kreditu, kif ukoll l-elementi kollha relatati, li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplimenta, hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) [TFUE].”

II.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat dan ir-rikors.

13      Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

14      Fil-5 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat ir-replika.

15      Fil-15 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika Slovakka talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tad-9 ta’ Diċembru 2015, dan l-Istat Membru ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fl-14 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Novembru 2015, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab li jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tat-18 ta’ Diċembru 2015, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija. Fl-24 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2015, l-Ungerija talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tas-6 ta’ Jannar 2016, dan l-Istat Membru ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fl-24 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2015, ir-Renju Unit talab li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tas-6 ta’ Jannar 2016, dan l-Istat Membru ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tal-11 ta’ Jannar 2016, dan l-Istat Membru ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fit-18 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Diċembru 2015, ir-Repubblika Ċeka talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tal-11 ta’ Jannar 2016, dan l-Istat Membru ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fl-24 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2015, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tal-11 ta’ Jannar 2016, dan l-Istat Membru ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fl-24 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2015, ir-Rumanija talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tal-11 ta’ Jannar 2016, dan l-Istat Membru ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fl-24 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

24      Fil-21 ta’ Lulju 2016, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika Franċiża, tal-Ungerija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Rumanija, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju Unit.

25      Fid-19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

26      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni u tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Renju Unit u lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini imposti.

27      Fl-14 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni pproduċiet prova li magħha kien mehmuż dokument. Din il-prova u dan id-dokument iddaħħlu fil-proċess u l-partijiet l-oħra kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħha fuqhom.

28      Permezz ta’ ittri tat-18 u tat-28 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit ippreżentaw osservazzjonijiet fuq ir-rapport għas-seduta.

29      Is-sottomissjonijiet orali tal-Kummissjoni, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika Franċiża, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tal-Ungerija, tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju Unit, u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, instemgħu matul is-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017.

30      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika tal-Awstrija jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

32      Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

33      L-Ungerija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż kollha relatati ma’ din il-proċedura, inklużi l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-avukat.

34      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju Unit jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat.

III. Id-dritt

35      Ir-rikors huwa bbażat fuq għaxar motivi.

36      Permezz tal-ewwel motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta, minn naħa, aċċettat l-eżistenza ta’ suq distint minn dak tal-enerġija nukleari u, min-naħa l-oħra, ibbażat ruħha fuq falliment ta’ dan is-suq.

37      It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li t-teknoloġija użata f’Hinkley Point C hija ġdida.

38      It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna għall-investiment. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament li hija inkompatibbli mas-suq intern.

39      Permezz tar-raba’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C ma tfittixx li tilħaq għan ta’ interess “komuni”.

40      Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni.

41      Is-sitt motiv ifittex li jipprova n-natura allegatament żbaljata tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri inkwistjoni kienu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

42      Fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Renju Unit messu nieda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fir-rigward ta’ Hinkley Point C.

43      Permezz tat-tmien motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx l-Avviż tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108] tat-Trattat [FUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-garanziji”).

44      Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

45      L-għaxar motiv jirrigwarda ksur tad-dritt għal smigħ.

46      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika tal-Awstrija tqiegħed fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri inkwistjoni setgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

47      Skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

48      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, sabiex tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għajnuna għandha tkun intiża għall-iżvilupp ta’ attività li tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun xierqa, neċessarja u mhux sproporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233, punt 125).

49      Fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għandu qabelxejn jiġi eżaminat ir-raba’ motiv, li jirrigwarda l-għan ta’ interess pubbliku ddeterminat mir-Renju Unit, jiġifieri l-promozzjoni tal-elettriku nukleari u, b’mod iktar speċifiku, il-kostruzzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, qabel ma jiġi analizzat sussegwentement it-tieni motiv, ibbażat b’mod partikolari fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li t-teknoloġija użata f’Hinkley Point C kienet ġdida, u sussegwentement l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni u żbaljat meta qieset li jeżisti falliment tas-suq, kif ukoll il-ħames u t-tmien motivi, ibbażati fuq determinazzjoni insuffiċjenti tal-miżuri inkwistjoni u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Avviż dwar il-garanziji, u, fl-aħħar nett, is-sitt motiv, li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

50      It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament inkompatibbli mas-suq intern, ser jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-riżultat tal-eżami ta’ dawn il-motivi.

51      Sussegwentement, ser jiġu eżaminati s-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Renju Unit messu nieda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fir-rigward ta’ Hinkley Point C, u l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

52      Id-disa’ motiv, li huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jinqasam f’sitt partijiet, li jirrigwardaw kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-fondatezza tagħhom titqiegħed fid-dubju fil-kuntest tal-ewwel sas-sitt motivi. Dawn il-partijiet ser jiġu eżaminati flimkien mal-motivi konnessi.

53      Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija, għandha madankollu tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tagħha bbażati fuq l-inammissibbiltà tan-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Ungerija.

A.      Fuq l-argumenti bbażati fuq l-inammissibbiltà tan-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Ungerija

54      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li n-nota ta’ intervent tal-Ungerija għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Skontha, l-għan ta’ nota ta’ intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. Hija tenfasizza li l-Ungerija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li qiegħda titlob li t-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata tiġi miċħuda u li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 107 TFUE. Issa, fl-imsemmija nota ta’ intervent, l-Ungerija ssostni li l-Artikolu 107 TFUE ma japplikax għall-qasam tal-enerġija atomika. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, li kieku dawn l-argumenti kellhom jintlaqgħu, dawn iwasslu għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-Ungerija ma hijiex qiegħda ssostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 142 tar-Regoli tal-Proċedura, l-għan tal-intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti kompletament jew parzjalment it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-intervenjent isemmi argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jsostni, bil-kundizzjoni li dawn l-argumenti ma jbiddlux il-kuntest tat-tilwima u li l-intervent ifittex dejjem li jsostni t-talbiet ippreżentati minn din il-parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑459/93, EU:T:1995:100, punt 21).

56      F’dak li jirrigwarda n-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Ungerija, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet ta’ dan l-Istat Membru jaqblu ma’ dawk tal-Kummissjoni, peress li huwa jitlob li tiġi miċħuda t-talba tar-Repubblika tal-Awstrija għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata.

57      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li min-nota ta’ intervent tal-Ungerija jirriżulta li dan l-Istat Membru ma jikkontestax li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni kellha dritt tadotta d-Deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 107 TFUE.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li wħud mill-argumenti mressqa mill-Ungerija dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikoli 107 u 108 TFUE fil-qasam tal-enerġija nukleari għandhom jitqiesu li jbiddlu l-kuntest tat-tilwima, dan, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ma jiġġustifikax li n-nota ta’ intervent tal-Ungerija tiġi miċħuda kollha kemm hi bħala inammissibbli.

B.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari ma tikkostitwixxix għan ta’ interess “komuni”, u fuq il-ħames parti tad-disa’ motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni kkontestata

59      Ir-raba’ motiv u l-ħames parti tad-disa’ motiv jirrigwardaw il-konklużjoni li tinsab fil-premessi 366 sa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha l-għan li r-Renju Unit kien qiegħed ifittex li jilħaq bil-miżuri inkwistjoni, jiġifieri l-għan ta’ promozzjoni tal-enerġija nukleari, jikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni”.

60      Fl-ewwel lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti li tressaq ir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tal-ħames parti tad-disa’ motiv u li jfittxu li jipprovaw li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-konklużjoni li l-għan li r-Renju Unit kien qiegħed ifittex li jilħaq bil-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni”. Fit-tieni lok, ser jiġu analizzati l-argumenti li jiżviluppaw il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika tal-Awstrija insostenn tar-raba’ motiv u li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 366 sa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata.

1.      Fuq il-ħames parti tad-disa’ motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni kkontestata

61      Fil-kuntest tal-ħames parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-konklużjoni li l-għan li r-Renju Unit kien qiegħed ifittex li jilħaq bil-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni” sa fejn, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ma esponietx b’mod suffiċjenti r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat previsti fit-Trattat FUE. Il-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmija istituzzjoni f’dan ir-rigward ma jinftehmux u huma insuffiċjenti.

62      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

63      F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li adottat l-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għall-miżura meħuda u l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 137). Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni, T‑533/10, EU:T:2014:629, punt 199).

64      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-konklużjoni li l-għan li r-Renju Unit kien qiegħed ifittex li jilħaq bil-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni” hijiex suffiċjenti.

65      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li, fil-premessi 366 sa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddeċidietx espliċitament dwar ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom u l-Artikolu 107 TFUE. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, b’mod partikolari mill-punt 7 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat”, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 107 TFUE kien applikabbli għall-miżuri inkwistjoni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-punt 9.2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Objettivi ta’ interess komuni”, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari kienet tikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni” b’mod partikolari fuq l-Artikolu 2(ċ) u fuq l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom. Għalhekk minn dan il-punt tal-aħħar jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom.

66      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-prassi preċedenti tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jitqiesu li jafu. Issa, l-approċċ li segwiet il-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni huwa konformi mal-prassi preċedenti tagħha, li skontha, minn naħa, il-miżuri ta’ Stat Membru li kienu jirrigwardaw il-qasam irregolat mit-Trattat Euratom kellhom jiġu eżaminati wkoll fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE peress li dawn ma kinux neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat Euratom, kienu jmorru lil hinn minn dawn l-għanijiet jew kienu jikkawżaw jew kienu jheddu li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (f’dan ir-rigward, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/407/KE tat‑22 ta’ Settembru 2004 dwar għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplimenta għal British Energy plc, ĠU 2005, L 142, p. 26, premessa 239) u li skontha għan kopert mit-Trattat Euratom seta’ jikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE (ara, f’dan is-sens, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/643/KE tal‑4 ta’ April 2006 dwar għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplimenta għall-istabbiliment tan-Nuclear Decommissioning Authority, ĠU 2006, L 268, p. 37, premessa 162).

67      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li mill-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-Kummissjoni qieset li, minkejja li l-miżuri inkwistjoni kienu jirrigwardaw l-enerġija nukleari, sa fejn kienu jikkonsistu għajnuna mill-Istat, kellha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Mill-imsemmija motivi jirriżulta wkoll b’mod suffiċjentement ċar li l-Kummissjoni qieset li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom. Dawn il-motivi għalhekk ippermettew lir-Repubblika tal-Awstrija ssir taf ir-raġunijiet għall-imsemmija deċiżjoni u jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

68      Għaldaqstant, il-ħames parti tad-disa’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq ir-raba’ motiv, li jirrigwarda l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni

69      Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jressqu argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 366 sa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata. Essenzjalment, dawn l-Istati Membri jsostnu li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-promozzjoni tal-enerġija nukleari ma tissodisfa ebda interess komuni.

70      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

71      Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari tikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni”, għandha tingħata deċiżjoni, preliminarjament, fuq il-kwistjoni dwar sa fejn l-Artikolu 107 TFUE huwa applikabbli għal miżuri li jirrigwardaw il-qasam tal-enerġija nukleari u sa fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tat-Trattat Euratom fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu.

a)      Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE għal miżuri li jirrigwardaw il-qasam tal-enerġija nukleari u fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat Euratom fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni

72      F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE għal miżuri li jirrigwardaw il-qasam tal-enerġija nukleari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE ma għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom jikkostitwixxu regoli speċjali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u għalhekk jidderogaw minn dawn tal-aħħar fil-każ ta’ kunflitt.

73      Madankollu, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom jikkostitwixxu regoli speċjali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE ma jipprekludix li l-Artikolu 107 TFUE jiġi applikat għal miżuri li jfittxu li jilħqu għan li jaqa’ taħt it-Trattat Euratom. Fil-fatt, sa fejn it-Trattat Euratom ma jipprevedix regoli speċifiċi f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fir-rigward ta’ politika tal-Unjoni jistgħu jiġu applikati għal tali miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il‑Kunsill, C‑62/88, EU:C:1990:153, punt 17; tat-12 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑61/03, EU:C:2005:210, punt 44, u tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punti 69 sa 82; ara wkoll, b’analoġija, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 24).

74      Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat Euratom ma jinkludix regoli eżawrjenti dwar il-kompetizzjoni, li jistgħu jipprekludu applikazzjoni tar-regoli previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tat-Trattat FUE. B’mod partikolari, it-Trattat Euratom ma jipprevedix regoli eżawrjenti dwar l-għajnuna mill-Istat.

75      Huwa minnu li ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, bħall-Artikolu 2(ċ) tiegħu u d-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tiegħu, jirrigwardaw l-investimenti fil-qasam tal-enerġija nukleari. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux il-kundizzjonijiet li taħthom għajnuna mill-Istat li tirrigwarda investimenti fil-qasam tal-enerġija nukleari, minkejja d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li hija tikkawża, tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

76      Għaldaqstant, l-Artikolu 107 TFUE huwa intiż li japplika għall-miżuri inkwistjoni, minkejja li jfittxu li jilħqu għan li jaqa’ taħt it-Trattat Euratom.

77      Din il-konklużjoni ma titqigħedx fid-dubju mill-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom, li jelenka ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE li japplikaw għat-Trattat Euratom. Kif jirriżulta mit-tieni premessa tal-Protokoll Nru 2 li Jemenda t-Trattat Euratom anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2007, C 306, p. 199), din id-dispożizzjoni sempliċement tadatta l-imsemmi trattat għar-regoli ġodda stabbiliti mit-Trattat UE u mit-Trattat FUE, b’mod partikolari fl-oqsma istituzzjonali u finanzjarji. Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE li ma jissemmewx fiha ma humiex intiżi li japplikaw għal miżuri li jfittxu li jilħqu għanijiet li jaqgħu taħt il-qasam tat-Trattat Euratom. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom ma tkunx konformi mal-Artikolu 106a(3) tiegħu, li minnu jista’ jiġi dedott li, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE huma intiżi li japplikaw fil-qasam tal-enerġija nukleari u li huwa biss sa fejn it-Trattat Euratom jipprevedi regoli speċjali li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE ma japplikawx.

78      Għaldaqstant, l-Artikolu 107 TFUE huwa applikabbli għall-miżuri inkwistjoni. Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal miżuri li jirrigwardaw il-qasam tal-enerġija nukleari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet u l-għanijiet tat-Trattat Euratom.

b)      Fuq l-argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari tikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni”

79      L-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha l-għan ta’ promozzjoni tal-enerġija nukleari li r-Renju Unit kien qiegħed ifittex li jilħaq bil-miżuri inkwistjoni, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, kien jikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni”, għandhom jiġu eżaminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 72 sa 78 iktar ’il fuq.

80      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li, jekk għan ma jiħux inkunsiderazzjoni l-interessi ġġustifikati ta’ Stat Membru wieħed, ma jistax jiġi kklassifikat bħala għan ta’ interess komuni u jenfasizzaw ukoll li ċerti Stati Membri dejjem ċaħdu l-idea li l-kostruzzjoni ta’ reatturi nukleari ġodda tikkostitwixxi għan ta’ interess komuni Ewropew.

81      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

82      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

83      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li, fil-punt 125 tas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għajnuna għandha tfittex li tilħaq għan ta’ interess “komuni” u tkun xierqa, neċessarja u mhux sproporzjonata.

84      Madankollu, ir-riferiment, fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233), għat-tfittxija li jintlaħaq interess “komuni”, ma jistax jinftiehem bħala rekwiżit, li skontu huma biss l-għanijiet li jkunu fl-interess tal-Istati Membri kollha jew tal-maġġoranza tagħhom li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

85      Fil-fatt, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għan li Stat Membru jfittex li jilħaq, li jista’ jikkonsisti b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ attività, u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni li l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

86      Ma jistax jitqies li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jillimita l-għanijiet li l-Istati Membri jistgħu jfittxu li jilħqu għal dawk li jkunu fl-interess tal-Istati Membri tal-Unjoni jew tal-maġġoranza tagħhom. F’dan ir-rigward, bir-riferiment għal interess “komuni” fil-punt 125 tas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233), il-Qorti Ġenerali sempliċement indikat li dan kellu jkun interess pubbliku u mhux biss interess privat tal-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna.

87      F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ interess komuni msemmi fl-aħħar tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għandu jitfakkar li dan jirrigwarda l-ibbilanċjar bejn il-vantaġġi u l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn miżura ta’ għajnuna u jipprekludi li jiġu awtorizzati miżuri li jfixklu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Dan għalhekk huwa rilevanti għal stadju sussegwenti tal-eżami mwettaq fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-għanijiet ta’ interess pubbliku li Stat Membru jista’ jfittex li jilħaq huma limitati għal dawk li huma komuni għall-Istati Membri kollha jew għall-maġġoranza tagħhom.

88      Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha l-miżuri inkwistjoni kienu jfittxu li jilħqu għan ta’ interess “komuni”, għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet. Din il-premessa tidher fil-punt 9.2 tal-imsemmija deċiżjoni, li fih il-Kummissjoni ddeċidiet dwar il-kwistjoni jekk il-promozzjoni tal-enerġija nukleari kinitx tikkostitwixxi għan li jista’ leġittimament jitfittex li jintlaħaq skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għaldaqstant, fl-imsemmija premessa, hija sempliċement ikkonstatat li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, ir-Renju Unit kellu dritt jiddetermina l-promozzjoni tal-enerġija nukleari bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, f’din il-premessa, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li dan l-għan kien kondiviż mill-Istati Membri kollha jew mill-maġġoranza tagħhom. Hija lanqas ma ddeċidiet dwar il-kwistjoni jekk il-miżuri inkwistjoni kinux ifixklu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Fil-fatt, mill-istruttura ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar li hija eżaminat din il-kwistjoni fi stadju sussegwenti, jiġifieri fil-punti 9.3 sa 9.6 tal-istess deċiżjoni.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li, fil-premessa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li ċerti Stati Membri, fosthom ir-Repubblika tal-Awstrija, kienu dejjem ċaħdu l-idea tal-kostruzzjoni ta’ reatturi nukleari ġodda, għandu jiġi miċħud.

90      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-premessi 366 sa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li n-neċessità ta’ għajnuna u l-impatt tagħha fuq il-kummerċ bejn Stati Membri kellhom jiġu evalwati mill-perspettiva tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, hija ssostni li l-kunċetti ta’ interess komuni msemmija fil-kuntest tal-Artikolu 34 TUE u tal-Artikolu 142 TFUE jirrigwardaw ukoll l-interess tal-Istati Membri kollha.

91      Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

92      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fil-premessi 366 sa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qegħditx fid-dubju l-fatt li, sa fejn l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jipprovdi li għajnuna mill-Istat ma għandhiex tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess tal-Unjoni u tal-Istati Membri kollha. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 88 iktar ’il fuq, fl-imsemmija premessi, il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar dan l-ibbilanċjar tal-interessi, iżda biss dwar il-kwistjoni jekk ir-Renju Unit kellux dritt jiddetermina l-promozzjoni tal-enerġija nukleari bħala għan ta’ interess pubbliku.

93      Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li Stat Membru għandu dritt ifittex li jippromwovi l-enerġija nukleari u, b’mod iktar speċifiku, li joħloq kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. L-ewwel nett, l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri. It-tieni nett, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirrigwarda biss il-faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-enerġija nukleari. Issa, Hinkley Point C ma jidhirx li huwa faċilità daqstant bażika. It-tielet nett, l-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari diġà ntlaħaq, għaliex inbnew diversi impjanti tal-enerġija nukleari fl-Ewropa kollha. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni injorat il-kuntest storiku tat-Trattat Euratom u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw minnu.

94      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

95      F’dan ir-rigward, kif ġie kkonstatat fil-punti 80 sa 89 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, l-għan ta’ interess pubbliku li tfittex li tilħaq il-miżura inkwistjoni ma għandux neċessarjament jikkostitwixxi għan kondiviż mill-Istati Membri kollha jew mill-maġġoranza tagħhom.

96      Għandu jitfakkar ukoll li, kif ġie espost fil-punti 72 sa 78 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE għal miżuri li jfittxu li jilħqu għan li jaqa’ taħt it-Trattat Euratom, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet u l-għanijiet tat-Trattat Euratom. Issa, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat Euratom jirriżulta li għandu jkun il-kompitu tal-Komunità Euratom li tikkontribwixxi ħalli jogħla l-livell tal-għajxien fl-Istati Membri u għall-iżvilupp tal-iskambju kummerċjali ma’ pajjiżi oħra bil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment ta’ malajr u għat-tkabbir tal-industriji nukleari. Skont l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom, sabiex twettaq il-kompiti tagħha, il-Komunità Euratom għandha, bi qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi trattat, tiffaċilita l-investiment u tiżgura, partikolarment billi tinkoraġġixxi l-impriża kummerċjali, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-enerġija nukleari fil-Komunità.

97      Fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li r-Renju Unit kellu dritt jiddetermina l-promozzjoni tal-enerġija nukleari u, b’mod iktar speċifiku, l-inċentivazzjoni għall-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-fatt, minn naħa, dan l-għan huwa relatat ma’ dak tal-Komunità Euratom li jikkonsisti f’li jiġi ffaċilitat l-investiment fil-qasam nukleari u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-Komunità Euratom. Min-naħa l-oħra, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jirriżulta li kull Stat Membru għandu d-dritt jagħżel bejn is-sorsi differenti ta’ enerġija dawk li jippreferi.

98      Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

99      L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni injorat il-kuntest storiku tat-Trattat Euratom u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw minnu. L-ewforija għall-enerġija nukleari fil-mument tal-konklużjoni tat-Trattat Euratom, illum il-ġurnata, f’diversi Stati Membri, inbidlet f’xettiċiżmu ċar kondiviż minn parti kbira mill-popolazzjoni, u saħansitra fiċ-ċaħda totali u fl-abbandun sħiħ ta’ din il-forma ta’ produzzjoni ta’ enerġija. Kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt primarju, dawk tat-Trattat Euratom bilkemm ġew irreveduti u għalhekk jikkostitwixxu regoli preċedenti għat-Trattat FUE.

100    Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

101    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-Repubblika tal-Awstrija, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom huma kompletament fis-seħħ u dan it-trattat ma jistax jitqies li huwa liġi preċedenti għat-Trattat FUE. Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 208 tat-Trattat Euratom, dan tal-aħħar huwa applikabbli għal żmien indeterminat u li mill-ewwel premessa tal-preambolu tal-Protokoll Nru 2 li Jemenda t-Trattat Euratom anness mat-Trattat ta’ Lisbona jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom għandhom ikomplu jkollhom effett ġuridiku sħiħ. Min-naħa l-oħra, minn dan il-protokoll jirriżulta li t-Trattat ta’ Lisbona emenda u kkonferma mhux biss it-Trattat FUE u t-Trattat UE, iżda wkoll it-Trattat Euratom.

102    F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, li skontu mid-Dikjarazzjoni Nru 54 tad-Dikjarazzjonijiet annessi mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona jirriżulta li t-Trattat Euratom huwa skadut. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li ħames Stati Membri ddikjaraw li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom ma ġewx emendati sostanzjalment mindu dan daħal fis-seħħ u li kien meħtieġ li jiġu aġġornati, ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom huma kompletament fis-seħħ.

103    Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Plenipotenzjarji dwar l-Applikazzjoni tat-Trattat Euratom fil-kuntest tal-Atti dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja, u dwar l-Aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 382), huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-Istati Membri jiddeċiedu li jipproduċu jew li ma jipproduċux l-enerġija nukleari skont l-orjentamenti politiċi speċifiċi tagħhom. Minn dan ma jistax jiġi dedott li l-promozzjoni, minn Stat Membru, tal-enerġija nukleari ma tistax tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jfittex li jilħaq.

104    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom jirrigwarda biss il-faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-enerġija nukleari u li l-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari diġà ntlaħaq.

105    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-iżvilupp ta’ attività. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kienet intiża li tiżviluppa attività fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, ir-Renju Unit għandu dritt jagħżel bejn sorsi differenti ta’ enerġija. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta mill-premessa 510 tad-Deċiżjoni kkontestata u mill-premessi 6 u 7 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kienet intiża li tissostitwixxi kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari li kienu qegħdin jeqdiemu, li l-għeluq tagħhom kien ġie pproġettat. Barra minn hekk, huwa paċifiku li t-teknoloġija li għandha tintuża fl-imsemmi reattur hija iktar żviluppata minn dik użata fl-impjanti eżistenti.

106    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li Hinkley Point C ma kienx faċilità bażika meħtieġa għall-iżvilupp tal-enerġija nukleari u li l-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari kien diġà ntlaħaq, għandu jiġi miċħud.

107    It-tielet nett, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri għandu wkoll jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax direttament l-Istati Membri, iżda l-Komunità Euratom, ir-Renju Unit kellu dritt jeħodha inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192 tal-imsemmi trattat, li skontu l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-Komunità Euratom.

108    Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, kieku l-promozzjoni tal-enerġija nukleari kellha titqies li hija għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, ikun possibbli li tiġi ġġustifikata kull miżura li tfittex li tilħaq dan l-għan. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fil-premessa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari kienet tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, fl-istess premessa, hija ma eżaminatx jekk, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-miżuri inkwistjoni kinux xierqa, neċessarji u mhux sproporzjonati. Fil-fatt, huwa fil-punti 9.3 sa 9.6 tal-imsemmija deċiżjoni li hija eżaminat din il-kwistjoni.

109    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha li jfittxu li jipprovaw li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom ma jippermettux li jitqies li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari, u, b’mod iktar speċifiku, il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, jikkostitwixxu għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

110    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jinvokaw l-eżistenza ta’ kunflitt bejn il-promozzjoni tal-enerġija nukleari, minn naħa, u l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ sostenibbiltà kif ukoll uħud mill-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 194(1) TFUE, bħalma huma l-promozzjoni tal-effikaċja enerġetika, l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u l-promozzjoni ta’ netwerks tal-enerġija, min-naħa l-oħra. Skont dawn l-Istati Membri, il-Kummissjoni ma messhiex tat prijorità inkundizzjonata lill-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari, iżda messha ħadet inkunsiderazzjoni l-kunflitt bejn il-promozzjoni tal-enerġija nukleari u l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsemmi wkoll ir-riskju li jirriżulta minn attentati terroristiċi.

111    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-għanijiet li t-Trattat Euratom ifittex li jilħaq, ma jistax jitqies li l-prinċipji invokati mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jipprekludu li Stat Membru jiddetermina l-promozzjoni tal-enerġija nukleari bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. F’dak li jirrigwarda l-prinċipji li dawn l-Istati Membri jiddeduċu mit-Trattat FUE, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE ma għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom.

113    Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni tat prijorità inkundizzjonata lill-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fil-punt 9.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari kienet tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Min-naħa l-oħra, f’dan l-istadju tal-analiżi tagħha, hija ma eżaminatx in-natura proporzjonata tal-miżuri inkwistjoni.

114    Għaldaqstant, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħhom, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jfittxu li jipprovaw li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari ma tistax tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, dawn għandhom jiġu miċħuda. Madankollu, sa fejn dawn l-argumenti jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura proporzjonata tal-miżuri inkwistjoni, dawn ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

115    Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mill-programmi nukleari illustrattivi ppubblikati perjodikament mill-Kummissjoni jirriżulta li, skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom, l-investimenti fl-enerġija nukleari ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għanijiet ta’ interess komuni.

116    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

117    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tan-natura tal-programmi nukleari illustrattivi (ara l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom), il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 79 sa 115 iktar ’il fuq, li huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom u tat-Trattat FUE, ma jistgħux jitqiegħdu fid-dubju minn konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu f’dawn il-programmi.

118    It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li mill-programmi nukleari illustrattivi msemmija mir-Repubblika tal-Awstrija bl-ebda mod ma jirriżulta li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari ma tikkostitwixxix attività li l-iżvilupp tagħha ma jistax jiġi ffaċilitat skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

119    Fil-fatt, minn naħa, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mill-punt 7 tal-Programm Nukleari Illustrattiv tal‑4 ta’ Ottubru 2007, COM(2007) 565 finali, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jużawx l-enerġija nukleari jew le, dan jikkonferma d-dritt tar-Renju Unit li jippromwovi din l-enerġija (ara l-punt 97 iktar ’il fuq).

120    Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mill-paġna 18 tal-Programm Nukleari Illustrattiv tal‑25 ta’ Settembru 1996, COM(1996) 339 finali, mill-punt 3.3 ta’ dak tat‑13 ta’ Novembru 2008, KUMM(2008) 776 finali, u mill-paragrafu 4.2 ta’ dak tal‑4 ta’ Ottubru 2007, COM(2007) 565 finali, jirriżulta li, fid-dawl tal-kompetittività nukleari, ebda għajnuna mill-Istat ma għandha tingħata f’dan il-qasam, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dan l-argument ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari tista’ tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Jista’ jqiegħed fid-dubju biss il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri inkwistjoni. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ineffettiv f’dan il-kuntest, iżda ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, li jirrigwarda l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-neċessità ta’ intervent mill-Istat.

121    Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq il-programmi nukleari illustrattivi ppubblikati mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

122    Fis-sitt lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma daħlitx fid-dettall fir-riflessjonijiet tagħha dwar l-għanijiet ta’ diversifikazzjoni u ta’ sigurtà tal-provvista. Min-naħa tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li s-sigurtà tal-provvista ma hijiex iggarantita, għaliex l-uranju jkollu jiġi importat minn pajjiżi li jinsabu barra mill-Unjoni.

123    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li mill-premessi 366 sa 374 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset il-promozzjoni tal-enerġija nukleari bħala għan ta’ interess pubbliku, li waħdu jista’ jiġġustifika l-miżuri inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, billi rrilevat, fil-premessa 374 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari kienet tippermetti wkoll li tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ diversifikazzjoni u ta’ sigurtà tal-provvista, hija ma kkonstatatx li dawn iż-żewġ għanijiet l-oħra, waħedhom u b’mod awtonomu, kienu jippermettu li jiġu ġġustifikati l-miżuri inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma daħlitx fid-dettall fir-riflessjonijiet tagħha dwar l-għanijiet ta’ diversifikazzjoni u ta’ sigurtà tal-provvista fil-kuntest tal-punt 9.2 ta’ din id-deċiżjoni.

124    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

125    Fis-seba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tressaq ukoll argumenti bbażati, l-ewwel nett, fuq definizzjoni tas-suq żbaljata, it-tieni nett, fuq l-assenza ta’ falliment tas-suq fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, it-tielet nett, fuq il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għall-investiment, u, ir-raba’ nett, fuq l-effett fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn Stati Membri.

126    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-argumenti inkwistjoni jirrigwardaw stadji tal-eżami li għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE li jiġu wara d-determinazzjoni tal-għan ta’ interess pubbliku li jitfittex li jintlaħaq. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jistgħux jipprovaw żball tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

127    Dawn l-argumenti għalhekk huma ineffettivi sa fejn tqajmu insostenn ta’ dan il-motiv. Madankollu, l-ewwel argument, ibbażat fuq definizzjoni tas-suq żbaljata, u t-tieni argument, ibbażat fuq l-assenza ta’ falliment tas-suq, ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni aċċettat l-eżistenza ta’ suq distint tal-enerġija nukleari u li ma kienx hemm falliment tas-suq tal-elettriku. It-tielet argument, li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għall-investiment, ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri inkwistjoni messhom ġew ikklassifikati bħala għajnuna għall-funzjonament. Ir-raba’ argument, ibbażat fuq l-effett fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn Stati Membri ser jiġi eżaminat fil-kuntest tas-sitt motiv, li jfittex li jipprova n-natura allegatament żbaljata tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri inkwistjoni kienu josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

128    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud, bla ħsara għall-argumenti msemmija fil-punti 114, 120 u 125 iktar ’il fuq.

C.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li t-teknoloġija użata f’Hinkley Point C kienet ġdida

129    Dan il-motiv jirrigwarda l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skonthom l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari kienu jfittxu li jilħqu l-għan ta’ interess pubbliku li tiġi promossa l-enerġija nukleari u li skonthom dawn l-investimenti ma jitwettqux fl-assenza ta’ intervent mir-Renju Unit.

130    Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-konstatazzjonijiet inkwistjoni huma vvizzjati bi żbalji.

131    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li t-teknoloġija li għandha tintuża f’Hinkley Point C kienet tikkostitwixxi teknoloġija ġdida. Din ma hijiex teknoloġija ġdida, iżda teknoloġija pprovata, jiġifieri varjant tar-reattur li jaħdem bl-ilma taħt pressjoni li ilu jintuża għal għexieren ta’ snin, u li jixbah ferm lil diversi reatturi li joperaw attwalment.

132    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit jikkontestaw dan l-argument.

133    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija huwa bbażat fuq il-premessa li, fil-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li t-teknoloġija li għandha tintuża f’Hinkley Point C kienet tikkostitwixxi teknoloġija ġdida.

134    Issa, din il-premessa tar-Repubblika tal-Awstrija hija żbaljata.

135    Huwa minnu li l-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, fil-verżjoni Ġermaniża tagħha, tinkludi l-espressjoni “Investitionen in neue Nukleartechnologien” li tirreferi għal investimenti f’teknoloġiji nukleari ġodda.

136    Madankollu, kif jirriżulta mill-ewwel paġna tad-Deċiżjoni kkontestata, hija biss il-verżjoni bl-Ingliż li hija awtentika. Issa, il-premessa 392 ta’ din id-deċiżjoni, fil-verżjoni Ingliża tagħha, tinkludi l-espressjoni “new nuclear investment” li tirreferi għal investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari u jissemma li l-imsemmija investimenti jfittxu li jilħqu l-għan ta’ interess pubbliku indikat fil-punt 9.2 tal-imsemmija deċiżjoni u li l-miżuri inkwistjoni kienu meħtieġa, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dan it-tip speċifiku ta’ investimenti. Għalhekk, l-imsemmija premessa ma tirreferix għal teknoloġiji nukleari ġodda, iżda għal investimenti f’tali kapaċitajiet ġodda.

137    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata hija kkonfermata mill-premessi 375 sa 391 tal-imsemmija deċiżjoni, li jippreċedu l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 392 ta’ din id-deċiżjoni, u li fihom il-Kummissjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-użu ta’ teknoloġija nukleari ġdida.

138    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata u għandu jiġi miċħud.

139    Fit-tieni lok, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma speċifikatx liema attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE kienet intiża li tiġi promossa bil-miżuri inkwistjoni għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li mill-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li din kienet il-promozzjoni tal-enerġija nukleari.

140    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom jeżiġu żvilupp ta’ attività u li sempliċi miżura ta’ sostituzzjoni ma tissodisfax din il-kundizzjoni. F’dan il-kuntest, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1), il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU 2014, C 198, p. 1) jipprekludu li miżuri intiżi biss li jippermettu li impriża tuża l-iktar avvanzi tekniċi reċenti jew tikkonforma ruħha mal-istandards ta’ sigurtà jew ambjentali fis-seħħ jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern.

141    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 651/2014, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dan tal-aħħar sempliċement jipprevedi approċċ standardizzat għal eżenzjoni skont il-kategorija, iżda ma jorbotx il-Kummissjoni fil-kuntest ta’ eżami individwali mwettaq direttament abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

142    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija jirrigwardaw, minn naħa, l-għan li wieħed imur lil hinn mill-istandards tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-għan li jiżdied il-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent fl-assenza ta’ standards tal-Unjoni, li jissemmew fil-paragrafu 18(a) tal-imsemmija linji gwida, kif ukoll għanijiet relatati mar-riċerka, mal-iżvilupp u mal-innovazzjoni, min-naħa l-oħra. Issa, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma evalwatx il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

143    It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE sempliċement jeżiġi li l-miżuri ta’ għajnuna jkunu maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom ifittex li jiffaċilita l-investiment u li jiżgura l-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-enerġija nukleari fil-Komunità. Għalhekk, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma teżiġi li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ innovazzjoni teknoloġika.

144    Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-għan li tiġi promossa l-enerġija nukleari u, b’mod iktar speċifiku, dak li impriżi jiġu inċentivati sabiex jinvestu f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE u fl-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-fatt li dawn il-kapaċitajiet ġodda kienu intiżi li jissostitwixxu kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari li kienu qegħdin jeqdiemu ma jippermettix li jiġi kkonstatat li ma kienx jeżisti żvilupp fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, peress li impjanti tal-enerġija nukleari li jkunu qegħdin jeqdiemu għandhom jingħalqu (ara l-premessa 510 tad-Deċiżjoni kkontestata u l-premessi 6 u 7 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali), l-enerġija nukleari fir-Renju Unit tkun inqas żviluppata fl-assenza ta’ investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li t-teknoloġija li għandha tintuża f’Hinkley Point C hija iktar avvanzata minn dik li tintuża fl-impjanti tal-enerġija nukleari li huwa intiż li jissostitwixxi. Fil-fatt, minkejja li r-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta li din hija teknoloġija fundamentalment ġdida, hija tirrikonoxxi li din hija teknoloġija iktar żviluppata.

145    Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġu miċħuda u, għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

D.      Fuq l-ewwel motiv u l-ewwel u t-tieni partijiet tad-disa’ motiv, li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suq magħmula u l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-eżistenza ta’ falliment tas-suq

146    L-ewwel motiv u l-ewwel u t-tieni partijiet tad-disa’ motiv kif ukoll l-argumenti żviluppati fil-kuntest tar-raba’ motiv, ibbażati fuq il-programmi nukleari illustrattivi, fuq żbalji dwar id-definizzjoni tas-suq u fuq assenza ta’ falliment tas-suq (punti 120 u 125 iktar ’il fuq), jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet li żviluppat il-Kummissjoni fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, li fih hija kkonstatat li, mingħajr intervent mill-Istat, kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma jitwettqux f’waqthom.

147    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqisu li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex immotivati b’mod suffiċjenti u huma żbaljati. Essenzjalment, dawn l-Istati Membri jressqu tliet gruppi ta’ argumenti. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tikkonkludi li intervent mir-Renju Unit kien neċessarju. Kien ikun biss li kieku kkonstatat li kien hemm falliment tas-suq ta’ produzzjoni u ta’ provvista ta’ elettriku liberalizzat li kienet tkun tista’ tiddikjara li l-miżuri inkwistjoni kienu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Issa, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma humiex immotivati b’mod suffiċjenti u, fi kwalunkwe każ, huma manifestament żbaljati. Fit-tieni lok, l-imsemmija Stati Membri jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ suq għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u li hija ma mmotivatx id-Deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti f’dan ir-rigward. Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni ħoloq preġudizzju favur l-enerġija nukleari.

1.      Fuq l-argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-neċessità ta’ intervent mir-Renju Unit

148    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tikkonkludi li intervent mir-Renju Unit kien neċessarju. Skont dawn l-Istati Membri, il-miżuri inkwistjoni setgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE biss li kieku l-Kummissjoni kkonstatat li kien hemm falliment tas-suq ta’ produzzjoni u ta’ provvista ta’ elettriku liberalizzat. Issa, il-produzzjoni u l-provvista ta’ elettriku setgħu jiġu ggarantiti permezz ta’ teknoloġiji differenti mit-teknoloġija nukleari. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tikkonstata falliment tas-suq.

149    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit iqisu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

150    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jinkludi espliċitament ebda kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ falliment tas-suq. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni sempliċement teżiġi li l-għajnuna tirrigwarda għan ta’ interess pubbliku u li tkun xierqa, neċessarja u mhux sproporzjonata (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kwistjoni rilevanti hija jekk l-għan ta’ interess pubbliku li l-Istat Membru jfittex li jilħaq jitwettaqx fl-assenza ta’ intervent min-naħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punt 77).

151    Fil-fatt, għalkemm l-eżistenza ta’ falliment tas-suq tista’ tikkostitwixxi element rilevanti sabiex għajnuna mill-Istat tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, l-assenza ta’ falliment tas-suq ma għandhiex neċessarjament il-konsegwenza li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jkunux issodisfatti (sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punti 78 u 79, u tat-18 ta’ Jannar 2017, Andersen vs Il‑Kummissjoni, T‑92/11 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:14, punt 69). Pereżempju, intervent mill-Istat jista’ jitqies li huwa neċessarju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta l-forzi tas-suq ma jkunux jistgħu waħedhom jilħqu f’waqtu l-għan ta’ interess pubbliku li l-Istat Membru jfittex li jilħaq, minkejja li, bħala tali, ma jistax jitqies li jkun hemm falliment ta’ tali suq.

152    Huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li kien neċessarju intervent mir-Renju Unit sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku li huwa kien qiegħed ifittex li jilħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Dawn l-ilmenti huma bbażati fuq l-allegazzjoni li, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma żvelatx ir-raġunijiet li għalihom l-investimenti f’Hinkley Point C kellhom jitqiesu li huma ta’ natura speċifika u li jeħtieġu intervent mill-Istat, it-tieni nett, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata huma affettwati minn żbalji materjali u formali, it-tielet nett, il-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom l-għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ dekarbonizzazzjoni ma setgħux jintlaħqu mingħajr għajnuna mill-Istat u, ir-raba’ nett, il-Kummissjoni messha esponiet iktar fid-dettall sa fejn Hinkley Point C kien ser juża teknoloġiji ġodda.

a)      Fuq l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar in-natura speċifika tal-investimenti f’Hinkley Point C

153    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi n-natura speċifika tal-investimenti f’Hinkley Point C, mingħajr madankollu ma tiżvela r-raġunijiet li għalihom dawn l-investimenti kellhom jitqiesu li huma ta’ natura speċifika.

154    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

155    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni siltet il-konklużjoni tagħha mill-kunsiderazzjonijiet tagħha żviluppati fi-premessi 381 sa 391 tal-imsemmija deċiżjoni. Issa, fil-premessi 382 u 383 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, li l-investimenti fl-enerġija nukleari kienu suġġetti għal riskji sinjifikattivi minħabba l-kombinazzjoni ta’ spejjeż kapitali għoljin li jridu jitħallsu bil-quddiem ma’ termini twal għall-kostruzzjoni u perijodu ta’ operat twil sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż ta’ investiment. Skontha, ma kinux jeżistu strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq jew tipi oħra ta’ kuntratti li jippermettu li jiġu koperti dawn ir-riskji sostanzjali, ħaġa li kienet fenomenu speċifiku għal ċerti teknoloġiji, fosthom l-enerġija nukleari. Fil-fatt, l-istrumenti disponibbli fis-suq ma kinux jipprevedu termini li jaqbżu l-10 jew il-15-il sena, la fil-forma ta’ kuntratti għal żmien twil u lanqas bħala strumenti ta’ kopertura tar-riskji. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi wkoll, b’mod partikolari, għaċ-ċikli tal-ħajja estremament twal u kumplessi tal-impjanti tal-enerġija nukleari, għall-kuntrarju tal-maġġoranza tal-infrastrutturi tal-enerġija l-oħra, u tabilħaqq għall-kuntrarju tal-maġġoranza tal-investimenti fl-infrastruttura b’mod ġenerali. B’mod partikolari, hija rrilevat, qabelxejn, li normalment kienu meħtieġa minn tmienja sa għaxar snin biex jinbena impjant tal-enerġija nukleari u li l-ispejjeż li jridu jitħallsu qabel ma jiġi ġġenerat kwalunkwe dħul u r-riskji kienu jaqgħu fuq l-investitur waħdu. Barra minn hekk, il-ħajja operattiva ta’ 60 sena hija kkaratterizzata mill-ġenerazzjoni ta’ dħul, iżda dan huwa bbażat fuq evoluzzjoni inċerta tal-prezzijiet bl-ingrossa. Minbarra dan, il-perijodu ta’ dekummissjonar li jsegwi jista’ jdum 40 sena, b’fondi li jridu jinżammu għall-għeluq tal-installazzjoni. Barra minn hekk, il-ħażna u t-trattament ta’ skart nukleari ta’ livell radjoattiv għoli normalment jitwettqu fuq il-post qabel it-trasferiment tal-iskart lejn sit tal-ħażna, fejn l-iskart huwa mistenni li jinħażen għal eluf ta’ snin. Fl-aħħar nett, jeżisti riskju ta’ ffriżar li jikkawża inċertezzi għall-investituri privati, minħabba l-fatt li gvernijiet suċċessivi jista’ jkollhom fehmiet differenti dwar kemm hija attraenti t-teknoloġija nukleari, fid-dawl tan-natura kontroversjali tagħha.

156    Għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 382 u 383 tad-Deċiżjoni kkontestata juru b’mod suffiċjentement ċar ir-raġunijiet li għalihom, skontha, fl-assenza ta’ intervent mir-Renju Unit, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq u ta’ tipi oħra ta’ kuntratti li jippermettu li jiġu koperti dawn ir-riskji sostanzjali, l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma jitwettqux f’waqthom.

157    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni li tinsab fil-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq l-ilment li jfittex li jipprova l-eżistenza ta’ żbalji materjali u formali li jaffettwaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata

158    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jressqu argumenti li jfittxu li jipprovaw in-natura żbaljata tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, esposti fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skonthom, fid-dawl tal-assenza ta’ strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq u ta’ tipi oħra ta’ kuntratti li jippermettu li jiġu koperti ir-riskji sostanzjali, li għalihom huma suġġetti l-investimenti fl-enerġija nukleari, intervent mill-Istat kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari, u, b’mod iktar speċifiku, dak tal-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Skont dawn l-Istati Membri, il-Kummissjoni wettqet żbalji materjali u formali f’dan ir-rigward.

159    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti. Il-Kummissjoni ssostni li wħud mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija huma inammissibbli minħabba n-natura tardiva tagħhom.

160    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, il-Kummissjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. L-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għalhekk huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti u tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 74, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 83).

161    Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam tal-ekonomija, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha toqgħod lura milli tivverifika l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jinsiltu minnha. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, hija ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-każijiet fejn istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali. Skont il-ġurisprudenza, fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punti 56 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    L-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandhom jiġu eżaminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-prinċipji.

163    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li s-sempliċi fatt li impriża partikolari ma tistax tikseb finanzjament fis-suq ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-għan ta’ interess pubbliku li Stat Membru jfittex li jilħaq ma jistax jintlaħaq mingħajr intervent min-naħa tiegħu.

164    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

165    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fil-premessi 381 sa 391 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha li teżamina s-sitwazzjoni individwali ta’ NNBG jew tal-investituri ta’ din il-kumpannija, iżda tiddeċiedi b’mod iktar ġenerali dwar il-kwistjoni jekk, fl-assenza ta’ intervent mir-Renju Unit, ikunux ser jinbnew kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari f’dan l-Istat Membru, fid-dawl tal-assenza ta’ strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq u ta’ tipi oħra ta’ kuntratti li jippermettu li jiġu koperti r-riskji sostanzjali li għalihom huma suġġetti l-investimenti fl-enerġija nukleari.

166    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessi 382 u 383 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha ma kinux jeżistu strumenti finanzjarji xierqa għal investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, ma hijiex ibbażata fuq eżami suffiċjentement solidu u ddettaljat u ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti.

167    L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni forom oħra ta’ investiment, bħalma huma l-investiment permezz ta’ sindakalizzazzjoni internazzjonali jew l-għajnuna individwali li tingħata minn finanzjaturi li jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu mezzi suffiċjenti għal dan.

168    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessi 381 sa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom l-investimenti fl-enerġija nukleari kienu suġġetti għal riskji sinjifikattivi u kkonstatat li ma kinux jeżistu strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq jew tipi oħra ta’ kuntratti li jippermettu li jiġu koperti dawn ir-riskji. Wara li wettqet xogħol ta’ mmudellar, il-Kummissjoni, barra minn hekk, ikkonstatat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet teżisti inċertezza għolja dwar it-twettiq ta’ investimenti privati f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari f’terminu realistiku.

169    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-sempliċi riferiment, mir-Repubblika tal-Awstrija, għall-possibbiltà ta’ finanzjament permezz ta’ sindakalizzazzjoni internazzjonali jew permezz ta’ għajnuna individwali li tista’ tingħata minn finanzjaturi li jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu mezzi suffiċjenti f’dan ir-rigward, ma jistax jipprova li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

170    Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrent għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet ta’ fatt li jkunu saru fid-deċiżjoni (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, FAB vs Il‑Kummissjoni, T‑8/06, mhux ippubblikata, EU:T:2009:386, punt 78).

171    Issa, ir-Repubblika tal-Awstrija ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom ir-riskji sinjifikattivi li għalihom huma suġġetti l-investimenti fl-enerġija nukleari, minħabba, b’mod partikolari, il-kombinazzjoni ta’ spejjeż kapitali għoljin li jridu jitħallsu bil-quddiem, termini twal għall-kostruzzjoni u l-perijodu ta’ operat twil sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż ta’ investiment kif ukoll iċ-ċikli tal-ħajja estremament twal u kumplessi, evoluzzjoni inċerta tal-prezzijiet bl-ingrossa u spejjeż marbuta mad-dekummissjonar kif ukoll ir-riskju ta’ ffriżar, ma jipprekludux ukoll finanzjament permezz ta’ sindakalizzazzjoni internazzjonali jew finanzjament individwali.

172    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

173    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-problema tan-nuqqas ta’ sinjali ta’ prezzijiet għal żmien twil tikkonċerna wkoll teknoloġiji oħra u konsegwentement għandha titqies li hija kundizzjoni normali tas-suq li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju tal-proġett. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jeżistux sinjali ta’ prezzijiet stabbli għall-għaxar sal-ħmistax-il sena li ġejjin fis-suq tal-elettriku. Fl-iktar boroż Ewropej tal-elettriku likwidi, il-prodotti offruti għandhom attwalment ħajja li testendi sa seba’ snin. Anki għal impjanti tal-elettriku li jużaw teknoloġiji b’tul ta’ operat iqsar mill-impjanti tal-enerġija nukleari, parti sinjifikattiva mill-ħajja tagħhom ma hijiex koperta mis-sinjali ta’ prezzijiet disponibbli.

174    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li dan l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija huwa fondat, huwa ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ strumenti finanzjarji xierqa għall-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Għall-kuntrarju, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li, anki għal perijodi iqsar mill-perijodu bejn għaxar u ħmistax-il sena meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, ma kinux jeżistu sinjali ta’ prezzijiet stabbli, jista’ jsaħħaħ il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ fatturi li jipprekludu investimenti f’tali kapaċitajiet ġodda.

175    It-tielet nett, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ma messhiex illimitat ruħha għas-swieq finanzjarji fir-Renju Unit, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 382 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-assenza ta’ strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq u ta’ tipi oħra ta’ kuntratti għall-kopertura tar-riskji sostanzjali relatati mal-investimenti f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Issa, minn din il-premessa bl-ebda mod ma jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-Kummissjoni llimitat ruħha għall-istrumenti finanzjarji disponibbli fir-Renju Unit.

176    Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssosnti li, f’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti.

177    Minn naħa, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma indikatx ir-raġuni li għaliha wieħed għandu jibbaża ruħu esklużivament fuq is-swieq finanzjarji disponibbli fir-Renju Unit. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif diġà ġie espost fil-punt 175 iktar ’il fuq, huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni llimitat ruħha għall-imsemmija swieq finanzjarji.

178    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fi kwalunkwe każ, fil-premessi 381 sa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma semmietx espliċitament is-swieq finanzjarji li hija ħadet inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni esposta fl-imsemmija premessi hija suffiċjenti sabiex l-imsemmi Stat Membru jkun jista’ jsir jaf ir-raġunijiet għall-miżura meħuda u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-fatt, li kieku dan l-Istat Membru qies li kienu jeżistu strumenti finanzjarji li ma kinux affettwati mill-fatturi rrilevati mill-Kummissjoni, huwa seta’ jressaq argumenti f’dan ir-rigward matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ħaġa li kienet tippermetti lil din tal-aħħar tistħarreġ il-fondatezza ta’ din il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni.

179    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ strumenti finanzjarji xierqa għandhom jiġu miċħuda.

180    Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tressaq argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq ir-riskju ta’ ffriżar politiku.

181    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 384 tad-Deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tesprimi riżerva dwar il-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni ta’ ffriżar li hija kienet identifikat setgħetx tiġi kklassifikata bħala falliment tas-suq, il-Kummissjoni kkonstatat li dan ir-riskju seta’ “tkun [ikun] fattur li jagħmel l-investiment [f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari] iżjed diffiċli, b’mod partikolari minħabba l-iskedi ta’ żmien twal meħtieġa għall-kostruzzjoni, l-operat u d-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari”. L-imsemmija istituzzjoni għalhekk ikkonstatat li, mill-perspettiva tal-investituri potenzjali, ir-riskju ta’ ffriżar politiku kien fattur li jipprekludi investimenti f’tali kapaċitajiet ġodda.

182    L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li sitwazzjoni ta’ ffriżar teżisti biss fil-każ li waħda mill-partijiet f’kuntratt għal żmien twil, li ma jkunx iddefinit kompletament fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, ikollha marġni ta’ manuvra kunsiderevoli li jippermettilha tadotta aġir opportunistiku, filwaqt li l-parti l-oħra tkun impenjat ruħha bil-quddiem billi wettqet, pereżempju, investimenti sinjifikattivi ferm li ma jkunux trasferibbli. Kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

183    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 384 u 385 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm it-teknoloġiji kollha setgħu bħala prinċipju jiġu affettwati minn iffriżar politiku, il-proġetti nukleari huma ġeneralment iktar esposti għal dan ir-riskju. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, minn naħa, li gvernijiet suċċessivi jista’ jkollhom fehmiet differenti dwar kemm hija attraenti t-teknoloġija nukleari, u dan jista’ jżid l-inċertezza għall-investituri privati u, min-naħa l-oħra, li dawn l-inċertezzi kienu iktar sinjifikattivi għat-teknoloġija nukleari, minħabba n-natura kontroversjali ta’ din it-teknoloġija, termini itwal u daqs ikbar tal-investimenti.

184    F’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija, għandu jiġi kkonstatat li hija tillimita ruħha, minn naħa, li tispjega dak li tifhem b’sitwazzjoni ta’ ffriżar u, min-naħa l-oħra, li ssostni li impriża li tinvesti f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma tinsabx f’tali sitwazzjoni.

185    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti żviluppati mir-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux jipprovaw li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 384 u 385 tad-Deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 160, 161 u 170 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tressaqx argumenti li jistgħu jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li r-riskju deskritt fil-punt 183 iktar ’il fuq kien jikkostitwixxi fattur li jipprekludi l-investimenti fil-kostruzzjoni u fl-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda.

186    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

187    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-riskju ta’ bidla fil-kuntest politiku ma huwiex riskju speċifiku għall-impjanti tal-enerġija nukleari, iżda riskju ġenerali li jirrigwarda l-proġetti kollha li dwarhom ikun hemm nuqqas ta’ qbil fl-opinjoni pubblika, speċjalment dawk li jeħtieġu riżorsi sinjifikattivi. Għaldaqstant, tali riskju ma jistax jikkostitwixxi fattur li għandu jiġi kkoreġut permezz ta’ għajnuna mill-Istat.

188    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 384 u 385 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma eskludiet li r-riskju ta’ bidla fil-kuntest politiku jista’ jeżisti wkoll fir-rigward ta’ proġetti oħra u jista’ jipprekludi investimenti f’tali proġetti.

189    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument li jista’ jqiegħed fid-dubju l-plawżibbiltà tal-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li hemm riskju kunsiderevoli ta’ bidla fil-kuntest politiku fir-rigward tat-teknoloġija nukleari, minħabba, b’mod partikolari, in-natura kontroversjali ta’ din it-teknoloġija, il-probabbiltà ta’ dan ir-riskju, il-kobor ta’ din il-bidla, li jista’ jestendi sal-abbandun totali tal-industrija nukleari, il-perijodi twal ħafna għar-rimbors u l-ammonti kbar ħafna tal-investimenti.

190    Għaldaqstant, lanqas dan l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija ma jista’ jipprova l-eżistenza ta’ żball manifest fir-raġunament tal-Kummissjoni.

191    It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-każ ta’ esproprijazzjoni, fid-dawl tal-protezzjoni tal-investimenti u tad-drittijiet patrimonjali, jiġi ggarantit kumpens finanzjarju għad-dannu.

192    Minn naħa, sa fejn dan l-argument ifittex li jipprova li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li jiġi ggarantit kumpens finanzjarju għad-dannu, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar sa fejn jiġi ggarantit kumpens għad-dannu fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point ġiet eżaminata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, fil-premessa 192 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esponiet li l-pagament ta’ danni mħallsa minn awtoritajiet nazzjonali bħala kumpens għal dannu kkawżat mill-awtoritajiet pubbliċi ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li l-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati d-dritt tar-Renju Unit u d-dritt tal-Unjoni kienu joħolqu dritt għal kumpens meta jkun hemm ċaħda mid-dritt għall-proprjetà.

193    Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija jfittex li jipprova li, fid-dawl tal-fatt li kien iggarantit kumpens finanzjarju għad-dannu, kien manifestament żbaljat li jitqies li r-riskju ta’ ffriżar politiku kien jikkostitwixxi fattur li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala fattur li jipprekludi l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, dan għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li jista’ jintalab kumpens għad-dannu abbażi tal-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati d-dritt tar-Renju Unit u d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li r-riskju ta’ ffriżar politiku jkollu effett dissważiv fuq investituri potenzjali. Fid-dawl tal-ammonti tal-investimenti inkwistjoni f’dan il-każ, is-sempliċi prospett li jinkiseb, jekk ikun il-każ, wara eventwali kawża, kumpens finanzjarju ta’ ammont inċert fil-każ ta’ esproprijazzjoni, ma huwiex ta’ natura li jeskludi kompletament l-ostakolu għall-investimenti li jirriżulta minn riskju ta’ ffriżar politiku. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li, minkejja l-fatt li jista’ jintalab kumpens għad-dannu, ir-riskju ta’ ffriżar politiku kien jikkostitwixxi fattur li jipprekludi l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari.

194    Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li kien żbaljat li l-operaturi ta’ Hinkley Point C jiġu “immunizzati” kontra deċiżjonijiet politiċi futuri meħuda demokratikament. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li tali deċiżjonijiet politiċi ma jistgħux jitqiesu li huma fallimenti tas-suq.

195    Sa fejn, permezz tal-argumenti tagħhom, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jixtiequ jsostnu li deċiżjonijiet politiċi futuri meħuda demokratikament ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni jekk kinux jeżistu fatturi li jipprekludu l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li setgħu jipprekludu li, fl-assenza ta’ intervent mill-Istat, tali kapaċitajiet ġodda jinħolqu f’waqthom mill-forzi tas-suq. Għalhekk, ma kienx manifestament żbaljat li, f’dan il-kuntest, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-inċertezzi li jistgħu jirriżultaw minn riskju ta’ ffriżar politiku u li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 189 iktar ’il fuq, huma partikolarment kunsiderevoli fil-qasam nukleari.

196    Sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tillimitax ruħha li tqiegħed fid-dubju n-neċessità ta’ intervent mir-Renju Unit bħala tali, iżda tixtieq ukoll issostni l-eżistenza ta’ kumpens eċċessiv, minħabba l-fatt li l-miżuri konkreti, jiġifieri l-Kuntratt għad-Differenza, il-Ftehim tas-Segretarjat tal-Istat u l-Garanzija ta’ Kreditu, imorru lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jingħelbu l-ostakoli kkonstatati, dan huwa argument li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura neċessarja tal-miżuri inkwistjoni u li jikkoinċidi mal-argumenti żviluppati fil-kuntest tas-sitt motiv. Dan l-argument huwa għalhekk ineffettiv f’dan il-kuntest, iżda ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv.

197    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq il-possibbiltà ta’ sitwazzjoni ta’ ffriżar politiku għandhom jiġu miċħuda, bla ħsara għall-argument li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tas-sitt motiv.

198    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari oħra ġiet iffinanzjata mingħajr l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ Flamanville (Franza) u ta’ Olkiluoto (il-Finlandja).

199    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-premessi 381 sa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li, minħabba l-fatt li l-investimenti fl-enerġija nukleari kienu suġġetti għal riskji sinjifikattivi u li ma kinux jeżistu strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq jew tipi oħra ta’ kuntratti li jippermettu li jiġu koperti dawn ir-riskji, kienet teżisti inċertezza għolja dwar it-twettiq ta’ investimenti privati f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari f’terminu realistiku. Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni mhux biss fuq identifikazzjoni ta’ dawn il-fatturi, iżda wkoll fuq xogħol ta’ mmudellar.

200    Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li impjanti tal-enerġija nukleari li għandhom l-istess tip ta’ reattur bħal dak li għandu jintuża f’Hinkley Point C inbnew fi Flamanville u f’Olkiluoto, mingħajr ma ngħatat għajnuna mill-Istat, jistax iċaħħad mill-plawżibbiltà dawn l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

201    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 25 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jirriżulta li, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, kien diġà magħruf li l-proġetti ta’ kostruzzjoni tal-impjanti ta’ Flamanville u ta’ Olkiluoto kienu ġġeneraw spejjeż addizzjonali sinjifikattivi.

202    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Franċiża, li la hija kkontestata mir-Repubblika tal-Awstrija u lanqas mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, id-deċiżjonijiet li jsir investiment fil-proġetti ta’ kostruzzjoni msemmija mir-Repubblika tal-Awstrija ttieħdu qabel l-inċident fir-reattur nukleari ta’ Fukushima (il-Ġappun).

203    It-tielet nett, għandu jitfakkar li dawn il-proġetti ġew ikkonċepiti f’kundizzjonijiet qafas differenti. Kif sostniet il-Kummissjoni, mingħajr ma dan ġie kkontestat b’mod iddettaljat mir-Repubblika tal-Awstrija jew mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, id-deċiżjoni li jsir investiment fil-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Flamanville ttieħdet fl-2005, u għalhekk wara l-kriżi finanzjarja dinjija tal-2007 u tal-2008, filwaqt li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara li bdiet din il-kriżi. F’dak li jirrigwarda l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Olkiluoto, għandu jiġi rrilevat li mill-Programm Nukleari Illustrattiv tal‑4 ta’ Ottubru 2007, COM(2007) 565 finali, jirriżulta li l-investiment f’dan l-impjant inkiseb permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-azzjonisti, li jiżgura prezz tal-enerġija fiss għall-proprjetarji investituri. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li la ġiet ikkontestata b’mod iddettaljat mir-Repubblika tal-Awstrija u lanqas mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-azzjonisti ta’ dan l-istess impjant huma essenzjalment produtturi tal-karta u l-enerġija prodotta tinqasam bejn l-azzjonisti għall-ispiża reali ta’ produzzjoni.

204    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li l-prezz bl-ingrossa tal-elettriku fl-Unjoni naqas ferm minn mindu ttieħdu d-deċiżjonijiet ta’ investiment fil-kostruzzjoni tal-impjanti nukleari ta’ Flamanville u ta’ Olkiluoto (minn 35 għal 45 % bejn l-2008 u l-2012), ħaġa li la ġiet ikkontestata mir-Repubblika tal-Awstrija u lanqas mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

205    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, meħud waħdu, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li impjanti tal-enerġija nukleari li għandhom l-istess tip ta’ reattur bħal dak li għandu jintuża f’Hinkley Point C inbnew fi Flamanville u f’Olkiluoto, mingħajr ma ngħatat għajnuna mill-Istat, ma jistax iċaħħad mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati fil-premessi 381 sa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata.

206    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

207    Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li jeżistu proġetti infrastrutturali paragunabbli għalkollox (impjanti idroelettriċi, mini, organi kbar ta’ riċerka fil-qasam farmaċewtiku jew tal-inġinerija ġenetika, u proġetti spazjali), li jeħtieġu li l-operatur jaffaċċja spejjeż ta’ investiment għoljin, termini twal għall-kostruzzjoni u perijodu ta’ operat twil.

208    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, fil-premessi 381 sa 385 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma eskludiet li, għal proġetti infrastrutturali oħra, jistgħu jeżistu wkoll fatturi li jipprekludu l-investimenti.

209    Min-naħa l-oħra, is-sempliċi riferiment għall-fatt li proġetti infrastrutturali oħra mhux speċifikati jkollhom ukoll jaffaċċjaw spejjeż ta’ investiment għoljin, termini twal għall-kostruzzjoni u perijodu ta’ operat twil, ma jistax iċaħħad mill-plawżibbiltà l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 381 sa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata, li fihom hija ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-riskji inerenti għall-produzzjoni ta’ enerġija nukleari u l-assenza ta’ strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq jew ta’ tipi oħra ta’ kuntratti li jippermettu li jiġu koperti dawn ir-riskji. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-riskju ta’ ffriżar politiku u ta’ abbandun totali tat-teknoloġija nukleari, minħabba n-natura kontroversjali tagħha, huwa speċifiku għall-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari.

210    Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

211    Fis-sitt lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li r-Repubblika tal-Awstrija tislet mill-programmi nukleari illustrattivi u li hija ressqet fil-kuntest tar-raba’ motiv (ara l-punt 120 iktar ’il fuq). Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li minn uħud minn dawn il-programmi jirriżulta li l-enerġija nukleari hija kompetittiva u li l-proġetti mwettqa f’dan il-qasam ma għandhomx jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. Essenzjalment, dawn l-argumenti jfittxu li jipprovaw li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Kummissjoni, kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari setgħu nbnew f’waqthom mingħajr l-intervent tar-Renju Unit.

212    F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tal-programmi nukleari illustrattivi li għalihom tirreferi r-Repubblika tal-Awstrija.

213    F’dak li jirrigwarda l-Programm Nukleari Illustrattiv tal‑4 ta’ Ottubru 2007, COM(2007) 565 finali, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li, fil-punt 4.2 tad-dokument inkwistjoni, il-Kummissjoni identifikat xejra li, f’ċerti Stati Membri, impjanti ġodda tal-enerġija nukleari kienu qegħdin jinbnew, fil-biċċa l-kbira tagħhom, mingħajr sussidji, ħaġa li kienet tindika li t-teknoloġija nukleari qiegħda dejjem iktar titqies li hija kompetittiva. Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-punt 4.3 ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni kkonstatat li kienu jeżistu inċertezzi dwar il-prezzijiet futuri tal-elettriku, l-istruttura u l-kundizzjonijiet tas-suq u dwar il-politiki għall-enerġija u għat-tibdil fil-klima, li kienu joħolqu riskji kbar għall-investimenti fit-tul fis-settur tal-enerġija u kienu jaffettwaw b’mod partikolari t-teknoloġija nukleari, minħabba li l-investiment kapitali li teħtieġ il-kostruzzjoni ta’ impjant ġdid huwa kbir ħafna u minħabba li dan l-investiment jeħtieġ terminu pjuttost twil qabel ma jibda jirrendi l-qligħ. F’dan id-dokument jissemma wkoll li l-investituri jippreferu l-investimenti b’tul ta’ żmien għall-kostruzzjoni iqsar u b’terminu ta’ profittabbiltà iqsar. Barra minn hekk, fil-punti 4.2 u 4.3 tal-imsemmi dokument, il-Kummissjoni rrilevat li hija kellhiex data pprovata għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda, għaliex ebda impjant ġdid ma kien inbena għal iktar minn għaxar snin, ħaġa li kienet tagħmilha diffiċli li wieħed jikkalkola bl-eżatt l-ispejjeż għar-reatturi tal-aħħar ġenerazzjoni.

214    F’dak li jirrigwarda l-Programm Nukleari Illustrattiv tat-13 ta’ Novembru 2008, KUMM(2008) 776 finali, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li, fil-punt 3.3 tal-imsemmi programm, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li, fl-Unjoni, jiġi żgurat li l-proġetti għall-enerġija nukleari ma jibbenefikaw minn ebda għajnuna mill-Istat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 3.3, 3.3.1 u 3.3.2 ta’ dan il-programm, il-Kummissjoni rrilevat li l-ispejjeż ta’ impjant tal-enerġija nukleari kienu ferm ogħla minn dawk ta’ impjant ekwivalenti li jitħaddem bil-faħam jew bil-gass, li d-daqs tal-investiment tal-bidu u ż-żmien meħtieġ sabiex dan jiġi rkuprat kienu jimplikaw riskju għoli għall-impriżi privati u li n-nuqqas ta’ stabbiltà reċenti fis-swieq dinjin tal-kreditu probabbilment kien ser jitfa’ pressjoni fuq il-proġetti ta’ investiment fuq skala kbira. Hija kkonkludiet li, filwaqt li l-finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda kien f’idejn l-operaturi privati u s-swieq kapitali, xi miżuri sabiex jiffaċilitaw il-finanzjament jistgħu jiġu ġġustifikati, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-klima ġenerali tal-investiment li kienet saret iktar diffiċli għal dawk li jissellfu fuq skala kbira.

215    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-Repubblika tal-Awstrija, ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-programmi nukleari illustrattivi msemmija fil-punti 213 u 214 iktar ’il fuq, minn naħa, u l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra.

216    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-programmi nukleari illustrattivi inkwistjoni jirriflettu s-sitwazzjoni fil-mument tat-tfassil tagħhom. Għalhekk, huma ma jiħdux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li seħħew wara t-tfassil tagħhom, bħal, pereżempju, il-konsegwenzi tal-inċident fir-reattur nukleari ta’ Fukushima.

217    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-kontenut tal-programmi nukleari illustrattivi inkwistjoni ma jistax jipprova l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni.

218    Fis-seba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs tal-proġett bħala fattur li jipprekludi l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Tali kriterju messu ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (ĠU 2014, C 188, p. 4).

219    Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

220    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, xejn ma jipprekludi li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u, b’mod iktar speċifiku, fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni jekk għajnuna mill-Istat hijiex neċessarja, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-proġett innotifikat.

221    Għaldaqstant, bla ħsara għall-argument li jirrigwarda eventwali kumpens eċċessiv (ara l-punt 196 iktar ’il fuq), li ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv, l-argumenti kollha tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li, fl-assenza ta’ intervent mir-Renju Unit, l-għan li dan l-Istat jfittex li jilħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, ma jintlaħaqx f’waqtu, għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-Kummissjoni li wħud mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija huma inammissibbli minħabba n-natura tardiva tagħhom.

c)      Fuq l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista u tad-dekarbonizzazzjoni setgħu jintlaħqu mingħajr għajnuna mill-Istat

222    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ dekarbonizzazzjoni setgħu jintlaħqu mingħajr il-miżuri inkwistjoni.

223    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti. Il-Kummissjoni tqis ukoll li wħud mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija huma inammissibbli minħabba n-natura tardiva tagħhom.

224    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-neċessità ta’ intervent mir-Renju Unit ma hijiex ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ dekarbonizzazzjoni ma setgħux jintlaħqu mingħajr għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessi 378 sa 380 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet ma kienx jidher li jiġġustifika investimenti speċifikament fil-produzzjoni ta’ enerġija nukleari, iżda, b’mod iktar ġenerali, investimenti fil-produzzjoni ta’ enerġija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u fir-rimedji għall-internalizzazzjoni tal-esternalità pożittiva tal-elettriku disponibbli.

225    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-neċessità ta’ intervent mir-Renju Unit żviluppati fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq l-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari, u, b’mod iktar speċifiku, fuq l-għan tal-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Issa, kif ġie espost fil-punti 153 sa 221 iktar ’il fuq, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistgħux jipprovaw li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex immotivati b’mod suffiċjenti jew li huma vvizzjati bi żbalji materjali.

226    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ dekarbonizzazzjoni setgħu jintlaħqu mingħajr għajnuna mill-Istat għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura tardiva ta’ wħud mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija.

d)      Fuq l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma esponietx b’mod suffiċjenti sa fejn Hinkley Point C kien ser juża teknoloġiji ġodda

227    F’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni messha esponiet iktar fid-dettall sa fejn Hinkley Point C kien ser juża teknoloġiji ġodda, huwa suffiċjenti li jitfakkar li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 392 tad-Deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 131 sa 138 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

228    Għaldaqstant, l-ilmenti kollha li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li intervent mir-Renju Unit kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku li huwa kien qiegħed ifittex li jilħaq għandhom jiġu miċħuda.

2.      Fuq l-argumenti li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suq magħmula mill-Kummissjoni

229    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji dwar id-definizzjoni tas-suq. Skontha, kuntrarjament għall-approċċ segwit fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-imsemmija istituzzjoni ma bbażatx ruħha, fid-Deċiżjoni kkontestata, fuq is-suq liberalizzat tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ elettriku, iżda fuq is-suq tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni ma applikatx ir-regoli li jirregolaw id-definizzjoni tas-suq u eskludiet il-prassi tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq.

230    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit iqisu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

231    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat is-suq liberalizzat tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ elettriku bħala s-suq affettwat mill-miżuri inkwistjoni. Fil-fatt, fil-premessa 340 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-imsemmija miżuri kienu jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ, filwaqt li għamlet riferiment għall-effetti ta’ dawn tal-aħħar fuq is-suq liberalizzat tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ elettriku. Mill-punt 9.6 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn dawn il-miżuri, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ fl-imsemmi suq.

232    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-suq tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari għandu jiġi miċħud.

233    Fit-tieni lok, sa fejn l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija jfittxu li jsostnu li l-Kummissjoni ma eżaminatx sa fejn il-kostruzzjoni u l-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari setgħu jitqiesu li huma suq rilevanti, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni jekk intervent mir-Renju Unit kienx neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li dan l-Istat Membru kien qiegħed ifittex li jilħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni. Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġu miċħuda.

234    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti l-oħra tar-Repubblika tal-Awstrija li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suq magħmula mill-Kummissjoni, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dawn huma bbażati fuq il-premessi żbaljati li, fid-Deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija istituzzjoni bbażat ruħha fuq is-suq tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari jew setgħet tiddikjara l-miżuri inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE biss li kieku kkonstatat falliment ta’ dan is-suq. Minn dan isegwi li dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġi miċħuda u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suq.

3.      Fuq l-argument ibbażat fuq preġudizzju favur l-enerġija nukleari

235    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni ħoloq preġudizzju favur l-enerġija nukleari.

236    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit iqisu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

237    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jippermetti li għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk din tkun intiża għall-iżvilupp ta’ attività li tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku, tkun xierqa, neċessarja u mhux sproporzjonata u li, skont l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, Stat Membru għandu dritt iqis li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari tikkostitwixxi tali għan (ara l-punt 97 iktar ’il fuq).

238    Fit-tieni lok, sa fejn, permezz tal-argument tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tfittex li tipprova li, fid-dawl tal-effetti tagħhom fuq l-investimenti f’sorsi ta’ enerġija differenti mill-enerġija nukleari, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma proporzjonati, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dan l-argument ifittex li jqiegħed fid-dubju n-natura mhux sproporzjonata tal-miżuri inkwistjoni. Issa, fil-kuntest tal-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement eżaminat jekk intervent mir-Renju Unit kienx neċessarju. Minn dan isegwi li, f’dan il-kuntest, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Madankollu, ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv, li permezz tiegħu r-Repubblika tal-Awstrija tfittex li tqiegħed fid-dubju, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura mhux sproporzjonata tal-imsemmija miżuri.

239    Għaldaqstant, sa fejn l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li intervent mir-Renju Unit kien neċessarju, dawn għandhom jiġu miċħuda.

240    Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt tikkonstata l-eżistenza ta’ falliment tas-suq għandhom jiġu miċħuda. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jinkludi ebda kundizzjoni espliċita dwar il-falliment tas-suq u li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati fil-kuntest tal-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-plawżibbiltà tagħhom ma titqiegħedx fid-dubju mill-argumenti mressqa minn dawn l-Istati Membri, jippermettu li jiġi kkonstatat li, mingħajr intervent mir-Renju Unit, investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma kinux jitwettqu f’waqthom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tikkonstata l-eżistenza ta’ falliment tas-suq, dan ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konklużjoni tagħha li intervent mir-Renju Unit kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku li dan l-Istat Membru tal-aħħar kien qiegħed ifittex li jilħaq.

241    Għaldaqstant, bla ħsara għall-eżami tal-argumenti bbażati fuq allegata immunizzazzjoni kontra riskju ta’ ffriżar politiku u fuq l-allegata natura sproporzjonata tal-miżuri inkwistjoni minħabba l-effetti tagħhom fuq l-investimenti f’sorsi ta’ enerġija differenti mill-enerġija nukleari (ara l-punti 196 u 238 iktar ’il fuq), li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sitt motiv, l-ewwel motiv, l-ewwel u t-tieni partijiet tad-disa’ motiv, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ falliment tas-suq kif ukoll l-argumenti mressqa fil-kuntest tar-raba’ motiv, li huma bbażati fuq il-programmi nukleari illustrattivi u li jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ falliment tas-suq, għandhom jiġu miċħuda.

E.      Fuq il-ħames u t-tmien motivi, ibbażati fuq determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi ta’ għajnuna u fuq ksur tal-Avviż dwar il-garanziji, u fuq ir-raba’ parti tad-disa’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

242    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni. Peress li naqset milli tiddeterminahom b’mod suffiċjenti, l-imsemmija istituzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk dawn setgħux jiġu awtorizzati skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

243    Insostenn tat-tmien motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-Kummissjoni ma osservatx l-Avviż dwar il-garanziji. Essenzjalment, huma jsostnu li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-imsemmi avviż, il-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti, fid-Deċiżjoni kkontestata, l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Garanzija ta’ Kreditu u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha f’dan il-kuntest.

244    Fil-kuntest tar-raba’ parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma kinitx immotivata b’mod suffiċjenti f’dan ir-rigward.

245    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Rumanija jsostnu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

246    Fl-ewwel lok, għandha tingħata risposta għall-kwistjoni jekk u sa fejn il-Kummissjoni hija obbligata tiddetermina l-ammont eżatt li jikkorrispondi għall-ekwivalenti għal sussidju ta’ miżura ta’ għajnuna, qabel ma tevalwa l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fit-tieni lok, ser jiġu analizzati l-argumenti li jfittxu li jipprovaw li l-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni. Fit-tielet lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.      Fuq il-kwistjoni jekk u sa fejn il-Kummissjoni hija obbligata tikkwantifika l-ekwivalenti għal sussidju ta’ miżura ta’ għajnuna

247    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li huwa biss wara li kkwantifikat l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju tal-miżuri inkwistjoni li l-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

248    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tkun tista’ tiddikjara miżura ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li hija tfittex li tilħaq għan ta’ interess pubbliku ddeterminat mill-Istat Membru u li, fid-dawl ta’ dan l-għan, hija tkun xierqa u neċessarja u li la tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u lanqas dawk tal-kompetizzjoni b’mod sproporzjonat fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw minnha (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

249    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jeżiġix espliċitament li l-Kummissjoni tikkwantifika l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju li jirriżulta minn miżura ta’ għajnuna. Għaldaqstant, jekk hija tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi li miżura ta’ għajnuna hija ta’ natura xierqa, neċessarja u mhux sproporzjonata mingħajr ma dan l-ammont eżatt jiġi speċifikat b’mod espliċitu, hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma kkwantifikatux.

250    L-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux iqiegħdu fid-dubju din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-fatt, la l-leġiżlazzjoni u lanqas il-ġurisprudenza invokati minn dan l-Istat Membru ma jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prinċipju li skontu l-Kummissjoni hija obbligata tikkwantifika l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju li jirriżulta minn miżura ta’ għajnuna qabel ma teżamina l-proporzjonalità tagħha fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

251    L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssemmi l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, kif ukoll il-premessi 23 u 25 tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-modalitajiet għall-kalkolu tal-intensità ta’ għajnuna u tal-ispejjeż eliġibbli. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 8 tal-istess regolament jipprevedi regola ta’ kumulu li għandha tiġi osservata fl-eżami tal-kwistjoni jekk il-limiti ta’ notifika stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-regolament inkwistjoni u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament humiex osservati. Il-premessi 23 u 25 tar-regolament inkwistjoni jirrigwardaw dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, la minn dawn l-artikoli u lanqas minn dawn il-premessi ma jista’ jiġi dedott li hija biss miżura ta’ għajnuna li l-ekwivalenti għal sussidju tagħha jkun ġie kkwantifikat skont dawn ir-regoli li tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-fatt, ir-regolament ikkonċernat sempliċement jipprevedi approċċ standardizzat għal eżenzjoni skont il-kategorija, iżda ma jorbotx lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ eżami individwali mwettaq direttament abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

252    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka l-paragrafu 69 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dan il-paragrafu sempliċement jindika li għajnuna ambjentali jew għall-enerġija titqies li hija proporzjonata jekk l-ammont ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju jkun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ambjentali jew tal-enerġija stabbilit. Għalhekk, mill-imsemmi paragrafu ma jistax jiġi dedott li, fil-kuntest tal-eżami ta’ miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni hija obbligata tikkwantifika l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju tal-miżura inkwistjoni qabel ma teżamina n-natura proporzjonata tagħha. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari, li ma jifformax parti mill-għanijiet koperti minn dawn il-linji gwida.

253    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-Parti I tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), għandu jiġi rrilevat li din tinkludi l-formola standard għan-notifika ta’ għajnuna mill-Istat u li, skont il-punt 5 ta’ din il-formola, l-ammont globali tal-għajnuna għandu jiġi indikat fiha. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma għandhiex dritt tiddikjara miżura ta’ għajnuna kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, jekk hija ma tkunx ikkwantifikat b’mod eżatt l-ekwivalenti għal sussidju li jirriżulta minn din il-miżura. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

254    Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9). F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni sempliċement tipprevedi obbligu għall-Istati Membri li jikkomunikaw rapporti annwali dwar l-iskemi kollha ta’ għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni. Minnha ma jistax madankollu jiġi dedott li l-Kummissjoni ma għandhiex dritt tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, jekk hija ma tkunx ikkwantifikat l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju li jinsab fiha. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

255    Il-ħames nett, insostenn tal-argument tagħha, li skontu l-Kummissjoni hija obbligata tikkwantifika l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju tal-miżuri inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, dwar linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014‑2020, dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti u finanzjament ta’ riskju u dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU 2014, C 198, p. 30), jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, għall-għajnuna li teċċedi EUR 500 000, l-Istati Membri huma obbligati jippubblikaw isem id-destinatarju, l-ammont u l-għan tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li minn tali obbligu għall-Istat Membri ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkwantifika l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju tal-miżuri inkwistjoni. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

256    Is-sitt nett, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mill-punt 25 tas-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑480/98, EU:C:2000:559), jirriżulta obbligu għall-Kummissjoni li tiddetermina l-ammont effettiv ta’ miżura ta’ għajnuna, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li bl-ebda mod ma tista’ tinsilet tali konklużjoni minn dan il-punt. Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura, iżda li huwa suffiċjenti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li tippermetti lid-destinatarju tagħha jiddetermina dan l-ammont huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

257    L-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija li jfittxu li jipprovaw li l-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 247 sa 249 iktar ’il fuq.

2.      Fuq l-argumenti li jfittxu li jipprovaw li l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni ma ġewx iddeterminati b’mod suffiċjenti

258    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-modalitajiet kollha tal-miżuri inkwistjoni kienu għadhom ma ġewx iddeterminati. Fit-tieni lok, bħalma jagħmel il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, hija ssostni li l-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fid-diversi miżuri inkwistjoni. Fit-tielet lok, hija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart nukleari. Fir-raba’ lok, hija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali għajnuna mill-Istat futura.

a)      Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-modalitajiet kollha tal-miżuri inkwistjoni kienu għadhom ma ġewx iddeterminati fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata

259    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-modalitajiet kollha tal-miżuri inkwistjoni kienu għadhom ma ġewx iddeterminati, u li, sussegwentement, dawn kienu s-suġġett ta’ negozjati u ta’ adattamenti addizzjonali.

260    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni, b’mod partikolari, li dan l-argument huwa inammissibbli, peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma speċifikatx l-informazzjoni li kienet nieqsa.

261    L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-inammissibbiltà tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija għandu jiġi miċħud.

262    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Awstrija jirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet irċeviet biss il-klawżoli prinċipali dwar il-finanzjament tal-proġett ta’ Hinkley Point C, kif kienu diġà ġew miftiehma mill-partijiet, u li hija ma kellhiex l-opportunità teżamina l-parametri l-oħra tal-proġett (ara l-premessi 73 u 551 tad-Deċiżjoni kkontestata).

263    F’dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-argument imressaq mir-Repubblika tal-Awstrija, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin, dwar kull proġett sabiex tingħata jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna. Għalhekk, il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jiġu nnotifikati lilha meta jkunu għadhom fl-istadju ta’ proġetti, jiġifieri qabel ma jiġu implimentati u meta jkunu għadhom jistgħu jiġu aġġustati fid-dawl ta’ eventwali osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

264    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li peress li l-Artikolu 108(3) TFUE ma jinkludi ebda kriterju formali, huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li jiddetermina f’liema stadju tal-proċedura leġiżlattiva jew amministrattiva jiddeċiedi li jissottometti l-proġett ta’ għajnuna għall-eżami mill-Kummissjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dan il-proġett ma jiġix implimentat qabel ma l-Kummissjoni tkun iddikjarat l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il‑Kummissjoni, T‑188/95, EU:T:1998:217, punt 118).

265    F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat il-proġett ta’ Hinkley Point C kif kien ġie nnotifikat mir-Renju Unit. F’dan il-kuntest, mill-premessi 73 u 551 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-imsemmija istituzzjoni eżaminat il-miżuri inkwistjoni filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-bqija tal-kundizzjonijiet kif ukoll id-dokumenti finali dwar il-finanzjament kien ser ikun fihom il-klawżoli standard li kwalunkwe investitur ifittex għal proġett simili. Minn dan isegwi li l-awtorizzazzjoni mogħtija minn din l-istituzzjoni kienet tkopri biss l-elementi ta’ għajnuna kif kienu jirriżultaw mill-imsemmi proġett kif kien ġie nnotifikat lilha.

266    F’dak li jirrigwarda r-riskju invokat mir-Repubblika tal-Awstrija li l-kontenut tal-miżuri inkwistjoni għad jista’ sussegwentement jiġi emendat, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni kienet tkopri biss il-proġett kif kien ġie nnotifikat lilha. Għaldaqstant, kwalunkwe emenda ulterjuri li tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni għandha tkun is-suġġett ta’ notifika ġdida lill-Kummissjoni. Għalhekk, fil-premessi 73 u 551 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet ħsieb li tistieden lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jinnotifikaw id-dokumenti finali fil-każ li dawn ikunu jinkludu emenda tal-miżuri meta mqabbla ma’ dawk li kienu ġew ippreżentati lilha.

267    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat, essenzjalment, fuq l-allegazzjoni li kien għadu possibbli li ssir emenda tal-modalitajiet tal-miżuri inkwistjoni, għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq l-argumenti bbażati fuq determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni

268    Fil-kuntest tal-ħames u tat-tmien motivi, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni argumenti li jfittxu li jipprovaw li l-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kumulu ta’ dawn il-miżuri.

1)      Fuq il-Kuntratt għad-Differenza

269    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija tressaq argumenti li jfittxu li jipprovaw li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-modalitajiet tal-Kuntratt għad-Differenza ma ġewx iddeterminati b’mod suffiċjenti.

270    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkwantifikatx l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju li jirriżulta mill-Kuntratt għad-Differenza, ma jistax jipprova li l-Kummissjoni wettqet żball (ara l-punti 247 sa 256 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-funzjonament tal-Kuntratt għad-Differenza (ara l-punti 5 u 6 iktar ’il fuq), kwantifikazzjoni eżatta tal-ammont tal-ekwivalenti għal sussidju li jirriżulta minnu, fi kwalunkwe każ, ma kinitx possibbli. Fil-fatt, dan l-ammont jiddependi mill-evoluzzjoni tal-prezz ta’ referenza, li jikkorrispondi għall-prezz tas-suq. Għalhekk, dan huwa prezz inċert li huwa diffiċli li jiġi ddeterminat bil-quddiem.

271    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni meta eżaminat in-natura proporzjonata tal-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Kuntratt għad-Differenza. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ fatturi fis-suq tal-produzzjoni u u tal-provvista ta’ elettriku li kienu jipprekludu l-kostruzzjoni f’waqtha ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Fil-punt 2.1 tal-imsemmija deċiżjoni, hija ddeskriviet il-funzjonament tal-Kuntratt għad-Differenza, li għandu l-effett li jistabbilizza l-prezzijiet. Sussegwentement, fil-punti 9.5.2 u 9.5.3.2 ta’ din id-deċiżjoni, hija eżaminat jekk il-prezz tal-eżerċitar previst kienx xieraq, billi ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rati ta’ redditu li kienu ntużaw sabiex jiġi ddeterminat dan il-prezz. B’riżultat tal-analiżi tagħha, hija eżiġiet li jsiru adattamenti tal-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-profitt.

272    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għall-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kkwantifikatx l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju li jirriżulta mill-Kuntratt għad-Differenza, li diġà eżaminat fil-punti 247 sa 256 iktar ’il fuq, dan l-Istat Membru ma jressaq ebda argument iddettaljat li jista’ jipprova li, abbażi tal-elementi fil-punt 271 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika n-natura proporzjonata tal-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Kuntratt għad-Differenza.

273    Fir-raba’ lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni messa eżaminat l-effett ta’ esklużjoni tas-suq intern tal-elettriku u l-effetti tal-miżuri inkwistjoni fuq il-prezzijiet f’dan is-suq, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma jressaq ebda argument li jista’ jipprova li, abbażi tal-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni għad-dispożizzjoni tagħha, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa dawn l-effetti. Barra minn hekk, sa fejn dan l-argument ifittex li jqiegħed fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura mhux sproporzjonata tal-miżuri inkwistjoni, dan ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv, li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

274    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumenti li jfittxu li jipprovaw li l-modalitajiet tal-Kuntratt għad-Differenza ma ġewx iddeterminati b’mod suffiċjenti għandhom ukoll jiġu miċħuda.

2)      Fuq il-vantaġġi mogħtija fil-każ ta’ għeluq antiċipat

275    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tiddetermina l-vantaġġi li għandhom jingħataw fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point.

276    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 6 iktar’ il fuq, il-Kuntratt għad-Differenza jipprovdi li NNBG ser tkun protetta kontra ċerti emendi leġiżlattivi u li ser ikun dovut kumpens fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant nukleari Hinkley Point għal raġunijiet politiċi u fil-każ ta’ problemi marbuta mal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili nukleari. Fil-każ ta’ tali għeluq antiċipat, kemm l-investituri ta’ NNBG kif ukoll ir-Renju Unit ser ikunu jistgħu jitolbu t-trasferiment ta’ NNBG lill-Gvern tar-Renju Unit u ser ikun dovut kumpens lill-imsemmija investituri. Kif jirriżulta mill-punt 7 iktar ’il fuq, il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat jipprovdi li, jekk, wara għeluq antiċipat għal raġunijiet politiċi, il-parti kontraenti ma’ NNBG tonqos milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħmel pagamenti għad-differenza lill-investituri ta’ NNBG, is-Segretarju tal-Istat inkwistjoni ser iħallashom il-kumpens miftiehem.

277    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta mill-premessi 317 sa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, dan il-kumpens jikkonsisti f’kumpens fil-każ ta’ ċaħda mid-dritt għall-proprjetà, ibbażat fuq il-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati d-dritt tar-Renju Unit u d-dritt tal-Unjoni. Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li, bħala tali, il-ħlas ta’ danni bbażat fuq dawn il-bażijiet u li huwa intiż li jiggarantixxi lill-investituri ta’ NNBG li s-sitwazzjoni tagħhom ma tinbidilx fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point għal raġunijiet politiċi, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, bħala element ta’ għajnuna, hija identifikat biss l-eżistenza ta’ ftehim speċifiku, li jeżenta lil NNBG jew lill-investituri tagħha mill-ispejjeż kollha u mill-ħela ta’ ħin kollu li jirriżultaw minn azzjonijiet għall-infurzar tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn dawn il-prinċipji ġenerali fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jew extraġudizzjarja. Fi kliem ieħor, il-vantaġġ identifikat mill-Kummissjoni huwa limitat għal dritt kuntrattwali speċifiku li jippermettilhom jiksbu ħlas malajr u ċert.

278    Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma kkwantifikatx l-element ta’ sussidju li jirriżulta minn dan il-ftehim speċifiku. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat l-element ta’ sussidju li jirriżulta minn tali ftehim. Għandu jitfakkar ukoll li, minkejja li l-Kummissjoni ma kkwantifikatx il-vantaġġ li jirriżulta mill-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat, hija ħaditu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 337 u 479 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija istituzzjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmu ta’ kumpens għal emendi leġiżlattivi li joħolqu dritt għal kumpens meta ddeterminat ir-rati ta’ redditu u l-prezz tal-eżerċitar xieraq previst għall-Kuntratt għad-Differenza.

279    Fit-tieni lok, huwa minnu li l-modalitajiet eżatti tal-mekkaniżmu ta’ kumpens ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Madankollu, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement awtorizzat il-proġett innotifikat mir-Renju Unit u li, skont l-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru, dan il-mekkaniżmu kien intiż li jiggarantixxi lill-investituri ta’ NNBG li s-sitwazzjoni tagħhom ma tinbidilx fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point għal raġunijiet politiċi. Għaldaqstant, fil-każ li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-Renju Unit kellu jiddeċiedi li jħallas kumpens li jeċċedi l-ammont li jkun neċessarju sabiex tiġi kkumpensata ċaħda minn proprjetà, dan ikun vantaġġ li ma jkunx kopert mid-Deċiżjoni kkontestata u li għalhekk ikollu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

280    Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-element ta’ għajnuna li jirriżulta mill-kumpens, minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma eżaminatx jekk il-kumpens previst fil-kuntest tal-għajnuna fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point kienx intiż li jikkumpensa l-ispejjeż għall-iżmantellament u għall-monitoraġġ u spejjeż oħra simili u ma wettqitx evalwazzjoni tal-vantaġġi li jirriżultaw mid-dritt ta’ trasferiment.

281    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-ġdid li, skont il-proġett li r-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni, il-kumpens kien intiż li jiggarantixxi lill-investituri ta’ NNBG li, fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point għal raġunijiet politiċi, huma jiġu kkumpensati fil-każ li jiċċaħħdu mill-proprjetà tagħhom. Minn dan isegwi li, fil-każ li jingħalaq l-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point u NNBG tiġi ttrasferita lir-Renju Unit u li dan l-Istat Membru jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż għall-iżmantellament u għall-monitoraġġ u għal spejjeż oħra simili, dan ikollu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kumpens. Fil-każ li dawn l-ispejjeż ma jiġux riflessi b’mod suffiċjenti fil-kalkolu tal-kumpens, din tkun għajnuna li r-Renju Unit ikun obbligat jinnotifika lill-Kummissjoni.

282    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

283    Fir-raba’ lok, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat, il-Kummissjoni naqset milli tqis li dan il-ftehim ma huwiex ser jibbenefika lil NNBG, iżda lill-proprjetarji tagħha. F’dan il-kuntest, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-miżuri inkwistjoni huma intiżi li joħolqu effett ta’ inċentiv għall-investituri u għalhekk kienu intiżi prinċipalment għall-investituri ta’ NNBG, minkejja li, minn perspettiva ġuridika, ċerti drittijiet ingħataw lil NNBG. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ma wettqetx żball f’dan ir-rigward.

284    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq l-allegazzjoni li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-vantaġġi li għandhom jingħataw fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point, għandhom jiġu miċħuda.

3)      Fuq il-Garanzija ta’ Kreditu

285    Fil-kuntest tal-ħames u tat-tmien motivi, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Garanzija ta’ Kreditu ma ġiex iddeterminat b’mod suffiċjenti mill-Kummissjoni. Fl-assenza ta’ determinazzjoni suffiċjenti ta’ din il-miżura, l-imsemmija istituzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq eżami xieraq tal-proporzjonalità ta’ din il-garanzija.

286    Preliminarjament, għandu jitfakkar l-approċċ li segwiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-Garanzija ta’ Kreditu.

287    Kif jirriżulta mill-punt 7.8 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-Kuntratt għad-Differenza, il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat u l-Garanizja ta’ Kreditu kienu relatati, għaliex il-miżuri kollha kienu neċessarji għall-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C. Hija kkonstatat ukoll li, kif il-Garanzija ta’ Kreditu kienet ġiet innotifikata mir-Renju Unit, l-imsemmija miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

288    F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kunsiderazzjonijiet li l-Kummissjoni żviluppat fil-punt 9.5.1 tad-Deċiżjoni kkontestata. F’dan il-punt, hija esponiet li r-rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu li kienet ġiet innotifikata inizjalment mir-Renju Unit baqgħet iktar baxxa mir-rata tas-suq li NNBG kien ikollha tħallas li kieku tali garanzija kienet ġiet offruta fuq is-suq.

289    Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu ma awtorizzatx il-Garanzija ta’ Kreditu kif kienet ġiet innotifikata lilha inizjalment mir-Renju Unit. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 9.5.3.1 tal-imsemmija deċiżjoni u mid-deskrizzjoni tal-Garanzija ta’ Kreditu li l-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq intern fil-punt 2.2 ta’ din id-deċiżjoni, l-awtorizzazzjoni tirrigwarda garanzija ta’ kreditu b’rata tat-tariffa aġġustata. Skont il-premessi 475 u 476 tal-istess deċiżjoni, dan l-aġġustament kien intiż li jillimita l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Garanzija ta’ Kreditu għall-minimu.

290    Fil-kuntest tal-punt 9.5.3.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li l-kategorija ta’ riskju BB+ jew Ba1 li r-Renju Unit qies li kienet xierqa, ma kinitx tirrifletti b’mod adegwat ir-riskju li għalih kienet esposta l-Garanzija ta’ Kreditu. Skontha, hija kellha tingħata l-klassifikazzjoni BB jew Ba u, għal din il-klassifikazzjoni, ir-rata tat-tariffa ta’ 250 punti bażi għall-imsemmija garanzija, proposta mir-Renju Unit kellha tiġi aġġustata għal livell ogħla, li jikkorrispondi għal din il-klassifikazzjoni, jiġifieri għal livell ta’ 295 punti bażi. Hija pparagunat din ir-rata tat-tariffa aġġustata mar-rata tat-tariffa ta’ 291 punti bażi, li tikkorrispondi għall-medja ta’ 102 kuntratti ta’ skambju ta’ inadempjenza tal-kreditu ta’ impriżi Ewropej fil-kategorija ta’ riskju BB. Barra minn hekk, hija pparagunat ir-rata tat-tariffa ta’ 295 punti bażi mal-valur medjan ta’ 286 punti bażi għall-kategorija ta’ riskju BB u qieset li, fid-dawl ta’ din ir-rata tal-aħħar, ir-rata tat-tariffa għal tali garanzija kellha tiġi aġġustata ’l fuq, minħabba l-effett ta’ skadenzi li hija kienet identifikat.

291    Kien sabiex jakkomoda t-tħassib tal-Kummissjoni li r-Renju Unit żied ir-rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu minn 250 għal 295 punti bażi, sabiex tikkorrispondi għar-rata tat-tariffa li NNBG kien ikollha tħallas fuq is-suq privat, li kieku tali garanzija kienet ġiet offruta fuq l-imsemmi suq. Kif jirriżulta mill-premessa 476 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija istituzzjoni qieset li dan l-aġġustament kien jippermetti li l-element ta’ għajnuna li jinsab fl-imsemmija garanzija jiġi limitat għall-minimu.

292    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati. Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma messhiex ikkonstatat li l-proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ Hinkley Point C kien proġett b’saħħtu b’probabbiltà ta’ falliment relattivament baxxa. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Kummissjoni messha ddeterminat il-kategorija ta’ riskju tal-Garanzija ta’ Kreditu mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-miżuri l-oħra inkwistjoni. Fit-tielet lok, bħalma jagħmel il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, hija tressaq argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-Garanzija ta’ Kreditu, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-kriterji previsti fl-Avviż dwar il-garanziji.

i)      Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma messhiex ikkonstatat li l-proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ Hinkley Point C kien proġett b’saħħtu b’probabbiltà ta’ falliment relattivament baxxa

293    Ir-Repubblika ssostni li l-Kummissjoni ma messhiex ikkonstatat li l-proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ Hinkley Point C kien proġett b’saħħtu b’probabbiltà ta’ falliment relattivament baxxa. Tali approċċ jikkontradixxi l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-eżistenza ta’ fallimenti tas-suq.

294    Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

295    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni BB jew Ba, li l-Kummissjoni qieset li kienet xierqa (ara l-premessa 465 tad-Deċiżjoni kkontestata), tikkorrispondi għal proġetti b’riskju għoli, iżda li għalihom kien jidher madankollu probabbli li ser ikollhom eżitu ġenerali pożittiv.

296    Kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni għalhekk ma bbażatx ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li l-proġett kien jinvolvi probabbiltà ta’ falliment relattivament baxxa.

297    Għaldaqstant, dan l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni messha evalwat il-kategorija ta’ riskju tal-Garanzija ta’ Kreditu mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-miżuri l-oħra inkwistjoni

298    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fl-evalwazzjoni tal-Garanzija ta’ Kreditu, il-Kummissjoni ma messhiex ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-miżuri l-oħra inkwistjoni, iżda li messha bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 390 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha, fl-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, investimenti purament kummerċjali f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma jseħħux.

299    Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

300    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li xejn ma kien jipprekludi li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà tar-riskju ta’ falliment tal-proġett li hija wettqet sabiex tiddetermina r-rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu li kienet tikkorrispondi għar-rata li tiġi offruta fuq is-suq, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-Kuntratt għad-Differenza u tal-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat. Fil-fatt, it-tliet miżuri inkwistjoni jifformaw unità waħda u l-Kuntratt għad-Differenza u dan il-ftehim huma intiżi preċiżament li jegħlbu l-ostakoli għall-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari kkonstatati mill-Kummissjoni. Issa, l-effetti ta’ dawn il-miżuri, b’mod partikolari l-fluss tad-dħul iggarantit mill-Kuntratt għad-Differenza, kienu elementi rilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà tar-riskju ta’ falliment tal-proġett. Min-naħa l-oħra, l-approċċ ipprospettat mir-Repubblika tal-Awstrija, li skontu tali elementi ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-analiżi, iżid b’mod sproporzjonat ir-riskju li għandu jitqies għall-evalwazzjoni tal-Garanzija ta’ Kreditu.

301    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-Kuntratt għad-Differenza fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ falliment tal-proġett li hija wettqet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Garanzija ta’ Kreditu. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma messhiex ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-miżuri l-oħra inkwistjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ falliment tal-proġett bil-għan li tiġi ffissata rata ta’ garanzija xierqa, għandu jiġi miċħud.

iii) Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-kriterji previsti mill-Avviż dwar il-garanziji

302    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jressqu argumenti bbażati, essenzjalment, fuq l-allegazzjoni li, fl-evalwazzjoni tal-Garanzija ta’ Kreditu, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti ċerti kriterji previsti fl-Avviż dwar il-garanziji. F’dan il-kuntest, huma jsostnu argumenti bbażati fuq determinazzjoni insuffiċjenti tat-tul tal-garanzija, fuq determinazzjoni insuffiċjenti tal-ammont ta’ kopertura massima tas-self, fuq l-allegazzjoni li r-rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu ma kinitx suffiċjentement għolja u fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet finanzjarji affaċċjati minn EDF.

303    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Rumanija jsostnu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, f’dan il-każ, l-Avviż dwar il-garanziji ma kienx rilevanti.

304    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-premessi 336 sa 339 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-Garanzija ta’ Kreditu kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, hija esponiet, b’mod partikolari, li, fid-dawl tan-natura mingħajr preċedent tal-proġett, tal-finanzjament u tal-Garanzija li għalihom ma kien ebda punt ta’ riferiment preċiżament paragunabbli, anki li kieku kellu jitqies li r-rata tat-tariffia aġġustata għall-Garanzija ta’ Kreditu kienet tnaqqas l-għajnuna għall-minimu, il-prezz imħallas minn NNBG għall-imsemmija garanzija ma setax jitqies li kien prezz tas-suq, billi s-suq la kien jipprevedi u lanqas ma kellu jipprevedi kwalunkwe mekkaniżmu simili. Ebda waħda mill-partijiet ma tqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

305    Għandu jitfakkar ukoll li, kif jirriżulta mill-premessi 463 sa 477 tad-Deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi akkomodat it-tħassib tal-Kummissjoni dwar evalwazzjoni baxxa wisq tar-riskju marbut mal-Garanzija ta’ Kreditu, ir-Renju Unit aġġusta r-rata tat-tariffa għall-imsemmija garanzija għal 295 punti bażi u l-Kummissjoni qieset li din ir-rata tat-tariffa aġġustata kienet tikkostitwixxi approssimazzjoni korretta ta’ rata tas-suq ipotetika għal faċilità li ma kinitx offruta mis-suq.

306    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti tagħhom ibbażati fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji previsti fl-Avviż dwar il-garanziji, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jfittxu li jipprovaw li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li r-rata tat-tariffa aġġustata għall-Garanzija ta’ Kreditu ta’ 295 punti bażi kienet tikkostitwixxi approssimazzjoni korretta ta’ rata tas-suq ipotetika għal faċilità li ma kinitx offruta mis-suq hija vvizzjata bi żbalji. Essenzjalment, dawn l-Istati Membri jsostnu li, fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk din ir-rata tat-tariffa kinitx tikkostitwixxi tali approssimazzjoni korretta, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni kriterji li investitur f’ekonomija tas-suq kien jieħu inkunsiderazzjoni, jiġifieri t-tul indeterminat tal-imsemmija garanzija, l-ammont eċċessiv tal-kopertura massima tas-self u l-fatt li EDF qiegħda taffaċċja diffikultajiet finanzjarji. Barra minn hekk, huma jsostnu li din ir-rata tat-tariffa ma kinitx suffiċjentement għolja.

307    Għandu jiġi rrilevat ukoll, minn naħa, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li rata tat-tariffa aġġustata għall-Garanzija ta’ Kreditu ta’ 295 punti bażi kienet tikkostitwixxi approssimazzjoni korretta ta’ rata tas-suq ipotetika hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li investitur f’ekonomija tas-suq ipotetiku kien jeżiġi tali rata tat-tariffa u, min-naħa l-oħra, li l-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Repubblika tal-Awstrija jfittxu li jipprovaw li tali investitur kien jieħu inkunsiderazzjoni elementi li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni u li kien jeżiġi rata tat-tariffa ogħla.

308    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-Avviż dwar il-garanziji ma kienx applikabbli f’dan il-każ, kif issostni l-Kummissjoni, l-argumenti ta’ dawn l-Istati Membri, ibbażati fuq determinazzjoni insuffiċjenti tat-tul tal-garanzija, fuq determinazzjoni insuffiċjenti tal-ammont ta’ kopertura massima tas-self, fuq l-allegazzjoni li r-rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu ma kinitx suffiċjentement għolja u fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet finanzjarji affaċċjati minn EDF, ma jistgħux jitqiesu li huma irrilevanti għas-sempliċi raġuni li, insostenn tal-argumenti tagħhom, dawn l-Istati Membri jinvokaw kriterji previsti fl-Avviż dwar il-garanziji.

309    Issa, indipendentement mill-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji previsti fl-Avviż dwar il-garanziji, l-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Repubblika tal-Awstrija għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin.

–       Fuq it-tul tal-garanzija

310    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul tal-Garanzija ta’ Kreditu ma kienx iddeterminat. F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru jirreferi għall-kriterju previst fil-punt (b) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-garanziji.

311    Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

312    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 3.2(b) tal-Avviż dwar il-garanziji, waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa mill-punt 3 tal-imsemmi avviż sabiex Stat ikun jista’ jikkonstata l-assenza ta’ vantaġġ skont dan l-avviż, hija li l-portata tal-garanzija tkun limitata fiż-żmien. Barra minn hekk, mill-punt 4.1(b) tal-imsemmi avviż jirriżulta li, sabiex jiġi kkalkolat l-ekwivalenti għal sussidju li jinsab f’garanzija skont dan l-avviż, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-garanzija. Minn dan il-punt tal-aħħar jirriżulta wkoll li, bħala prinċipju, il-Kummissjoni tqis li l-garanziji li huma illimitati huma inkompatibbli mal-Artikolu 107 TFUE.

313    F’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni tagħha li l-Garanzija ta’ Kreditu ma kinitx limitata fiż-żmien għandha tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li mill-premessa 49 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din il-garanzija ma hijiex illimitata, iżda tkopri l-ħlas f’waqtu tas-somma kapitali u tal-interessi tad-dejn kwalifikattiv. Għandu jiġi rrilevat ukoll li mill-premessa 432 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-ħajja medja ponderata fir-rigward tal-iskadenza tad-dejn iggarantit hija ta’ 27.4 snin, bi skadenzi tal-bonds li jvarjaw minn 8 sa 41 sena.

314    Fit-tieni lok, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fid-determinazzjoni tar-rata tat-tariffa aġġustata għall-Garanzija ta’ Kreditu ta’ 295 punti bażi, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti t-tul tal-imsemmija garanzija, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 472 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li din ir-rata tat-tariffa kienet tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tħassib tagħha dwar l-iskadenza eċċezzjonalment twila tal-bonds li għandhom jinħarġu. It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument iddettaljat ieħor li jista’ jċaħħad mill-plawżibbiltà l-konklużjoni tal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-iskadenza tal-bonds, din ir-rata tat-tariffa ġiet iffissata b’mod li tirrifletti l-prezz li kien jitħallas fil-każ ta’ garanti f’ekonomija tas-suq.

315    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li jirrigwarda t-tul tal-garanzija għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ammont tal-kopertura tas-self

316    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tiddetermina l-ammont tal-kopertura massima tas-self. F’dan il-kuntest, hija tirreferi għall-punt 4.1(c) tal-Avviż dwar il-garanziji.

317    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

318    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 3.2(c) tal-Avviż dwar il-garanziji, sabiex Stat Membru jkun jista’ jeskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ skont il-punt 3 ta’ dan l-avviż, bħala prinċipju, garanzija ma għandhiex tkopri iktar minn 80 % tal-bilanċ tas-self dovut jew ta’ obbligu finanzjarju ieħor. Mill-punt 3.2(c) tal-imsemmi avviż jirriżulta li l-Kummissjoni tqis li, meta obbligu finanzjarju jkun kompletament kopert b’garanzija, min isellef ikollu inqas inċentiv sabiex jevalwa, jassigura u jnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskji marbuta mal-operazzjoni ta’ self, u, b’mod partikolari, sabiex jevalwa korrettament il-kapaċità ta’ min jissellef li jħallas lura s-self, u li, minħabba nuqqas ta’ mezzi, jista’ jkun li l-evalwazzjoni tar-riskju ma ssirx bir-reqqa mill-garanti Statali. Barra minn hekk, il-punt 4.1(c) tal-istess avviż jipprovdi li dan il-kriterju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-element ta’ għajnuna li jinsab f’garanzija.

319    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 3.2(c) tal-Avviż dwar il-garanziji, dan il-limitu ma huwiex applikabbli għall-garanziji li jkopru titoli ta’ debitu fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU 2004, L 390, p. 38), kif emendata bid-Direttiva 2008/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2004/109/KE (ĠU 2008, L 76, p. 50). Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, it-titoli ta’ debitu huma bonds jew debiti f’forom oħra ta’ titoli li jkunu trasferibbli, bl-eċċezzjoni ta’ titoli li huma ekwivalenti għal ishma f’kumpanniji jew li, jekk jiġu kkonvertiti jew jekk id-drittijiet li jirriżultaw minnhom jiġu eżerċitati, jagħtu lok għal dritt għall-akkwist ta’ ishma jew titoli ekwivalenti għal ishma.

320    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Garanzija ta’ Kreditu tirrigwarda titoli maħruġa skont il-kundizzjonijiet ta’ programm Ewropew ta’ titoli għal żmien medju u għalhekk tirrigwarda titoli ta’ debitu fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/109. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Garanzija ta’ Kreditu ma hijiex konformi mal-kriterju dwar l-ammont tal-kopertura massima tas-self previst fil-punt 3.2(c) u fil-punt 4.1(c) tal-Avviż dwar il-garanziji, għandu jiġi miċħud.

321    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, il-punt 3.2(c) tal-Avviż dwar il-garanziji ma jeskludix li, fil-każ li jinqabeż il-limitu ta’ 80%, l-eżistenza ta’ vantaġġ tista’ tiġi eskluża. Fil-fatt, minn dan il-punt jirriżulta li, meta l-imsemmi limitu ma jiġix osservat, l-Istat Membru għandu jinnotifika l-miżura u jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, anki jekk dan il-limitu jkun inqabeż, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li rata tat-tariffa aġġustata għall-Garanzija ta’ Kreditu ta’ 295 punti bażi kienet tikkorrispondi għal rata tat-tariffa li kien jeżiġi garanti f’ekonomija tas-suq, kienet manifestament żbaljata.

322    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li nqabeż il-limitu msemmi fil-punt 3.2(c) u fil-punt (c) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-garanziji, għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-eżistenza tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ EDF

323    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li EDF, il-kumpannija omm ta’ NNBG, kienet qiegħda taffaċċja diffikultajiet finanzjarji. Huma jqisu li l-provi li pproduċew matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jippermettu li jipprovaw dan il-fatt. Skont dawn l-Istati Membri, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-element ta’ għajnuna jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert mill-Garanzija ta’ Kreditu. Minkejja li dawn il-provi ma ġewx prodotti matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatti li għalihom jirreferu dawn id-dokumenti. F’dan il-kuntest, dawn l-Istati Membri jirreferu għall-punti 3.2(a) u 4.1(a) tal-Avviż dwar il-garanziji.

324    Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jqisu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li d-dokumenti li fuqhom jibbażaw ruħhom ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma ġewx sottomessi lilha matul il-proċedura amministrattiva, u li, għaldaqstant, hija ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza invokata mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

325    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 3.2(a) tal-Avviż dwar il-garanziji, waħda mill-kundizzjonijiet li tippermetti lil Stat Membru jeskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ skont dan l-avviż hija l-assenza ta’ diffikultajiet finanzjarji ta’ min jissellef u, skont il-punt 4.1(a) tal-imsemmi avviż, dan l-element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-element ta’ għajnuna. Kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-punt 4.1(a), il-Kummissjoni tqis li, għal kumpanniji f’diffikultà, garanti f’ekonomija tas-suq, li kieku kellu jkun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija ħlas ta’ primjum għoli meta wieħed iqis ir-riskju mistenni ta’ falliment, u, li kieku l-probabbiltà li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self kellha ssir partikolarment kbira, ikun possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-element ta’ għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn din il-garanzija.

326    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażat fuq l-allegazzjoni li, minħabba l-fatt li EDF kienet impriża f’diffikultà, il-Kummissjoni messha qieset li l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Garanzija ta’ Kreditu kien għoli daqs l-ammont effettivament kopert mill-imsemmija garanzija.

327    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 9 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà”), li għalihom jirreferi l-Avviż dwar il-garanziji, impriża tinsab f’diffikultajiet finanzjarji meta din ma tkunx kapaċi, bir-riżorsi tagħha stess jew bil-fondi li huma lesti li jagħtuha l-proprjetarji, l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha, tħassar it-telf li jwassalha, fl-assenza ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi, lejn mewta ekonomika kważi ċerta f’terminu qasir jew medju.

328    Insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li EDF kienet tinsab f’diffikultajiet ekonomiċi, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jipproduċu l-provi li ġejjin:

–        dokumenti ta’ referenza ppubblikati minn kumpannija oħra li ġiet akkwistata parzjalment minn EDF (iktar ’il quddiem il-“kumpannija inkwistjoni”) fl-ewwel tliet xhur tas-snin 2012, 2013 u 2014;

–        artikolu li deher fis-27 ta’ Frar 2011 f’sit internet;

–        artikolu li deher fl-1 ta’ Marzu 2012 f’ġurnal Franċiż;

–        artikolu li deher fit-8 ta’ April 2013 f’ġurnal tar-Renju Unit;

–        artikolu li deher fis-26 ta’ Frar 2014 f’ġurnal ekonomiku Ġermaniż;

–        artikolu li deher fis-6 ta’ Ottubru 2014 f’ġurnal ekonomiku Ġermaniż;

–        artikolu li deher fil-5 ta’ Ġunju 2015 f’ġurnal Franċiż;

–        artikolu li deher fis-17 ta’ Frar 2016 f’ġurnal Franċiż;

–        artikolu li deher fit-18 ta’ Frar 2016 f’ġurnal Franċiż;

–        żewġ artikoli li dehru fit-12 ta’ Marzu 2016 f’ġurnal ekonomiku u finanzjarju tar-Renju Unit;

–        rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Franċiża dwar l-istrateġija internazzjonali ta’ EDF ta’ Novembru 2015;

–        artiklu ta’ organizzazzjoni indipendenti li deher fit-13 ta’ Diċembru 2012.

329    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-artikolu li deher fis-27 ta’ Frar 2011 f’sit internet, għandu jiġi kkonstatat li dan jirrigwarda s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ EDF u li jirreferi għad-dejn ta’ din il-kumpannija. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li huwa jsemmi li l-imsemmija kumpannija kienet irċeviet il-klassifikazzjoni AA minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, ma jistax jiġi dedott minnu li d-dejn tal-kumpannija inkwistjoni kien laħaq punt tali li kien prevedibbli li sseħħ mewta ekonomika kważi ċerta f’terminu qasir jew medju. Fil-fatt, din il-klassifikazzjoni tikkorrispondi għal kwalità għolja u għal investiment li, bħala prinċipju, huwa żgur.

330    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-artiklu li deher fit-8 ta’ April 2013 f’ġurnal tar-Renju Unit, minnu jista’ jiġi dedott biss li l-imsieħeb inizjali ta’ EDF għall-proġett ta’ Hinkley Point C kien abbanduna l-enerġija nukleari u li, minħabba d-dejn ta’ EDF li kien jammonta għal EUR 39 biljun, ma kienx ċert li din l-impriża tkun tista’ twettaq dan il-proġett waħedha. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi dedott minnu li EDF kienet impriża f’diffikultajiet finanzjarji fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà.

331    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-artikolu li deher fl-1 ta’ Marzu 2012 f’ġurnal Franċiż, u dawk li dehru f’ġurnal ekonomiku Ġermaniż fis-26 ta’ Frar u fis-6 ta’ Ottubru 2014, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jikkonċernawx lil EDF, iżda lill-kumpannija inkwistjoni. Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, din il-kumpannija u EDF kienu impriżi separati u la r-Repubblika tal-Awstrija u lanqas il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma pproduċew provi li jippermettu li jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet taf jew messha kienet taf li, fil-futur, il-kumpannija msemmija fl-imsemmija artikli kienet ser tiġi akkwistata parzjalment minn EDF. Għall-kuntrarju, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li ma tqegħditx fid-dubju mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-memorandum ta’ qbil dwar l-akkwist parzjali tal-kumpannija inkwistjoni minn EDF ġie ffirmat biss fid-29 ta’ Lulju 2015, u għalhekk sew wara t-8 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri d-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, dawn l-artikli ma jistgħux jipprovaw l-eżistenza tad-diffikultajiet finanzjarji affaċċjati minn EDF fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għad-dokumenti ta’ referenza ppubblikati mill-kumpannija inkwistjoni fl-ewwel tliet xhur tas-snin 2012, 2013 u 2014, kif ukoll għall-artiklu li deher fis-sit internet, sa fejn dawn jinkludu informazzjoni dwar din il-kumpannija tal-aħħar.

332    Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-artikoli li dehru f’ġurnal Franċiż fil-5 ta’ Ġunju 2015, u fis-17 u fit-18 ta’ Frar 2016, kif ukoll l-artikolu li deher f’ġurnal ekonomiku u finanzjarju tar-Renju Unit fit-12 ta’ Marzu 2016, għandu jiġi kkonstatat li dawn ġew ippubblikati wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

333    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni (sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 16). Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setax ikollha dawn l-elementi ta’ informazzjoni, peress li l-artikli msemmija iktar ’il fuq fil-punt 332 ġew ippubblikati wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u ma hemm xejn fil-proċess li jindika li l-imsemmija istituzzjoni seta’ jkollha l-informazzjoni li kienet tinsab fihom qabel ma adottat din id-deċiżjoni.

334    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku r-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ssottomettew l-artikli msemmija fil-punt 328 iktar ’il fuq sabiex jipprovaw l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li seħħew qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, dawn ma jistgħux jipprovaw li, qabel l-imsemmija adozzjoni, EDF kienet impriża li kellha diffikultajiet finanzjarji fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà. Fil-fatt, sa fejn, f’dawn l-artikoli, isir riferiment għall-iżmantellament tal-kumpannija inkwistjoni u għall-akkwist ta’ parti minn din tal-aħħar min-naħa ta’ EDF, għandu jitfakkar li dawn l-avvenimenti seħħew wara din l-adozzjoni (ara l-punt 331 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li minn dawn l-artikli ma jistax jiġi dedott li, qabel l-adozzjoni inkwistjoni, id-dejn ta’ EDF kien laħaq daqs tali li kien iwassal lil din l-impriża, fl-assenza ta’ intervent estern, lejn mewta ekonomika kważi ċerta f’terminu qasir jew medju.

335    Il-ħames nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mill-paġna 5 tar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Franċiża dwar l-istrateġija internazzjonali ta’ EDF ta’ Novembru 2015 jirriżulta li din il-kumpannija, fl-aħħar tal-2009, kienet tinsab f’“sitwazzjoni ta’ fraġilità finanzjarja” u mill-paġna 7 ta’ dan l-istess rapport jirriżulta li s-“sitwazzjoni finanzjarja [tal-imsemmija kumpannija kienet] fraġli u saħansitra bir-riskju ta’ dejn ikbar”.

336    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li mir-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Franċiża dwar l-istrateġija internazzjonali ta’ EDF ta’ Novembru 2015 ma jistax jiġi dedott li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, EDF kienet impriża li kienet qiegħda taffaċċja diffikultajiet finanzjarji fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà. Fil-fatt, minn naħa, fil-paġna 5 tal-imsemmi rapport, huwa indikat li, “fl-aħħar tal-2009, [EDF] kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ fraġilità finanzjarja”, iżda, sussegwentement, huwa indikat li “[k]ien beda ċiklu ġdid, li jikkorrispondi għall-perijodu [ta’] stħarriġ [mill-Qorti tal-Awdituri], iddominat minn ċessjonijiet ta’ ammont totali ta’ kważi [EUR] 13[‑il biljun]”. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni li tinsab fil-paġna 7 ta’ dan ir-rapport, li skontha “it-tħassib prinċipali tal-Istat azzjonist kien li l-grupp ikompli jqassam dividend sostanzjali, minkejja sitwazzjoni finanzjarja fraġli u saħansitra bir-riskju ta’ dejn ikbar”, ma turix li d-dejn ta’ EDF kien ser iwassalha lejn mewta ekonomika kważi ċerta f’terminu qasir jew medju.

337    Is-sitt nett, f’dak li jirrigwarda l-artiklu ta’ organizzazzjoni indipendenti tat-13 ta’ Diċembru 2012, minnu jirriżulta li l-ispejjeż għall-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ Framanville u ta’ Olkiluoto żdiedu. Issa, qabelxejn, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ħadet dawn iċ-ċirkustanzi inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li mill-imsemmi artiklu ma jistax jiġi dedott li EDF jew il-kumpannija inkwistjoni kienu f’diffikultajiet finanzjarji. Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni minn dan l-artiklu dwar din il-kumpannija, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 331 iktar ’il fuq. Għalhekk, lanqas dan l-artikolu ma jista’ jipprova l-eżistenza ta’ żball manifest tal-Kummissjoni.

338    Għalhekk, il-provi prodotti mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistgħux jipprovaw li EDF kienet qiegħda taffaċċja diffikultajiet finanzjarji fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà. Għaldaqstant, l-argument ta’ dawn l-Istati Membri li, minħabba l-fatt li EDF kienet impriża f’diffikultà, il-Kummissjoni messha qieset li l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Garanzija ta’ Kreditu kien għoli daqs l-ammont effettivament kopert mill-imsemmija garanzija, għandu jiġi miċħud.

339    Fit-tieni lok, sa fejn l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jfittxu li jipprovaw li, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja li fiha kienet tinsab EDF, investitur f’ekonomija tas-suq ma kienx jaċċetta rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu ta’ 295 punti bażi, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dawn l-Istati Membri ma ressqux argumenti ddettaljati ta’ natura li jipprovaw li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati fil-punt 9.5.3.1 tad-Deċiżjoni kkontestata ma kinux plawżibbli. B’mod partikolari, dawn l-Istati Membri ma jressqu ebda argument li jista’ jipprova li kien manifestament żbaljat li wieħed jibbaża ruħu fuq il-klassifikazzjoni BB jew Ba, u lanqas ma jressqu xi argument ta’ natura li jipprova li, l-ewwel nett, il-paragun bejn il-medja ta’ 102 kuntratti ta’ skambju ta’ inadempjenza tal-kreditu ta’ impriżi Ewropej fil-kategorija ta’ riskju BB, minn naħa, u l-valur medjan ta’ 286 punti bażi għall-imsemmija kategorija ta’ riskju li l-Kummissjoni kienet wettqet, min-naħa l-oħra, jew, it-tieni nett, l-aġġustament tar-rata tat-tariffa għall-imsemmija garanzija ta’ kreditu għal 295 punti bażi li kien twettaq sabiex jiġi akkomodat it-tħassib tal-Kummissjoni (ara l-punt 290 iktar ’il fuq) ma kinux plawżibbli.

340    Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji previsti fil-punt 3.2(a) u fil-punt 4.1(a) tal-Avviż dwar il-garanziji għandhom ukoll jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-Kummissjoni li d-dokumenti prodotti minn dawn l-Istati Membri ma kinux ġew sottomessi matul il-proċedura amministrattiva.

–       Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rata tat-tariffa messha kienet tammonta tal-inqas għal 400 punti bażi

341    Fir-replika, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, skont is-sitt paragrafu tal-punt 3.4(f) tal-Avviż dwar il-garanziji, il-primjum ta’ riskju minimu huwa ta’ 400 punti bażi. Il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-Garanzija ta’ Kreditu, li għaliha kienet ġiet prevista rata tat-tariffa aġġustata ta’ 295 punti bażi, kienet tinvolvi inqas riskju.

342    Il-Kummissjoni u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

343    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju msemmi fis-sitt paragrafu tal-punt 3.4 tal-Avviż dwar il-garanziji u li għalih isir riferiment fil-punt 4.2 tal-imsemmi avviż, japplika biss għall-iskemi ta’ garanzija u mhux għall-garanziji individwali. Issa, il-Garanzija ta’ Kreditu ma tikkostitwixxix skema ta’ garanzija fis-sens tal-punt 1.3(a) ta’ dan l-avviż.

344    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-Repubblika tal-Awstrija, l-ammont ta’ 400 punti bażi previst fis-sitt paragrafu tal-punt 3.4(f) tal-Avviż dwar il-garanziji ma jirrigwardax direttament ir-rata tat-tariffa għall-garanzija. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 3.4(f) tal-imsemmi avviż, il-primjums li jintalbu għandhom ikopru r-riskji normali assoċjati mal-għoti tal-garanzija, l-ispejjeż amministrattivi tal-iskema u remunerazzjoni annwali tal-kapital adegwat. Ir-remunerazzjoni tal-kapital adegwat hija magħmula minn primjum ta’ riskju, possibbilment miżjud b’rata ta’ interessi ħielsa mir-riskju. Issa, l-ammont ta’ 400 punti bażi msemmi fis-sitt paragrafu tal-punt 3.4(f) ta’ dan l-avviż jirrigwarda biss il-primjum ta’ riskju normali għall-ekwità, li għandu jkun inkluż fil-primjum tal-garanzija mitlub mill-benefiċjarji. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-rata tat-tariffa ma tistax tiġi pparagunata direttament mar-rata ta’ 400 punti bażi prevista fl-imsemmi punt.

345    Fit-tielet lok u għall-kompletezza, għandu jiġi rrilevat li s-sitt paragrafu tal-punt 3.4(f) tal-Avviż dwar il-garanziji sempliċement jispeċifika element ta’ metodoloġija li tippermetti lil Stat Membru jistabbilixxi rata tat-tariffa li tikkorrispondi għal dik li jeżiġi garanti f’ekonomija tas-suq. Issa, dan il-punt bl-ebda mod ma jipprekludi li, minflok ma ssegwi din il-metodoloġija, il-Kummissjoni ssegwi approċċ differenti sabiex tiddetermina din ir-rata, billi tieħu bħala punt ta’ referenza r-rati tat-tariffa li jeżiġu garanti f’ekonomija tas-suq għal proġetti paragunabbli u billi taġġusta dawn ir-rati billi tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-proġett inkwistjoni. Għaldaqstant, dan il-punt ma jipprekludix l-approċċ li segwiet il-Kummissjoni f’dan il-każ (ara l-punt 290 iktar ’il fuq).

346    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-metodu ta’ kalkolu msemmi fis-sitt paragrafu tal-punt 3.4(f) u fil-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, għandu wkoll jiġi miċħud.

347    Għalhekk, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji previsti fl-Avviż dwar il-garanziji ma jistgħux jipprovaw l-eżistenza ta’ żball manifest li jaffettwa l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-punti 475 u 476 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skonthom ir-rata tat-tariffa aġġustata għall-Garanzija ta’ Kreditu ta’ 295 punti bażi kienet tikkorrispondi għal rata li NNBG kien ikollha tħallas li kieku tali garanzija ġiet offruta fuq is-suq.

348    Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji previsti fl-Avviż dwar il-garanziji.

349    Għaldaqstant, l-argumenti kollha li jirrigwardaw il-Garanzija ta’ Kreditu għandhom jiġu miċħuda.

4)      Fuq il-kumulu tal-miżuri inkwistjoni

350    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ kumulu, li jeżiġi li l-miżuri kollha inkwistjoni jkunu jistgħu jiġi ddeterminati fit-totalità tagħhom.

351    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni mill-ġdid li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkalkola l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju tal-miżuri inkwistjoni jew li hija ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-element ta’ għajnuna li jinsab fid-diversi miżuri inkwistjoni, dan l-argument għandu jiġi miċħud billi jsir riferiment għall-punti 247 sa 349 iktar ’il fuq.

352    Fit-tieni lok, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Awstrija tixtieq issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-effett kumulattiv tat-tliet miżuri inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument jirrigwarda l-eżistenza ta’ kumpens eċċessiv. Għalhekk, ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv, li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni.

353    Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud u miegħu għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha li jfittxu li jipprovaw li l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni ma ġewx iddeterminati b’mod suffiċjenti.

c)      Fuq l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart nukleari

354    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart nukleari.

355    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-miżura ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mill-Kummissjoni tirrigwarda biss il-Kuntratt għad-Differenza, il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat u l-Garanzija ta’ Kreditu. Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax eventwali għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju Unit sabiex jiġi kopert l-infiq relatat mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart nukleari.

356    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 461 tad-Deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar l-infiq relatat mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart nukleari li tinsab fil-Mudell Finanzjarju għal Hinkley Point C. Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, peress li dawn kienu spejjeż li kellhom jiġu sostnuti mill-operatur tal-impjant, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-livell ta’ redditu neċessarju, sabiex jinħoloq effett ta’ inċentiv suffiċjenti.

357    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 460 u 461 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret espressament li kwalunkwe element ta’ għajnuna ulterjuri, li jirrigwarda l-infiq relatat mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart nukleari li ma kienx inkluż fil-miżuri inkwistjoni, kellu jiġi nnotifikat separatament.

358    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni aġixxiet konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punti 263 sa 266 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod suffiċjenti l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart għandu jiġi miċħud.

359    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-fatt li, fl-20 ta’ Lulju 2015, u għalhekk wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-Renju Unit innotifika l-metodu ta’ tarifikazzjoni għall-kuntratti ta’ trasferiment ta’ skart nukleari u li, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2015, fil-Każ SA.34962, Waste Contract for New Nuclear Power Stations (ĠU 2016, C 161, p. 1), il-Kummissjoni kklassifikat dan il-metodu bħala għajnuna mill-Istat u ddikjaratu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-fatt, dawn il-fatti seħħew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma jistgħux iqiegħdu fid-dubju l-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni, T‑533/10, EU:T:2014:629, punt 75). Barra minn hekk, li kieku r-Repubblika tal-Awstrija kellha tqis li l-miżura ta’ għajnuna awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2015 ma messhiex ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern, hija kien ikollha ssostni dawn l-argumenti fil-kuntest ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, tali argumenti ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, li ma tirrigwardax dan il-metodu ta’ tarifikazzjoni.

d)      Fuq l-eventwali għoti ta’ għajnuna mill-Istat futura

360    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-futur, tista’ eventwalment tingħata għajnuna ulterjuri favur Hinkley Point C fil-forma ta’ garanzija mill-Istat.

361    F’dak li jirrigwarda dan l-argument, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dan jagħmel riferiment għal fatti li jistgħu eventwalment iseħħu wara d-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u li għalhekk ma jistgħux iqiegħdu fid-dubju l-legalità tagħha (ara l-punt 359 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li kwalunkwe għajnuna ulterjuri ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, dawn l-argumenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li jikkonċerna biss talba għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-miżuri inkwistjoni.

362    Għaldaqstant, l-argumenti kollha li jfittxu li jipprovaw li l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni ma ġewx iddeterminati b’mod suffiċjenti għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq l-argumenti li jirrigwardaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

363    F’dak li jirrigwarda l-argumenti, ibbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li r-Repubblika tal-Awstrija tressaq fil-kuntest tar-raba’ parti tad-disa’ motiv, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dawn huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni kienet obbligata tiddetermina l-miżuri inkwistjoni iktar fid-dettall. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

364    L-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Garanzija ta’ Kreditu ma jinftehimx għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, kif diġà ġie espost fil-punti 285 sa 349 iktar ’il fuq, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-Kummissjoni aġġustat il-modalitajiet tal-Garanzija ta’ Kreditu nnotifikata mir-Renju Unit b’mod li l-element ta’ għajnuna li jinsab f’din il-garanzija jitnaqqas għall-minimu.

365    Għaldaqstant, l-argumenti li jirrigwardaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandhom ukoll jiġu miċħuda.

366    Għaldaqstant, il-ħames u t-tmien motivi, kif ukoll ir-raba’ parti tad-disa’ motiv, għandhom jiġu miċħuda, bla ħsara għall-eżami tal-argument ibbażat fuq effett ta’ esklużjoni tas-suq intern tal-elettriku u fuq l-effetti tal-miżuri inkwistjoni fuq il-prezzijiet f’dan is-suq (ara l-punt 273 iktar ’il fuq) u tal-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-effett kumulattiv tat-tliet miżuri inkwistjoni (ara l-punt 352 iktar ’il fuq), li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv.

F.      Fuq is-sitt motiv, it-tieni lment tat-tielet parti u s-sitt parti tad-disa’ motiv, li jirrigwardaw l-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni

367    Is-sitt motiv, it-tieni lment tat-tielet parti u s-sitt parti tad-disa’ motiv jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati fil-punti 9.5 u 9.6 tad-Deċiżjoni kkontestata li skonthom il-miżuri inkwistjoni kienu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-premessa 548 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li, suġġett għal aġġustament tar-rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu għal 295 punti bażi u għal emenda tal-mekkaniżmi fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-profitt, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-ikkummissjonar ta’ Hinkley Point C kienu limitati għall-minimu neċessarju u kienu kkontrobilanċjati mill-effetti pożittivi tal-miżuri.

368    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat is-sitt motiv, li jfittex li jipprova l-eżistenza ta’ żbalji dwar l-istħarriġ tan-natura proporzjonata tal-miżuri inkwistjoni. Fit-tieni lok, ser jiġu eżaminati t-tieni lment tat-tielet parti u s-sitt parti tad-disa’ motiv, li huma bbażati, b’mod partikolari, fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

1.      Fuq is-sitt motiv, li jirrigwarda l-isħarriġ tan-natura proporzjonata tal-miżuri inkwistjoni

369    Insostenn tas-sitt motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati fil-punti 9.5 u 9.6 tad-Deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati bi żbalji manifesti.

370    F’dan il-kuntest, preliminarjament, għandu jitfakkar li, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, miżura ta’ għajnuna għandha tkun xierqa u neċessarja sabiex tilħaq l-għan ta’ interess pubbliku li jitfittex li jintlaħaq. Barra minn hekk, it-tfixkil tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li hija tikkawża ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-effetti pożittivi li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punti 282 u 283, u tas-26 ta’ Frar 2015, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑135/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:116, punt 60).

371    Għandu jitfakkar ukoll li, kif diġà ġie espost fil-punti 79 sa 128 iktar ’il fuq, ir-Renju Unit mhux biss kellu dritt jagħżel it-teknoloġija nukleari bħala sors ta’ enerġija li kellu jifforma parti mit-taħlita enerġetika tiegħu, iżda, fid-dawl tal-Artikolu 2(ċ) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom, huwa kellu dritt ukoll jiddetermina l-kostruzzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

372    F’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għaldaqstant, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa limitat (ara l-punti 160 u 161 iktar ’il fuq).

373    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu mressqa insostenn tas-sitt motiv, li jinqasam fi tliet partijiet, li minnhom l-ewwel waħda tirrigwarda n-natura xierqa tal-miżuri inkwistjoni, it-tieni waħda tirrigwarda n-natura neċessarja tagħhom u t-tielet waħda tirrigwarda l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tagħhom.

a)      Fuq in-natura xierqa tal-miżuri inkwistjoni

374    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni, il-miżuri inkwistjoni la kienu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista, la sabiex jintlaħaq l-għan ta’ diversifikazzjoni tal-fornituri tal-elettriku u lanqas sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dekarbonizzazzjoni.

375    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-miżuri inkwistjoni ma humiex xierqa sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista u sabiex titwettaq diversifikazzjoni tal-fornituri tal-elettriku.

376    Minn naħa, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-provvista, li l-enerġija nukleari ma toffri ebda vantaġġ meta mqabbla ma’ sorsi oħra ta’ enerġija li huma iktar ekoloġiċi u inqas onerużi. Qabelxejn, l-Istati Membri huma dipendenti minn importazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-mineral tal-uranju. Minbarra dan, l-impjanti tal-enerġija nukleari huma sensittivi ferm għaż-żidiet fit-temperatura minħabba li għandhom bżonn kbir ta’ ilma kiesaħ. Barra minn hekk, l-impjanti tal-elettriku deċentralizzati żgħar huma inqas għaljin u jistgħu jitħaddmu u jitwaqqfu malajr, ħaġa li tippermetti kapaċità ikbar ferm li jirreaġixxu għal domanda għall-elettriku li tinbidel malajr. Barra minn hekk, huwa ferm iktar faċli li tiġi ġġestita ħsara f’impjant tal-elettriku żgħir milli ħsara f’impjant tal-enerġija nukleari. Minbarra dan, fid-diversi xenarji li hija pprospettat, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-pjan ta’ interkonnessjoni, li jfittex b’mod partikolari li jintegra s-sorsi ta’ enerġiji li jiġġeddu, u żviluppi tekniċi futuri. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, fil-futur ser ikun hemm żieda kunsiderevoli fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija fir-Renju Unit. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma rriflettietx b’mod suffiċjenti dwar il-possibbiltà li jiġu riżolti l-eventwali skarsezzi fil-provvista bl-użu ta’ diversi miżuri ta’ effikaċja enerġetika.

377    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-miżuri inkwistjoni ma jikkontribwixxux għad-diversifikazzjoni tal-fornituri tal-elettriku, iżda li għandhom l-effett oppost. L-estensjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point tirrestrinġi l-mezzi pubbliċi, tnaqqas sewwa l-baġit allokat għall-enerġiji li jiġġeddu u tipprekludi t-twettiq tal-proġetti ta’ operat u ta’ żvilupp tas-sorsi ta’ enerġiji li jiġġeddu. B’dan il-mod l-imsemmija miżuri jikkontribwixxu għaż-żamma permanenti tal-enerġija nukleari għad-detriment tal-enerġiji li jiġġeddu u, għaldaqstant, għaż-żamma tal-istruttura attwali ta’ provvista kkaratterizzata mis-sehem sostanzjali tal-enerġija nukleari. Għaldaqstant, dawn il-miżuri jmorru kontra l-għan ta’ diversifikazzjoni tal-fornituri tal-elettriku li allegatament qiegħed jitfittex li jintlaħaq.

378    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-miżuri inkwistjoni ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tad-dekarbonizzazzjoni. L-enerġija nukleari tirriżulta li hija fundamentalment iktar għalja milli hija, pereżempju, l-enerġija eolika jew l-enerġija idroelettrika. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, li kieku l-imsemmija miżuri ġew applikati għal dawn il-metodi ta’ produzzjoni tal-elettriku, l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju kienu jkunu jistgħu jitnaqqsu iżjed.

379    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

380    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 9.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat il-promozzjoni tal-enerġija nukleari, u, b’mod iktar speċifiku, il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, bħala l-għan ta’ interess pubbliku li l-miżuri inkwistjoni kienu qegħdin ifittxu li jilħqu. Kif ġie espost fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma ressqux argumenti li jistgħu iqiegħdu din il-konklużjoni fid-dubju.

381    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija sempliċement iqiegħdu fid-dubju n-natura xierqa tal-miżuri inkwistjoni f’dak li jirrigwarda t-tfittxija li jintlaħqu għanijiet oħra, bħat-titjib fis-sigurtà tal-provvista, id-diversifikazzjoni tal-fornituri u d-dekarbonizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, dawn ma jfittxux li jqiegħdu fid-dubju n-natura xierqa ta’ dawn il-miżuri f’dak li jirrigwarda l-għan ta’ interess komuni ddeterminat mir-Renju Unit, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni. Minn dan isegwi li dawn l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux iqiegħdu fid-dubju l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura xierqa tal-imsemmija miżuri. Dawn għalhekk għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi f’dan il-kuntest.

382    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li wħud mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija jirrigwardaw essenzjalment l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni mwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata. Dawn l-argumenti ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tas-sitt motiv, li tirrigwarda dan l-ibbilanċjar.

b)      Fuq in-natura neċessarja tal-miżuri inkwistjoni

383    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-miżuri inkwistjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista, ta’ diversifikazzjoni tal-fornituri u ta’ dekarbonizzazzjoni u għaldaqstant jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni eċċessiva. Il-mekkaniżmu ta’ għajnuna tal-Kuntratt għad-Differenza, li jippermetti li jsir investiment, permezz tal-prezz bażiku ggarantit, f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, jista’ jinfluwenza l-kundizzjonijiet tal-kummerċ fis-suq tal-enerġija tar-Renju Unit. B’mod partikolari, Hinkley Point C ikollu inċentiv li jipproduċi saħansitra meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu negattivi. Dan ikollu effetti negattivi fuq dan is-suq li jikkonkretizzaw ruħhom fil-forma ta’ funzjonament ħażin u jiżvantaġġa lill-fornituri tal-elettriku alternattivi. Il-produtturi ta’ enerġiji li jiġġeddu jiġu eliminati mis-suq, fin-nuqqas ta’ klawżoli paragunabbli ma’ dawk li jinsabu fil-Kuntratt għad-Differenza.

384    F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li żieda fl-offerta ta’ elettriku prodott mill-impjanti tal-enerġija nukleari b’riżultat tal-fatt li dawn jiġu ssussidjati ser tinfluwenza l-kurva tal-mertu tal-provvista favur dawn tal-aħħar, ser tikkawża funzjonament ħażin tas-suq tal-enerġija u tista’ twassal għall-eliminazzjoni tat-teknoloġiji li jistgħu jisabbilixxu n-netwerks b’mod effikaċi, b’mod partikolari l-impjanti li jaħdmu bil-gass. Skontha, dan jikkomprometti l-iżvilupp ta’ kombinazzjoni effikaċi tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni bbażata fuq impjanti flessibbli li jaħdmu bil-gass assoċjati mal-enerġija eolika volatili, billi jirrendi l-operat u ż-żamma ta’ numru dejjem jikber ta’ impjanti li jaħdmu bil-gass li ma jkunux profittabbli. Fil-fatt, hija tqis li l-impjanti li jaħdmu bil-gass ser jaffaċċjaw l-ikbar diffikultajiet sabiex jibqgħu fis-suq fl-2030, filwaqt li l-impjanti tal-enerġija nukleari ssussidjati, bħal Hinkley Point C, ser jiġġeneraw rati ta’ kopertura għoljin permezz tal-għajnuna li tkun ingħatatilhom u ser ikollhom inċentiv li jfornu n-netwerk b’mod skunsidrat matul il-fażijiet li fihom dan tal-aħħar diġà ser jirċievi injezzjonijiet sinjifikattivi ta’ elettriku li joriġina minn enerġiji li jiġġeddu. Dan jikkomprometti s-sigurtà tal-provvista minħabba t-tnaqqis prevedibbli fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni flessibbli.

385    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni, il-miżuri inkwistjoni ma għandhomx effett ta’ inċentiv xieraq għat-twettiq tal-investimenti. Fid-dawl tar-riperkussjonijiet ta’ dawn il-miżuri, l-effett ta’ inċentiv li l-imsemmija istituzzjoni tassumi li jeżisti favur il-benefiċjarju ma huwiex xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li jitfittex li jintlaħaq. Dawn il-miżuri joħolqu strutturi ta’ inċentiv foloz għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika li, taħt ċerti kundizzjonijiet tas-suq, jistgħu saħansitra jikkompromettu s-sigurtà tal-provvista minflok ma jiggarantixxuha. Barra minn hekk, jistgħu iseħħu distorsjonijiet tas-suq u funzjonament ħażin u dawn jista’ jkollhom riperkussjonijiet kemm fuq is-suq nazzjonali kif ukoll fuq is-suq Ewropew tal-elettriku. Qabelxejn, il-promozzjoni tal-enerġija nukleari twassal għal kapaċità eċċessiva potenzjali tal-produzzjoni mhux flessibbli. Minħabba l-mekkaniżmu ta’ sussidju, f’sitwazzjoni ta’ prezzijiet negattivi, NNBG, fil-kwalità tagħha ta’ operatur ta’ Hinkley Point C, ikollha inċentiv ekonomiku, mhux sabiex tnaqqas il-kwantità ta’ elettriku prodott fil-każ ta’ offerta eċċessiva, iżda sabiex għall-kuntrarju tkompli tipproduċi l-elettriku sabiex tforni n-netwerk, mingħajr ma b’xi mod tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tan-netwerk. Dan ikollu l-effett li jobbliga l-produtturi ta’ enerġiji li jiġġeddu, b’mod partikolari l-installazzjonijiet eoliċi li r-Renju Unit għandu l-intenzjoni li jiżviluppa, inaqqsu artifiċjalment l-injezzjonijiet tagħhom, sabiex ma jikkompromettux l-istabbiltà tan-netwerk. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, dawn tal-aħħar ser jirtiraw mis-suq, ser ikollhom iħallsu prezzijiet negattivi għall-produzzjoni tagħhom u ser jitilfu s-sussidji tagħhom jew il-possibbiltà li jibbenefikaw minn eventwali sussidji. Barra minn hekk, Hinkley Point C jikkontribwixxi direttament sabiex jirrendi saħansitra iktar probabbli x-xenarju ta’ prezzijiet negattivi. Peress li, fi kwalunkwe każ, impjant tal-enerġija nukleari għandu biss, b’għajnuna mill-Istat jew mingħajrha, possibbiltajiet limitati li jirreaġixxi għall-prezzijiet tas-suq, għaż-żidiet fid-domanda u għal kulma jista’ jikkomprometti l-istabbiltà tan-netwerk, impjant issussidjat permezz ta’ kuntratt għad-differenza għalhekk jikkontribwixxi b’mod iktar speċifiku sabiex jinfluwenza b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tas-suq għal teknoloġiji kompetituri u, filwaqt li jibbenefika minn sussidji kunsiderevoli, huwa jista’ jelimina mis-suq teknoloġiji li jkollhom spejjeż marġinali inqas għoljin. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li l-prezz tal-elettriku għal kull megawatt fis-siegħa, prodott minn Hinkley Point C, ser ikun darbtejn ogħla mill-prezz attwalment offrut fuq is-suq.

386    Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-miżuri inkwistjoni jiżvantaġġaw it-teknoloġiji l-oħra b’mod eċċessiv. Kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, teknoloġiji oħra ma jistgħux ikunu appoġġati b’mod simili permezz ta’ kuntratti għad-differenza. L-għajnuna għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi ta’ enerġiji li jiġġeddu hija suġġetta għal kriterji partikolari, stretti ferm u ddefiniti b’mod ċar mir-Regolament Nru 651/2014 u mil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020. Issa, l-imsemmija miżuri u, b’mod partikolari, il-Kuntratt għad-Differenza ma jissodisfaw ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. Għall-kuntrarju, dawn il-miżuri saħansitra jikkawżaw l-eliminazzjoni tal-produtturi ta’ enerġija li tiġġedded, sa fejn ma jkunux jistgħu jirċievu għajnuna paragunabbli ma’ dik irċevuta minn operaturi ta’ impjanti tal-enerġija nukleari. Barra minn hekk, tali miżuri jippermettu lil NNBG tibbenefika minn sussidji mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tan-netwerk, filwaqt li, pereżempju, l-installazzjonijiet eoliċi jkollhom jagħtu preċedenza lill-istabbiltà tan-netwerk fuq l-injezzjonijiet tagħhom ta’ elettriku u, għaldaqstant, fuq il-possibbiltà tagħhom li jibbenefikaw minn eventwali sussidji.

387    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

388    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti li tressaq ir-Repubblika tal-Awstrija jinqasmu, essenzjalment, fi tliet ilmenti, li minnhom l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri inkwistjoni ma kinux neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista, ta’ diversifikazzjoni tal-fornituri u ta’ dekarbonizzazzjoni, it-tieni wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li impjanti ta’ daqs iktar moderat kienu jkunu suffiċjenti u t-tielet wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti r-riskju ta’ kumpens eċċessiv.

389    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq l-allegazzjoni li l-miżuri inkwistjoni ma kinux neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista, ta’ diversifikazzjoni tal-fornituri u ta’ dekarbonizzazzjoni.

390    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-għan ta’ interess pubbliku li jirrigwarda l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari (ara l-punt 380 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażati fuq l-allegazzjoni li l-miżuri inkwistjoni ma kinux neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista, ta’ diversifikazzjoni tal-fornituri u ta’ dekarbonizzazzjoni ma jistgħux iqiegħdu fid-dubju l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għalhekk għandhom jiġu miċħuda.

391    Fit-tieni lok, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li impjanti iżgħar, potenzjalment modulari, ikunu suffiċjenti, għaliex dawn l-impjanti jistgħu jitħaddmu iktar malajr u huwa iktar faċli li tiġi ġġestita ħsara f’tali impjant milli kieku din kellha sseħħ f’Hinkley Point, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, sa fejn dan l-argument jirrigwarda impjanti li ma humiex tal-enerġija nukleari, huwa suffiċjenti li jitfakkar li tali impjanti ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ promozzjoni tal-enerġija nukleari, li l-miżuri inkwistjoni jfittxu li jilħqu. Mill-bqija, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom il-kostruzzjoni ta’ diversi impjanti tal-enerġija nukleari iżgħar intiżi li joħolqu l-istess karga bażika ta’ enerġija nukleari bħal dik ta’ Hinkley Point C jista’ jkollha effett iktar limitat fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni mill-kostruzzjoni tal-imsemmi impjant.

392    Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li r-Renju Unit ippreveda tliet miżuri, li l-ammont individwali tagħhom huwa diġà eċċezzjonalment għoli. Fid-Deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija istituzzjoni llimitat ruħha li tiġġustifika kull wieħed minn dawn l-elementi b’mod separat, mingħajr madankollu ma ħadet inkunsiderazzjoni l-effett akkumulat tagħhom. Dan l-argument u dak imressaq fil-kuntest tal-ħames motiv li skonthom il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv tal-miżuri inkwistjoni (ara l-punt 352 iktar ’il fuq) jikkoinċidu. F’dan il-kuntest, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument imressaq fil-kuntest tal-ewwel motiv li skontu ma kienx neċessarju li jiġu “immunizzati” l-operaturi ta’ Hinkley Point C (ara l-punt 196 iktar ’il fuq).

393    L-ewwel nett, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni llimitat ruħha li teżamina l-miżuri inkwistjoni b’mod individwali, iżda ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett akkumulat tagħhom, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 337 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li dawn il-miżuri kienu marbutin flimkien. Min-naħa l-oħra, mill-premessi 407 u 479 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami tan-natura proporzjonata tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni ħadet din ir-rabta inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, fl-imsemmija premessi, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rati ta’ redditu li abbażi tagħhom kien ġie kkalkolat il-prezz tal-eżerċitar għall-Kuntratt għad-Differenza kienu konsistenti mas-sett ta’ miżuri li kienu jirregolawh. Issa, il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat u l-Garanzija ta’ Kreditu jifformaw parti minn dawn il-miżuri. Minn dan isegwi li, fl-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tal-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Kuntratt għad-Differenza, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fiż-żewġ miżuri inkwistjoni l-oħra.

394    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument iddettaljat li jista’ jipprova li l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fid-diversi miżuri inkwistjoni huma eċċessivi fid-dawl tal-għan li tiġi skattata deċiżjoni ta’ investiment f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari.

395    Qabelxejn, f’dak li jirrigwarda l-Garanzija ta’ Kreditu, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni eżiġiet li l-ammont tat-tariffa tagħha jiġi emendat sabiex jitnaqqas għall-minimu l-element ta’ għajnuna li jinsab fiha. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li mill-eżami tat-tmien motiv ma rriżultawx żbalji manifesti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara l-punti 285 sa 349 iktar ’il fuq).

396    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat, għandu jitfakkar li l-element ta’ għajnuna li jinsab fih huwa limitat għal dritt kuntrattwali li, fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point għal raġunijiet politiċi, jeżenta lill-investituri ta’ NNBG mill-ispejjeż u mill-ħela ta’ ħin li jirriżultaw minn azzjonijiet għall-infurzar tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-kumpens fil-każ ta’ ċaħda mid-dritt għall-proprjetà (ara l-punt 277 iktar ’il fuq).

397    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li ma kienx neċessarju li NNBG u l-investituri tagħha jiġu “immunizzati” kontra kwalunkwe riskju legali, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri inkwistjoni ma jipproteġux lil NNBG minn kwalunkwe riskju, iżda li din hija esposta, b’mod partikolari, għal riskju marbut ma’ dewmien fil-kostruzzjoni jew kostruzzjoni inkompleta ta’ Hinkley Point C, għal riskju ta’ prestazzjoni fqira u għal riskju ta’ riżultat baxx. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-għan li l-imsemmija miżuri jfittxu li jilħqu, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ effett ta’ inċentiv għal investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, il-fatt li ntuża strument bħall-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat sabiex jilqa’ għar-riskji li għalihom ser ikunu esposti tali investimenti, bil-għan li jitnaqqas l-ammont tal-prezz tal-eżerċitar iggarantit mill-Kuntratt għad-Differenza, ma jistax jitqies li huwa żbaljat.

398    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-Kuntratt għad-Differenza, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument iddettaljat li jista’ jipprova li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezz tal-eżerċitar ma kienx jeċċedi l-ammont li kien neċessarju sabiex tiġi skattata deċiżjoni ta’ investiment f’Hinkley Point C kienet manifestament żbaljata. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-prezz tal-eżerċitar kien ġie ffissat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni r-rati ta’ redditu u li, fil-punti 9.5.3.2 u 9.5.3.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, suġġett għal emenda tal-mekkaniżmi fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-profitt, dawn ir-rati kienu konformi mar-rati ta’ redditu li kellu jkun jista’ jilħaq proġett ta’ daqs paragunabbli ma’ dak tal-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C, u kkaratterizzat minn livell ta’ inċertezza paragunabbli. Issa, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument li jista’ jipprova li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

399    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju n-natura neċessarja tal-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda.

400    Madankollu, f’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Awstrija tressaq ukoll argumenti li jirrigwardaw l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni mwettaq mill-Kummissjoni. Dawn l-argumenti ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, li tirrigwarda dan l-ibbilanċjar.

c)      Fuq l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-miżuri inkwistjoni

401    It-tielet parti tirrigwarda l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessi 547 u 548 tad-Deċiżjoni kkontestata li skontha, fid-dawl tal-aġġustament tar-rata tat-tariffa tal-Garanzija ta’ Kreditu u tal-impenji assunti minn EDF, il-potenzjal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżat mill-miżuri inkwistjoni kien limitat u kien ikkontrobilanċjat mill-effetti pożittivi tagħhom.

402    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontestaw din il-konklużjoni. Skont dawn l-Istati Membri, l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni huma sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi li jagħtu. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-eventwali vantaġġi li jirriżultaw mill-imsemmija miżuri huma sproporzjonati għall-inkonvenjenzi li jirriżultaw minnhom, bħalma huma, b’mod partikolari, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment ta’ produtturi oħra tal-elettriku u l-ħolqien ta’ funzjonament ħażin kunsiderevoli fis-suq tal-elettriku. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi ta’ dawn il-miżuri għall-produtturi l-oħra tal-elettriku, b’mod partikolari effetti negattivi kunsiderevoli għall-produtturi ta’ enerġija li tiġġedded. Barra minn hekk, tali miżuri joħolqu effetti ta’ inċentiv li jikkawżaw funzjonament ħażin. Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-ibbilanċjar, il-Kummissjoni ħalliet barra ċerti aspetti essenzjali li kienu jimmilitaw ukoll kontra l-awtorizzazzjoni tal-istess miżuri. L-ewwel nett, l-effetti fuq is-suq tal-elettriku ma ġewx analizzati b’mod suffiċjenti. It-tieni nett, id-Deċiżjoni kkontestata għandha valur ta’ preċedent għal numru ta’ installazzjonijiet nukleari li huma ppjanati, iżda li għadhom ma twettqux għaliex ma humiex profittabbli mingħajr għajnuna mill-Istat. It-tielet nett, il-konsegwenzi kunsiderevoli għall-konsumaturi ma ttiħdux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti. Is-sempliċi fatt li, fid-Deċiżjoni kkontestata, is-soluzzjonijiet l-oħra possibbli sabiex jinqdew il-bżonnijiet futuri tal-elettriku tar-Renju Unit bilkemm ġew studjati, jippermetti li jiġi konkluż li l-benesseri tal-konsumaturi ma ttiħidx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti. Bħala prinċipju, settur liberalizzat bħal dak tal-elettriku għandu jkun jista’ jiffunzjona mingħajr appoġġ pubbliku sostanzjali. Għaldaqstant, l-ammont tal-miżuri li għandhom jiġu sostnuti mill-persuni taxxabbli fir-Renju Unit huwa iktar u iktar sorprendenti. Ir-raba’ nett, l-effetti fuq l-ambjent, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ħażna tal-iskart, u li jikkonċernaw ukoll il-konsumatur jew il-persuna taxxabbli, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti.

403    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

404    L-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija jistgħu jinqasmu f’erba’ gruppi. L-ewwel grupp ta’ argumenti jfittex li jqiegħed fid-dubju l-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni. It-tieni grupp ta’ argumenti jirrigwarda l-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-imsemmija miżuri kienu limitati. It-tielet grupp ta’ argumenti jirrigwarda l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi ta’ dawn il-miżuri li twettaq mill-Kummissjoni. Ir-raba’ grupp ta’ argumenti huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi li kienu rilevanti.

1)      Fuq l-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni identifikati mill-Kummissjoni

405    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni identifikati mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 2 sa 11 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jirriżulta li l-imsemmija miżuri jifformaw parti minn sett ta’ miżuri ta’ politika tal-enerġija meħuda mir-Renju Unit fil-kuntest tar-riforma tas-suq tal-elettriku. Din l-istrateġija tfittex li tiżgura s-sigurtà tal-provvista, id-diversifikazzjoni tas-sorsi u d-dekarbonizzazzjoni. Kif jirriżulta mill-premessi 199 u 404 u 508 sa 511 tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-Renju Unit ser ikollu bżonn ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jkunu jistgħu jipprovdu madwar 60 ġigawatt. Fid-dawl tal-għeluq ippjanat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u ta’ impjanti li jaħdmu bil-faħam eżistenti, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C hija intiża li tillimita t-tnaqqis fil-kontribuzzjoni tal-enerġija nukleari għall-bżonnijiet totali tal-elettriku. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma huwiex possibbli li d-defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija kkawżat, minn naħa, miż-żieda fid-domanda u, min-naħa l-oħra, mill-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u ta’ impjanti li jaħdmu bil-faħam eżistenti, jiġi indirizzat biss billi jintużaw l-enerġiji li jiġġeddu. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-enerġija nukleari tirrappreżenta metodu ta’ provvista ta’ karga bażika, jiġifieri forma ta’ produzzjoni kontinwa ta’ enerġija, li ma hijiex intermittenti, kuntrarjament għal diversi teknoloġiji ta’ produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu. Il-Kummissjoni esponiet ukoll li l-ekwivalenti tal-potenza li għandha tiġi pprovduta minn Hinkley Point C jikkorrispondi għal 14-il ġigawatt ta’ enerġija eolika minn fuq l-art jew għal 11-il ġigawatt ta’ enerġija eolika minn fuq il-baħar u qieset li ma jkunx realistiku li wieħed jistenna li tali kapaċità tiġi prodotta fl-istess perijodu ta’ żmien.

406    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm in-natura xierqa u neċessarja tal-miżuri inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan ta’ interess pubbliku li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenzi tal-imsemmija miżuri, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti pożittivi kollha li jipproduċu tali kapaċitajiet ġodda.

407    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, inklużi dawk imressqa insostenn tal-ewwel u tat-tieni partijiet tas-sitt motiv (ara l-punti 382 u 398 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, dawn l-Istati Membri jressqu seba’ lmenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni. L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tressaq argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-eżistenza ta’ defiċit futur fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija fir-Renju Unit. It-tieni nett, hija ssostni li l-kunċett ta’ karga bażika wiesgħa jikkostitwixxi anakroniżmu. It-tielet nett, bħalma jagħmel il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, hija ssostni li, f’dak li jirrigwarda l-enerġija nukleari, is-sigurtà tal-provvista tal-uranju ma hijiex iggarantita. Ir-raba’ nett, hija ssostni li l-impjanti tal-enerġija nukleari huma sensittivi għal żidiet fit-temperatura. Il-ħames nett, hija tinvoka l-konsegwenzi ta’ ħsara fl-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point. Is-sitt nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqiegħed fid-dubju l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-enerġija nukleari hija enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju. Is-seba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C ma hijiex ser titlesta fil-ħin.

i)      Fuq l-argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-eżistenza ta’ defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija

408    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija hija manifestament żbaljata. F’dan il-kuntest, hija ssostni li, fil-kuntest tad-diversi xenarji li eżaminat il-Kummissjoni, din tal-aħħar ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-bidliet fis-suq tal-elettriku li jirriżultaw minn miżuri bħalma huma l-arloġġi intelliġenti, in-netwerks intelliġenti, id-djar intelliġenti u l-kapaċitajiet ta’ ħażna. Skontha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-possibbiltà li jiġi importat l-elettriku minn Stati Membri oħra u l-prospett ta’ żieda kunsiderevoli fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku fir-Renju Unit.

409    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-previżjonijiet magħmula mir-Renju Unit. Kif jirriżulta mill-premessi 250 sa 258 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-kuntest ta’ dawn il-previżjonijiet, dan l-Istat Membru ħa inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni minbarra l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, miżuri ta’ effikaċja enerġetika u l-possibbiltà li tiġi importata l-enerġija minn Stati Membri oħra permezz ta’ interkonnessjoni. Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-premessi 259 sa 263 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kellha dubji dwar l-analiżi mwettqa mir-Renju Unit. Madankollu, mill-premessa 510 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara eżami fid-dettall, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-bżonn identifikat mir-Renju Unit ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jkunu jistgħu jipprovdu 60 ġigawatt bejn l-2021 u l-2030. Minn dan isegwi li l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iżvilupp futur tas-suq tal-elettriku għandu jiġi miċħud.

410    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, ibbażat fuq l-allegazzjoni li mir-rapport tal-Kummissjoni intitolat “Investment perspectives in the electricity market” (Perspettivi ta’ investiment fis-suq tal-elettriku), ta’ Lulju 2015, jirriżulta li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija fir-Renju Unit ser jiżdiedu, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni (sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 16). Issa, f’dan il-każ, ir-rapport li fuqu tibbaża ruħha r-Repubblika tal-Awstrija ġie ppubblikat wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u ma hemm xejn fil-proċess li jindika li l-imsemmija istituzzjoni seta’ jkollha l-informazzjoni li kienet tinsab f’dan ir-rapport qabel ma adottat din id-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi argument li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu u għalhekk il-kapaċitajiet intermittenti żdiedu fir-Renju Unit, ma jistax iċaħħad mill-plawżibbiltà l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li, minħabba żieda fid-domanda u l-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u ta’ impjanti li jaħdmu bil-faħam eżistenti, ir-Renju Unit ser ikollu jaffaċċja defiċit f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija.

411    Għaldaqstant, l-argumenti kollha tar-Repubblika tal-Awstrija li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija għandhom jiġu miċħuda.

ii)    Fuq l-argumenti bbażati fuq l-anakroniżmu tal-kunċett ta’ karga bażika wiesgħa

412    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kunċett ta’ karga bażika wiesgħa huwa skadut. Għandha tingħata preferenza lill-impjanti żgħar flessibbli.

413    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-premessa 404 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li n-natura intermittenti ta’ diversi teknoloġiji li jiġġeddu ma tippermettilhomx ikunu alternattiva xierqa għal teknoloġija li tipproduċi elettriku bażiku bħall-enerġija nukleari, li l-ekwivalenti tal-potenza li għandha tiġi pprovduta minn Hinkley Point C jikkorrispondi għal 14-il ġigawatt ta’ enerġija eolika minn fuq l-art jew għal 11-il ġigawatt ta’ enerġija eolika minn fuq il-baħar u li ma kienx realistiku li wieħed jistenna li tali kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija eolika jkunu jistgħu jinbnew fl-istess perijodu ta’ żmien bħal dak previst għall-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C.

414    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija jistgħux iċaħħdu dawn il-kunsiderazzjonijiet mill-plawżibbiltà.

415    L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tissottometti intervista tal-11 ta’ Settembru 2015 tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-impriża li tiġġestixxi b’mod partikolari n-netwerks ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Renju Unit. Hija ssostni li minn din l-intervista jirriżulta li l-idea li jintużaw impjanti tal-enerġija nukleari kbar hija skaduta.

416    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-intervista inkwistjoni xxandret wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u li għalhekk ma tistax tqiegħed fid-dubju l-legalità tagħha (ara l-punt 410 iktar ’il fuq). Dan japplika iktar u iktar peress li wħud mill-ideat li jipprevedi l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-impriża jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li seħħew matul is-sena 2015 u għalhekk wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

417    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-intervista inkwistjoni, l-utilità tal-enerġija nukleari bħala sors affidabbli ta’ produzzjoni tal-elettriku ma titqiegħedx fid-dubju. Barra minn hekk, għalkemm, f’din l-intervista, l-utilità tal-karga bażika għall-konsumaturi titqiegħed fid-dubju abbażi ta’ previżjoni li l-konsumatur innifsu jipproduċi l-elettriku, f’din l-intervista jingħad ukoll li l-veloċità li biha ser iseħħ dan l-iżvilupp ma hijiex magħrufa. Barra minn hekk, il-fatt li l-karga bażika ser tibqa’ importanti għall-klijenti professjonali ma jitqiegħedx fid-dubju. Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li previżjoni oħra f’din l-intervista hija li d-domanda għall-elettriku ser tiżdied matul is-snin 2020. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u tad-dritt tar-Renju Unit li jagħżel bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu u l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li huwa għandu f’dan ir-rigward (ara l-punt 372 iktar ’il fuq), għandu jiġi konkluż li l-intervista inkwistjoni ma tistax tipprova li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 413 iktar ’il fuq huma vvizzjati bi żball manifest.

418    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-futur, il-bżonn ta’ riżorsi flessibbli ser jiżdied meta mqabbel ma’ dak ta’ karga bażika, billi tinvoka r-rapport tal-Kummissjoni intitolat “Investment perspectives in the electricity market” (Perspettivi ta’ investiment fis-suq tal-elettriku). F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 410 iktar ’il fuq), dan ir-rapport ma jistax iqiegħed fid-dubju l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma jistax iċaħħad mill-plawżibbiltà l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li ma kienx realistiku li wieħed jistenna li jkunu jistgħu jinħolqu kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġiji flessibbli u b’kontenut baxx ta’ karbonju fl-istess perijodu ta’ żmien bħal dak previst għall-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C.

419    It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li minn artiklu intitolat “Will the U. S. Ever Need to Build Another Coal or Nuclear Power Plant?”, ippubblikat fit-22 ta’ April 2009 f’rivista Amerikana, jirriżulta li l-President tal-Kummissjoni Federali Amerikana Regolatorja tal-Enerġija qies li l-kunċett tal-karga bażika jista’ jsir anakroniżmu.

420    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, għalkemm minn dan l-artiklu jirriżulta li l-President tal-Kummissjoni Federali Amerikana Regolatorja tal-Enerġija qies li, fil-futur, il-kunċett tal-karga bażika jista’ jsir anakroniżmu, għandu jiġi kkonstatat li mill-imsemmi artiklu jirriżulta wkoll li din l-opinjoni ċertament ma hijiex kondiviża b’mod unanimu u li esperti oħra qiesu li l-enerġija nukleari ser jibqa’ jkollha rwol sinjifikattiv fil-futur. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu r-Renju Unit f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tat-taħlita enerġetika tiegħu, dan l-artiklu għalhekk ma jistax jipprova li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni miġbura fil-qosor fil-punt 413 iktar ’il fuq huma manifestament żbaljati.

421    Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq l-allegazzjoni li l-kunċett ta’ karga bażika wiesgħa huwa skadut għandhom ukoll jiġu miċħuda.

iii) Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-provvista tal-uranju

422    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li r-riżervi magħrufa tal-uranju ma humiex illimitati. Barra minn hekk, il-kombustibbli nukleari jkollhom jiġu importati fil-parti l-kbira tagħhom minn pajjiżi li fihom is-sitwazzjoni politika ma hijiex stabbli.

423    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-argument ibbażat fuq in-natura limitata tar-riżervi magħrufa tal-uranju jistax iqiegħed fid-dubju l-plawżibbiltà tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-vantaġġi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni.

424    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-premessa 383 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Hinkley Point C huwa mistenni li jkollu ħajja operattiva ta’ 60 sena. Min-naħa l-oħra, skont is-sunt tal-“Ktieb Aħmar” ippubblikat mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) li ssottomettiet il-Kummissjoni, ir-riżervi tal-uranju huma suffiċjenti għall-150 sena li ġejjin. Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq in-natura limitata tar-riżervi ma jistax iċċaħħad il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni mill-plawżibbiltà.

425    Din il-konklużjoni ma titqiegħedx fid-dubju mill-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li mill-paġna 10 tal-Programm Nukleari Illustrattiv tal‑4 ta’ Ottubru 2007, COM(2007) 565 finali, jirriżulta li, jekk ir-rata tal-konsum tibqa’ dik li hija bħalissa, ir-riżervi magħrufa tal-uranju li huma pjuttost ċerti u li jistgħu jiġu rkuprati bi prezzijiet kompetittivi jistgħu jsostnu r-rekwiżiti tal-industrija nukleari mill-inqas għall-85 sena li ġejjin.

426    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li dan il-programm illustrattiv jirreferi għal previżjoni li tinsab f’verżjoni preċedenti tal-“Ktieb Aħmar” imsemmi fil-punt 423 iktar ’il fuq, filwaqt li l-previżjoni ta’ terminu ta’ 150 sena tirriżulta minn verżjoni iktar reċenti ta’ dan il-ktieb.

427    It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, jekk ir-rata tal-konsum tibqa’ dik li hija bħalissa, ir-riżervi magħrufa tal-uranju li huma pjuttost ċerti u li jistgħu jiġu rkuprati bi prezzijiet kompetittivi jistgħu jsostnu r-rekwiżiti tal-industrija nukleari għall-85 sena li ġejjin biss, l-imsemmi terminu jeċċedi l-ħajja operattiva mistennija ta’ Hinkley Point C u r-Repubblika tal-Awstrija ma pproduċietx provi ddettaljati li jistgħu jipprovaw li l-iżvilupp tal-enerġija nukleari huwa tali li r-riżervi magħrufa tal-uranju ser jiġu eżawriti qabel it-tmiem ta’ dan it-terminu.

428    It-tielet nett, f’dan il-kuntest, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li jintużaw kombustibbli diġà użati jew li jkunu ġejjin mill-iżmantellament tal-armi nukleari. F’dak li jirrigwarda din il-possibbiltà, ir-Repubblika tal-Awstrija sempliċement issostni li mill-paġna 18 tar-rapport annwali tal-2014 tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom jirriżulta li l-Istati Membri jiżguraw biss 21 % tal-kapaċitajiet ta’ riċiklaġġ, ħaġa li ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tal-Unjoni. Issa, f’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li mill-paġni 18 u 33 ta’ dan id-dokument jirriżulta li, fuq livell dinji, teżisti kapaċità eċċessiva ta’ konverżjoni u li l-bżonnijiet tal-produtturi tal-elettriku tal-Unjoni huma koperti sewwa għal żmien qasir jew medju.

429    Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq in-natura limitata tar-riżervi tal-uranju ma jistax jipprova l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jaffettwa l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

430    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Unjoni hija dipendenti ferm minn importazzjonijiet tal-kombustibbli nukleari li jkunu ġejjin minn Stati terzi, minn naħa, għandha titfakkar il-possibbiltà msemmija iktar ’il fuq ta’ riċiklaġġ tal-kombustibbli diġà użati jew li jkunu ġejjin mill-iżmantellament ta’ armi nukleari u l-eżistenza ta’ minjieri tal-uranju fit-territorju tal-Unjoni, minkejja li d-daqs tagħhom huwa limitat ferm.

431    Min-naħa l-oħra, il-fatt li parti kbira ħafna mill-uranju tiġi importata minn Stati terzi ma jistax jipprova fih innifsu li Hinkley Point C ma huwiex ser ikun jista’ jilħaq il-produzzjoni tal-elettriku ppjanata.

432    Ir-Repubblika tal-Awstrija madankollu ssostni li l-imsemmija importazzjonijiet jiġu fil-parti l-kbira tagħhom minn pajjiżi li fihom is-sitwazzjoni politika ma hijiex stabbli.

433    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li parti mill-provvisti tiġi mill-Kanada u mill-Awstralja u li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaqx argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju n-natura stabbli tas-sitwazzjoni politika f’dawn il-pajjiżi.

434    It-tieni nett, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li tirreferi għall-paġna 2 tal-Programm Nukleari Indikattiv tat‑13 ta’ Novembru 2008, KUMM(2008) 776 finali, ir-riżervi tal-uranju jinsabu f’żoni ġeopolitiċi stabbli u huma mifruxin ħafna, ħaġa li tista’ tnaqqas ir-riskju li eventwali inkwiet f’waħda jew iktar minn dawn iż-żoni jikkawża skarsezza tal-uranju għall-Istati Membri. Ir-Repubblika tal-Awstrija ma tressaqx argumenti ddettaljati li jistgħu jqiegħdu din l-informazzjoni fid-dubju.

435    It-tielet nett, f’dan il-kuntest, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li hija kkonfermata mill-paġni 4 u 11 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm Nukleari Illustrattiv tal‑4 ta’ Ottubru 2007, li skontha xi kumpanniji Ewropej huma komproprjetarji ta’ minjieri fi Stati terzi u li ftehimiet internazzjonali li jiffaċilitaw il-kummerċ tal-materjali u tat-teknoloġija nukleari ġew konklużi mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Istati Uniti, mal-Ġappun u mal-Każakistan.

436    Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li d-dipendenza minn karburanti importati minn Stati terzi ma hijiex karatteristika speċifika tal-enerġija nukleari, iżda teżisti wkoll għal teknoloġiji oħra, bħall-impjanti li jaħdmu bil-gass.

437    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq il-fatt li parti kbira ħafna mill-uranju għandha tiġi importata minn Stat terz lanqas ma jista’ jċaħħad mill-plawżibbiltà l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni.

438    Għaldaqstant, l-argumenti kollha li jirrigwardaw ir-riżervi tal-uranju għandhom jiġu miċħuda.

439    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma messhiex iffavorixxiet l-importazzjoni ta’ minerali tal-uranju li ġejjin minn Stati terzi fuq l-importazzjoni tal-elettriku li ġej minn Stati Membri oħra, għandu jiġi kkonstatat li dan jirrigwarda l-ibbilanċjar tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenzi tal-miżuri inkwistjoni. Għalhekk ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ibbilanċjar.

iv)    Fuq l-argument ibbażat fuq is-sensittività tal-impjanti tal-enerġija nukleari għaż-żidiet fit-temperatura

440    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-impjanti tal-enerġija nukleari huma sensittivi ferm għaż-żidiet fit-temperatura minħabba li għandhom bżonn kbir ta’ ilma kiesaħ. Għalhekk, meta jseħħu mewġiet ta’ sħana, l-impjanti tal-enerġija nukleari jkollhom jitwaqqfu.

441    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda prova li tista’ tistabbilixxi li, f’kundizzjonijiet klimatiċi normali, l-impjanti tal-enerġija nukleari huma partikolarment sensittivi għall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, b’differenza minn sorsi ta’ enerġiji li jiġġeddu bħalma hija l-enerġija eolika jew l-enerġija solari.

442    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li mewġiet ta’ sħana jistgħu jaffettwaw il-funzjonament ta’ impjanti tal-enerġija nukleari jistax iċaħħad mill-plawżibbiltà l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni miġbura fil-qosor fil-punt 405 iktar ’il fuq.

443    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li s-sensittività tal-impjanti tal-enerġija nukleari għall-mewġiet ta’ sħana tirriżulta minn dokument intitolat “Nuclear Free Local Authorities briefing” tad-9 ta’ Diċembru 2014.

444    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont dan id-dokument, ir-raġuni prinċipali għan-nuqqas ta’ affidabbiltà ta’ ċerti reatturi nukleari hija marbuta mal-fatt li dawn huma reatturi li qegħdin jeqdiemu, li d-data ta’ skadenza tagħhom għaddiet. Issa, minn naħa, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C hija intiża preċiżament li tissostitwixxi impjanti tal-enerġija nukleari li qegħdin jeqdiemu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument li jista’ jipprova li Hinkley Point C, li ser ikun f’Somerset, fuq il-kosta tar-Renju Unit, jista’ jkun partikolarment espost għal mewġiet ta’ sħana u għal problemi ta’ tkessiħ.

445    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki fil-każ li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-funzjonament ta’ Hinkley Point C jiġi affettwat minn mewġa ta’ sħana, dan ma jistax iqiegħed fid-dubju bħala tali l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jirriżultaw mill-kostruzzjoni tal-imsemmija unità li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet tagħha miġbura fil-qosor fil-punt 405 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument tal-Kummissjoni li l-konsegwenza tal-mewġiet ta’ sħana hija li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija solari u li għalhekk jeżisti ċertu effett kumpensatorju, li jkun jista’ jikkontrobilancja l-eventwali konsegwenzi ta’ temperaturi għoljin wisq għall-produzzjoni ta’ enerġija nukleari.

446    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-argument ibbażat fuq l-effetti tal-mewġiet ta’ sħana ma jistax jipprova li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni huma vvizzjati bi żbalji manifesti.

v)      Fuq l-argument ibbażat fuq il-konsegwenzi possibbli ta’ ħsarat

447    Ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jiġu kkawżati minn ħsara f’impjant tal-enerġija nukleari u, b’mod iktar partikolari, ħsara f’impjant ta’ daqs bħal dak tal-impjant tal-enerġija nukleari futur ta’ Hinkley Point.

448    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-produzzjoni fl-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point ser tiġi żgurata minn diversi blokkijiet ta’ impjanti tal-enerġija nukleari li jużaw teknoloġiji differenti, ħaġa li ser tippermetti li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jiġu pprogrammati b’mod li tinżamm il-produzzjoni tal-karga bażika u, min-naħa l-oħra, li r-Repubblika tal-Awstrija ma ressqitx argumenti li jistgħu jqiegħdu din l-informazzjoni fid-dubju.

449    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-funzjonament ta’ Hinkley Point C jista’ jiġi affettwat minn ħsarat okkażjonali ma jistax iqiegħed fid-dubju bħala tali l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jirriżultaw mill-imsemmija unità u li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet tagħha miġbura fil-qosor fil-punt 405 iktar ’il fuq.

450    Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq il-konsegwenzi possibbli ta’ ħsarat ma jistax iċaħħad mill-plawżibbiltà l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-vantaġġi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni.

vi)    Fuq il-klassifikazzjoni tal-enerġija nukleari bħala enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju

451    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-enerġija nukleari hija teknoloġija b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju hija manifestament żbaljata. It-teknoloġija nukleari tikkawża emissjoni ta’ dijossidu tal-karbonju kunsiderevoli, minħabba l-karbonju prodott waqt l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-uranju u waqt il-kostruzzjoni u l-iżmantellament tal-impjanti tal-enerġija nukleari.

452    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma identifikatx id-dekarbonizzazzjoni bħala għan ta’ interess pubbliku li jista’ jiġġustifika b’mod awtonomu l-miżuri inkwistjoni. Madankollu, kif diġà ġie espost fil-punt 405 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenzi tal-miżuri in kwistjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-miżuri kienu jifformaw parti minn strateġija globali tar-Renju Unit sabiex jirriforma s-suq tal-elettriku tiegħu, li tfittex, b’mod partikolari, li tilħaq l-għan tad-dekarbonizzazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jistgħux jipprovaw li l-kunsiderazzjoni li l-miżuri inkwistjoni jifformaw parti minn din l-istrateġija globali, hijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

453    Essenzjalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jibbaża l-argumenti tiegħu li t-teknoloġija nukleari ma hijiex teknoloġija b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju, fuq studju ppubblikat fl-2008 u intitolat “Valuing the greenhouse gas emissions from nuclear power”.

454    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-istudju inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li minnu ma jirriżultax li l-enerġija nukleari hija forma ta’ enerġija b’emissjonijiet għolja ta’ karbonju. Għall-kuntrarju, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, minnu jirriżulta li l-medja tal-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari hija 66 g ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-enerġija u tal-bijomassa li huma bejn 13 u 41 g ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju, filwaqt li l-kombustibbli fossili bħall-gass, iż-żejt, id-diżil u l-faħam huma bejn 443 g u 1050 g ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju.

455    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ssostni li, fil-futur, il-medja tal-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ser tonqos. L-intensità ta’ karbonju li ġej mill-konsum tal-elettriku neċessarju għall-estrazzjoni ta’ materji primi, għall-kostruzzjoni u għall-iżmantellament ta’ impjant tal-enerġija nukleari tista’ tonqos, minħabba l-fatt li dan l-elettriku jiġi tal-inqas parzjalment issostitwit b’elettriku li ma jiġġenerax emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju jew jiġġenera inqas. Dawn l-argumenti la ġew ikkontestati mir-Repubblika tal-Awstrija u lanqas mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

456    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tissottometti studju ieħor magħmul fl-2012 u li fih huma analizzati r-riżultati ta’ diversi studji li s-suġġett tagħhom huwa paragunabbli ma’ dak tal-istudju ppreżentat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li mill-paġna 90 ta’ dan l-istudju l-ieħor, li huwa erba’ snin iktar reċenti minn dak sottomess minn dan l-Istat Membru, jirriżulta li l-kummentarji xjentifiċi jqisu li l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju kkawżati mill-enerġija nukleari jikkostitwixxu biss frazzjoni ta’ dawk ikkawżati mill-użu ta’ sorsi fossili għall-produzzjoni ta’ enerġija u li huma paragunabbli għal dawk ikkawżati mit-teknoloġiji li jiġġeddu.

457    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistgħux jipprovaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kienet tifforma parti minn strateġija globali tar-Renju Unit sabiex jirriforma s-suq tal-elettriku tiegħu, li tfittex, b’mod partikolari, li tilħaq l-għan tad-dekarbonizzazzjoni.

vii) Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li Hinkley Point C ser jitlesta tard

458    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu wkoll li Hinkley Point C ser jitlesta u jkun operattiv biss sew wara l-iskarsezza fil-provvista mbassra mir-Renju Unit.

459    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, jekk NNBG ma tosservax l-iskeda ta’ żmien prevista, hija tirriskja li titlef il-vantaġġi mogħtija mill-Kuntratt għad-Differenza u li għalhekk għandha inċentiv li tosserva l-imsemmija skeda ta’ żmien.

460    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-ikkummissjonar ta’ Hinkley Point C huwa previst għas-sena 2023. Anki fil-każ li l-ikkummissjonar effettiv iseħħ wara din id-data, ma huwiex eskluż li huwa jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jkunu jistgħu jipprovdu 60 ġigawatt identifikati mir-Renju Unit għall-perijodu mill-2021 sal-2030.

461    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ibbażat fuq in-natura tardiva tat-tlestija tal-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C għandu wkoll jiġi miċħud.

462    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jista’ jqiegħed fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni.

2)      Fuq l-effetti negattivi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni

463    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu argumenti li jfittxu li jipprovaw li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-miżuri inkwistjoni kienu limitati hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni parti tas-sitt motiv (ara l-punti 382 u 398 iktar ’il fuq), l-argument ibbażat fuq l-effett tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn Stati Membri (ara l-punt 125 iktar ’il fuq), kif ukoll l-argument ibbażat fuq effett ta’ esklużjoni tas-suq intern u fuq l-effetti tal-miżuri inkwistjoni fuq il-prezzijiet f’dan is-suq, li ġew żviluppati fil-kuntest tal-ħames motiv (ara l-punt 273 iktar ’il fuq).

464    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri inkwistjoni kienu jwasslu għal effetti negattivi fuq is-suq intern u fuq is-suq tal-enerġija b’mod partikolari.

465    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 7.9 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-miżuri inkwistjoni kellhom il-potenzjal li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dak li kien jirrigwarda l-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku u li jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. Hija qieset ukoll li l-imsemmija miżuri jistgħu potenzjalment joħolqu distorsjoni tad-deċiżjonijiet ta’ investiment u jeliminaw l-investimenti l-oħra possibbli. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tagħha żviluppat fil-punt 9.6 tal-imsemmija deċiżjoni, hija identifikat ċerti effetti negattivi ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Madankollu, fil-premessa 548 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li ser jirriżultaw mill-ikkummissjonar ta’ Hinkley Point C ser ikunu limitati għall-minimu neċessarju u ser ikunu kkontrobilanċjati mill-effetti pożittivi ta’ dawn l-istess miżuri. Din il-konklużjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq l-eżami li hija wettqet fil-kuntest tal-punti 9.6.1 sa 9.6.5 tal-istess deċiżjoni.

466    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-punt 9.6.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat id-distorsjonijiet tal-investiment li ser jiġu kkawżati mill-miżuri inkwistjoni u l-impatt tagħhom fuq il-flussi tal-kummerċ. Fil-premessa 511 tal-imsemmija deċiżjoni, hija kkonkludiet li l-imsemmija miżuri għandhom biss impatt insinjifikattiv fuq il-flussi tal-kummerċ, fuq il-prezzijiet u fuq l-investimenti. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq tliet kunsiderazzjonijiet żviluppati fl-imsemmi punt, kif ukoll fuq kunsiderazzjoni li tinsab fil-premessa 403 ta’ din id-deċiżjoni.

467    L-ewwel nett, fil-premessi 503 sa 505 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li użu mifrux ta’ kuntratti għad-differenza seta’ jinterferixxi sostanzjalment ma’, jew ineħħi għalkollox, ir-rwol tal-prezzijiet bħala sinjali ta’ investiment, u jwassal effettivament għal regolamentazzjoni tal-prezzijiet tal-produzzjoni tal-elettriku fil-livelli magħżula mill-gvern. Il-kuntratti għad-differenza jobbligaw lill-produtturi jbigħu fis-suq, u b’hekk jippreżervaw uħud mill-inċentivi li japplikaw għall-operaturi tas-suq mhux appoġġati. Il-Kummissjoni madankollu rrilevat li tali inċentivi kienu ppreżervati l-aktar fil-livell operattiv, u mhux fil-livell tad-deċiżjonijiet ta’ investiment, li probabbilment ikunu ddeterminati mill-istabbiltà u miċ-ċertezza tad-dħul żgurat mill-kuntratt għad-differenza. Fi kwalunkwe każ, id-distorsjonijiet tas-suq li jirriżultaw mill-Kuntratt għad-Differenza fil-livell operattiv huma limitati ħafna għall-produtturi tal-enerġija nukleari, li għandhom spejjeż operattivi marġinali baxxi u għalhekk probabbilment ibigħu fis-suq irrispettivament mil-livelli tal-prezzijiet u jokkupaw il-pożizzjonijiet inizjali fil-kurva tal-mertu tal-provvista.

468    It-tieni nett, fil-premessi 506 sa 508 tad-Deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ interkonnetturi u d-direzzjoni u l-intensità tal-flussi tal-kummerċ, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C hija stmata li jkollha impatt minimu fuq il-prezzijiet bl-ingrossa fir-Renju Unit. F’dan il-kuntest, hija esponiet li x-xogħol ta’ mmudellar imwettaq kien jissuġġerixxi li l-prezzijiet fil-Gran Brittanja ser jonqsu b’inqas minn 0.5 % b’riżultat tal-operat ta’ dan l-impjant tal-enerġija nukleari, ħaġa li min-naħa tagħha ser tirriżulta fi tnaqqis akkumulat u globali fid-dħul tal-interkonnetturi ta’ inqas minn 1.7 % sal-2030. Dan ir-riżultat ġej mill-fatt li, għalkemm l-ispiża marġinali tal-elettriku prodott minn dan l-impjant kienet ser tkun iktar baxxa mill-prezz tal-impjanti eżistenti, il-kapaċità globali tiegħu kienet ser tikkostitwixxi frazzjoni żgħira tal-kapaċità globali fil-Gran Brittanja, u mill-fatt li kien ser iseħħ tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa u fid-dħul tal-interkonnetturi anki fl-assenza tal-kostruzzjoni tal-imsemmija unità. Skont il-Kummissjoni, dan ir-riżultat kien ibbażat fuq l-agħar xenarju possibbli minħabba li, fl-assenza ta’ dan l-impjant, ir-Renju Unit probabbilment kien ser isegwi tipi oħra ta’ produzzjoni b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, sal-limitu li jkun fattibbli (u mhux sal-kapaċità globali pprovduta mill-Hinkley Point C, li tkun kbira wisq sabiex tiġi ssostitwita minn sorsi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju biss). Għalhekk, skont il-Kummissjoni, kien probabbli li jseħħ tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa u fid-dħul tal-interkonnetturi anki fl-assenza ta’ Hinkley Point C.

469    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda d-distorsjoni tal-kummerċ, fil-premessi 509 u 510 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Hinkley Point C ikollu impatt negliġibbli fuq il-prezzijiet mhux tal-Gran Brittanja, li kien ikkwantifikat bħala mhux iżjed minn 0.1 %. Dan jirriżulta fi tnaqqis fil-flussi transkonfinali ta’ inqas minn 1 %. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni esponiet ukoll li, skont ir-riżultati tal-immudellar tax-xenarji alternattivi li fihom il-proġett tal-impjant nukleari ta’ Hinkley Point ma jseħħx, is-sostituzzjoni tal-investimenti alternattivi hija limitata. B’mod partikolari, il-previżjonijiet tal-provvista li tonqos iħallu ħafna spazju għad-dħul ta’ produtturi oħra u għall-espansjoni tal-kapaċità ta’ teknoloġiji oħra ta’ produzzjoni, irrispettivament mill-investimenti f’Hinkley Point C, b’mod partikolari fid-dawl tal-mument tal-għeluq tal-impjanti tal-enerġija nukleari u tal-impjanti li jaħdmu bil-faħam eżistenti. Ir-Renju Unit ser ikun jeħtieġ li kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jkunu jistgħu jipprovdu madwar 60 ġigawatt ikunu qegħdin joperaw bejn l-2021 u l-2030, li minnhom Hinkley Point C ser jipprovdi 3.2 ġigawatts. Ikun impossibbli li s-sorsi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju waħedhom jagħmlu tajjeb għal dan id-defiċit futur f’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ enerġija.

470    Ir-raba’ nett, fil-premessa 403 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-Kuntratt għad-Differenza ma kienx jiddiskrimina b’mod eċċessiv kontra teknoloġiji oħra, għaliex dawn tal-aħħar jistgħu jkunu appoġġati b’mod simili bl-użu tal-istess tip ta’ strument, fil-kuntest tas-suq ta’ kapaċitajiet li ħoloq ir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni tal-aġġustamenti neċessarji sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn it-teknoloġiji.

471    Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq l-allegazjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni fuq is-suq intern għandhom jiġu miċħuda.

472    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li wħud mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija jfittxu li jipprovaw li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura limitata tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-miżuri inkwistjoni hija vvizzjata bi żbalji manifesti. L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kuntratt għad-Differenza jimmodifika l-kurva tal-mertu tal-provvista b’mod sfavorevoli għall-impjanti li jaħdmu bil-gass. It-tieni nett, hija ssostni li l-imsemmi kuntratt jipprovoka effetti ta’ inċentiv mhux xierqa. It-tielet nett, dan il-kuntratt iżid ferm il-frekwenza tal-prezzijiet negattivi. Ir-raba’ nett, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-imsemmija miżuri jagħtu vantaġġ mhux xieraq lit-teknoloġija nukleari. Il-ħames nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-importanza tal-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija.

473    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

474    L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kuntratt għad-Differenza jimmodifika l-kurva tal-mertu tal-provvista b’mod sfavorevoli għall-impjanti li jaħdmu bil-gass, li għandhom spejjeż marġinali għoljin u jkollhom diffikultà sabiex jibqgħu fis-suq fl-2030. Skontha, li kieku l-impjanti li jaħdmu bil-gass kellhom joħorġu mis-suq, dan jikkomprometti l-iżvilupp ta’ kombinazzjoni effikaċi tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni bbażata fuq impjanti flessibbli li jaħdmu bil-gass assoċjati mal-enerġija eolika volatili.

475    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-Kummissjoni ma eskludietx li l-Kuntratt għad-Differenza jista’ jkollu effetti fuq is-suq tal-enerġija. Madankollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 510 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija qieset li s-sostituzzjoni tal-investimenti alternattivi baqgħet limitata minħabba l-fatt, minn naħa, li r-Renju Unit kien jeħtieġ li kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ elettriku jkunu qegħdin joperaw bejn l-2021 u l-2030 u li jkunu jistgħu jipprovdu madwar 60 ġigawatt, li minnhom Hinkley Point C ser jipprovdi biss 3.2 ġigawatts u, min-naħa l-oħra, li l-kostruzzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tirriżultax f’żieda fis-sehem tal-kapaċità tal-karga bażika, iżda tikkostitwixxi investiment sostituttiv li jikkumpensa għal parti mill-produzzjoni tal-iktar impjanti tal-enerġija nukleari qodma u tal-impjanti li jaħdmu bil-faħam li jipproduċu l-karga bażika. Fil-premessa 403 tal-imsemmija deċiżjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li r-riskju ta’ eliminazzjoni tal-impjanti li jaħdmu bil-gass kien limitat mill-ħolqien ta’ suq ta’ kapaċitajiet mir-Renju Unit, li jfittex li jattira investimenti f’impjanti ġodda li jaħdmu bil-gass.

476    Għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija jistgħux iċaħħdu dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni mill-plawżibbiltà.

477    Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-effetti negattivi tal-Kuntratt għad-Differenza fuq l-operaturi tal-impjanti li jaħdmu bil-gass u, indirettament, fuq il-produtturi tal-enerġija eolika, huma pprovati minn studju ta’ Mejju 2012 intitolat “Assessment of the dispatch distortions under the Feed-in Tariff with Contract for Differences policy” (iktar ’il quddiem l-“istudju ta’ Mejju 2012”).

478    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut tal-istudju ta’ Mejju 2012 ma jistax jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti limitati tas-sostituzzjoni tal-investimenti alternattivi huma manifestament żbaljati. Għall-kuntrarju, fil-paġni 12 u 13 tal-imsemmi studju, huwa espost li l-mudelli u l-analiżi magħmula ma indikawx distorsjonijiet sinjifikattivi minħabba l-kuntratti għad-differenza għall-karga bażika. F’dak li jirrigwarda l-paġni 6, 7, 36 et seq. ta’ dan l-istudju, li fuqhom ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża l-argument tagħha, huwa minnu li minn dawn il-paġni jirriżulta li l-kombinazzjoni ta’ teknoloġija inflessibbli bħat-teknoloġija nukleari u ta’ teknoloġija intermittenti bħall-enerġija eolika tista’ toħloq xenarji li fihom il-produzzjoni ta’ enerġija teċċedi d-domanda, ħaġa li jkollha l-effett li tillimita l-produzzjoni tal-impjanti li jaħdmu bil-gass. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, minn dan l-istudju ma jistax jiġi dedott li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C ser tikkawża effett ta’ eliminazzjoni sinjifikattiv għall-impjanti li jaħdmu bil-gass. Għall-kuntrarju, għandu jiġi rrilevat li mill-paġna 30 tal-istess studju jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-enerġija nukleari, sal-2030, ser ikun hemm biss żieda moderata fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni eżistenti, filwaqt li l-produzzjoni ta’ enerġija eolika ser tiżdied ferm u li ż-żieda fil-kapaċità eolika ser timmodifika wkoll il-kurva tal-mertu tal-provvista b’mod sfavorevoli għall-impjanti li jaħdmu bil-gass.

479    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument li jista’ jqiegħed fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq id-defiċit futur f’kapaċitajiet, fuq il-fatt li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C tikkostitwixxi biss investiment sostituttiv u fuq l-eżistenza ta’ suq maħluq mir-Renju Unit, li jfittex li jattira investimenti f’impjanti ġodda li jaħdmu bil-gass.

480    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq il-modifikazzjoni tal-kurva tal-mertu tal-provvista ma jistgħux jipprovaw li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

481    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-mekkaniżmu tal-Kuntratt għad-Differenza joħloq effett ta’ inċentiv mhux xieraq għal NNBG. Minħabba l-Kuntratt għad-Differenza, din tal-aħħar għandha inċentiv li żżomm l-injezzjonijiet tagħha f’livell għoli, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-istabbiltà tan-netwerk. Għaldaqstant, il-promozzjoni tal-enerġija nukleari tista’ twassal għal kapaċità eċċessiva potenzjali ta’ produzzjoni ta’ elettriku mhux flessibbli, ħaġa li tobbliga lill-produtturi ta’ enerġiji li jiġġeddu jnaqqsu l-injezzjonijiet tagħhom fin-netwerk, sabiex ma tiġix kompromessa s-sigurtà tan-netwerk. Għalhekk huma jitilfu s-sussidji mogħtija lilhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun diffiċli għall-produtturi l-oħra tal-elettriku li jasserixxu ruħhom fuq is-suq jew li jidħlu fih.

482    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball dwar l-effett ta’ inċentiv tal-miżuri inkwistjoni fuq il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, l-argument tagħha għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan l-argument ma jistax iqiegħed fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-premessi 393 sa 406 tad-Deċiżjoni kkontestata li skonthom dawn il-miżuri jippermettu li jiġu rrimedjati l-ostakoli prinċipali għall-investimenti f’tali kapaċitajiet.

483    Fit-tieni lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-Kuntratt għad-Differenza għandu biss impatt insinjifikattiv fuq l-investimenti hija manifestament żbaljata, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

484    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-fenomenu li, matul ċerti ġranet ta’ riħ qawwi, il-produzzjoni ta’ enerġija eolika tiżdied u tista’ teċċedi d-domanda, jista’ jintrabat direttament man-natura intermittenti ta’ din it-teknoloġija u li r-riskju ta’ tali fenomenu jiżdied mas-sehem ta’ dan is-sors ta’ enerġija fit-taħlita enerġetika. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-paġni 30 u 36 tal-istudju ta’ Mejju 2012, b’riżultat taż-żieda fl-użu tal-enerġija eolika minn issa sal-2030, l-amministratur tan-netwerk ser ikollu jieħu miżuri sabiex jillimita l-produzzjoni eolika f’perijodi ta’ riħ qawwi.

485    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni li għaliha Hinkley Point C ser jipproduċi l-elettriku mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-produzzjoni tal-impjanti eoliċi tinsab fin-natura stess tat-teknoloġija nukleari, li tikkostitwixxi sors ta’ enerġija mhux flessibbli. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-Repubblika tal-Awstrija, ma huwiex il-Kuntratt għad-Differenza li jista’ jagħti inċentiv lil NNBG li żżomm il-livell tagħha ta’ produzzjoni f’perijodi ta’ riħ qawwi, iżda raġunijiet tekniċi speċifiċi għal din it-teknoloġija.

486    Minbarra dan, kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-Deċiżjoni kkontestata, NNBG ser tkun tista’ tirċievi pagamenti għad-differenza abbażi tal-produzzjoni tagħha biss sa limitu massimu li għandu jiġi ffissat fil-Kuntratt għad-Differenza. Għaldaqstant, l-imsemmi kuntratt ma huwiex ser jagħti inċentiv għal produzzjoni ’l fuq minn dan il-limitu massimu.

487    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma ressqitx argumenti li jistgħu jqiegħdu fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-miżuri inkwistjoni għandhom biss impatt insinjifikattiv fuq l-investimenti. Kif jirriżulta mill-premessi 510 u 511 tad-Deċiżjoni kkontestata, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bbażati fuq il-previżjonijiet li, minħabba t-tnaqqis fil-provvista, produtturi oħra u teknoloġiji oħra ta’ produzzjoni ser ikunu jistgħu jsibu posthom fis-suq, kif ukoll fuq il-konstatazzjoni li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C ma hijiex ser tirriżulta f’żieda fis-sehem tal-kapaċità tal-karga bażika, iżda ser tikkostitwixxi investiment sostituttiv li jikkumpensa parzjalment għall-għeluq tal-iktar impjanti tal-enerġija nukleari qodma u tal-impjanti li jaħdmu bil-faħam. F’dan il-kuntest, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ ta’ limitazzjoni, min-naħa tal-amministratur tan-netwerk, tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija li tirriżulta mill-parks eoliċi, ikun hemm dritt għal kumpens abbażi tal-mekkaniżmu ta’ bbilanċjar, fil-każ li l-prezzijiet ma jkunux negattivi.

488    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li dawn l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-effetti limitati tal-miżuri inkwistjoni fuq l-investimenti f’impjanti eoliċi.

489    It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kuntratt għad-Differenza ser iżid il-frekwenza ta’ prezzijiet negattivi. Skontha, Hinkley Point C ser ikollu inċentiv partikolari li jipproduċi meta l-prezzijiet ser ikunu negattivi u ser jinfluwenza b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tas-suq għat-teknoloġiji kompetituri.

490    F’dan il-kuntest, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 497 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-riskju li EDF tista’ tbiddel il-prezz ta’ referenza, billi toffri kapaċità bi prezz baxx ħafna, jew saħansitra negattiv. Wara li eżaminat din il-kwistjoni fil-kuntest tal-punt 9.6.2 tal-imsemmija deċiżjoni, hija madankollu qieset li dan ir-riskju kien negliġibbli. Min-naħa l-oħra, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-premessi 506 sa 508 ta’ din id-deċiżjoni, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C hija stmata li jkollha impatt minimu fuq il-prezzijiet bl-ingrossa fir-Renju Unit. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni esponiet li x-xogħol ta’ mmudellar imwettaq kien jissuġġerixxi li l-prezzijiet fil-Gran Brittanja ser jonqsu b’inqas minn 0.5 % b’riżultat tal-operat ta’ Hinkley Point C. Hija indikat ukoll li dan ir-riżultat kien ġej mill-fatt li l-ispiża marġinali tal-elettriku prodott minn Hinkley Point C kienet ser tkun iktar baxxa mill-prezz tal-impjanti eżistenti, iżda l-kapaċità globali ta’ dan tal-aħħar kienet ser tkun frazzjoni żgħira tal-kapaċità globali fil-Gran Brittanja, u li kien ser iseħħ tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa anki fl-assenza ta’ Hinkley Point C.

491    Għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija jistgħux iċaħħdu dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni mill-plawżibbiltà.

492    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-uniku argument li tressaq ir-Repubblika tal-Awstrija f’dan il-kuntest huwa li, skont il-paġna 53 tal-istudju ta’ Mejju 2012, żieda ta’ 3 ġigawatts ta’ kapaċità nukleari mal-offerta inflessibbli ta’ elettriku tirdoppja l-probabbiltà ta’ prezzijiet negattivi, filwaqt li, kieku l-kapaċità nukleari kellha tkun 3 ġigawatts iktar baxxa, il-probabbiltà ta’ prezzijiet negattivi titnaqqas b’żewġ terzi.

493    F’dak li jirrigwarda dan l-argument, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ma stabbilixxietx li l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C seta’ jiġi assimilat max-xenarju, ipprospettat fil-paġna 53 tal-istudju ta’ Mejju 2012, li fih jiżdiedu 3 ġigwatts ta’ kapaċità nukleari. Huwa minnu li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, Hinkley Point C huwa intiż li jipproduċi 3.2 ġigawatts. Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C tikkostitwixxi biss investiment sostituttiv, li jfittex li jikkumpensa għal parti mill-produzzjoni tal-iktar impjanti tal-enerġija nukleari qodma u tal-impjanti li jaħdmu bil-faħam li jipproduċu l-karga bażika.

494    Fi kwalunkwe każ, f’sitwazzjoni bħal dik preżenti f’dan il-każ, li fiha l-Kummissjoni tesponi li hija wettqet xogħol ta’ mmudellar u kkonkludiet, abbażi ta’ dan ix-xogħol, li l-prezzijiet fir-Renju Unit kienu ser jonqsu b’inqas minn 0.5 % b’riżultat tal-operat ta’ Hinkley Point C, anki li kieku l-argument li l-probabbiltà ta’ prezzijiet negattivi ser tiżdied kien fondat, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-fatt li tiżdied il-probabbiltà ta’ prezzijiet negattivi ma jistax jiġi dedott li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet fil-Gran Brittanja kienu ser jonqsu b’inqas minn 0.5 % b’riżultat tal-operat ta’ Hinkley Point C hija vvizzjata bi żball manifest.

495    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq iż-żieda fil-probabbiltà ta’ prezzijiet negattivi għandu wkoll jiġi miċħud.

496    Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 403 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha l-użu tal-Kuntratt għad-Differenza ma jwassalx għal diskriminazzjoni mhux xierqa kontra t-teknoloġiji l-oħra minħabba l-fatt li t-teknoloġiji l-oħra jistgħu jkunu appoġġati b’mod simili permezz ta’ kuntratti għad-differenza ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti u hija żbaljata. F’dan il-kuntest, dawn l-Istati Membri jirreferu għar-Regolament Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, u għal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020.

497    Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażat fuq ir-Regolament Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, huwa suffiċjenti li jitfakkar li dan ir-regolament sempliċement jipprevedi approċċ standardizzat għal eżenzjoni skont il-kategorija, iżda ma jorbotx il-Kummissjoni fil-kuntest ta’ eżami individwali mwettaq direttament abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE (ara l-punt 251 iktar ’il fuq). Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-miżuri inkwistjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti f’dan ir-regolament ma jistax jipprova li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 403 tad-Deċiżjoni kkontestata hija manifestament żbaljata.

498    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażat fuq il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dawn l-Istati Membri ma jsostnux li l-Kummissjoni wettqet żball meta ma applikatx dawn il-linji gwida għall-miżuri inkwistjoni. Huma sempliċement jikkritikawha talli kkonstatat, fil-premessa 403 tad-Deċiżjoni kkontestata, li sorsi differenti mit-teknoloġija nukleari u din tal-aħħar setgħu jkunu appoġġati b’mod simili, filwaqt li l-kundizzjonijiet li taħthom setgħet tingħata għajnuna lil teknoloġiji differenti mit-teknoloġija nukleari kienu iktar eżiġenti minn dawk applikati mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni għat-teknoloġija nukleari.

499    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jagħtu x’jifhmu r-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fil-premessa 403 tad-Deċiżjoni kkkontestata, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li teknoloġiji oħra setgħu jkunu appoġġati permezz ta’ kuntratti għad-differenza li kienu jipprevedu l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għal Hinkley Point C. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li l-użu tal-istrument li jikkostitwixxi l-Kuntratt għad-Differenza ma kienx iwassal għal diskriminazzjoni eċċessiva kontra t-teknoloġiji l-oħra minħabba l-fatt li dan it-tip ta’ strument seta’ jintuża wkoll sabiex jappoġġa teknoloġiji oħra. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmija premessa, hija rrikonoxxiet espliċitament li aġġustamenti setgħu jkunu neċessarji sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn it-teknoloġiji.

500    Għaldaqstant, l-argument li permezz tiegħu r-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 403 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha l-użu tal-Kuntratt għad-Differenza ma jwassalx għal diskriminazzjoni mhux xierqa kontra t-teknoloġiji l-oħra minħabba l-fatt li t-teknoloġiji l-oħra jistgħu jkunu appoġġati b’mod simili permezz ta’ kuntratti għad-differenza ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti u hija żbaljata, għandu jiġi miċħud.

501    Il-ħames nett, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-effetti tal-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C fuq l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija.

502    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-premessi 506 sa 509 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kostruzzjoni u l-operat ta’ Hinkley Point C huma stmati li jkollhom impatt minimu fuq il-prezzijiet bl-ingrossa fir-Renju Unit. F’dan il-kuntest, hija esponiet li x-xogħol ta’ mmudellar imwettaq kien jissuġġerixxi li l-prezzijiet fil-Gran Brittanja ser jonqsu b’inqas minn 0.5 % b’riżultat tal-operat tal-imsemmi impjant, ħaġa li min-naħa tagħha ser tirriżulta fi tnaqqis akkumulat u globali fid-dħul tal-interkonnetturi ta’ inqas minn 1.7 % sal-2030. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ Hinkley Point C fuq l-interkonnessjoni.

503    Fit-tieni lok, għalkemm ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jallegaw li l-Kummissjoni ma ħaditx dawn l-effetti inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-Istati Membri ma jressqu ebda prova li tista’ ċċaħħad mill-plawżibbiltà l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija.

504    Għaldaqstant, l-argument li permezz tiegħu r-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-effetti tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ Hinkley Point C fuq l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija għandu jiġi miċħud u, għalhekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jfittxu li jipprovaw li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi li jkollhom il-miżuri inkwistjoni fuq is-suq tal-enerġija jew id-daqs ta’ dawn l-effetti.

3)      Fuq l-ibbilanċjar imwettaq

505    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jressqu diversi argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni li twettaq mill-Kummissjoni. Huma jqisu, essenzjalment, li l-effetti pożittivi tal-imsemmija miżuri huma inqas mill-effetti negattivi tagħhom. Minbarra l-effetti negattivi diġà msemmija fil-punti 382, 384 u 400 iktar ’il fuq, jiġifieri l-effett ta’ eliminazzjoni ta’ produtturi oħra, il-limitazzjoni tal-injezzjonijiet mill-impjanti eoliċi f’perijodi ta’ riħ qawwi, l-effetti fuq il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet inqas vantaġġużi tal-kuntratti għad-differenza disponibbli għal produtturi oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li effett negattiv ieħor li għandhom dawn il-miżuri huwa li jżommu b’mod permanenti l-istruttura attwali ta’ provvista kkaratterizzata minn sehem sostanzjali tal-enerġija nukleari. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tatx importanza suffiċjenti lill-għanijiet tal-promozzjoni tal-effikaċja enerġetika u tal-iffrankar fl-użu tal-enerġija, tal-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u tal-promozzjoni tal-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija stabbiliti fl-Artikolu 194(1) TFUE. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-argumenti li jirrigwardaw l-ibbilanċjar imsemmija fil-punti 238 u 439 iktar ’il fuq, li huma bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ħolqot preġudizzju favur l-enerġija nukleari u li ma messhiex iffavorixxiet l-importazzjoni ta’ minerali tal-uranju li ġejjin minn Stati terzi fuq l-importazzjoni tal-elettriku li ġej minn Stati Membri oħra.

506    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-premessi 502 sa 511 u 547 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni kien limitat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-miżuri inkwistjoni fuq l-investimenti alternattivi u fuq il-prezzijiet. Issa, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma ressqux argumenti li jistgħu jqiegħdu din il-konklużjoni fid-dubju.

507    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq żamma permanenti tal-istruttura attwali ta’ provvista, għandu jitfakkar li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C huwa intiż biss li jimpedixxi tnaqqis drastiku fil-kontribuzzjoni tal-enerġija nukleari għall-bżonnijiet totali tal-elettriku. Issa, fid-dawl tad-dritt tar-Renju Unit li jiddetermina t-taħlita enerġetika tiegħu u li jżomm l-enerġija nukleari bħala sors f’din it-taħlita, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, kif ukoll mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, mill-Artikolu 2(ċ) u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom, id-deċiżjoni li l-enerġija nukleari tinżamm fl-istruttura ta’ provvista ma tistax titqies li hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-effetti pożittivi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni.

508    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-fatt invokat mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li, f’perijodi ta’ riħ qawwi, l-impjanti eoliċi huma obbligati jillimitaw il-produzzjoni tagħhom sabiex ma jipperikolawx l-istabbiltà tan-netwerk, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li tali fenomenu jirriżulta min-natura intermittenti tat-teknoloġija eolika. It-tieni nett, il-fatt li l-karga bażika inflessibbli prodotta mill-impjanti tal-enerġija nukleari tista’ ssaħħaħ dan l-effett ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jipprova n-natura sproporzjonata tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni meta mqabbla mal-effetti pożittivi li jirriżultaw minnhom. Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tad-dritt tar-Renju Unit li jiddetermina t-taħlita enerġetika tiegħu u li jżomm l-enerġija nukleari bħala sors ta’ enerġija f’din it-taħlita, huwa ma jistax jiġi kkritikat talli adotta l-miżuri neċessarji sabiex iżomm l-enerġija nukleari fit-taħlita enerġetika tiegħu, anki jekk dan jista’ jkollu effetti negattivi għall-produtturi ta’ enerġija intermittenti. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li ma tqiegħdux fid-dubju mill-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ma huwiex possibbli li d-defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jkunu jistgħu jipprovdu 60 ġigawatt, li ġie identifikat mir-Renju Unit, jiġi indirizzat billi jintużaw biss sorsi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

509    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni ma tatx importanza suffiċjenti lill-għan li jiġu ffavoriti l-importazzjonijiet tal-elettriku li ġej minn Stati Membri oħra u lill-għan ta’ effikaċja. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar, minn naħa, li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li nġabru fil-qosor fil-punti 405 u 466 sa 470 iktar ’il fuq, l-impatt tal-miżuri inkwistjoni fuq l-interkonnetturi jibqa’ limitat u jeżisti defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jkunu jistgħu jipprovdu 60 ġigawatt lir-Renju Unit, li minnhom Hinkley Point C ser jipprovdi biss 3.2 ġigawatts, u, min-naħa l-oħra, li l-plawżibbiltà ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ma tqegħditx validament fid-dubju mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma tatx importanza suffiċjenti lill-għan li jiġu ffavoriti l-importazzjonijiet tal-elettriku li ġej minn Stati Membri oħra u lill-għan ta’ effikaċja ma jistax jipprova n-natura sproporzjonata tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni meta mqabbla mal-effetti pożittivi li jirriżultaw minnhom.

510    Fil-ħames lok, għandu jitfakkar li r-Renju Unit għandu d-dritt jiddetermina l-kompożizzjoni tat-taħlita enerġetika tiegħu u jżomm l-enerġija nukleari bħala sors f’din it-taħlita. Fid-dawl ta’ dan id-dritt, is-sempliċi fatt li, bil-għan li jinħoloq effett ta’ inċentiv għall-kostruzzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari sabiex jingħelbu l-ostakoli għaliha, ir-Renju Unit ippreveda Kuntratt għad-Differenza għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ Hinkley Point C li jinkludi kundizzjonijiet iktar vantaġġużi minn kuntratti għad-differenza disponibbli għal teknoloġiji oħra, ma huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex jipprova n-natura sproporzjonata tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni meta mqabbla mal-effetti pożittivi li jirriżultaw minnhom.

511    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jfittxu li jipprovaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-ibbilanċjar tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda.

4)      Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti

512    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi li kienu rilevanti, bħalma huma l-effetti tal-imsemmija miżuri fuq l-ambjent, ir-riskju terroristiku u l-ispejjeż tal-ħażna tal-iskart nukleari kif ukoll il-konsegwenzi tal-finanzjament tagħhom. F’dan il-kuntest, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti li ressqet ir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tar-raba’ motiv li skonthom, billi tat priorità inkundizzjonata lill-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ sostenibbiltà (ara l-punt 114 iktar ’il fuq).

513    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

514    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ sostenibbiltà.

515    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-miżuri inkwistjoni, ir-Renju Unit ma kienx qiegħed ifittex speċifikament li jwettaq il-prinċipji invokati mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija prinċipji fil-kuntest tal-identifikazzjoni tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni.

516    Ir-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-inkonvenjenzi tal-miżuri inkwistjoni, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni għandha tibbilanċja l-vantaġġi tal-miżuri inkwistjoni u l-impatt negattiv tagħhom fuq is-suq intern. Issa, għalkemm il-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi integrata fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk intiżi għall-istabbiliment tas-suq intern, din ma tikkostitwixxix, minnha nnifisha, waħda mill-komponenti ta’ dan is-suq intern, iddefinit bħala żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa żgurat. Għaldaqstant, fl-identifikazzjoni tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar sa fejn il-miżuri inkwistjoni huma sfavorevoli għat-twettiq ta’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punti 189 sa 191). Dan japplika wkoll għall-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ sostenibbiltà invokati mir-Repubblika tal-Awstrija.

517    It-tielet nett, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħhom, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jixtiequ jipprovaw li miżuri li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni ma jistgħux jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ sostenibbiltà, dawn l-Istati Membri ma jinvokaw ebda leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni li ma ġietx osservata. Min-naħa l-oħra, fil-każ li dawn l-Istati Membri jsostnu li l-imsemmija prinċipji jipprekludu li tingħata għajnuna mill-Istat favur il-kostruzzjoni jew l-operat ta’ impjant tal-enerġija nukleari, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud, għaliex tali interpretazzjoni ma tkunx konformi mal-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom.

518    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ sostenibbiltà għandhom jiġu miċħuda.

519    Fit-tieni lok, l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti r-riskju li jirriżulta mit-terroriżmu għandu jiġi miċħud għal raġunijiet analogi. Fil-fatt, il-miżuri inkwistjoni ma kinux miżuri intiżi speċifikament sabiex jilqgħu kontra t-terroriżmu u l-protezzjoni kontra t-terroriżmu ma tikkostitwixxix, minnha nnifisha, waħda mill-komponenti tas-suq intern, iddefinit bħala żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa żgurat. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jinvokaw ebda leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà ta’ impjanti tal-enerġija nukleari li ma ġietx osservata.

520    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-ħażna tal-iskart nukleari, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-eżami mwettaq fil-punti 354 sa 358 iktar ’il fuq.

521    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-konsegwenzi negattivi tal-miżuri inkwistjoni għall-konsumaturi, li jkollhom isostnu l-prezz tal-imsemmija miżuri, b’mod partikolari fil-kwalità tagħhom ta’ persuni taxxabbli.

522    F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi speċifikat li, sa fejn jirrigwarda l-ħlasijiet li għandhom isiru abbażi tal-Kuntratt għad-Differenza, il-konsumaturi ma humiex ser ikunu kkonċernati bħala persuni taxxabbli, peress li dawn il-ħlasijiet huma ffinanzjati permezz ta’ imposta fuq il-fornituri (ara l-premessa 329 tad-Deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, mid-Deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi tal-konsumaturi tal-elettriku fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità. Fil-fatt, hija mhux biss eżaminat l-effetti tal-miżuri inkwistjoni fuq il-prezzijiet tal-elettriku u kkonstatat li wieħed ma kellux jistenna effetti sinjifikattivi, iżda żgurat ukoll li l-imsemmija miżuri ma jikkawżawx kumpens eċċessiv. Għaldaqstant, hija aġġustat ir-rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu u, fil-premessa 491 tal-imsemmija deċiżjoni, irrilevat espliċitament li l-emendi tal-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-profitt setgħu jirriżultaw f’livelli iktar baxxi ta’ appoġġ li ser jingħata mill-fornituri, u, fl-aħħar mill-aħħar, minn dawn il-konsumaturi.

523    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-Garanzija ta’ Kreditu, mill-premessa 339 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tinvolvi r-riżorsi tar-Renju Unit. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, il-konsumaturi jistgħu jkunu kkonċernati fil-kwalità tagħhom ta’ persuni taxxabbli. Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għandha ssir distinzjoni bejn il-miżuri inkwistjoni, minn naħa, u l-finanzjament tagħhom, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, it-taxxi li jservu sabiex tiġi ffinanzjata l-għajnuna ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat, sakemm ma jikkostitwixxux il-metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, b’mod li jagħmlu parti integrali minn din il-miżura. Sabiex taxxa, jew parti minn taxxa, titqies li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu neċessarjament ikun hemm rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li r-rikavat tat-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna. Jekk teżisti tali rabta, ir-rikavat tat-taxxa jinfluwenza direttament l-ammont tal-għajnuna u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern (sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest, C‑174/02, EU:C:2005:10, punti 25 u 26). Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda element li jippermetti li tiġi kkonstatata tali rabta bejn il-Garanzija ta’ Kreditu u l-finanzjament tagħha u, min-naħa l-oħra, li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument li jista’ jipprova l-eżistenza ta’ tali rabta.

524    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-effetti tal-miżuri fuq il-konsumaturi, b’mod partikolari fil-kwalità tagħhom ta’ persuni taxxabbli, għandu jiġi miċħud.

525    Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li l-proġett ta’ Hinkley Point C kien jirrestrinġi l-mezzi pubbliċi u kien jipprekludi t-twettiq ta’ proġetti ta’ operat u ta’ żvilupp tas-sorsi ta’ enerġiji li jiġġeddu.

526    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, l-Istati Membri għandhom id-dritt jagħżlu bejn sorsi differenti ta’ enerġija. Għaldaqstant, meħuda waħedha, l-għażla tar-Renju Unit li jagħti għajnuna favur il-promozzjoni tal-enerġija nukleari ma tistax titqiegħed fid-dubju, minkejja l-fatt li din timplika li r-riżorsi pubbliċi allokati għal dan il-proġett ma humiex disponibbli għal proġetti oħra.

527    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tinvoka ebda prova li tfittex li tipprova li, minħabba l-għoti tal-miżuri inkwistjoni favur Hinkley Point C, ir-Renju Unit ma huwiex f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent.

528    It-tielet nett, għandu jitfakkar li, fil-premessa 510 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li, irrispettivament mill-investimenti f’Hinkley Point C, kien għad hemm ħafna spazju fis-suq għad-dħul ta’ produtturi oħra u ta’ teknoloġiji oħra ta’ produzzjoni u għall-espansjoni tal-kapaċità tagħhom, u li, fil-premessa 403 tal-imsemmija deċiżjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kuntratt għad-Differenza ma kienx jiddiskrimina b’mod eċċessiv kontra teknoloġiji oħra, għaliex dawn tal-aħħar setgħu jkunu appoġġati b’mod simili bl-użu tal-istess tip ta’ strument, fil-kuntest tas-suq ta’ kapaċitajiet li ħoloq ir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni tal-aġġustamenti neċessarji sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn it-teknoloġiji. Għandu jitfakkar ukoll li l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu eżaminati fil-punti 463 sa 511 iktar ’il fuq ma jistgħux jipprovaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

529    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li l-proġett ta’ Hinkley Point C kien jirrestrinġi l-mezzi pubbliċi u kien jipprekludi t-twettiq ta’ proġetti ta’ operat u ta’ żvilupp tas-sorsi ta’ enerġiji li jiġġeddu, għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti.

530    Għaldaqstant, l-argumenti kollha li jirrigwardaw l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda u, għalhekk, għandhom jiġu miċħuda s-sitt motiv kollu kemm hu, kif ukoll l-argumenti li jirrigwardaw in-natura neċessarja tal-imsemmija miżuri mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 196 iktar ’il fuq) u tal-ħames motiv (ara l-punti 273 u 352 iktar ’il fuq), kif ukoll l-argumenti li jirrigwardaw dan l-ibbilanċjar, imressqa fil-kuntest tar-raba’ motiv (ara l-punti 114 u 125 iktar ’il fuq) u tal-ewwel motiv (ara l-punt 238 iktar ’il fuq).

2.      Fuq it-tieni lment tat-tielet parti u s-sitt parti tad-disa’ motiv, ibbażati, b’mod partikolari, fuq motivazzjoni insuffiċjenti

531    Fil-kuntest tat-tieni lment tat-tielet parti u tas-sitt parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija tressaq argumenti bbażati, essenzjalment, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni.

532    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tas-sitt parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-alternattivi possibbli għall-għoti ta’ sussidju lil Hinkley Point C. Minn naħa, id-Deċiżjoni kkontestata ma ppreżentatx l-offerti ta’ produtturi ta’ enerġiji alternattivi. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hija “siekta” f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ ffrankar fl-użu tal-enerġija u ta’ effikaċja enerġetika.

533    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

534    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 9.2 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-għan ta’ interess pubbliku li l-miżuri inkwistjoni kienu qegħdin ifittxu li jilħqu kien dak tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari, u, b’mod iktar speċifiku, dak tal-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Għalhekk, ir-raġuni li għaliha l-offerta tal-fornituri ta’ enerġija alternattiva ma kinitx tikkostitwixxi alternattiva għall-għoti ta’ sussidju lil Hinkley Point C tirriżulta b’mod ċar minn dan il-punt.

535    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ ffrankar fl-użu tal-enerġija u ta’ effikaċja enerġetika, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li mill-premessi 250 sa 254 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jirriżulta li r-Renju Unit kien identifika defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija u li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-daqs ta’ dan id-defiċit futur, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ ffrankar fl-użu tal-enerġija u ta’ effikaċja enerġetika. Peress li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-defiċit futur u peress li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tifforma parti mill-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, il-motivazzjoni ta’ din tal-aħħar ma tistax titqies li hija insuffiċjenti f’dan ir-rigward (ara l-punt 63 iktar ’il fuq).

536    Barra minn hekk, fil-każ li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika tal-Awstrija tixtieq tqiegħed fid-dubju l-fondatezza tal-motivazzjoni msemmija iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li jitfakkar li dan l-ilment diġà ġie eżaminat u miċħud fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv.

537    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tas-sitt parti tad-disa’ motiv għandu jiġi miċħud.

538    Fil-kuntest tat-tieni lment tas-sitt parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tippreżenta x-xenarji li għalihom għamlet riferiment fil-premessa 416 tad-Deċiżjoni kkontestata.

539    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

540    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 416 tad-Deċiżjoni kkontestata tinsab fil-punt 9.5.1 tal-imsemmija deċiżjoni, li fih il-Kummissjoni ddeskriviet il-Garanzija ta’ Kreditu nnotifikata mir-Renju Unit u b’mod partikolari r-rata tat-tariffa għall-imsemmija garanzija li kienet ġiet prevista inizjalment minn dan l-Istat Membru. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni esponiet li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, setgħu jintużaw żewġ metodi sabiex tiġi stabbilita rata tat-tariffa għal din il-garanzija li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq. Wieħed minn dawn il-metodi huwa l-approċċ tat-telf mistenni, li jorbot il-pjan tan-negozju tal-kumpannija mal-istruttura kapitali tagħha taħt xenarji differenti li jirriżultaw fi probabbiltà ta’ inadempjenza.

541    Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-Kummissjoni naqset milli tippreżenta dawn ix-xenarji.

542    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 424 sa 427 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat, b’iktar dettall, l-approċċ tat-telf mistenni u wieħed mix-xenarji li kien ġie pprospettat mir-Renju Unit f’dan il-kuntest. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni qieset li r-rata tat-tariffa għall-Garanzija ta’ Kreditu nnotifikata mir-Renju Unit ma tirriflettix ir-rata li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq. Għal din ir-raġuni, fil-premessi 463 sa 477 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni esponiet sa fejn kellha tiġi emendata r-rata tat-tariffia għall-imsemmija garanzija sabiex jiġi limitat għall-minimu l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Garanzija ta’ Kreditu. F’dan il-kuntest, hija esponiet il-kriterji li użat u x-xenarji li pprospettat.

543    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-premessa 416 għandu jiġi miċħud.

544    Fil-kuntest tat-tielet ilment tas-sitt parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-punt 9.5.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rapport TESLA 4, iżda ma indikatx id-data li kienet relatata miegħu. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar ir-riskju finanzjarju ma jinftehmux.

545    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

546    Fl-ewwel lok, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 434 sa 458 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat b’mod iddettaljat il-livell tal-prezz tal-eżerċitar u tar-rati ta’ redditu, billi bbażat ruħha fuq diversi sorsi ta’ data. Fil-premessi 446 u 447 tal-imsemmija deċiżjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni r-rapport TESLA 4, li tfassal internament minn NNBG. Issa, għandu jiġi kkonstatat li mill-verżjoni pubblika ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-Kummissjoni ma żvelatx id-data tal-imsemmi rapport sabiex tipproteġi s-sigriet tan-negozju.

547    Fit-tieni lok, fil-każ li, permezz tal-argument tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tixtieq tqiegħed fid-dubju n-natura kunfidenzjali ta’ din id-data jew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiżvelahiex, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li hija ma tressaq ebda argument iddettaljat f’dan ir-rigward.

548    Għaldaqstant, l-ilment li jirrigwarda r-rapport TESLA 4 għandu jiġi miċħud.

549    Fil-kuntest tar-raba’ lment tas-sitt parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li huwa inkomprensibbli kif, fil-punt 9.5.3.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, ġie ppubblikat il-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-profitt u mhux il-limiti tal-profitt tal-kostruzzjoni.

550    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

551    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 487 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset li l-limiti tal-profitt tal-kostruzzjoni kienu jikkostitwixxu sigriet tan-negozju. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda argument li jista’ jqiegħed fid-dubju n-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni jew il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiżvelahiex.

552    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li jirrigwarda l-limiti tal-profitt tal-kostruzzjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

553    Fil-kuntest tal-ħames ilment tas-sitt parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti f’dak li jirrigwarda s-sussidji marbuta mal-ispejjeż addizzjonali relatati mal-iżmantellament tal-installazzjonijiet, kif ukoll mat-trattament u mal-ħażna tal-iskart radjoattiv.

554    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

555    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessi 460 u 461 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss l-entrati tal-ispejjeż għall-infiq relatat mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart u għat-tariffi għar-responsabbiltà u għad-dekummissjonar li kienu inkużi fil-Mudell Finanzjarju għal Hinkley Point C. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni ma tirrigwardax elementi ta’ għajnuna ulterjuri relatati ma’ dan it-tip ta’ nfiq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata timmotiva din id-deċiżjoni f’dan ir-rigward.

556    Fil-kuntest tas-sitt ilment tas-sitt parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni messha mmotivat iktar fid-dettall ir-raġuni li għaliha, kuntrarjament għall-prassi deċiżjonali tagħha, ma kinitx qieset li l-assenza ta’ sejħa għal offerti kienet taċċentwa l-effetti tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni.

557    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

558    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fil-punt 9.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), kif emendata, u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif emendata, ma kinux applikabbli għall-miżuri inkwistjoni.

559    It-tieni nett, fil-premessi 359 sa 364 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li l-proċedura ta’ selezzjoni użata mir-Renju Unit kienet ibbażata fuq qafas ċar, trasparenti u nondiskriminatorju, li seta’ jitqies li kien ekwivalenti għal proċedura ta’ sejħa għal offerti f’termini ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni. F’dan il-kuntest, fil-premessa 363 tal-imsemmija deċiżjoni, hija rrilevat espressament li r-Renju Unit kellu diskussjonijiet ma’ żviluppaturi oħra ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari minbarra NNBG.

560    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni ma kinux iwasslu għal kumpens eċċessiv jirriżultaw b’mod suffiċjenti mill-punt 9.5 tad-Deċiżjoni kkontestata.

561    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

562    Fil-kuntest tas-seba’ lment tas-sitt parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-premessa 389 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat żieda kunsiderevoli fil-benesseri ġenerali u fil-benesseri tal-konsumaturi kollha. Issa, f’dan il-kuntest, l-imsemmija istituzzjoni ma esponietx sa fejn kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż esterni ġġenerati, pereżempju, mit-trattament u mill-ħażna ta’ skart nukleari jew mir-riskji ta’ inċidenti. Barra minn hekk, il-motivazzjoni li tinsab fil-punt 9.4 tal-imsemmija deċiżjoni, li tirrigwarda n-natura xierqa tal-istrumenti, ma tinftehimx. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma ddeċidietx b’mod suffiċjenti dwar l-effetti tal-miżuri inkwistjoni fuq is-suq tal-elettriku.

563    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

564    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar il-kwistjoni jekk intervent mir-Renju Unit kienx neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku li huwa kien ifittex li jilħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ eneġija nukleari u, fil-punt 9.4 tal-imsemmija deċiżjoni, hija ddeċidiet dwar il-kwistjoni jekk il-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-Kuntratt għad-Differenza, setgħux jitqiesu li kienu strumenti xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li teknoloġiji oħra setgħu jkunu appoġġati b’mod simili permezz ta’ kuntratti għad-differenza u n-natura intermittenti ta’ diversi teknoloġiji ta’ enerġiji li jiġġeddu. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-Repubblika tal-Awstrija, fl-imsemmija punti, hija ma wettqitx ibbilanċjar sħiħ tal-effetti pożittivi u negattivi kollha rilevanti ta’ dawn il-miżuri. Fil-fatt, hija wettqet tali bbilanċjar fi stadju sussegwenti tal-eżami tagħha, fil-kuntest tal-punt 9.6 ta’ din id-deċiżjoni.

565    Minn dan isegwi li, fil-punti 9.3 u 9.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kienet obbligata tiddeċiedi dwar l-effetti pożittivi u negattivi kollha tal-miżuri inkwistjoni u lanqas twettaq l-ibbilanċjar tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn, fil-premessa 389 tal-imsemmija deċiżjoni, hija semmiet it-titjib fil-benesseri tas-soċjetà sħiħa u tal-konsumaturi kollha, din ma hijiex konklużjoni li tirriżulta minn tali bbilanċjar. Fl-imsemmija premessa, hija sempliċement ikkonstatat li l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari kien jikkostitwixxi effett pożittiv ta’ dawn il-miżuri.

566    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-punti 9.3 u 9.4 tad-Deċiżjoni kkontestata għandu wkoll jiġi miċħud.

567    Fil-kuntest tat-tieni lment tat-tielet parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-punt 8.1.7 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni bbażat dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern fuq rapport, li wasal għall-konklużjoni li dawn setgħu jwasslu għal distorsjonijiet gravi tal-kompetizzjoni. Issa, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom dawn id-dubji kienu ġew eliminati.

568    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

569    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-punt 8.1.7 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienu evalwazzjonijiet preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, ISD Polska et vs Il‑Kummissjoni, T‑273/06 u T‑297/06, EU:T:2009:233, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li hija insuffiċjenti biss minħabba l-fatt li ma hijiex totalment identika għal dik li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, f’deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tippreżenta analiżi li tkopri l-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

570    It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom, wara li wettqet eżami fid-dettall tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, hija qieset li dawn il-miżuri kienu kompatibbli mas-suq intern. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dubji tal-Kummissjoni kienu jirrigwardaw il-miżuri kif kienu ġew innotifikati mir-Renju Unit. Min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni kienet tirrigwarda l-miżuri kif kienu ġew emendati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-dubji.

571    It-tielet nett, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-emendi tal-miżuri nnotifikati ma setgħux jeliminaw id-dubji li tqajmu inizjalment, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tressaq ebda argument iddettaljat f’dan ir-rigward.

572    Ir-raba’ nett u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 402 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni indikat espressament li r-rapport li għalih jirreferi l-punt 8.1.7 tagħha ma kienx jirrifletti neċessarjament l-opinjoni tagħha.

573    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma esponietx fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx tikkondividi d-dubji li kienu espressi fir-rapport imsemmi fil-punt 8.1.7 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma jimplikax li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti.

574    Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tielet parti tad-disa’ motiv u s-sitt parti tad-disa’ motiv għandhom jiġu miċħuda.

G.      Fuq it-tielet motiv u l-ewwel ilment tat-tielet parti tad-disa’ motiv, li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni

575    It-tielet motiv u l-ewwel ilment tat-tielet parti tad-disa’ motiv jirrigwardaw il-premessi 344 sa 347 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fl-imsemmija premessi, il-Kummissjoni esponiet li l-miżuri li jinvolvu għajnuna għall-funzjonament ma kinux bħala prinċipju konformi mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, iżda li l-miżuri inkwistjoni kellhom jitqiesu li huma ekwivalenti għal għajnuna għall-investiment, peress li kellhom jippermettu lil NNBG timpenja ruħha li tinvesti fil-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C. F’dan il-kuntest, hija qieset b’mod partikolari li, mill-perspettiva ta’ mmudellar finanzjarju, il-valur attwali nett tal-ħlasijiet tal-prezz tal-eżerċitar seta’ jitqies li huwa l-ekwivalenti ta’ ħlas b’rata fissa li jippermetti lil NNBG tkopri l-ispejjeż tal-kostruzzjoni.

576    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqisu li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-Kummissjoni messha kklassifikat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għall-funzjonament inkompatibbli mas-suq intern. Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti.

1.      Fuq l-argumenti bbażati fuq il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni

577    Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament, li ma hijiex kompatibbli mas-suq intern. F’dan il-kuntest, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument imressaq fil-kuntest tar-raba’ motiv, li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għall-investiment, imsemmi fil-punt 125 iktar ’il fuq.

578    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

579    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna għall-finanzjament intiża għaż-żamma tal-istatus quo jew sabiex teħles impriża mill-ispejjeż li normalment kien imissha ssostni fil-kuntest tal-ġestjoni kurrenti jew tal-attivitajiet normali tagħha, ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punti 88 sa 91; tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 30, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, C‑459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515, punti 33 sa 36).

580    Fil-fatt, tali għajnuna ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għaldaqstant, għajnuna għall-funzjonament li tkun limitata li żżomm status quo ma hijiex ta’ natura li tiffaċilita l-iżvilupp fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa tagħha, għajnuna li tkun limitata li tnaqqas l-infiq kurrenti u abitwali tal-operat li impriża kien ikollha ssostni fi kwalunkwe każ fil-kuntest tal-attività normali tagħha ma tistax titqies li tfittex li tilħaq għan ta’ interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-għajnuna li permezz tagħha jingħataw vantaġġi lil impriżi, mingħajr ma tkun intiża għat-twettiq ta’ għan ta’ interess pubbliku li l-Istat Membru li jagħtiha jfittex li jilħaq u li għalhekk tista’ tintuża minn dawn l-impriżi sabiex issostni l-ispejjeż tal-funzjonament eżistenti u kurrenti tagħha, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, tali għajnuna tiffavorixxi dawn l-impriżi fuq il-kompetituri tagħhom, mingħajr ma dan ikun iġġustifikat mit-twettiq ta’ għan ta’ interess pubbliku.

581    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qegħditx fid-dubju l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 579 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, fil-premessa 344 tal-imsemmija deċiżjoni, hija għamlet riferiment għall-ewwel paragrafu tal-punt 8.1 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fih hija kienet iċċitat l-imsemmija ġurisprudenza.

582    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessi 344 sa 347 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 579 iktar ’il fuq ma kinitx tapplika għall-miżuri inkwistjoni minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-proġett u minħabba li dawn il-miżuri kienu jfittxu li jippermettu lil NNBG timpenja ruħha li tinvesti fil-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C.

583    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, dan l-approċċ ma huwiex żbaljat. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi li miżura ta’ għajnuna li tfittex li tilħaq għan ta’ interess pubbliku, li tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, li ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni u li għalhekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-kwistjoni jekk għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-investiment jew bħala għajnuna għall-funzjonament. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li anki għajnuna għall-funzjonament tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punti 116 u 117).

584    F’dak li jirrigwarda l-miżuri inkwistjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn kienu jfittxu li jilħqu għan ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, li ma setax jintlaħaq f’waqtu mingħajr intervent mill-Istat, u, min-naħa l-oħra, li r-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kinux ressqu argumenti li jistgħu jqiegħdu din il-kontestazzjoni fid-dubju. Għaldaqstant, l-imsemmija miżuri ma jistgħux jitqiesu li huma għajnuna li hija limitata li żżomm status quo. Għall-kuntrarju, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, fl-assenza tagħhom, ebda investiment f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma jitwettaq f’waqtu.

585    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li ma ġewx invalidati mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-miżuri inkwistjoni huma xierqa u neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan u ma jfixklux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma għajnuna li hija limitata li tnaqqas l-infiq kurrenti u abitwali tal-operat li impriża kien ikollha ssostni fi kwalunkwe każ fil-kuntest tal-attività normali tagħha. Għall-kuntrarju, l-imsemmija miżuri kellhom l-għan li joħolqu effett ta’ inċentiv għall-kostruzzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, billi jnaqqsu r-riskji marbuta mal-investimenti, bil-għan li tiġi żgurata l-profittabbiltà tal-investimenti.

586    L-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandhom jiġu eżaminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet. Fl-ewwel lok, dawn l-Istati Membri jsostnu argumenti li jirrigwardaw il-Kuntratt għad-Differenza. Fit-tieni lok, huma jressqu argumenti li jirrigwardaw il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat. Fit-tielet lok, huma jressqu argumenti li jirrigwardaw il-kumpens previst. Fir-raba’ lok, huma jsostnu li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni messha għamlet distinzjoni ċara bejn għajnuna għall-funzjonament u għajnuna għall-investiment.

a)      Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-Kuntratt għad-Differenza

587    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jressqu argumenti li jfittxu li jipprovaw li dan il-kuntratt huwa marbut b’mod indissoċjabbli mal-funzjonament ta’ Hinkley Point C. F’dan il-kuntest, huma jsostnu li huwa jkopri l-infiq kurrenti ta’ NNBG u għalhekk ma huwiex limitat li jissussidja biss il-kostruzzjoni tal-unità C tal-imsemmi impjant, iżda jirrigwarda wkoll l-operat kurrenti, u li l-volum ta’ għajnuna għandu jiddependi direttament mill-enerġija prodotta.

588    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li miżura ta’ għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna għall-funzjonament jew bħala għajnuna għall-investiment (ara l-punt 583 iktar ’il fuq).

589    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bbażat fuq l-allegazzjoni li huwa impossibbli li tiġi stabbilita rabta bejn il-ħlasijiet magħmula skont il-Kuntratt għad-Differenza u l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-imsemmi kuntratt ifittex li jiggarantixxi dħul stabbli fuq perijodu suffiċjentement twil sabiex l-impriża kkonċernata jkollha inċentiv li tinvesti l-fondi neċessarji għall-kostruzzjoni ta’ tali kapaċitajiet ġodda. Essenzjalment, dan għalhekk huwa strument ta’ kopertura tar-riskji fil-forma ta’ stabbilizzatur tal-prezzijiet, li joffri sigurtà u stabbiltà tad-dħul. Madankollu, kuntrarjament għal sussidju li ma jiġix irrimborsat, li jingħata kompletament minn qabel jew abbażi tal-progress fil-kostruzzjoni, il-Kuntratt għad-Differenza għandu effett ta’ inċentiv għall-investimenti billi jiggarantixxi prezz determinat u stabbli.

590    F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-Kuntratt għad-Differenza, NNBG ser tirċievi ħlas biss meta l-prezz ta’ referenza ser ikun iktar baxx mill-prezz tal-eżerċitar. Min-naħa l-oħra, meta l-prezz ta’ referenza ser ikun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar, NNBG ser tkun obbligata tirrimborsa d-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, minkejja li l-għoti u l-ammont tal-għajnuna jiddependu miċ-ċirkustanzi tal-funzjonament ta’ Hinkley Point C u tal-produzzjoni tal-elettriku mill-imsemmija unità, teżisti rabta ċara bejn dan l-ammont u l-għan ta’ interess pubbliku li jitfittex li jintlaħaq. Fil-fatt, dawn il-modalitajiet ifittxu li jiggarantixxu li l-ammont tal-ħlas dovut abbażi tal-Kuntratt għad-Differenza jikkorrispondi għal-livell li għandu jintlaħaq sabiex jiġu skattati l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari.

591    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-fatt li, fil-każ li Hinkley Point C ma jitlestiex, NNBG ma tirċevix għajnuna skont il-Kuntratt għad-Differenza, ma jistax iqiegħed fid-dubju r-rabta bejn il-miżuri inkwistjoni u l-għan ta’ interess pubbliku li jitfittex li jintlaħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-għan ta’ interess pubbliku mfittex ma jkunx intlaħaq. Issa, l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jipprekludix modalitajiet ta’ tqassim tar-riskji li jimputaw ir-riskju tekniku tat-twettiq lill-impriża benefiċjarja.

592    It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kuntratt għad-Differenza jippermetti li titwettaq reviżjoni tal-prezz tal-eżerċitar u li, f’dan il-kuntest, ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż ta’ investiment, iżda wkoll l-ispejjeż tal-operat.

593    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prezz tal-eżerċitar awtorizzat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-prezz tal-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C, iżda wkoll spejjeż tal-operat ta’ din l-unità. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż jinfluwenzaw il-profittabbiltà tal-proġett u għalhekk għandhom impatt fuq l-ammont li għandu jilħaq il-prezz tal-eżerċitar sabiex tiġi skattata d-deċiżjoni ta’ investiment f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari.

594    Minn dan isegwi li l-fatt li, wara 15 u 25 sena, il-prezz tal-eżerċitar jista’ jiġi rrevedut u li, fil-kuntest ta’ din ir-reviżjoni (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jirrigwardaw l-ispejjeż tal-operat, ma jistax iqiegħed fid-dubju r-rabta bejn il-miżuri inkwistjoni u l-għan ta’ interess pubbliku li jitfittex li jintlaħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż tal-operat li abbażi tagħhom ġie kkalkolat il-prezz tal-eżerċitar għandhom jiġu stmati ex ante u li l-ħajja operattiva ta’ Hinkley Point C ser tkun twila ħafna, il-possibbiltà ta’ tali reviżjonijiet hija intiża li tnaqqas ir-riskji relatati mal-ispejjeż għal żmien twil għaż-żewġ partijiet, bil-għan li jiżdied jew jitnaqqas l-ammont tal-prezz tal-eżerċitar iggarantit permezz tal-Kuntratt għad-Differenza.

595    Minn dan isegwi li, għalkemm il-ħlasijiet li ser jitwettqu skont il-Kuntratt għad-Differenza jirrigwardaw il-funzjonament ta’ Hinkley Point C, kif ukoll il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ enerġija nukleari min-naħa tagħha, dan ma jistax iqiegħed fid-dubju r-rabta bejn dawn il-ħlasijiet u d-deċiżjoni ta’ investiment inizjali.

596    Għaldaqstant, anki fil-każ li NNBG tuża parti mill-ħlasijiet li hija ser tirċievi abbażi tal-Kuntratt għad-Differenza sabiex tkopri spejjeż tal-operat kurrenti ta’ Hinkley Point C, dan ma jistax jikser ir-rabta li teżisti bejn il-miżuri inkwistjoni u l-għan ta’ interess pubbliku li jitfittex li jintlaħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari.

597    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jfittex li jipprova li dan il-kuntratt huwa marbut b’mod indissoċjabbli mal-funzjonament ta’ Hinkley Point C ma jistax jirnexxi.

598    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-ispejjeż marbuta mal-waqfien ta’ impjant tal-enerġija nukleari, mal-ħażna tal-iskart jew mar-responsabbiltà għal tali impjant u mal-monitoraġġ tiegħu jikkostitwixxu nfiq li jirriżulta abitwalment mill-funzjonament kurrenti ta’ impjant tal-enerġija nukleari. It-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tal-ħażna tal-iskart radjoattiv għandu b’mod partikolari jitqies, mhux bħala għajnuna għall-investiment, iżda bħala għajnuna għall-funzjonament.

599    Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 593 u 594 iktar ’il fuq, l-ispejjeż marbuta mal-waqfien ta’ impjant tal-enerġija nukleari, mal-ħażna tal-iskart jew mar-responsabbiltà għal tali impjant u mal-monitoraġġ tiegħu, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 354 sa 359 iktar ’il fuq) influwenzaw ir-rati ta’ redditu, li minnhom tiddependi d-deċiżjoni li jsir investiment fil-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C. Għaldaqstant, it-teħid ta’ responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-prezz tal-eżerċitar ma jistax iqiegħed fid-dubju r-rabta li teżisti bejn il-ħlasijiet imwettqa skont il-Kuntratt għad-Differenza, minn naħa, u l-għan ta’ interess pubbliku li r-Renju Unit ifittex li jilħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, min-naħa l-oħra.

600    Fit-tielet lok, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li, fil-premessa 358 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li l-Kuntratt għad-Differenza kien jikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 358 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tinsab fil-punt 9.1 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżuri inkwistjoni kinux kompatibbli mar-regolamentazzjoni eżistenti tas-suq u esponiet li l-Kuntratt għad-Differenza ta’ Hinkley Point C ma kienx jikkwalifika bħala kuntratt pubbliku jew bħala proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, peress li dan sempliċement stabbilixxa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku bl-użu tat-teknoloġija nukleari. Issa, kif ġie espost fil-punti 577 sa 600 iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li l-Kuntratt għad-Differenza ser ikollu influwenza fuq il-kundizzjonijiet li fihom Hinkley Point C ser jipproduċi l-elettriku nukleari ma jistax iqiegħed fid-dubju l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern.

601    Fir-raba’ lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kuntratt għad-Differenza ser jagħti inċentiv lil NNBG li tipproduċi l-elettriku anki meta l-prezzijiet ser ikunu iktar baxxi mill-ispejjeż marġinali jew ikunu negattivi, huwa suffiċjenti li jitfakkar li dan l-argument diġà ġie eżaminat u miċħud fil-kuntest tal-analiżi tas-sitt motiv (ara l-punti 481 sa 488 iktar ’il fuq) u li ma jistax iqiegħed fid-dubju l-kompatibbiltà tal-Kuntratt għad-Differenza mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

602    Għaldaqstant, l-argumenti kollha tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Repubblika tal-Awstrija li jirrigwardaw il-Kuntratt għad-Differenza għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat

603    F’dak li jirrigwarda l-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat, ir-Repubblika tal-Awstrija sempliċement issostni li, fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point, it-trasferiment ta’ NNBG ikun jinvolvi wkoll it-teħid ta’ responsabbiltà globali, mill-awtoritajiet pubbliċi, għall-ġestjoni tal-materjali ttrattati bir-radjazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-punti 280 sa 282 u 354 sa 359 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tawtorizzax għajnuna mill-Istat li tirrigwarda t-teħid ta’ responsabbiltà globali, mill-awtoritajiet pubbliċi, għall-ġestjoni tal-materjali ttrattati bir-radjazzjoni f’każ bħal dan. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

c)      Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-kumpens previst fil-miżuri inkwistjoni

604    Insostenn tat-tielet motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostnu argumenti li jirrigwardaw il-kumpens previst.

605    Fl-ewwel lok, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li huwa wisq probabbli li l-appoġġ għall-funzjonament ser ikun ta’ ammont eżorbitanti. Hemm probabbiltà kbira ħafna li l-prezzijiet tas-suq għall-elettriku ser ikomplu jonqsu u li l-għajnuna mħallsa abbażi tal-Kuntratt għad-Differenza ser tikkostitwixxi sussidju għoli ferm matul il-35 sena ta’ produzzjoni ta’ enerġija, ħafna iktar għoli minn dak li kien previst u evalwat meta ġie stabbilit il-mekkaniżmu ta’ għajnuna.

606    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tal-argument tiegħu, li l-ammont tal-għajnuna mħallas abbażi tal-Kuntratt għad-Differenza huwa eżorbitanti, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu sempliċement isostni li huwa wisq probabbli li l-prezzijiet tas-suq tal-elettriku ser ikomplu jonqsu. Issa, din iċ-ċirkustanza ma tistax fiha nnifisha tipprova n-natura eżorbitanti tal-ħlasijiet. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan ta’ interess pubbliku li r-Renju Unit ifittex li jilħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, l-ammont tal-għajnuna jista’ jitqies li huwa eżorbitanti biss jekk jiġi pprovat li ammont iktar baxx kien ikun suffiċjenti sabiex tiġi skattata deċiżjoni ta’ investiment f’tali kapaċitajiet ġodda. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-prezz imħallas abbażi tal-Kuntratt għad-Differenza jista’ eventwalment ikun inqas għoli mill-prezz futur tas-suq ma jippermettix fih innifsu li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ kumpens eċċessiv. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-kuntest, għandha titfakkar l-eżistenza ta’ żewġ dati previsti għar-reviżjoni tal-ispejjeż tal-operat, li l-ewwel waħda minnhom ser tkun 15-il sena u li tieni waħda minnhom ser tkun 25 sena wara d-data ta’ dħul fis-servizz tal-ewwel reattur. Dawn ir-reviżjonijiet ser jippermettu li jiżdied jew jitnaqqas il-prezz tal-eżerċitar, abbażi tal-ispejjeż tal-operat reali magħrufa u tal-previżjonijiet irreveduti ta’ dawn l-ispejjeż, għal ċerti entrati ta’ spejjeż iddeterminati fil-Kuntratt għad-Differenza (ara l-premessa 31 tad-Deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

607    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-ispejjeż ta’ investiment huma ammissibbli biss sal-ammont neċessarju għat-twettiq tal-interess komuni u li l-koeżistenza ta’ diversi miżuri ta’ għajnuna distinti tippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri inkwistjoni jirrigwardaw il-funzjonament effettiv ta’ Hinkley Point C iktar milli l-kostruzzjoni tiegħu.

608    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-argumenti dwar l-eżistenza ta’ kumpens eċċessiv ġew eżaminati u miċħuda fil-punti 392 sa 398 iktar ’il fuq u li, f’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tressaqx argumenti addizzjonali li jistgħu jipprovaw l-imsemmija eżistenza. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru ma jressaq ebda argument iddettaljat li jista’ jipprova li l-ħlasijiet li ser jitwettqu skont il-Kuntratt għad-Differenza ser jeċċedu l-livell ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jiġu inċentivati l-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, meta l-prezz ta’ referenza ser ikun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar, NNBG ser tkun obbligata tħallas id-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet lill-parti kontraenti magħha.

609    Għaldaqstant, l-argumenti li jirrigwardaw il-kumpens previst fil-miżuri inkwistjoni għandhom ukoll jiġu miċħuda.

d)      Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni messha għamlet distinzjoni ċara bejn għajnuna għall-funzjonament u għajnuna għall-investiment

610    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mill-punt 77 tas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑351/98, EU:C:2002:530) jirriżulta li l-Kummissjoni messha għamlet distinzjoni ċara bejn għajnuna għall-funzjonament u għajnuna għall-investiment.

611    Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

612    Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punti 76 u 77 tas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑351/98, EU:C:2002:530), fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, kienu applikabbli l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u dawn il-linji gwida kienu jagħmlu distinzjoni espliċita bejn l-għajnuna għall-investiment, minn naħa, u l-għajnuna għall-funzjonament, min-naħa l-oħra. F’dak il-każ, il-Kummissjoni, li kienet marbuta b’dawn il-linji gwida, kienet obbligata tikklassifika l-għajnuna inkwistjoni skont il-kategoriji previsti minn dawn il-linji gwida.

613    Madankollu, mis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑351/98, EU:C:2002:530), ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni hija obbligata tirreferi għal dawn il-kategoriji barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali.

614    Għalhekk, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha li jfittxu li jipprovaw li l-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq intern minħabba l-fatt li dawn huma għajnuna għall-funzjonament.

2.      Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

615    Fil-kuntest tat-tielet motiv u tal-ewwel ilment tat-tielet parti tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni eskludiet għall-għarrieda l-prassi deċiżjonali tagħha stess mingħajr ġustifikazzjoni fid-dettall jirrappreżenta ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod radikalment ġdid, hija messha pprovdiet ġustifikazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward. F’dan il-kuntest, hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma esponietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom, wara li kklassifikat l-imsemmija miżuri bħala għajnuna għall-funzjonament fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija sussegwentement ikklassifikathom bħala għajnuna għall-investiment fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata.

616    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

617    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-premessi 344 sa 347 tad-Deċiżjoni kkontestata, huwa minnu li l-Kummissjoni kkonstatat li, bħala prinċipju, l-għajnuna għall-funzjonament ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Issa, f’dan il-kuntest, hija rreferiet għall-ewwel paragrafu tal-punt 8.1 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fih hija semmiet il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 579 iktar ’il fuq. Għalhekk, minn din il-kunsiderazzjoni ma jistax jiġi dedott li hija qieset li għajnuna li tfittex li tilħaq għan ta’ interess pubbliku, li hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan u li ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni u li għalhekk kienet tissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-imsemmija dispożizzjoni, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, fl-imsemmija premessi, il-Kummissjoni esponiet li l-miżuri inkwistjoni kellhom jippermettu lil NNBG timpenja ruħha li tinvesti fil-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-profil tar-riskju tal-proġett u filwaqt li tnaqqas għall-minimu l-ammont neċessarju tal-għajnuna u l-miżuri addizzjonali meħtieġa sabiex jinċentivaw l-investiment. Hija esponiet ukoll li, mill-perspettiva ta’ mmudellar finanzjarju, il-valur attwali nett tal-ħlasijiet tal-prezz tal-eżerċitar seta’ jitqies li huwa l-ekwivalenti ta’ ħlas b’rata fissa li jippermetti lil NNBG tkopri l-ispejjeż tal-kostruzzjoni.

618    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni ma hijiex limitata għall-premessi 344 sa 347 tal-imsemmija deċiżjoni u li, fil-punt 9 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) kienu ssodisfatti, billi esponiet fid-dettall l-għan li l-miżuri inkwistjoni kienu jfittxu li jilħqu, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari (ara l-punt 9.2 ta’ din id-deċiżjoni), iċ-ċirkustanzi li kienu jirrendu intervent mill-Istat neċessarju (ara l-punt 9.3 tal-istess deċiżjoni) u n-natura proporzjonata tal-imsemmija miżuri (ara l-punti 9.5 u 9.6 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

619    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

620    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

621    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, peress li, fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 u fil-prassi deċiżjonali preċedenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prinċipju li l-għajnuna għall-funzjonament ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, l-imsemmija istituzzjoni messha esponiet iktar fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom hija kienet eskludiet dan il-prinċipju.

622    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-għajnuna li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna għall-funzjonament jew bħala għajnuna għall-investiment (ara l-punti 577 sa 586 iktar ’il fuq).

623    It-tieni nett, l-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Awstrija li huma bbażati fuq il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

624    Minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ma hemm ebda bażi għall-argument tagħha fil-premessi 396 u 397 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2008 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 41/05 mogħtija mill-Ungerija permezz ta’ Ftehimiet għax-Xiri tal-Enerġija (ĠU 2009, L 225, p. 53), li barra minn hekk kien jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE u mhux l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Huwa minnu li, fil-premessa 396 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li wħud mis-sussidji inkwistjoni f’dak il-każ, li kienu ser jitħallsu biss wara l-ikkummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari u li kienu jkopru nfiq kurrenti, kienu għajnuna għall-funzjonament inkompatibbli mas-suq intern. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 397 ta’ dik id-deċiżjoni, din kienet għajnuna li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet Ungeriżi u l-partijiet interessati la kienu pprovaw l-eżistenza ta’ problemi reġjonali relatati ma’ reġjuni speċifiċi u lanqas ma kienu pprovaw l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

625    Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prinċipju li l-għajnuna għall-funzjonament ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, mill-imsemmija linji gwida ma jirriżultax li l-għajnuna marbuta mal-funzjonament ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern. Għall-kuntrarju, mill-punt 3.3.2.1 ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta li l-Kummissjoni tqis li, taħt ċerti kundizzjonijiet, għajnuna li tkun marbuta mal-funzjonament tista’ tkun konformi mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-għan ta’ promozzjoni tal-enerġija nukleari, li ma jaqax taħt l-għanijiet koperti mill-istess linji gwida.

626    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-punt 8.1 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni kienu għajnuna għall-funzjonament li tista’ tkun inkompatibbli mas-suq intern. Hija messha esponiet iktar fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom ma kellhiex iktar dawn id-dubji fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata.

627    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-punt 8.1 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huma evalwazzjonijiet preliminari. Għalhekk, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li hija insuffiċjenti minħabba l-fatt li ma hijiex identika għal dik li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għaldaqstant, fid-Deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tippreżenta analiżi li tkopri l-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li għaliha tirreferi r-Repubblika tal-Awstrija (ara l-punt 569 iktar ’il fuq).

628    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punt 618 iktar ’il fuq u fil-punt 8.1 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sempliċement għamlet riferiment għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 579 iktar ’il fuq, li tirrigwarda l-għajnuna għall-funzjonament li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 580 iktar ’il fuq, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-fatt, fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern skont l-imsemmija dispożizzjoni. Issa, wara eżami fid-dettall u emendi tal-miżuri inkwistjoni (aġġustament tar-rata tat-tariffa tal-Garanzija ta’ Kreditu u tal-mekkaniżmi dwar il-kondiviżjoni tal-profitt), id-dubji tal-Kummissjoni setgħu jiġu eliminati.

629    Għalhekk, l-argument ibbażat fuq il-punt 8.1 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

630    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, u għandhom jiġu miċħuda l-argument imressaq fil-kuntest tar-raba’ motiv, li huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament mhux kompatibbli mas-suq intern (ara l-punt 125 iktar ’il fuq), u l-ewwel ilment tat-tielet parti tad-disa’ motiv.

H.      Fuq is-seba’ motiv, li jirrigwarda b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mar-regolamentazzjoni eżistenti tas-suq

631    Dan il-motiv jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 348 sa 365 tad-Deċiżjoni kkontestata, li fihom hija eżaminat jekk il-miżuri inkwistjoni kinux kompatibbli mar-regolamentazzjoni eżistenti tas-suq.

632    Fil-premessi 350 sa 358 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet, b’mod partikolari, li r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi stabbiliti mid-Direttiva 2004/17 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, u mid-Direttiva 2004/18 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], ma kinux applikabbli għall-miżuri inkwistjoni, għaliex dawn tal-aħħar ma kienu jinvolvu ebda kuntratt għal provvisti, għal xogħlijiet jew għal servizzi. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma kienx possibbli li jiġi konkluż li l-Kuntratt għad-Differenza kien jirrigwarda l-akkwist ta’ xogħlijiet, ta’ servizzi jew ta’ provvisti u li għalhekk kien jikkwalifika bħala konċessjoni jew bħala kuntratt pubbliku. Skont il-Kummissjoni, dan il-kuntratt ma kien jistabbilixxi l-ebda rekwiżit speċifiku dwar il-provvista, lill-awtorità kontraenti jew lil terzi, ta’ kwalunkwe tip ta’ servizz, ta’ prodott jew ta’ xogħol. Il-miżuri inkwistjoni ma kinux jaħsbu għal obbligi reċiprokament vinkolanti li jistgħu jiġu infurzati quddiem qorti. Barra minn hekk, in-numru ta’ kuntratti għad-differenza li jistgħu jiġu konklużi minn produtturi tal-elettriku nukleari ma huwiex iddeterminat, għajr għal dak li jirriżulta min-numru limitat ta’ siti disponibbli għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari.

633    Fil-premessi 359 sa 364 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55) ma kienx inkiser. Dan l-artikolu ma jeżiġix l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, iżda jistabbilixxi li tista’ tiġi segwita kwalunkwe proċedura ekwivalenti f’termini ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, abbażi ta’ kriterji ppubblikati. Il-proċedura ta’ selezzjoni użata mir-Renju Unit sabiex jidentifika kuntrattur li huwa lest li jinvesti f’kapaċità ġdida ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari u li jikkonkludi kuntratt għad-differenza kienet ibbażata fuq qafas ċar, trasparenti u nondiskriminatorju, li jista’ jitqies li huwa ekwivalenti għal proċedura ta’ sejħa għal offerti f’termini ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni.

634    Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati.

635    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq l-allegazzjoni li r-Renju Unit ma nediex sejħa għal offerti fir-rigward tal-proġett ta’ Hinkley Point C. Fit-tieni lok, ser jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-proċedura segwita mir-Renju Unit kienet diskriminatorja.

1.      Fuq l-argumenti li jfittxu li jipprovaw li r-Renju Unit messu nieda sejħa għal offerti għall-proġett ta’ Hinkley Point C

636    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, skont id-Direttivi 2004/17 u 2004/18, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72 u skont il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni inerenti għat-Trattat FUE, ir-Renju Unit messu nieda proċedura ta’ kuntratt pubbliku għall-proġett ta’ Hinkley Point C. Dawn ir-regoli huma marbuta b’mod indissoċjabbli mal-għan tal-miżuri inkwistjoni u l-ksur tagħhom jobbliga lill-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni kkontestata.

637    Il-Kummissjoni, l-Ungerija u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-legalità tal-miżuri inkwistjoni ma tiddependix mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

638    Fl-ewwel lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti bbażati fuq ksur tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18. Fit-tieni lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72 u tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni inerenti għat-Trattat FUE.

a)      Fuq l-argumenti bbażati fuq ksur tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18

639    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, skont id-Direttivi 2004/17 u 2004/18, ir-Renju Unit kien obbligat iniedi sejħa għal offerti fir-rigward tal-proġett ta’ Hinkley Point C. Il-proġett inkwistjoni jikkostitwixxi kuntratt, kuntratt pubbliku, jew, tal-inqas, konċessjoni fis-sens ta’ dawn id-direttivi. Dan il-proġett messu ġie evalwat fit-totalità tiegħu, billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-fażijiet kollha previsti u l-iskop tiegħu. Tali eżami kien jiżvela li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu impenn reċiproku vinkolanti fir-rigward tal-provvista ta’ servizz. Il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C u l-injezzjoni ta’ elettriku fin-netwerk pubbliku li ser jirriżulta minnha jservu sabiex jiġi kopert bżonn konkret tar-Renju Unit bħala awtorità kontraenti. Il-korrispettiv tar-Renju Unit ikun l-għajnuna miftiehma. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li hija ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa jekk il-miżuri inkwistjoni kellhomx jiġu kklassifikati bħala kuntratt jew bħala konċessjoni.

640    Il-Kummissjoni, l-Ungerija u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, skont id-Deċiżjoni 2006/211/KE tagħha tat‑8 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 japplika għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales (ĠU 2007, L 118M, p. 442), l-imsemmija direttiva ma hijiex applikabbli għall-miżuri inkwistjoni.

641    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li jfittxu li jipprovaw l-eżistenza ta’ kuntratt fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew ta’ kuntratt pubbliku fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

642    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/17, kuntratti għal provvisti, għal xogħlijiet u għal servizzi huma kuntratti bi ħlas konklużi bil-miktub bejn entità kontraenti waħda jew iktar u imprenditur, kuntrattur jew fornitur ta’ servizzi wieħed jew iktar. Skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, kuntratti pubbliċi huma kuntratti bi ħlas konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar u li għandhom bħala għan l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi.

643    L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/17 u l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jispeċifikaw li kuntratti għal xogħlijiet (Direttiva 2004/17) u kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (Direttiva 2004/18) huma kuntratti li għandhom bħala għan jew l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ ċerti attivitajiet iddeterminati jew ta’ xogħol, jew ir- realizzazzjoni bi kwalunkwe mezz, ta’ xogħol li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet speċifikati mill-entità kontraenti (Direttiva 2004/17) u mill-awtorità kontraenti (Direttiva 2004/18).

644    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/17 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2004/18, kuntratti għal provvisti (Direttiva 2004/17) u kuntratti pubbliċi għal provvisti (Direttiva 2004/18) għandhom bħala għan ix-xiri, il-kiri b’self, il-kiri jew ix-xiri bin-nifs, bl-għażla ta’ xiri jew mingħajrha, ta’ prodotti.

645    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/17 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18 jispeċifikaw li kuntratti għal servizzi (Direttiva 2004/17) u kuntratti pubbliċi għal servizzi (Direttiva 2004/18) huma kuntratti oħra għajr kuntratti għal xogħlijiet jew għal provvisti (Direttiva 2004/17) u għajr kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet jew għal provvisti (Direttiva 2004/18).

646    Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija li jfittxu li jipprovaw li l-miżuri inkwistjoni messhom ġew ikklassifikati bħala kuntratt fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew bħala kuntratt pubbliku fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

647    F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Garanzija ta’ Kreditu u l-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat la jikkostitwixxu kuntratt fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/17 u lanqas kuntratt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18.

648    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni messhiex ikklassifikat il-Kuntratt għad-Differenza bħala kuntratt fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/17 jew bħala kuntratt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18.

649    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 219, 312, 313 u 356 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kuntratt għad-Differenza la jippermetti lir-Renju Unit jeżiġi minn NNBG li hija tibni Hinkley Point C u lanqas li tipprovdi l-elettriku. Il-Kuntratt għad-Differenza la jistabbilixxi kwalunkwe rekwiżit speċifiku f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet li għandhom jitwettqu minn NNBG u lanqas f’dak li jirrigwarda l-elettriku li għandu jiġi pprovdut. Fil-każ li NNBG ma tlestix il-kostruzzjoni tal-imsemmija unità jew ma tipproduċix l-elettriku, ir-Renju Unit lanqas ma għandha dritt għall-ħlas tad-danni min-naħa ta’ NNBG. Madankollu, dan l-Istat Membru jkun jista’ jxolji l-Kuntratt għad-Differenza b’mod unilaterali, jekk il-kostruzzjoni ma titlestiex sad-data ta’ skadenza.

650    Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi tal-Kuntratt għad-Differenza, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ma jistax jitqies li dan huwa intiż li jkopri bżonn konkret tar-Renju Unit bħala awtorità kontraenti. Għall-kuntrarju, l-għan tal-Kuntratt għad-Differenza huwa l-għoti ta’ sussidju, u, permezz ta’ dan is-sussidju, ir-Renju Unit sempliċement jagħti inċentiv lil NNBG u lill-investituri tagħha sabiex iwettqu l-għan ta’ interess pubbliku li dan l-Istat Membru jfittex li jilħaq, jiġifieri l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari.

651    Minn dan isegwi li l-Kuntratt għad-Differenza ma jipprevedix obbligu vinkolanti għal NNBG li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-provvista tas-servizzi fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew tad-Direttiva 2004/18. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu kuntratt fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/17 jew kuntratt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, għandu jiġi miċħud.

652    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

653    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2004/17 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18, konċessjoni għal xogħlijiet (Direttiva 2004/17) u konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi (Direttiva 2004/18) huma kuntratti tal-istess tip bħal kuntratt għal xogħlijiet (Direttiva 2004/17) jew bħal kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi (Direttiva 2004/18), ħlief għall-fatt li l-korrispettiv għax-xogħlijiet jikkonsisti jew unikament fid-dritt li x-xogħol jiġi sfruttat jew f’dan id-dritt flimkien ma’ ħlas.

654    Skont l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17 u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, konċessjoni għal servizzi hija kuntratt tal-istess tip bħal kuntratt għal servizzi (Direttiva 2004/17) jew bħal kuntratt pubbliku għal servizzi (Direttiva 2004/18), ħlief għall-fatt li l-korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi jikkonsisti jew unikament fid-dritt li s-servizz jiġi sfruttat jew f’dan id-dritt flimkien ma’ ħlas.

655    Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija li jfittxu li jipprovaw li l-miżuri inkwistjoni messhom ġew ikklassifikati bħala konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

656    F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Garanzija ta’ Kreditu u l-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat la jikkostitwixxu konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2004/17 u lanqas konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18.

657    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni messhiex ikklassifikat il-Kuntratt għad-Differenza bħala konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

658    Skont l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17 u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, hemm distinzjoni bejn il-kuntratti u l-kuntratti pubbliċi, minn naħa, u l-konċessjonijiet, min-naħa l-oħra, biss f’dak li jirrigwarda l-korrispettiv li huwa dovut lill-offerent. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 649 sa 650 iktar ’il fuq, huwa b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Kuntratt għad-Differenza ma jipprevedix obbligu għal NNBG li teżegwixxi xogħlijiet, li tipprovdi prodotti jew li tipprovdi servizzi li l-imsemmi kuntratt ma jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt jew bħala kuntratt pubbliku. Minn dan isegwi li l-imsemmi kuntratt lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

659    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 12 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), li minnha jirriżulta li s-sempliċi finanzjament, b’mod partikolari permezz ta’ sussidji, ma jikkostitwixxix konċessjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

660    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-miżuri inkwistjoni la kienu jikkostitwixxu kuntratt jew konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2004/17 u lanqas kuntratt pubbliku jew konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

661    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

662    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fil-premessa 312 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ obbligi kuntrattwali ta’ NNBG u li tali obbligi kienu jikkostitwixxu element tipiku ta’ kuntratt pubbliku.

663    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li, fil-premessa 312 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-“[Kuntratt għad-Differenza kien] jidher li jipprovdi sensiela minn dawn il-klawsoli stretti li jagħtu inċentiv lil NNBG biex twettaq l-obbligi tagħha skont il- kuntratt”. Madankollu, fl-imsemmija premessa u fil-premessa 313 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li NNBG la kienet obbligata tibni Hinkley Point C u lanqas tipprovdi l-elettriku. Għaldaqstant, l-obbligi kuntrattwali li għalihom irreferiet il-Kummissjoni fil-premessa 312 ta’ din id-deċiżjoni ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-Kuntratt għad-Differenza bħala kuntratt jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew bħala kuntratt pubbliku jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

664    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, mill-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 312 tad-Deċiżjoni kkontestata li skontha d-dispożizzjonijiet kuntrattwali previsti fil-Kuntratt għad-Differenza huma “obbligi kuntrattwali tipiċi li kwalunkwe parti kuntrattwali tipprova tinkludi fi tranżazzjoni simili”, lanqas ma jista’ jiġi dedott li dawn huma obbligi li jistgħu jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-Kuntratt għad-Differenza bħala kuntratt jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew bħala kuntratt pubbliku jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2004/18. Fil-fatt, minn din il-premessa u mill-kuntest tagħha jirriżulta b’mod ċar li, bir-riferiment tagħha għal “tranżazzjoni simili”, il-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tirreferi għall-konklużjoni ta’ ftehim li jirrigwarda kuntratt, kuntratt pubbliku jew konċessjoni, iżda għall-konklużjoni ta’ ftehim li jipprevedi inċentiv, fil-forma ta’ sussidju, sabiex jitwettaq għan ta’ interess pubbliku. Għalhekk, dawn huma obbligi li normalment ikunu inklużi fi ftehimiet ta’ sussidju.

665    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq il-premessa 312 tad-Deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

666    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li jkun de facto impossibbli għal NNBG li tirrinunzja għall-kuntratti minħabba l-ammont potenzjali tal-ispejjeż ta’ investiment li jintilfu. Il-possibbiltà teoretika ta’ terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt ma tistax teskludi totalment l-applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18.

667    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma jistax iqiegħed fid-dubju l-kunsiderazzjoni msemmija fil-punt 650 iktar ’il fuq li skontha l-Kuntratt għad-Differenza la jistabbilixxi ebda rekwiżit speċifiku f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet li għandhom jitwettqu minn NNBG u lanqas f’dak li jirrigwarda l-elettriku li għandu jiġi prodott jew ipprovdut minnha. F’dan il-kuntest, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li mill-premessa 13 tad-Deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi dedott li NNBG ser tkun obbligata żżomm livell minimu ta’ prestazzjoni stabbilit minn qabel, u fuq l-allegazzjoni li, anki li kieku l-fatt li ma jintlaħaqx dan il-livell minimu kellu jwassal biss għal telf tal-għajnuna, dan ikun jammonta, fid-dawl tas-somom kunsiderevoli li ġew investiti, għal obbligu li Hinkley Point C jinbena u jiġi operat, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn din il-premessa u mill-premessa 313 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar li NNBG ma hijiex obbligata tiżgura livell ta’ produzzjoni stabbilit minn qabel, peress li dawn il-premessi jipprovdu biss li, jekk hija ma tilħaqx il-fattur ta’ karga ta’ 91 %, ma hijiex ser tiksibx id-dħul li qiegħda tistenna li tirċievi mill-proġett. Għalhekk, ma jeżisti ebda obbligu kuntrattwali għal NNBG li tosserva dan il-fattur ta’ karga.

668    Issa, fl-assenza ta’ rekwiżiti kuntrattwali speċifiċi li jirrigwardaw ix-xogħlijiet li għandhom jitwettqu minn NNBG jew l-elettriku li għandu jiġi prodott jew ipprovdut minnha, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17 u tad-Direttiva 2004/18 ma kinitx iġġustifikata.

669    Fi kwalunkwe każ, fl-assenza ta’ obbligu kuntrattwali li jiġu eżegwiti xogħlijiet, li jiġu pprovduti prodotti u li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tad-Direttiva 2004/17 u tad-Direttiva 2004/18, ma jistax jiġi eskluż li, minkejja l-inċentivi ekonomiċi intiżi li jiggarantixxu li NNBG tibni u topera Hinkley Point C, din l-impriża tiddeċiedi li ma tlestihx jew li ma toperahx, għal raġunijiet ekonomiċi.

670    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li, de facto, NNBG kienet obbligata tiżgura livell ta’ produzzjoni, għandu jiġi miċħud.

671    Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi ma jistgħux jibqgħu mhux applikati minħabba s-sempliċi fatt li l-proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ Hinkley Point C ġie kkonċepit u ddefinit b’mod determinanti minn EDF.

672    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

673    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Kummissjoni ma eskludietx l-applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18 minħabba l-fatt li l-proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ Hinkley Point C kien ġie ddefinit b’mod determinanti minn EDF, iżda minħabba l-fatt li l-Kuntratt għad-Differenza ma kienx jipprevedi obbligu kuntrattwali li jiġu eżegwiti xogħlijiet, li jiġu pprovduti prodotti jew li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-imsemmija direttivi.

674    Fir-raba’ lok, f’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija bbażata fuq l-allegazzjoni li hija ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddetermina jekk il-miżuri inkwistjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala kuntratt, bħala kuntratt pubbliku jew bħala konċessjoni, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija għandha informazzjoni suffiċjenti sabiex tikkummenta dwar il-kwistjoni jekk il-Kuntratt għad-Differenza jipprevedix obbligu għal NNBG li teżegwixxi xogħlijiet, li tipprovdi prodotti jew li tipprovdi servizzi u li, peress li tali obbligu ma jeżistix, fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet esposti fil-punti 640 sa 661 iktar ’il fuq, il-miżuri inkwistjoni la jistgħu jiġu kklassifikati bħala kuntratt jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2004/17 u lanqas bħala kuntratt pubbliku jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

675    Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni messha eżaminat il-proġett fit-totalità tiegħu, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar il-kostruzzjoni u l-operat ta’ Hinkley Point C. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fl-assenza ta’ obbligu għal NNBG li teżegwixxi xogħlijiet, li tipprovdi prodotti jew li tipprovdi servizzi, anki ħarsa ġenerali lejn il-miżuri inkwistjoni ma kinitx tippermetti li jitqies li dawn messhom ġew ikklassifikati bħala kuntratt, bħala kuntratt pubbliku jew bħala konċessjoni fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew tad-Direttiva 2004/18.

676    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti kollha tar-Repubblika tal-Awstrija li jfittxu li jipprovaw li l-Kummissjoni messha kklassifikat il-miżuri inkwistjoni bħala kuntratt jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 2014/17 jew bħala kuntratt pubbliku jew bħala konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2014/18, għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-Kummissjoni li d-Direttiva 2004/17 ma hijiex applikabbli għall-imsemmija miżuri, skont id-Deċiżjoni 2006/211.

b)      Fuq l-argumenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72 u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza inerenti għat-Trattat FUE

677    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-għan tas-servizz kien il-kostruzzjoni u l-operat ta’ Hinkley Point C, flimkien mal-appoġġ finanzjarju tar-Renju Unit, bħala korrispettiv. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, u skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza inerenti għat-Trattat FUE, ir-Renju Unit messu nieda sejħa għal offerti fir-rigward tal-proġett ta’ kontruzzjoni u ta’ operat ta’ Hinkley Point C, ifformulata b’mod ċar, preċiż u univokali, li tinkludi l-informazzjoni speċifika kollha dwar l-iżvolġiment tal-proċedura kollha u li tiggarantixxi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet. Tali proċedura messha tnediet, peress li kien hemm interess transkonfinali, anki fil-każ li awtorizzazzjoni li wieħed iwettaq attività ma kinitx tobbliga liċ-ċessjonarju jwettaq l-attività assenjata. Il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 357 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha s-sistema tal-Kuntratt għad-Differenza hija miftuħa għall-partijiet interessati potenzjali kollha u għalhekk ma hijiex selettiva, ma hijiex konvinċenti. L-għażla ta’ NNBG kellha l-konsegwenza li eskludiet operaturi oħra mill-kostruzzjoni u mill-operat ta’ Hinkley Point C.

678    Il-Kummissjoni, l-Ungerija u r-Renju Unit jikkontestaw dawn l-argumenti.

679    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax il-fatt li seħħet proċedura ta’ selezzjoni. Hija sempliċement issostni li l-proċedura organizzata mir-Renju Unit (ara l-punt 634 iktar ’il fuq) ma kinitx suffiċjenti, peress li din ma kinitx sejħa għal offerti fir-rigward tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ Hinkley Point C.

680    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72.

681    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà, fl-interess tas-sigurtà tal-provvista, li jipprevedu kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija jew miżuri ta’ effikaċja enerġetika jew ta’ ġestjoni tad-domanda permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura ekwivalenti oħra f’termini ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, abbażi ta’ kriterji ppubblikati.

682    Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/72 ma teżiġix neċessarjament li Stat Membru jniedi proċedura ta’ sejħa għal offerti, iżda tippermettilu wkoll isegwi proċedura oħra, jekk din titwettaq abbażi ta’ kriterji ppubblikati u jekk din tkun ekwivalenti għal sejħa għal offerti f’termini ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni. Għalhekk, dan l-artikolu ma jipprekludix li, minflok ma jniedi proċedura ta’ sejħa għal offerti, Stat Membru jagħżel strument li jikkostitwixxi sussidju intiż li jagħti inċentiv lill-impriżi sabiex iwettqu għan ta’ interess pubbliku partikolari.

683    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/72 ma kinitx teżiġi li l-kostruzzjoni u l-operat ta’ Hinkley Point C ikunu neċessarjament is-suġġett ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

684    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi miċħud.

685    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza inerenti għat-Trattat FUE.

686    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza huma intiżi li japplikaw għall-kuntratti pubbliċi, għall-konċessjonijiet, għall-awtorizzazzjonijiet esklużivi u għal-liċenzji esklużivi mogħtija minn awtorità pubblikà u li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ma speċifikax regoli speċjali. Fil-fatt, meta jingħataw tali kuntratti jew tali drittijiet, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġu mill-Istati Membri li jiggarantixxu grad ta’ pubbliċità xieraq li jippermetti li l-proċedura ta’ selezzjoni tinfetaħ għall-kompetizzjoni, u li tiġi mistħarrġa l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ għoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, EU:C:2000:669, punt 62; tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 41, u tal-14 ta’ Novembru 2013, Belgacom, C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 28).

687    Madankollu, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza ma jeżiġux neċessarjament li titnieda sejħa għal offerti għal proġett partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 41). Għalhekk, dawn ma jillimitawx id-dritt ta’ Stat Membru li jagħżel bejn kuntratt pubbliku u l-għoti ta’ sussidju intiż li jagħti inċentiv lill-impriżi sabiex iwettqu għan ta’ interess pubbliku partikolari.

688    Għalhekk, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk il-miżuri inkwistjoni jistgħux jiġu assimilati ma’ awtorizzazzjoni jew ma’ liċenzja esklużiva fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 686 iktar ’il fuq.

689    Għaldaqstant, l-argumenti kollha tar-Repubblika tal-Awstrija li jfittxu li jipprovaw li r-Renju Unit messu nieda proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-proġett ta’ Hinkley Point C għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċesarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk ksur tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18, tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72 jew tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni inerenti għat-Trattat FUE setax iqiegħed fid-dubju l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata.

2.      Fuq l-argument ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-Kuntratt għad-Differenza

690    Fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija tressaq argument li jirrigwarda l-premessa 549 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni rrilevat, fir-rigward tal-konformità tal-miżuri inkwistjoni mal-Artikoli 30 u 110 TFUE, li, sakemm il-Kuntratt għad-Differenza ma kienx miftuħ għall-produtturi tal-elettriku li jinsabu barra mill-Gran Brittanja, ir-Renju Unit impenja ruħu li jaġġusta l-mod kif kienu jiġu kkalkolati r-responsabbiltajiet tal-fornituri tal-elettriku għall-ħlasijiet skont il-Kuntratt għad-Differenza sabiex l-elettriku mill-enerġija nukleari eliġibbli prodott fl-Unjoni, iżda barra mill-Gran Brittanja, u pprovdut lil klijenti fil-Gran Brittanja ma jingħaddx mal-ishma tas-suq tal-fornituri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrilevat li r-Renju Unit kien ser ineħħi din l-eżenzjoni meta l-produtturi minn Stati Membri oħra jkunu eliġibbli sabiex japplikaw għall-Kuntratt għad-Differenza.

691    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mill-premessa 549 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sistema ta’ kuntratti għad-differenza kienet diskriminatorja, peress li ma kinitx miftuħa għall-produtturi tal-elettriku li jinsabu barra mir-Renju Unit.

692    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

693    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 359 sa 364 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-proċedura ta’ selezzjoni li segwa r-Renju Unit sabiex jidentifika l-kuntrattur li huwa lest li jinvesti f’kapaċità nukleari ġdida fir-Renju Unit kienet miftuħa għall-iżviluppaturi, għall-produtturi u għall-investituri minn Stati Membri oħra. Għalhekk, ma kienx hemm diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità f’dan ir-rigward.

694    Fit-tieni lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tixtieq issostni li l-istrument li jikkostitwixxi l-Kuntratt għad-Differenza kien għadu mhux miftuħ għall-produtturi tal-elettriku li jinsabu barra mill-Gran Brittanja, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kostruzzjoni u l-operat ta’ impjant tal-enerġija nukleari huma intiżi għall-produzzjoni ta’ enerġija bażika bil-għan li tiġi ggarantita sigurtà tal-provvista. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju Unit ma jistax jiġi kkritikat talli jeżiġi li tali impjant jinbena fil-Gran Brittanja, sabiex jiġi evitat li dan ikun limitat mill-kapaċitajiet fiżiċi tal-interkonnessjoni.

695    Għaldaqstant, l-argumenti kollha żviluppati fil-kuntest tas-seba’ motiv għandhom jiġu miċħuda.

I.      Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt li jiġu ppreżentati kummenti skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999

696    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jimponu fuq il-Kummissjoni li tagħti lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom dritt suġġettiv għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Huma għandhom id-dritt li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva sa fejn huwa xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tqiegħed lill-partijiet f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom.

697    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fid-dawl tal-fatt li, fil-mument li fih setgħet tissottometti l-kummenti tagħha, l-ammont tal-għajnuna u l-modalitajiet konkreti tagħha kienu għadhom ma ġewx stabbiliti, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod suffiċjenti u xieraq dwar id-diversi miżuri pprospettati konkretament. Skontha, li kieku kellha informazzjoni addizzjonali u eżatta dwar il-volum u dwar il-modalitajiet tal-miżuri pprospettati, hija kien tkun tista’ tressaq argumenti addizzjonali u b’saħħithom fir-rigward tad-dubji li kellha dwar l-imsemmija miżuri.

698    Il-Kummissjoni u l-Ungerija jsostnu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li r-Repubblika tal-Awstrija sempliċement tirreferi għad-Deċiżjoni kkontestata, u mhux għad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

699    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija obbligata ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

700    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE għandu l-għan, minn naħa, li jobbliga lill-Kummissjoni tiżgura li l-persuni kollha li jkunu potenzjalment interessati jiġu avżati u jingħataw l-opportunità li jsostnu l-argumenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jippermetti li l-Kummissjoni tkun kompletament informata bil-fatti kollha tal-każ qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 58).

701    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tagħti lill-partijiet interessati essenzjalment ir-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Minn dan isegwi li l-partijiet interessati, mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li fil-konfront tagħhom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva sa fejn huwa xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punti 59 u 60, u tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punt 147).

702    Fil-fatt, fil-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati għandhom biss il-possibbiltà li jibagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni intiża li tgħin lil din tal-aħħar fl-azzjoni futura tagħha u ma jistgħux huma stess ifittxu li jkollhom dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni bl-istess mod kif offrut lill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 181).

703    Barra minn hekk, ġie deċiż li l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tippreżenta analiżi kompleta fir-rigward tal-għajnuna fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li hija tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw il-kummenti tagħhom (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punt 148).

704    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, għandha tinkludi evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar in-natura ta’ għajnuna tal-miżura proposta, għandha tesponi d-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’terminu ddeterminat.

705    Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tqiegħed lill-persuni interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fl-imsemmija proċedura li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkunu jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq intern (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 81).

706    Madankollu, id-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet interessati ma jmurx lil hinn mid-dritt għal smigħ mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, ma jistax jiġi estiż għad-dritt ġenerali ta’ espressjoni fuq il-punti kollha potenzjalment importanti mqajma matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punt 149).

707    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija, ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma rrispettatx id-dritt tagħha li tippreżenta kummenti, minħabba l-fatt li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma kinitx iddeterminat il-miżuri inkwistjoni b’mod suffiċjenti.

708    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, insostenn ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-premessi 16, 73 u 551 tad-Deċiżjoni kkontestata. Issa, fih innifsu, riferiment għal premessi li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata ma jistax jipprova li l-Kummissjoni ma rrispettatx id-dritt tar-Repubblika tal-Awstrija li tissottometti kummenti. Fil-fatt, l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jirrigwardaw id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw il-kummenti tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, u għalhekk il-kwistjoni deċiżiva f’dan il-kuntest hija jekk id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kinitx tinkludi informazzjoni suffiċjenti. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk id-Deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata wara l-proċedura amministrattiva, tinkludix informazzjoni suffiċjenti, ma hijiex direttament rilevanti f’dan il-kuntest.

709    Madankollu, mill-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li dan l-Istat Membru jsostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jippreżenta kummenti b’mod utli u li dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa rifless ukoll fid-Deċiżjoni kkontestata.

710    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tressaq argumenti li jfittxu li jipprovaw li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex hija tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha li tippreżenta l-kummenti tagħha b’mod effettiv.

711    L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li ċerti kwistjonijiet dwar il-Kuntratt għad-Differenza kienu baqgħu sospiżi. Għaldaqstant, in-natura tal-mekkaniżmu tal-Kuntratt għad-Differenza u, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ kalkolu tad-differenza, b’mod partikolari tal-prezz tal-eżerċitar, kienu għadhom ma ġewx stabbiliti.

712    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ddeskriviet il-Kuntratt għad-Differenza fil-premessi 43 sa 49 u 53 sa 89 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kif jirriżulta mill-premessa 67 tal-imsemmija deċiżjoni, qabel in-notifika tal-miżuri inkwistjoni, ir-Renju Unit u EDF kienu ftiehmu f’dak li jirrigwarda l-elementi essenzjali ta’ dan il-kuntratt, u, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-prezz tal-eżerċitar, it-tul tal-kuntratt u r-rata ta’ redditu interna. Dawn l-elementi ġew ikkomunikati lill-partijiet interessati. Fil-fatt, mill-premessa 70 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-prezz tal-eżerċitar ipprospettat mir-Renju Unit kien iffissat għal GBP 92.50 għal kull MWh u mill-premessa 78 tal-istess deċiżjoni jirriżulta li kien previst li jsiru ħlasijiet għal terminu ta’ 35 sena. Fil-premessa 71 tad-deċiżjoni inkwistjoni, huwa indikat li r-rata ta’ redditu interna wara t-taxxa, li abbażi tagħha ġie kkalkolat id-defiċit fil-finanzjament, kienet tikkorrispondi għal marġni ta’ bejn 9.75 u 10.15 % u, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata fil-Ġurnal Uffiċjali, huwa speċifikat li din kienet tikkorrispondi għal 9.87 %. Fil-premessa 72 ta’ din l-istess deċiżjoni, huwa indikat li d-differenza bejn il-prezz tal-eżerċitar u l-prezz ta’ referenza kien ġie kkalkolat li jvarja bejn GBP 3.5 u 9 biljuni, skont il-prezz tal-faħam fir-Renju Unit. F’dan il-kuntest, għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-premessa 361 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li minnha jirriżulta li l-ammont globali tal-għajnuna kien jiddependi mill-ipoteżijiet adottati għall-prezzijiet bl-ingrossa futuri u għar-rata ta’ aġġornament, u kien jilħaq, skont xenarji differenti, GBP 4.78 biljuni, GBP 11.17 biljuni jew GBP 17.62 biljuni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammont totali tal-għajnuna kien jiddependi mill-prezz ta’ referenza, li huwa prezz tas-suq, li l-ammont tiegħu jista’ jkun diffiċli li jitbassar għall-futur.

713    Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi 126 sa 145 u 163 sa 178 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-Kuntratt għad-Differenza bħala għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ddeskriviet fid-dettall il-funzjonament tal-imsemmi kuntratt.

714    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 349 sa 362 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esponiet li, abbażi tal-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, hija ma setgħetx tikkonkludi li l-Kuntratt għad-Differenza kien miżura ta’ għajnuna proporzjonata. F’dan il-kuntest, hija esponiet b’mod iddettaljat il-fatturi li kienu jirrendu diffiċli d-determinazzjoni tal-prezz tal-eżerċitar xieraq u tal-profittabbiltà tal-proġett ta’ Hinkley Point C.

715    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-element ta’ għajnuna li jinsab fil-Kuntratt għad-Differenza, il-modalitajiet tiegħu u d-dubji tal-Kummissjoni, kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija teżerċita d-dritt tagħha li tippreżenta l-kummenti tagħha.

716    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-Garanzija ta’ Kreditu, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-imsemmija garanzija kienet deskritta b’mod estremament vag u indeterminat, għaliex il-Kummissjoni sempliċement indikat li din il-garanzija kienet marbuta mal-kreditu li NNBG effettivament kienet ser tikseb u li l-ammont globali tiegħu kien jista’ jilħaq GBP 17.6 biljuni.

717    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li, fid-deskrizzjoni tal-Garanzija ta’ Kreditu li tinsab fil-premessi 50 sa 52 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sempliċement indikat li d-dettalji tal-imsemmija garanzija kienu għadhom ma ġewx iddeterminati, iżda li din il-garanzija bla dubju ser tkun marbuta mal-ammont tal-kreditu li effettivament ikun inkiseb minn NNBG.

718    Madankollu, f’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-premessi 146 u 147 u 179 sa 187 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fihom il-Kummissjoni kkummentat dwar il-kwalità ta’ għajnuna mill-Istat ta’ din il-miżura. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni esponiet li, skont l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, il-Garanzija ta’ Kreditu ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minħabba l-fatt li l-imsemmija garanzija kienet ser tiġi pprovduta taħt kundizzjonijiet tas-suq u kienet ser tkun konformi mal-Avviż dwar il-garanziji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prezz tagħha. Hija indikat ukoll li ma kinitx konvinta li l-metodu li r-Renju Unit kien qiegħed jipproponi sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ din il-garanzija kien jista’ jiggarantixxi li dan il-prezz kien ser jikkorrispondi għal prezz offrut minn investitur privat. F’dan ir-rigward, hija indikat li wħud mill-elementi tal-metodu propost ma kinux jikkorrispondu għall-approċċ li kien isegwi investitur privat. Barra minn hekk, fil-premessi 342 sa 348 tal-imsemmija deċiżjoni, hija esponiet li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija ma setgħetx teskludi li l-għoti tal-garanzija inkwistjoni seta’ jwassal għal kumpens eċċessiv.

719    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, l-informazzjoni dwar il-Garanzija ta’ Kreditu, li kienet tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kienet suffiċjentement preċiża sabiex tippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija teżerċita d-dritt tagħha li tippreżenta l-kummenti tagħha.

720    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-kumpens għal għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-informazzjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet limitata għall-informazzjoni li l-proprjetarji kellhom dritt għal kumpens, iżda li l-livell u ċ-ċirkustanzi eżatti ta’ dan il-kumpens kienu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati u kienu għadhom mhux kompletament magħrufa.

721    F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi 47 u 48 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li minnhom jirriżulta li l-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat jirrigwarda l-eventwalità ta’ għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari b’riżultat ta’ deċiżjoni politika. F’dawn il-premessi huwa espost li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, l-investituri ta’ NNBG ikollhom dritt għal kumpens, li l-livell u d-daqs tiegħu kienu għadhom ma ġewx speċifikati u, min-naħa l-oħra, huma jkollhom id-dritt li jittrasferixxu NNBG lir-Renju Unit, li min-naħa tiegħu jkollu d-dritt jitlob li NNBG tiġi ttrasferita lilu.

722    Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi 192 sa 195 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ tali kumpens bħala għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni esponiet li kumpens intiż li jikkumpensa dannu kkawżat minn awtoritajiet pubbliċi ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Madankollu, hija semmiet li, qabel ma tasal għal konklużjoni definittiva f’dan ir-rigward, hija kellha bżonn ta’ iktar informazzjoni dwar il-kwistjoni jekk il-kumpens previst kienx jirriżulta minn prinċipju ġenerali u jekk dan kienx disponibbbli wkoll għal operaturi oħra fis-suq li jinsabu f’sitwazzjoni simili.

723    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija teżerċita d-dritt tagħha li tippreżenta kummenti. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 275 sa 282 iktar ’il fuq, l-uniku element ta’ għajnuna identifikat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata li jirrigwarda l-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat kien id-dritt għal ħlas malajr u ċert. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tawtorizzax elementi ta’ għajnuna li jistgħu jirriżultaw mill-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens.

724    Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punti 247 sa 362 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha dritt tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, minkejja li kien għad ma kellhiex għarfien tal-klawżoli kollha li jirrigwardaw il-finanzjament ta’ Hinkley Point C, peress li dawn il-klawżoli kienu għadhom ma ġewx miftiehma mill-partijiet. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ma jistax ikun li l-fatt li l-klawżoli konkreti lanqas ma kienu magħrufa fl-istadju tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali irrenda mingħajr skop id-dritt tagħha li tippreżenta l-kummenti tagħha.

725    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex hija tkun tista’ teżerċita b’mod effettiv id-dritt tagħha li tkun involuta fl-imsemmija proċedura, għandhom jiġu miċħuda.

726    Fit-tieni lok, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tinforma mill-ġdid lill-partijiet interessati għandu jiġi miċħud.

727    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tippermetti li jiġu approfonditi u kkjarifikati l-kwistjonijiet imqajma fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura u għandha tippermetti lill-Istat Membru li jkun innotifika l-proġett li jadatta dan il-proġett skont eventwali osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, kull diverġenza bejnha u d-deċiżjoni finali ma tistax titqies fiha nnifisha li tikkostitwixxi difett li jivvizzja l-legalità ta’ din tal-aħħar (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑211/05, EU:T:2009:304, punt 55). Hija biss emenda li taffettwa n-natura tal-miżuri inkwistjoni li għalhekk tista’ tiskatta obbligu għall-Kummissjoni li tinforma mill-ġdid lill-partijiet interessati.

728    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tinvoka ebda emenda u lanqas ma tinvoka mqar xi dettall li ġie żvelat matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li seta’ jiskatta tali obbligu.

729    Fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, anki li kieku l-Kummissjoni ma rrispettatx id-dritt tar-Repubblika tal-Awstrija li tissottometti l-kummenti tagħha, dan il-motiv ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, ksur ta’ dan id-dritt jista’ jwassal għal annullament biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 85). Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tipproduċi ebda prova li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha mill-Kummissjoni seta’ kien ta’ natura li jbiddel il-konklużjoni li waslet għaliha fid-Deċiżjoni kkontestata.

730    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

J.      Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti

731    Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

732    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-disa’ motiv jinqasam f’sitt partijiet, li jirrigwardaw elementi tad-Deċiżjoni kkontestata li diġà huma koperti minn motivi oħra u li diġà ġew eżaminati flimkien ma’ dawn il-motivi (ara iktar ’il fuq, fir-rigward tal-ewwel parti, il-punt 234, fir-rigward tat-tieni parti, il-punti 153 sa 157, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni lmenti tat-tielet parti, il-punti 627 sa 630 u l-punti 567 sa 574, fir-rigward tar-raba’ parti, il-punti 363 sa 366, fir-rigward tal-ħames parti, il-punti 61 sa 68 u fir-rigward tas-sitt parti, il-punti 532 sa 566).

733    Minn dan isegwi li d-disa’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud kollu kemm hu.

734    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

735    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

736    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, minn naħa, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gratsias

Dittrich

Xuereb

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2018.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-argumenti bbażati fuq l-inammissibbiltà tan-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Ungerija

B. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari ma tikkostitwixxix għan ta’ interess “komuni”, u fuq il-ħames parti tad-disa’ motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni kkontestata

1. Fuq il-ħames parti tad-disa’ motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni kkontestata

2. Fuq ir-raba’ motiv, li jirrigwarda l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni

a) Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE għal miżuri li jirrigwardaw il-qasam tal-enerġija nukleari u fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat Euratom fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni

b) Fuq l-argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari tikkostitwixxi għan ta’ interess “komuni”

C. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li t-teknoloġija użata f’Hinkley Point C kienet ġdida

D. Fuq l-ewwel motiv u l-ewwel u t-tieni partijiet tad-disa’ motiv, li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suq magħmula u l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-eżistenza ta’ falliment tas-suq

1. Fuq l-argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-neċessità ta’ intervent mir-Renju Unit

a) Fuq l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar in-natura speċifika tal-investimenti f’Hinkley Point C

b) Fuq l-ilment li jfittex li jipprova l-eżistenza ta’ żbalji materjali u formali li jaffettwaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-punt 9.3 tad-Deċiżjoni kkontestata

c) Fuq l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista u tad-dekarbonizzazzjoni setgħu jintlaħqu mingħajr għajnuna mill-Istat

d) Fuq l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma esponietx b’mod suffiċjenti sa fejn Hinkley Point C kien ser juża teknoloġiji ġodda

2. Fuq l-argumenti li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suq magħmula mill-Kummissjoni

3. Fuq l-argument ibbażat fuq preġudizzju favur l-enerġija nukleari

E. Fuq il-ħames u t-tmien motivi, ibbażati fuq determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi ta’ għajnuna u fuq ksur tal-Avviż dwar il-garanziji, u fuq ir-raba’ parti tad-disa’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

1. Fuq il-kwistjoni jekk u sa fejn il-Kummissjoni hija obbligata tikkwantifika l-ekwivalenti għal sussidju ta’ miżura ta’ għajnuna

2. Fuq l-argumenti li jfittxu li jipprovaw li l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni ma ġewx iddeterminati b’mod suffiċjenti

a) Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-modalitajiet kollha tal-miżuri inkwistjoni kienu għadhom ma ġewx iddeterminati fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata

b) Fuq l-argumenti bbażati fuq determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fil-miżuri inkwistjoni

1) Fuq il-Kuntratt għad-Differenza

2) Fuq il-vantaġġi mogħtija fil-każ ta’ għeluq antiċipat

3) Fuq il-Garanzija ta’ Kreditu

i) Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma messhiex ikkonstatat li l-proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ Hinkley Point C kien proġett b’saħħtu b’probabbiltà ta’ falliment relattivament baxxa

ii) Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni messha evalwat il-kategorija ta’ riskju tal-Garanzija ta’ Kreditu mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-miżuri l-oħra inkwistjoni

iii) Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-kriterji previsti mill-Avviż dwar il-garanziji

– Fuq it-tul tal-garanzija

– Fuq l-ammont tal-kopertura tas-self

– Fuq l-eżistenza tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ EDF

– Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rata tat-tariffa messha kienet tammonta tal-inqas għal 400 punti bażi

4) Fuq il-kumulu tal-miżuri inkwistjoni

c) Fuq l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni u mal-ħażna tal-iskart nukleari

d) Fuq l-eventwali għoti ta’ għajnuna mill-Istat futura

3. Fuq l-argumenti li jirrigwardaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

F. Fuq is-sitt motiv, it-tieni lment tat-tielet parti u s-sitt parti tad-disa’ motiv, li jirrigwardaw l-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni

1. Fuq is-sitt motiv, li jirrigwarda l-isħarriġ tan-natura proporzjonata tal-miżuri inkwistjoni

a) Fuq in-natura xierqa tal-miżuri inkwistjoni

b) Fuq in-natura neċessarja tal-miżuri inkwistjoni

c) Fuq l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-miżuri inkwistjoni

1) Fuq l-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni identifikati mill-Kummissjoni

i) Fuq l-argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-eżistenza ta’ defiċit futur f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija

ii) Fuq l-argumenti bbażati fuq l-anakroniżmu tal-kunċett ta’ karga bażika wiesgħa

iii) Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-provvista tal-uranju

iv) Fuq l-argument ibbażat fuq is-sensittività tal-impjanti tal-enerġija nukleari għaż-żidiet fit-temperatura

v) Fuq l-argument ibbażat fuq il-konsegwenzi possibbli ta’ ħsarat

vi) Fuq il-klassifikazzjoni tal-enerġija nukleari bħala enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju

vii) Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li Hinkley Point C ser jitlesta tard

2) Fuq l-effetti negattivi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni

3) Fuq l-ibbilanċjar imwettaq

4) Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti

2. Fuq it-tieni lment tat-tielet parti u s-sitt parti tad-disa’ motiv, ibbażati, b’mod partikolari, fuq motivazzjoni insuffiċjenti

G. Fuq it-tielet motiv u l-ewwel ilment tat-tielet parti tad-disa’ motiv, li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni

1. Fuq l-argumenti bbażati fuq il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni

a) Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-Kuntratt għad-Differenza

b) Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat

c) Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-kumpens previst fil-miżuri inkwistjoni

d) Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni messha għamlet distinzjoni ċara bejn għajnuna għall-funzjonament u għajnuna għall-investiment

2. Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

H. Fuq is-seba’ motiv, li jirrigwarda b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mar-regolamentazzjoni eżistenti tas-suq

1. Fuq l-argumenti li jfittxu li jipprovaw li r-Renju Unit messu nieda sejħa għal offerti għall-proġett ta’ Hinkley Point C

a) Fuq l-argumenti bbażati fuq ksur tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18

b) Fuq l-argumenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72 u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza inerenti għat-Trattat FUE

2. Fuq l-argument ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-Kuntratt għad-Differenza

I. Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt li jiġu ppreżentati kummenti skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999

J. Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti

Fuq l-ispejjeż




*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.