Language of document : ECLI:EU:C:2019:167

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C-682/17

ExxonMobil Production Deutschland GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Impjant ta’ trattament ta’ gass naturali – Irkupru tal-kubrit – Ġenerazzjoni tal-elettriku f’apparat awżiljarju – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Anness I, punt 6 – Attività ta’ ‘kombustjoni ta’ karburanti’ – Artikolu 3(t) – Kunċett ta’ ‘kombustjoni’ – Artikolu 3(u) – Kunċett ta’ ‘ġeneratur tal-elettriku’ – Artikolu 10a(3) u (4) – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas – Restrizzjoni għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku – Deċiżjoni 2011/278/UE – Artikolu 3(c) – Kunċett ta’ ‘subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana’ – Artikolu 3(h) – Kunċett ta’ ‘subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess’”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(u) tal-Artikolu 10a u tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE (2), li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (iktar ’il quddiem l-“iskema għall-iskambju ta’ kwoti”), kif ukoll tal-Artikolu 3(c) u (h) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE (3), li tiddetermina regoli tranżitorji għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti.

2.        Din it-talba qed issir fil-kuntest ta’ kawża bejn ExxonMobil Production Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “ExxonMobil”) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-Umweltbundesamt (l-Uffiċċju Federali tal-Ambjent, il-Ġermanja), fuq ir-rifjut li tingħata, lil impjant ta’ trattament ta’ gass naturali operata minn ExxonMobil, parti mill-kwoti mingħajr ħlas mitluba għall‑2013.

3.        Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu kkonċentrati fuq l-ewwel u t-tieni domandi li tressqu mill-qorti tar-rinviju. Dawn id-domandi jittrattaw il-portata tal-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 u l-konsegwenzi riżultanti mill-klassifika ta’ ġeneratur tal-elettriku ta’ impjant fuq l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas li għaliha dan għandu dritt skont l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2003/87

4.        L-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” bħala “istallazzjoni li fl-1 ta’ Jannar 2005 jew wara, kienet ipproduċiet elettriku għall-bejgħ lil partijiet terzi u li fiha ma ssir l-ebda attività elenkata fl-Anness I barra dik tal-‘kombustjoni tal-karburanti’”.

5.        Fil-verżjoni fis-seħħ fi żmien il-fatti rilevanti (4), l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva kien ifformulat kif ġej:

“1.      Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti […]

[…]

M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart

3.      Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku […]

4.      Għandha tingħata allokazzjoni gratis għal tisħin distrettwali kif ukoll għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif definita bid-Direttiva 2004/8/KE [(5)] għal domanda li tkun ekonomikament iġġustifikata fir-rigward tal-produzzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ. F’kull sena wara l-2013, l-allokazzjoni totali għal istallazzjonijiet bħal dawn fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana għandha tiġi aġġustata bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9.

[…]”

2.      Id-Deċiżjoni 2011/278

6.        L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprovdi kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

c)      ‘subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana’ tfisser id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti mhux koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott relatata mal-produzzjoni, l-importazzjoni minn impjant jew entità oħra koperta mill-iskema tal-Unjoni, jew mit-tnejn li huma, ta’ sħana li:

–        hija kkunsmata fil-konfini tal-impjant għall-produzzjoni ta’ prodotti, għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li mhix użata għall-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew għat-tkessiħ bl-eċċezzjoni tal-konsum għall-produzzjoni tal-elettriku, jew

–        esportati lejn impjant jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni bl-eċċezzjoni tal-esportazzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku;

[…]

h)      ‘subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess’ tfisser […] l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju [CO2] li jseħħu ’l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott elenkat fl-Anness I, minħabba xi waħda mill-attivitajiet u emissjonijiet li ġejjin […]:

[…]

v)      l-użi tal-karbonju li fih addittivi jew materja prima għal skop primarju li mhuwiex dak tal-ġenerazzjoni tas-sħana;

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

7.        L-Artikolu 9 tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (il-Liġi fuq l-Iskambji ta’ Allokazzjoni ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra) tal-21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1475, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-operaturi tal-impjanti għandhom jirċievu allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a […] tad-Direttiva 2003/87 […] u skont dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni [2011/278] […];

[…]

(6)      Il-volum ta’ kwoti definittiv permess lill-impjant għandu jkun ugwali għall-prodott tal-volum ta’ kwoti provviżorja kkalkolat bl-applikazzjoni tas-Subartikoli 1 sa 5 u tal-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali ffissat mill-Kummissjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 15(3) tar-regolamenti ta’ allokazzjoni armonizzati tal-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tal-allokazzjoni għas-sħana ġġenerata mill-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, il-fattur lineari li jissemma l-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jissostitwixxi l-fattur ta’ korrezzjoni ċċitat fl-ewwel sentenza, billi l-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti li għandhom jingħataw mingħajr ħlas lill-ġeneratur tal-elettriku kkonċernat għall-2013.”

8.        It-Taqsima 2 tal-Anness 1 tat-TEHG, intitolata “Attivitajiet”, issemmi, fil-punt 1 tagħha, fost l-impjanti li l-emissjonijiet tagħhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, l-“[u]nitajiet ta’ kombustjoni intiżi sabiex jaħarqu fjuwil li potenza termika totali ta’ kombustjoni tagħhom hija ta’ 20 [megawatts (MW)] jew iktar, sakemm huma ma jissemmewx f’xi wieħed mill-punti li ġejjin”. It-Taqsima 2 tal-Anness 1 tat-TEHG telenka, fil-punti 2 sa 4, diversi tipi ta’ “[i]mpjan[t]i ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, ta’ fwar, ta’ sħana, ta’ sħana industrijali jew ta’ gassijiet skart” li l-emissjonijiet tagħhom huma koperti wkoll bil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.

9.        L-Artikolu 2 tal-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas-Emissionsberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (ir-Regolament dwar l-Allokazzjoni tal-Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra għall-Perijodu ta’ Skambju 2013-2020) tas-26 ta’ Settembru 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1921, iktar ’il quddiem iz-“ZuV 2020”), jiddefinixxi, fil-punt 21 tiegħu, il-“ġeneratur tal-elettriku” bħala kull “[i]mpjant li ġġenera jew biegħ lil terzi l-elettriku wara l-31 ta’ Diċembru 2004 u li fiha tiġi eżerċitata waħda mill-attivitajiet li jissemmew fil-punti 1 sa 4 tat-Tieni Taqsima tal-Anness 1 [tat-TEHG]”.

10.      L-Artikolu 2 taz-ZuV 2020 jiddefinixxi, fil-punti 29 u 30 tiegħu, il-kunċetti ta’ “subimpjant ta’ emissjonijiet minn proċess” u ta’ “subimpjant ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” f’termini simili għal dawk tal-Artikolu 3(h) u (c) tad-Deċiżjoni 2011/278. L-Artikolu 2, punt 29(b)(ee) taz-ZuV 2020 jikkorrispondi għall-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      ExxonMobil kienet topera, sa’ tmiem l-2013, impjant ta’ trattament ta’ gass naturali (iktar ’il quddiem “l-Impjant”) sitwata f’Steyerberg (il-Ġermanja). L-Impjant kien iffurmat minn apparati ta’ desulfurazzjoni u ta’ diżidridazzjoni ta’ gass naturali, apparati ta’ irkupru tal-kubrit (imsejħa “apparati Claus”), apparati ta’ purifikazzjoni tal-gassijiet skart kif ukoll apparati annessi. Dawn tal-aħħar kienu jinkludu bojler tal-fwar, apparat ta’ magna tal-gass, apparati li jqabbdu f’emerġenza u ċentrali termika tal-kondensazzjoni.

12.      Din iċ-ċentrali termika kienet konnessa man-netwerk elettriku pubbliku, u kwantitajiet żgħar ta’ kurrent kienu kontinwament jiġu injettati fiha sabiex jiggarantixxu l-alimentazzjoni kontinwa tal-impjant bl-elettriku fil-każ li jfallu l-apparati Claus, li kien iwassal għat-telf ta’ ċerti kwantitajiet ta’ fwar. Id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi karta tal-bilanċ elettriku li tinkorpora d-dejta dwar il-produzzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-konsum tal-elettriku fl-Impjant bejn l-2005 u l-2010. Din il-karta tal-bilanċ tindika li, f’uħud minn dawn is-snin, l-Impjant kkonsma iktar elettriku milli pproduċa.

13.      Fl-24 ta’ Frar 2014, id-Deutsche Emissionshandelsstelle (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”) ta lil ExxonMobil, għall-perijodu ta’ skambju 2013-2020, 1 179 523 kwoti mingħajr ħlas. Din l-allokazzjoni kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni, in parti, tar-referenzjarju ta’ sħana, u in parti tar-referenzjarju ta’ fjuwil. L-eżistenza ta’ riskju ta’ telfien ta’ karbonju fis-settur ikkonċernat ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ din l-allokazzjoni. Id-DEHSt irrifjuta li jagħti lil ExxonMobil il-kwoti mingħajr ħlas addizzjonali li hija talbet għall-emissjonijiet ta’ proċess. Fl-istess ġurnata, id-DEHSt irrevoka d-deċiżjoni ta’ allokazzjoni tiegħu b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014 minħabba l-waqfien ta’ attività ddikjarata minn ExxonMobil. Din ir-revoka ma ġietx ikkontestata.

14.      ExxonMobil ressqet ilment kontra d-deċiżjoni ta’ allokazzjoni tal-24 ta’ Frar 2014. Id-DEHSt ċaħad dan l-ilment fit-12 ta’ Frar 2016.

15.      Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mid-DEHSt fid-deċiżjoni tiegħu tat-12 ta’ Frar 2016 jirriżulta li t-talba ta’ allokazzjoni għall-emissjonijiet minn proċess issemmi l-emissjonijiet ta’ CO2 kontenut naturalment fil-gass naturali li jseħħu fi tmiem il-proċess li jseħħ fl-apparati Claus (iktar ’il quddiem il-“proċess Claus”). Il-proċess Claus kien jikkonsisti f’reazzjoni kimika li tarmi s-sħana li permezz tagħha is-sulfat tal-idroġenu (H2S) kien jiġi ttrasformat f’sulfat elementari. Is-sħana prodotta minn din ir-reazzjoni kienet tinqabad minn bojlers ta’ rkupru qabel ma tintuża fl-Impjant. L-użu ta’ din sħana ta lok għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas bl-applikazzjoni tar-referenzjarju ta’ sħana. Fi tmiem il-proċess Claus, iċ-CO2 inerenti fil-gass naturali kien jinħareġ permezz ta’ ċumnija. Dan il-proċess ma kienx joħloq CO2 supplimentari.

16.      Id-DEHSt ikkunsidra li ma setgħux jingħataw kwoti mingħajr ħlas għal “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” fis-sens tal-punt 29(b)(ee) tal-Artikolu 2 taz-ZuV 2020, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/78. Fil-fehma tad-DEHSt, il-kundizzjoni prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, li l-emissjonijiet għandhom jirriżultaw mill-użu ta’ materja prima li tinkludi l-karbonju, ma kinitx sodisfatta. Id-DEHSt qies li l-emissjonijiet taċ-CO2 kontenut naturalment fil-gass naturali ma jirriżultawx mill-proċess Claus għaliex dan iċ-CO2 la kien jipparteċipa u lanqas ma kien neċessarju fir-reazzjoni kimika li tikkaratterizza l-proċess Claus. Skont id-DEHSt, huwa biss l-H2S li jikkostitwixxi l-materja prima użata għall-finijiet ta’ produzzjoni tas-sulfat, u li ċ-CO2 kellu biss jiġi kkunsidrat bħala “gass assoċjat” mal-H2S.

17.      Fl-10 ta’ Marzu 2016, ExxonMobil ippreżentat appell kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha.

18.      Fl-appell, hija tiddeskrivi, l-ewwel nett l-attivitajiet tal-Impjant billi tfakkar li dan tal-aħħar serva sabiex jittratta l-gass naturali wara l-estrazzjoni tiegħu mid-depożiti. Il-gass naturali hekk estratt, imsejjaħ gass aċiduż meta jkun f’din il-forma, ikun fih H2S, fwar tal-ilma, metanu (CH4) u ċ-CO2. Fl-Impjant, dan il-gass kien jiġi desulfurizzat imbagħad, wara t-tnixxif, jitqassam fin-netwerk tal-provvista tal-gass. L-H2S u ċ-CO2 isseparati mill-gass naturali waqt il-proċess ta’ desulfurizzazzjoni kienu jiġu mgħoddija lejn l-apparati Claus fejn l-H2S kien jiġi ttrasformat f’kubrit permezz ta’ reazzjoni eżotermika f’żewġ stadji.

19.      Waqt l-ewwel stadju, madwar terz mill-H2S kien jinħaraq ġo forn, fejn din il-kombustjoni kienet tipproduċi diossidu tal-kubrit (SO2). L-SO2 kien diġà jirreaġixxi parzjalment ġo dan il-forn mal-H2S sabiex jagħti kubrit elementari u ilma. Sabiex jinżamm il-proċess ta’ ossidazzjoni u jiġi ottimizzat il-proċess, is-sħana kienet titneħħa fil-forma ta’ fwar, permezz tal-bojler tal-irkupru. L-H2S li jifdal kien jirreaġixxi b’mod katalitiku mal-SO2 sabiex jiġġenera kubrit elementari.

20.      Matul it-tieni stadju, kubrit supplimentari kien jinkiseb bħala riżultat ta’ reazzjoni eżotermika f’żewġ jew tliet stadji katalitiċi suċċessivi. Il-gass li jkun fadal fi tmiem din ir-reazzjoni, imsejjaħ “gass Claus”, kien jinkludi, b’mod partikolari, iċ-CO2 u traċċi ta’ komposti tal-kubrit. Il-gass Claus kien imbagħad jiġi mgħoddi lejn apparat għat-tindif tal-gass, imqabbad ’l isfel mill-apparati Claus, fejn il-komposti tal-kubrit kienu jiġu eliminati u ċ-CO2 kien jiġi rrilaxxat fl-atmosfera permezz ta’ ċumnija.

21.      Sussegwentement, ExxonMobil tirreklama dritt għal allokazzjoni mingħajr ħlas għal subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess għar-raġuni li dawn l-emissjonijiet taċ-CO2 jirriżultaw mill-użu ta’ materja prima li tikkontjeni karbonju fil-forma ta’ CO2. Skont din tal-aħħar, mhuwiex l-H2S waħdu, imma wkoll il-gass aċiduż li jikkostitwixxu l-materja prima użata għall-produzzjoni tal-kubrit. Fin-nuqqas tal-użu ta’ dan il-gass fil-proċess Claus, iċ-CO2 inerenti fil-gass naturali ma kienx jiġi rrilaxxat fl-atmosfera. Barra minn hekk, l-estrazzjoni taċ-CO2 mill-gass aċiduż permezz ta’ dan il-proċess kienet neċessarja għall-akkwist tal-kubrit pur minn dan il-gass. Mhuwiex rilevanti li ċ-CO2 kien preżenti mill-bidu fil-materja prima u ma pparteċipax fir-reazzjoni kimika deskritta hawn fuq. Barra minn hekk, dawn l-emissjonijiet taċ-CO2 ma setgħux jiġu evitati la minn bidla fil-fjuwil lanqas b’tekniki iktar effiċjenti.

22.      Barra minn hekk, ExxonMobil tallega li l-fatt li l-kwoti mingħajr ħlas ikunu ġew allokati bl-applikazzjoni tar-referenzjarju ta’ sħana għas-sħana li tista’ titkejjel prodotta fl-impjant, bħala riżultat kollaterali tar-reazzjoni kimika li tikkaratterizza l-proċess Claus, ma jipprekludix l-allokazzjoni supplimentari mitluba. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Borealis et (6), li l-allokazzjoni abbażi ta’ referenzjarju ta’ prodott għandha preċedenza fuq it-tliet għażliet ta’ riżerva li jikkostitwixxu l-allokazzjonijiet abbażi tar-referenzjarju ta’ sħana, tar-referenzjarju ta’ karburanti u ta’ emissjonijiet ta’ proċess, ma teżisti l-ebda ġerarkija bejn dawn it-tliet għażliet ta’ riżerva.

23.      Fl-aħħarnett, ExxonMobil issostni li l-appell fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi proċess pilota li għandu jippermetti li jiġu deċiżi l-kwistjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-emissjonijiet taċ-CO2 li ssir fil-kuntest tal-proċess Claus, li jitwettaq ukoll f’impjanti oħra operati minnha.

24.      Fid-difiża tiegħu, id-DEHSt indika, għall-ewwel darba, li l-produzzjoni tal-kubrit ma tikkostitwixxix attività suġġetta għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Huwa sostna, ukoll għall-ewwel darba, li l-impjant kellu jiġi kklassifikat bħala “ġeneratur tal-elettriku” meta l-elettriku ġie ġġenerat hemmhekk u mibjugħ lil terzi wara l-31 ta’ Diċembru 2004 u li hemmhekk kienet eżerċitata biss attività ta’ kombustjoni li tissemma fil-punti 1 sa 4 tat-Tieni Taqsima tal-Anness 1 tat-TEHG. Skont id-DEHSt, l-impjant talab u akkwista allokazzjoni intiża għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, li ġiet ridotta bl-applikazzjoni tal-fattur lineari għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku konformement mal-Artikolu 9(6) tat-TEHG. Imma, allokazzjoni mingħajr ħlas għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku għandha tiġi permessa biss fl-osservanza tal-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87.

25.      Barra minn hekk, id-DEHSt itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għal subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess għandha tiġi rrifjutata u jikkontesta l-allegazzjoni ta’ ExxonMobil li l-emissjonijiet inkwistjoni kienu inevitabbli. Id-DEHSt juża, barra minn hekk, ġerarkija kaskati bejn l-elementi ta’ allokazzjoni abbażi tar-referenzjarju ta’ sħana, tar-referenzjarju ta’ karburanti u ta’ emissjonijiet ta’ proċess.

26.      F’dan il-kuntest, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) tqis, l-ewwel nett, li r-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq il-kwistjoni jekk l-impjant għandux jiġi kklassifikat bħala ġeneratur tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87. Għalkemm jidhrilha li risposta affermattiva għal din il-kwistjoni tirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, din il-qorti tistaqsi jekk din ir-risposta tagħtihiex portata li teċċedi dik imfittxija mill-ispirtu u l-għan ta’ din Direttiva (7).

27.      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-klassifika tal-impjant bħala ġeneratur tal-elettriku twassal, fil-prinċipju, għall-illegalità tal-allokazzjoni mingħajr ħlas li dan jibbenefika minnha. Dan ikun il-każ jekk il-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku jistgħu jakkwistaw il-kwoti mingħajr ħlas biss fil-każijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-ewwel subartikolu u fis-subartikolu 4 tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 – li fihom ma jidħlux l-emissjonijiet inkwistjoni. Din il-qorti tistaqsi, madankollu, fuq il-possibbiltà li din ir-restrizzjoni tiġi megħluba abbażi tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” li tidher fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, li ma fhijiex tali restrizzjoni.

28.      Fl-aħħarnett, din il-qorti tistaqsi jekk l-emissjonijiet riżultanti mill-proċess Claus jistgħux jagħtu lok għal allokazzjoni mingħajr ħlas għal “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” fis-sens tal-Artikolu 3(h) ta’ din id-deċiżjoni. Billi s-sħana ġġenerata minn dan il-proċess tista’ tkun ukoll is-suġġett ta’ allokazzjoni bl-applikazzjoni tar-referenzjarju ta’ sħana, hija tistaqsi jekk xi wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ allokazzjoni għandux preċedenza fuq l-ieħor.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Impjant li jimmanifattura prodott li l-produzzjoni tiegħu ma taqax taħt l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE (bħal, f’dan il-każ, il-produzzjoni tal-kubrit) u li, fl-istess waqt, iwettaq l-attività ta’ ‘kombustjoni ta’ karburanti f’impjanti b’potenza termali totali ta’ iktar minn 20 MW’, liema attività hija suġġetta għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, jikkostitwixxi impjant ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva [2003/87], fil-każ fejn faċilità sekondarja fl-istess impjant tipproduċi wkoll elettriku għall-imsemmi impjant u proporzjon (żgħir) ta’ dan l-elettriku jingħata lin-netwerk pubbliku tal-elettriku bi ħlas?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

Fil-każ fejn impjant bħal dak deskritt fl-ewwel domanda jkun impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva [2003/87], dan l-impjant ikun eliġibbli għal allokazzjoni ta’ kwoti għas-sħana konformement mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2011/278], anki meta s-sħana tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2011/278] iżda ma taqax fil-kategoriji msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), fl-Artikolu 10a(3) u fl-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva [2003/87], jiġifieri sħana li tirriżulta mill-kombustjoni ta’ gass tal-iskart għall-produzzjoni tal-elettriku, tisħin distrettwali u koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja?

3)      Jekk allokazzjoni ta’ kwoti għas-sħana prodotta fl-impjant inkwistjoni tkun possibbli fid-dawl tar-risposti għall-ewwel żewġ domandi preliminari:

Is-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera bħala parti mill-ipproċessar tal-gass naturali (fil-forma ta’ gass aċiduż) matul il-‘proċess Claus’, fejn is-CO2 inerenti fil-gass naturali huwa sseparat mit-taħlita ta’ gass, jikkostitwixxi emissjonijiet li jirriżultaw, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2011/278], mill-proċess imsemmi fil-punt (v) tal-Artikolu 3(h)?

a)      Emissjonijiet jistgħu jokkorru, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2011/278], ‘minħabba’ proċess li fih is-CO2 inerenti fil-materja prima huwa fiżikament isseparat mit-taħlita ta’ gass u rrilaxxat fl-atmosfera, minkejja li dan il-proċess fih innifsu ma jagħtix lok għal diossidu tal-karbonju addizzjonali, jew din id-dispożizzjoni neċessarjament teżiġi li s-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera jokkorri l-ewwel darba minħabba dan il-proċess?

b)      Hemm ‘użu’ fis-sens tal-punt (v) tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, meta l-gass naturali fl-istat oriġinali tiegħu jintuża għall-produzzjoni tal-kubrit matul il-‘proċess Claus’ u li, f’dan il-kuntest, is-CO2 inerenti għall-gass naturali huwa rrilaxxat fl-atmosfera mingħajr ma jkun parti mir-reazzjoni kimika tal-proċess? Jew inkella t-terminu ‘użu’ jimplika neċessarjament li l-karbonju huwa parti minn, jew saħansitra huwa neċessarju, għar-reazzjoni kimika li tkun seħħet?

4)      Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv:

meta impjant suġġett għall-obbligu ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra jissodisfa kemm il-kundizzjonijiet materjali sabiex jikkostitwixxi subinstallazzjoni suġġett għal parametri referenzjarji ta’ sħana kif ukoll il-kundizzjonijiet sabiex jikkostitwixxi subinstallazzjoni b’emissjonijiet tal-proċess, liema huwa l-parametru referenzjarju għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra gratuwiti? Id-dritt għal allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jipprevali fuq id-dritt għal allokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-proċess jew inkella, minħabba l-prinċipju ta’ speċjalità, id-dritt għal allokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-proċess jipprevali fuq id-dritt għal allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana u tal-parametru referenzjarju ta’ kombustibbli?”

30.      ExxonMobil, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fl-14 ta’ Novembru 2018.

IV.    Analiżi

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

31.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn, impjant bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tingħata allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas bis-saħħa tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87. L-elementi fattwali rilevanti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dan l-impjant, li fuqhom ser nibbaża l-analiżi tiegħu, jistgħu jiġu ssintesizzati kif ġej.

32.      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju (8), fl-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tiġi eżerċitata, b’mod partikolari, attività konsistenti fl-irkupru, permezz tal-proċess Claus, tal-kubrit, kontenut, fil-forma ta’ H2S, fil-gass aċiduż estratt mid-depożiti (9). Dan il-proċess kien jinbeda bil-kombustjoni ta’ parti mill-gass aċiduż, li kienet tibda reazzjoni kimika li tiġġenera s-sħana li kienet sussegwentement tintuża fl-impjant. F’apparat awżiljarju, l-impjant kien jipproduċi l-elettriku (10). Għalkemm l-elettriku ġġenerat b’dan il-mod kien primarjament intiż għall-provvista tiegħu stess, l-impjant kien iqassam permanentement porzjoni żgħira fin-netwerk pubbliku bi ħlas. Dan it-tqassim kien intiż sabiex jiggarantixxi l-alimentazzjoni kontinwa ta’ elettriku fl-impjant. Permezz tal-proċess Claus, iċ-CO2 kontenut b’mod naturali fil-gass aċiduż kien jiġi sseparat mill-H2S. Dan iċ-CO2 kien jiġi rrilaxxat fl-atmosfera wara li jkun għadda mill-apparati Claus kif ukoll mill-apparat ta’ purifikazzjoni u – kif jirriżulta mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, bla ħsara għall-verifika minn din il-qorti – ta’ postkombustjoni maqsuma ’l isfel minnu. Il-proċess Claus ma kienx joħloq CO2 supplimentari.

33.      L-impjant ingħata kwoti mingħajr ħlas, bħala “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” fis-sens tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, għas-sħana li tista’ titkejjel prodotta waqt dan il-proċess (11). Min-naħa l-oħra, huwa ma kisibx il-kwoti mingħajr ħlas addizzjonali mitluba għal “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” fis-sens tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni 2011/278. ExxonMobil tikkunsidra, essenzjalment, li l-allokazzjoni kkalkolata abbażi tar-referenzjarju ta’ sħana ma hijiex suffiċjenti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet inevitabbli taċ-CO2 li jidħol fil-kompożizzjoni tal-gass aċiduż, li għalihom hija kellha tirrestitwixxi l-kwoti (12).

34.      L-appell fil-kawża prinċipali huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha d-DEHSt ċaħad din it-talba. Madankollu, l-argumenti invokati minnu fid-difiża tiegħu jqajmu wkoll dubji dwar il-legalità tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas li minnhom ibbenefika l-impjant.

35.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, jekk l-impjant għandux, fid-dawl tal-fatt li biegħ l-elettriku lin-netwerk pubbliku, jiġi mċaħħad minn kull allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas. F’każ ta’ risposta negattiva, din il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tielet u r-raba’ domandi tagħha sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk l-emissjonijiet taċ-CO2 preżenti naturalment fil-gass aċiduż jistgħux jagħtu lok għal allokazzjoni mingħajr ħlas għal subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess.

36.      Kif juru l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm l-elementi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll l-utilità tar-risposti għad-domandi bl-għan tar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima huma, fl-ewwel lok, dipendenti fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/87 għal dawn l-emissjonijiet.

37.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn ExxonMobil waqt is-seduta, targumenta essenzjalment li l-emissjonijiet taċ-CO2 kontenuti naturalment fil-gass aċiduż, li jissemmew fit-talba għal kwoti supplimentari mingħajr ħlas, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din direttiva. Għaldaqstant, huma għandhom la jiġu ddikjarati u sorveljati, lanqas jagħtu lok għar-restituzzjoni ta’ kwoti, għaliex l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għal dawn l-emissjonijiet ser tiġi eskluża sa mill-bidu nett. Bil-kuntrarju, il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra, essenzjalment, li, la darba l-gass aċiduż ikun serva ta’ karburant fil-kuntest ta’ attivitajiet tal-impjant, iċ-CO2 kollu li jidħol fil-kompożizzjoni ta’ dan il-karburant, irrilaxxat fi tmiem dawn l-attivitajiet, għandu jkun suġġett għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, din l-aħħar opinjoni tikkonvinċini.

B.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/87 għall-emissjonijiet taċ-CO2 preżenti naturalment fil-gass aċiduż

38.      Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2003/87 hija applikabbli għall-emissjonijiet riżultanti mill-attivitajiet indikati fl-Anness I ta’ din Direttiva u għall-gassijiet serra enumerati fl-Anness II, fosthom iċ-CO2. L-Anness I ta’ din id-Direttiva jsemmi, b’mod partikolari, fil-punt 6 tiegħu, l-attività ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”.

39.      F’dan il-każ, l-emissjonijiet taċ-CO2 kontenuti naturalment fil-gass aċiduż provenjenti mill-impjant ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 sakemm huma jirriżultaw minn attività ta’ dan it-tip. Fil-fatt huwa ċar li l-impjant ma jwettaq l-ebda attività elenkata fl-Anness I ta’ din direttiva, li la ssemmi l-irkupru tal-kubrit, lanqas it-trattament tal-gass naturali.

40.      Il-kunċett ta’ “kombustjoni ta’ karburanti”, li jidher fil-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, għandu jiftiehem fid-dawl tal-Artikolu 3(t) ta’ din direttiva. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “kombustjoni” bħala “kull ossidazzjoni tal-karburanti irrispettivament mill-mod li bih jintużaw is-sħana, l-enerġija mekkanika jew elettrika prodotti minn dan il-proċess u kwalunkwe attività oħra assoċjati direttament inkluż tindif tal-gass tal-iskart”.

41.      Jidhirli li din id-definizzjoni tkopri r-reazzjoni ta’ ossidazzjoni li tiġġenera sħana li jiġu suġġett għaliha l-H2S matul il-proċess Claus. Hija tinkludi wkoll il-proċess ta’ postkombustjoni tal-gass li joħorġu mill-apparati Claus, fosthom iċ-CO2 preżenti naturalment fil-gass aċiduż, kif deskritt fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju u l-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.

42.      Sa fejn iċ-CO2 kien jiġi emess wara li jkun għadda mill-apparati Claus u, suġġett għal verifika minn din il-qorti, l-apparati ta’ postkombustjoni fejn iseħħ dan il-proċess, fil-fehma tiegħi, dawn l-emissjonijiet jikkwalifikaw bħala attivitajiet ta’ kombustjoni fis-sens tal-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 (13), moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(t) tagħha.

43.      Din il-konklużjoni ma titqiegħedx fid-dubju, fl-ewwel lok, mill-fatt li dawn il-proċessi jservu aċċessorjament biss għall-produzzjoni tal-enerġija, billi l-għan prinċipali tagħhom huwa dak tal-irkupru tal-kubrit kontenut fil-gass aċiduż u tal-purifikazzjoni ta’ dan il-gass qabel ma jiġu rrilaxxati fl-atmosfera.

44.      F’dan ir-rigward, kif jixhdu x-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/29/KE (14), li permezz tagħha ġie inserit l-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87, din l-inserzjoni hija intiża sabiex tistabbilixxi definizzjoni wiesa’ tal-kunċett ta’ “kombustjoni”. Dan il-kunċett beda jinkludi kull ossidazzjoni tal-karburanti ikun x’ikun l-għan, kemm jekk għandha l-għan li tipproduċi l-enerġija għal terzi kif ukoll jekk hija tipparteċipa fi proċess ta’ produzzjoni fi ħdan l-impjant inkwistjoni (15).

45.      Il-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jirrifletti l-portata wiesa’ mogħtija lil dan il-kunċett billi jippreċiża li l-unitajiet li jwasslu għall-attivitajiet ta’ kombustjoni jinkludu, b’mod partikolari, “kull tip ta’ bojlers, berners, turbini, ħiters, fran tal-funderiji, inċineraturi, kalkari tal-ġir, kalkari, fran, impjanti nixxiefa (dryers), magni, ċelluli tal-karburanti, junits tal-kombustjoni ‘chemical looping’, torċi (flares), u impjanti termiċi jew katalitiċi tal-post-kombustjoni”. Fost dan l-apparati, x’uħud, b’mod partikolari il-burners u xi junits ta’ postkombustjoni, m’għandhomx l-għan ta’ provvista tal-enerġija (16).

46.      Fit-tieni lok, l-emissjonijiet inkwistjoni ma għandhomx jaħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din Direttiva għar-raġuni li ċ-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera, kien diġà kontenut fil-gass aċiduż mill-mument tal-estrazzjoni tiegħu, u ma jirriżultax minn reazzjoni ta’ ossidazzjoni pprovokata bl-attivitajiet tal-impjant (17).

47.      Fil-fatt, l-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87 ma jillimitax il-kunċett ta’ “kombustjoni” għar-reazzjonijiet ta’ ossidazzjoni li joħolqu gassijiet serra elenkati fl-Anness II ta’ din direttiva. Huwa suffiċjenti, fid-dawl tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li jkun ossidizzat kwalunkwe element komponenti tal-karburant. Bl-istess mod, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva ma jissubordinax l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għall-kundizzjoni li ċ-CO2 emess jirriżulta huwa stess minn attività li tissemma fl-Anness I tagħha. Huma biss l-emissjonijiet ta’ dan il-gass serra, u mhux il-gass fih innifsu, li għandhom jirriżultaw minn attività bħal dik (18).

48.      Kif sostna l-Gvern Ġermaniż, din l-interpretazzjoni hija l-bażi tal-Artikolu 48(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva [2003/87] (19). Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-emissjonijiet taċ-“CO2 inerenti” – li huwa ddefinit fil-punt 40 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament bħala “CO2 li huwa parti minn karburant” – għandhom jiġu inklużi fil-fattur ta’ emissjonijiet stabbilit għal dan il-karburant. L-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-regolament jagħmel referenza, barra minn hekk, għaċ-CO2 inerenti kontenut fil-gass naturali.

49.      F’din il-perspettiva, f’dokument intitolat “Frequently Asked Questions Regarding Monitoring and Reporting in the EU ETS” (20), il-Kummissjoni tindika li l-emissjonijiet taċ-CO2 marbuta mat-trattament tal-gass naturali huma suġġetti għall-obbligi riżultanti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti meta ċ-CO2 irrilaxxat ikun, fi kwalunkwe mument tal-proċessi ta’ purifikazzjoni, introdott fi proċess ta’ kombustjoni. Dawn l-emissjonijiet għandhom għalhekk jiġu ddikjarati u ssorveljati bħala emissjonijiet taċ-CO2 inerenti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 601/2012. Hemmhekk il-Kummissjoni ssemmi, bħala eżempju, l-apparati Claus (21). Għalkemm dan id-dokument huwa priv minn natura vinkolanti, l-indikazzjonijiet li jikkontjeni jikkostitwixxu, fil-fehma tiegħi, elementi ta’ kuntest li jistgħu jiċċaraw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/87 u tar-Regolament Nru 601/2012 (22).

50.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-emissjonijiet taċ-CO2 kontenut naturalment fil-gass aċiduż li jiġu prodotti fi tmiem il-proċess Claus, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżultaw inn attività ta’ “kombustjoni ta’ karburanti” fis-sens tal-punt 6 tal-Anness I, moqri flimkien mal-punt (t) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87. Anki dawn l-emissjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din direttiva, kif stabbilit f’Artikolu 2(1) tagħha.

C.      Fuq il-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” (l-ewwel domanda)

51.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-impjant jikkostitwixxix “ġeneratur tal-elettriku” fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, għaliex huwa jiġġenera l-elettriku fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “kombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 [megawatts (MW)]” fis-sens tal-punt 6 tal-Anness I ta’ din id-direttiva. Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dan japplikax ukoll fir-rigward taċ-ċirkustanzi li, l-ewwel nett, l-impjant kien iwettaq simultanjament attività ta’ produzzjoni ta’ prodott li ma jidħol f’ebda attività oħra li tidher f’dan l-anness, u t-tieni nett, l-elettriku prodott kien jintuża għall-bżonnijiet tal-impjant innifsu, billi parti żgħira minnu kienet tintefa’ bi ħlas f’netwerk pubbliku li miegħu l-impjant kellu jkun magħqud b’mod permanenti għal raġunijiet tekniċi.

52.      Skont l-analiżi tal-ittra u l-għanijiet tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll de l-istruttura ta’ din Direttiva u tal-ġenesi tal-adozzjoni ta’ din dispożizzjoni (23), nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta affermattiva għal din id-domanda.

1.      Interpretazzjoni litterali

53.      Konformement mal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, il-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku tissupponi, fl-ewwel lok, li l-installazzjoni kkonċernata “fl‑1 ta’ Jannar 2005 jew wara, kienet ipproduċiet elettriku għall-bejgħ lil partijiet terzi”. Fit-tieni lok, din il-kwalità timplika li f’din l-installazzjoni “ma ssir l-ebda attività elenkata fl-Anness I barra dik tal-‘kombustjoni tal-karburanti’”.

54.      Interpretat litteralment, it-tieni kriterju previst fl-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 huwa, ex ipotesi, sodisfatt fis-sitwazzjoni li tissemma fl-ewwel domanda, li tikkonċerna impjant li jwettaq biss, b’żieda mal-attività ta’ kombustjoni, attività li ma hijiex elenkata fl-Anness I ta’ din direttiva.

55.      Kif sostna l-Gvern Ġermaniż, din l-interpretazzjoni tikkorrispondi ma’ dik adottata f’dokument, ippubblikat mill-Kummissjoni, intitolat “Guidance paper to identify electricity generators” (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ orjentazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-ġeneraturi tal-elettriku”) (24). Fih hemm iddikjarat li impjant li jeżerċita, b’żieda ma’ attività ta’ kombustjoni, attività li tidhirx f’dan l-anness jissodisfa l-kriterju msemmi hawn fuq. Dan japplika wkoll meta l-elettriku huwa ġġenerat għall-konsum tal-impjant innifsu għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ din l-aħħar attività. Dan id-dokument, għalkemm mhux vinkolanti, jipprovdi indizji li jistgħu jiċċaraw is-sinjifikat tal-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” fid-dawl tal-istruttura tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278 (25).

56.      F’dak li jikkonċerna l-ewwel kriterju stabbilit fl-Artikolu 3(u) ta’ din id-direttiva, il-frażi “għall-bejgħ lil partijiet terzi” tista’, kif innotat ExxonMobil, tissuġġerixxi li l-elettriku mhux biss għandu jinbiegħ lil terzi imma wkoll li jkun iġġenerat bl-għan li jinbiegħ. Madankollu, ikun x’ikun l-approċċ adottat fuq dan il-punt, xejn fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jindika li l-bejgħ lil terzi għandu jikkostitwixxi l-għan esklużiv, jew tal-inqas l-għan prinċipali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Għalhekk, abbażi ta’ dan il-kliem, kif sostnew il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, dan il-kriterju huwa sodisfatt meta, bħal f’dan il-każ, impjant jiġġenera l-elettriku għall-provvista tiegħu stess filwaqt li jaħseb sabiex iqassam, bi ħlas, parti, anki jekk minima, minn dan l-elettriku fin-netwerk.

57.      Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mid-dokument ta’ orjentazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-ġeneraturi tal-elettriku, li jipprovdi li l-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 ma jipprevedi l-ebda livell ta’ bejgħ li għandu jissupera impjant sabiex ikollu l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku. Skont dan id-dokument, din il-kwalità xejn ma hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-elettriku jkun iġġenerat bl-intenzjoni li jinbiegħ lil terzi (26).

58.      Inżid li din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda rekwiżit dwar il-kontinwità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tal-bejgħ tal-elettriku ġġenerat. Hija tistitwixxi regola ċara li l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku tiġi akkwistata meta l-impjant ikun iġġenera l-elettriku intiż għall-bejgħ lil terzi fi kwalunkwe żmien wara l-1 ta’ Jannar 2005, irrispettivament minn kull ċaqliq minn żmien għal żmien tal-proporzjoni bejn il-kwantità tal-elettriku mibjugħ u dik iġġenerata għall-bżonnijiet tal-impjant innifsu.

59.      Konsegwentement skont interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 impjant bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, kif issostni ExxonMobil, din l-interpretazzjoni twassalx sabiex jitwessa’ ċ-ċirku tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku lil hinn mill-impjanti li lilhom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jattribwixxi din il-kwalità. Din l-interpretazzjoni tkun għalhekk teċċedi dak rikjest sabiex jintlaħaq l-għan imfittex b’din id-dispożizzjoni.

2.      Interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali

60.      Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mil-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, il-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku ta’ impjant għandha l-konsegwenza li tissuġġettah għall-prinċipju ta’ restituzzjoni sħiħa tal-kwoti (27). Fil-fatt, il-kwoti mingħajr ħlas jistgħu jiġu allokati lill-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku f’ċirkustanzi limitati biss, li d-determinazzjoni iktar preċiża tagħhom hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari (28).

61.      F’dan ir-rigward, ExxonMobil issostni, korrettament, li l-premessa 19 tad-Direttiva 2009/29, li permezz tagħha ġew introdotti l-Artikolu 3(u) u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, turi li din ir-restrizzjoni għall-allokazzjoni mingħajr ħlas kienet ġiet istitwita b’reazzjoni għall-osservanza ta’ tendenza tal-impjanti tas-“settur tal-enerġija” li jgħaddu l-ispejjeż marbuta mal-akkwist ta’ kwoti fuq il-prezz tal-elettriku. Barra minn hekk, dawn kienu jinkludu l-valur ekonomiku tal-kwoti mingħajr ħlas fil-prezz bħala “spiża tal-opportunità”, u b’hekk kienu jagħmlu “profitti eċċezzjonali” (29).

62.      Skont ExxonMobil, il-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku ta’ impjant għandha, konsegwentement, tiġi evalwata fid-dawl tal-kapaċità tiegħu li jirkupra l-ispejjeż taċ-CO2 mingħand il-klijenti tiegħu. Issa, l-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux din il-kapaċità. Fuq l-istess linja, il-qorti tar-rinviju hija propensa li taħseb li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li, bl-inserzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, jolqot biss l-impjanti appartenenti lis-“settur klassiku” tal-elettriku (30), li minnu l-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jifformax parti.

63.      Minn din il-perspettiva, din il-qorti hija propensa li taqbel mal-opinjoni ta’ ExxonMobil li t-tieni kriterju stabbilit fl-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 jeżiġi li l-impjant ma jwettaq l-ebda attività oħra – kemm jekk tidher kif ukoll jekk ma tidhirx fl-Anness I ta’ din Direttiva – minbarra attività ta’ kombustjoni (31). Il-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” ma għandux jinkludi l-impjanti li jeżerċitaw, minbarra attività ta’ kombustjoni, attività li mhix koperta b’dan l-anness – bħal, f’dan il-każ, l-irkupru tal-kubrit.

64.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk, kif targumenta ExxonMobil, l-ewwel kriterju previst f’din id-dispożizzjoni jimplikax li l-elettriku prodott ikun “primarjament” intiż għall-bejgħ lil terzi. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, għaliex l-elettriku kien iġġenerat għall-finijiet tal-provvista proprja tal-impjant, billi l-provvista minima tal-elettriku lin-netwerk pubbliku kienet dovuta biss għal raġunijiet tekniċi.

65.      ExxonMobil tippreċiża, fuq dan is-suġġett, li dan it-tqassim kien intiż sabiex jissinkronizza l-frekwenza u t-tensjoni tal-kurrent tal-elettriku intern u ta’ dak provenjenti min-netwerk. Fin-nuqqas ta’ din is-sinkronizzazzjoni, il-passaġġ ta’ funzjonament awtonomu għal funzjonament fin-netwerk, neċessarju sabiex jiggarantixxi l-provvista kontinwa tal-impjant, seta’ jkun akkumpanjat minn varjazzjonijiet ta’ frekwenza jew ta’ tensjoni li jikkawżaw ħsara. Il-bilanċ tal-elettriku espost fid-deċiżjoni tar-rinviju jixhed in-natura marġinali tal-bejgħ tal-elettriku lil terzi.

66.      Fil-fehma tiegħi, l-allegazzjoni li l-impjanti li biegħu lil terzi parti mill-elettriku li huma jkunu ġġeneraw primarjament għall-bżonnijiet tal-attività li ma tissemmiex fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 lanqas illum ma huma f’pożizzjoni li jirkupraw mingħand terzi porzjoni sinjifikanti mill-ispejjeż tal-kwoti li huma obbligati li jirrestitwixxu ma hijiex infondata. Jidhirli li din il-possibbiltà tiddependi, tal-inqas in parti, fuq il-proporzjon tal-elettriku provvist lil terzi fil-konfront tat-totalità tal-elettriku u tas-sħana ġġenerati fl-impjant. Ma jistax jiġi eskluż li, minħabba n-natura marġinali tal-bejgħ tal-elettriku fil-konfront tal-produzzjoni totali tal-elettriku u ta’ sħana, b’mod partikolari meta l-provvista tal-elettriku lil terzi kienet tirrispondi raġunijiet tekniċi (32), xi uħud minn dawn l-impjanti ma setgħux jgħaddu fuq il-prezz tal-bejgħ tagħhom parti sostanzjali mill-ispejjeż taċ-CO2 marbuta mal-attivitajiet tagħhom.

67.      Madankollu, għall-motivi żviluppati iktar ’il quddiem, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jiġġustifikawx interpretazzjoni li tiskarta l-ittra tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87.

68.      Fl-ewwel lok, kif sostniet il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni għandha tiftiehem fid-dawl tal-istruttura kif ukoll tal-għan globali tad-Direttiva 2003/87 u, b’mod partikolari, tal-iskema ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas prevista fl-Artikolu 10a tagħha.

69.      F’dan ir-rigward, ninnota, l-ewwel nett, li din is-sistema tidderoga mill-prinċipju tal-bejgħ tal-kwoti bl-irkant (33), li l-leġiżlatur ikkunsidra li kienet b’mod ġenerali “l-aktar wieħed faċli u meqjus b’mod ġenerali bħala s-sistema l-aktar effiċjenti ekonomikament” (34), fid-dawl tal-għan ta’ “tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika” ddikjarat fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87. Din id-deroga tikkostitwixxi biss soluzzjoni tranżitorja maħsuba sabiex tevita t-telfien ta’ kompetittività tal-impriżi sakemm tiġi implimentata sistema ta’ rkant tal-kwoti kollha (35). Għalhekk, sa mill‑2013, il-kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas allokati tonqos kull sena, bil-ħsieb tal-kanċellazzjoni tagħhom prevista inizjalment fl-2027 (36). Billi takkumpanja dan il-proċess, kwalunkwe restrizzjoni għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas tipparteċipa fl-implimentazzjoni progressiva tas-sistema ta’ rkant tal-kwoti kollha mfittxija mil-leġiżlatur. Kif argumentat il-Kummissjoni, din il-kunsiderazzjoni timmilita favur interpretazzjoni wiesa’ tad-dispożizzjonijiet li jillimitaw l-allokazzjoni mingħajr ħlas, fosthom l-Artikolu 3(u) ta’ din Direttiva fejn jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku”.

70.      It-tieni nett, id-delimitazzjoni taċ-ċirku tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku takkwista, taħt l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, importanza determinanti għall-għanijiet tal-kalkolu tal-allokazzjoni mingħajr ħlas li minnha jibbenefikaw mhux biss l-impjanti li jifformaw parti minnu, imma wkoll l-impjanti l-oħra (imsejħa, għall-konvenjenza, “impjanti industrijali” (37)). Kif sostna l-Gvern Ġermaniż, din id-delimitazzjoni tinfluwenza l-kalkolu mill-Kummissjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transettorjali, li l-applikazzjoni tiegħu għall-allokazzjoni annwali provviżorja ta’ kwoti mingħajr ħlas għal kull impjant industrijali tiddetermina l-allokazzjoni annwali definittiva li tingħata lilu (38). Din il-konstatazzjoni ssaħħaħ in-neċessità ta’ regoli ċari li jippermettu li jiġi identifikat bi grad ta’ ċertezza u ta’ prevedibbiltà suffiċjenti l-impjanti li jissodisfaw id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87.

71.      Imma, kif sostniet il-Kummissjoni, kieku l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku tkun tiddependi fuq l-eżerċizzju ta’ kwalunkwe attività oħra minbarra l-ġenerazzjoni tal-elettriku jew fuq kriterju li l-bejgħ lil terzi għandu jikkostitwixxi l-“għan prinċipali” tal-ġenerazzjoni tal-elettriku dan kien jirrendi inċerta l-verifika ta’ din il-kwalità. B’mod partikolari, kif innota wkoll il-Gvern Ġermaniż, dan l-approċċ ser ikun sors ta’ konfużjoni fl-assenza ta’ livelli stabbiliti minn qabel mil-leġiżlatur li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-għan prinċipali u l-għan aċċessorju tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u, b’hekk, li jiġu identifikati l-impjanti appartenenti lis-“settur klassiku” tal-elettriku (39).

72.      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 ma tostakolax il-konformità mar-regoli tad-dritt primarju u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza ta’ trattament (40).

73.      Il-qorti tar-rinviju u ExxonMobil pproponew, fuq dan is-suġġett, li din l-interpretazzjoni twassal għal trattament differenti, minn naħa, tal-impjanti li jeżerċitaw attività ta’ kombustjoni u attività oħra elenkata fl-Anness I ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk li jeżerċitaw, minbarra attività ta’ kombustjoni, attività li mhijiex elenkata f’dan l-anness. Fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għal dak allegat minn ExxonMobil, din id-differenza ta’ trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni.

74.      Fil-prinċipju, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impjanti ma jinsabux, fil-fehma tiegħi, f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli fir-rigward tal-prinċipji li jirregolaw l-applikabbiltà tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Kif innotat il-Kummissjoni, l-impjanti tat-tieni kategorija huma suġġetti għal din is-sistema biss minħabba l-emissjonijiet riżultati mill-attività ta’ kombustjoni tagħhom. Bil-kuntrarju, l-impjanti tal-ewwel kategorija huma suġġetti għaliha għall-emissjonijiet kollha tagħhom, kemm jekk jirriżultaw minn attività ta’ kombustjoni u kemm jekk le.

75.      F’dan ir-rigward, mix-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/29 jirriżulta li l-iskrizzjoni ta’ attivitajiet minbarra dik tal-“kombustjoni ta’ karburanti” fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 hija intiża sabiex tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċerti emissjonijiet, imsejħa “emissjonijiet minn proċess”, li jirriżultaw mhux minn proċess ta’ “kombustjoni” – anki jekk dan il-kunċett jiġi ddefinit b’mod wiesa’ – imma minn ċerti proċessi industrijali (41). L-attivitajiet speċifiċi hemm elenkati issemmew mil-leġiżlatur fid-dawl tal-importanza tal-emissjonijiet minn proċess li huma jkunu jakkumpanjaw (42).

76.      F’kull każ, anki jekk is-sitwazzjoni ta’ impjant bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija oġġettivament komparabbli ma’ dik ta’ impjant li jeżerċita, minbarra l-attività ta’ kombustjoni tiegħu, attività msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 (43), id-differenza ta’ trattament bejn dawn l-impjanti jidhirli li hija ġġustifikata.

77.      Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja (44), il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tal-ħolqien u r-ristrutturazzjoni ta’ “sistema kumplessa”, li timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali ibbażati fuq evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi, li tikkostitwixxi l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Hija rrikonoxxiet li kien possibbli għalih li jirrikorri, għal dan l-iskop, għal approċċ maqsum fi stadji u li jaġixxi b’mod partikolari skont l-esperjenza miksuba. Kif jirriżulta mis-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et (45), din l-għażla għandha, madankollu, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u effettivi fir-rigward tal-għan imfittex u ma tistax tipproduċi riżultati manifestament inqas effettivi minn dawk riżultanti minn miżuri oħra wkoll effettivi.

78.      Ir-restrizzjoni tal-allokazzjoni mingħajr ħlas għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku tirriżulta, preċiżament, minn approċċ fi stadji intiż sabiex jimplimenta progressivament is-sistema ta’ bejgħ bl-irkant tal-kwantità totali ta’ kwoti mingħajr ħlas. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur iddeċieda li l-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipju ta’ bejgħ bl-irkant tal-kwantità totali ta’ kwoti mill-2013 fid-dawl tal-konstatazzjoni oġġettiva li l-ispejjeż taċ-CO2 relattivi għall-attivitajiet setgħu ġeneralment jiġu mgħoddija fuq il-prezz tal-elettriku. Barra minn hekk, huwa qies li kien neċessarju li jiddelimita ċ-ċirku tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku permezz ta’ kriterji ddefiniti ċarament meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-importanza strutturali ta’ din id-delimitazzjoni fl-arkitettura tas-sistema ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas (46).

79.      Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 ma twassalx għall-konklużjoni li l-leġiżlatur eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa jgawdi meta ddefinixxa l-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” permezz tal-kriterji hemm stabbiliti sabiex jilħaq dawn l-għanijiet. Dan japplika wkoll saħansitra jekk ċerti impjanti li jissodisfaw din id-definizzjoni, ikkunsidrati individwalment, ma kinux, jekk ikun il-każ, f’qagħda li jirkupraw mingħand il-klijenti parti sinjifikattiva tal-ispejjeż tal-kwoti relattivi għall-attivitajiet tagħhom (47).

80.      In-natura proporzjonata ta’ din l-għażla leġiżlattiva tirriżulta wkoll mill-fatt li l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku ma ċċaħħadx lill-impjanti inkwistjoni minn kwalunkwe allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, billi dawn jibqgħu eliġibbli f’ċerti kundizzjonijiet intiżi sabiex jinkoraġġixxu effiċjenza ikbar tal-enerġija (48).

81.      Barra minn hekk, jien ma naqbilx mal-argument ta’ ExxonMobil li l-klassifikazzjoni bħala impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku l-impjant li jipproduċu, b’mod aċċessorju, l-elettriku għall-bżonnijiet tal-attività ta’ produzzjoni prinċipali tagħhom li ma tissemmiex fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 twassal sabiex tiddiskrimina kontra dawn l-impjanti fil-konfront ta’ dawk li jixtru mingħand terzi l-elettriku neċessarju għal dan l-għan. Kontra dan l-argument, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-impjanti li jiġġeneraw l-elettriku tagħhom stess għall-bżonnijiet tal-attività li mhijiex elenkata f’dan l-anness ma jkollhomx minħabba dan il-fatt biss il-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku. Huwa neċessarju wkoll li huma jbigħu parti minn dan l-elettriku lil terzi, u dan jikkostitwixxi kriterju oġġettiv u mhux diskriminatorju.

82.      Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li tallega ExxonMobil, il-kwalifika ta’ impjant bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala ġeneratur tal-elettriku ma titwaqqax minħabba allegata kontradizzjoni bejn din il-kwalifika u l-inserzjoni tas-settur tal-estrazzjoni tal-gass naturali fil-lista ta’ setturi u subsetturi esposti għal riskju importanti ta’ rilaxx ta’ karbonju (49), li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/2/UE (50). Skont ExxonMobil, l-impjant ma jaqax fis-settur tal-elettriku – li, fid-dawl tal-kapaċità li jirkupra l-ispejjeż tal-kwoti mingħand il-klijenti, ma huwiex espost għal distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni minħabba l-applikazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Is-settur li minnu jifforma parti, jiġifieri, dak tal-estrazzjoni tal-gass naturali, huwa kkaratterizzat, għall-kuntrarju, bl-eżistenza ta’ distorsjonijiet bħal dawk li huma akkumpanjati minn riskju importanti ta’ rilaxx ta’ karbonju, minħabba l-inkapaċità tiegħu li jgħaddi l-ispejjeż taċ-CO2 fuq il-prezzijiet.

83.      Fil-fehma tiegħi, għalkemm mal-ewwel daqqa ta’ għajn jidher paradossali li l-istess impjant jifforma parti simultanjament minn settur li huwa magħruf li jista’ jgħaddi l-ispejjeż tal-kwoti fuq il-prezz ta’ bejgħ tal-prodotti tiegħu u minn settur li huwa magħruf sewwa li ma jistax jagħmel dan, din il-kontradizzjoni hija biss waħda apparenti. Fil-fatt, il-klassifika ta’ settur jew subsettur fost dawk esposti għal riskju importanti ta’ rilaxx ta’ karbonju timplika li din l-inkapaċità tkun murija fir-rigward ta’ evalwazzjoni globali tat-totalità tal-attivitajiet tal-impjanti li jiffurmaw parti minnu (51). Din il-klassifika ma tissupponix li kull wieħed minn dawn l-impjanti huwa inkapaċi li jirkupra l-ispejjeż tal-kwoti li jikkonċernaw l-attivitajiet tiegħu meta jiġġenera l-elettriku maħsub, tal-inqas in parti, għall-bejgħ lil terzi.

84.      Minn din il-perspettiva, mill-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mas-subartikoli 1 u 3 ta’ dan l-artikolu, jirriżulta li l-inklużjoni ta’ settur jew subsettur fl-anness tad-Deċiżjoni 2010/2 ma tneħħix lill-impjanti li jiffurmaw parti minnu mill-applikazzjoni tal-prinċipji li, bis-saħħa tat-tielet paragrafu tas-subartikolu 1 ta’ dan l-artikolu, l-ebda kwota mingħajr ħlas ma tista’ tiġi allokata għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (b’xi eċċezzjonijiet) – kemm jekk dawn l-impjanti għandhom il-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku kif ukoll jekk ma għandhomx. Din l-inklużjoni ma teżonerax lill-impjanti li għandhom din il-kwalità mill-konsegwenzi marbuta magħha bis-saħħa tas-subartikolu 3 tal-istess artikolu (52).

85.      Għalhekk, konformement mal-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87, l-appartenenza ta’ impjant għal settur jew subsettur espost għal riskju importanti ta’ rilaxx ta’ karbonju għandha bħala uniku riżultat, mill-perspettiva tal-allokazzjoni taħt dan l-artikolu, l-applikazzjoni, għad-dejta ta’ attività storika tagħha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ kalkolu tal-allokazzjoni provviżorja ta’ kwoti mingħajr ħlas, tal-“fattur tar-riskju ta’ rilaxx” li jippermetti allokazzjoni provviżorja iktar ġeneruża (53). Din l-appartenenza ma tirrikjedix li fost dawn id-dejta jingħaddu dawk relatati mal-ġenerazzjoni tal-elettriku li għandhom jiġu esklużi skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1) ta’ din id-direttiva (54). Fir-rigward tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, hija lanqas ma għandha bħala riżultat li tinkludi, fid-dejta ta’ attività storiċi tagħhom, dawk li jikkonċernaw il-ġenerazzjoni tagħhom ta’ sħana lil hinn minn dak li jipprevedi l-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva (55).

86.      Fir-raba lok, il-ġenesi tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 tikkorrobora l-interpretazzjoni litterali. Fil-fatt, ix-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/29 juru li l-leġiżlatur għażel kliem li jagħti portata wiesgħa lill-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” minkejja l-formulazzjoni iktar ristrettiva proposta fil-kors tal-proċedura leġiżlattiva mill-Kummissjoni tal-industrija, tar-riċerka u tal-enerġija tal-Parlament Ewropew. Din tal-aħħar kienet ippreżentat emenda, li għamel riferenza għaliha l-Gvern Ġermaniż, intiża sabiex tattribwixxi l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku biss lill-impjanti “li jforn[u]h primarjament lin-netwerks pubbliċi tal-elettriku” (56). Il-fatt li l-emenda hekk proposta baqgħet ittra bla ħajja jipprovdi, fil-fehma tiegħi, indizju supplimentari tal-kontradizzjoni tal-pożizzjoni difiża minn ExxonMobil mal-intenzjoni tal-leġiżlatur.

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkonkludi li l-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, jinkludi impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkun biegħ lin-netwerk pubbliku tal-elettriku, wara l-1 ta’ Jannar 2005, kwantitajiet żgħar tal-elettriku li huwa jkun iġġenera, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ kombustjoni ta’ karburanti, primarjament għall-bżonnijiet tal-attività tiegħu ta’ manifattura ta’ prodott li ma jissemmiex fl-Anness I ta’ din direttiva.

D.      Fuq l-implikazzjonijiet tal-kwalità ta’ “ġeneratur tal-elettriku” fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas (it-tieni domanda)

88.      It-tieni domanda tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ipoteżi li din tadotta, kif jien issuġġerejt, interpretazzjoni tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 li timplika li impjant bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, bis-saħħa tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, impjant bħal dan jistax madankollu jibbenefika minn kwoti mingħajr ħlas għas-sħana li huwa jiġġenera u juża għal għanijiet oħra minbarra l-ġenerazzjoni tal-elettriku, saħansitra barra mill-każijiet, li f’dan il-każ ikunu irrilevanti, imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1), u s-subartikolu 4 tiegħu, tad-Direttiva 2003/87.

89.      Id-dubji li għandha din il-qorti huma spjegati bil-fatt li l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 jissuġġetta l-kwalità ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” għall-kundizzjoni li s-sħana prodotta ma tkunx użata sabiex tiġġenera l-elettriku, mingħajr ma jeskludi b’mod ġenerali il-kostituzzjoni ta’ subinstallazzjoni bħal din fi ħdan impjant li jiġġenera l-elettriku. Fi kliem ieħor, għalkemm tipprekludi l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għas-sħana ġġenerata għall-għan tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, din id-dispożizzjoni ma tindikax sa fejn is-sħana prodotta għal għanijiet oħra mill-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku hija eskluża minn din l-allokazzjoni.

90.      Risposta negattiva għat-tieni domanda tirriżulta, fil-fehma tiegħi, minn interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278.

91.      F’dan ir-rigward, minn naħa, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jeskludi kwalunkwe allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, ħlief meta dan huwa akkwistat minn gass residwu. ExxonMobil tippretendi, barra minn hekk, li għandha dritt għal allokazzjoni mingħajr ħlas għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-impjant.

92.      Barra minn hekk, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi r-regola li l-ebda kwota mingħajr ħlas ma għandha tiġi allokata għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku b’eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fis-subartikoli 4 u 8 ta’ dan l-artikolu (57). Is-subartikolu 4 ta’ dan l-artikolu jsemmi l-ġenerazzjoni tas-sħana jew tal-ksieħ maħsuba għas-servizz ta’ tisħin distrettwali kif ukoll għall-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja (58).

93.      Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87 jidderoga għaldaqstant għar-regola ta’ prinċipju, stabbilita fis-subartikolu 3 ta’ dan l-artikolu, li l-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ma jibbenefikawx minn kwoti mingħajr ħlas (59). Għalhekk, dawn tal-aħħar huma, bħala prinċipju, imċaħħda minn kwoti mingħajr ħlas għall-emissjonijiet tagħhom riżultanti mhux biss mill-attività tagħhom ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku imma wkoll, jekk ikun il-każ, kuntrarjament għal dak li jallegaw ExxonMobil u l-Gvern Ġermaniż, mill-attività tagħhom ta’ ġenerazzjoni ta’ sħana. Huma biss l-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(4) u (8) ta’ din id-direttiva li jistgħu jiġġustifikaw l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għas-sħana ġġenerata mill-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku.

94.      L-interpretazzjoni kuntrarja ser iċċaħħad l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 minn kull effett utli sa fejn l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-ġenerazzjoni tal-elettriku – kemm jekk l-impjant involut għandu jew le l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku – hija diġà eskluża bit-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1) ta’ din id-direttiva.

95.      L-approċċ li jien nipproponi huwa ugwalment konformi mal-għan, imfittex bis-subartikolu 3 ta’ dan l-artikolu, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-bejgħ bl-irkant tal-kwantità totali ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku wara l-2013. Kif espost hawn fuq, billi dan il-prinċipju huwa intiż sabiex jiġi estiż progressivament għall-impjanti l-oħra, interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-possibbiltajiet ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ma tidhirx iġġustifikata (60).

96.      Barra minn hekk, il-leġiżlatur kien investit, infakkar, b’marġini diskrezzjonali wiesa’ għall-finijiet ta’ żvilupp tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti (61). Fil-fehma tiegħi, huwa ma eċċediex dawn il-limiti meta ddeċieda li japplika dan il-prinċipju, fl-ewwel lok, biss għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, billi dawn kienu identifikati abbażi ta’ kriterji oġġettivi u adegwati fir-rigward tal-għanijiet imfittxija. Fil-kuntest tal-poter diskrezzjonali tiegħu, il-leġiżlatur qagħad attent, sabiex jevita id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mal-ġeneraturi l-oħra ta’ sħana (62), li jiftaħ lill-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku il-possibbiltà li jibbenefikaw minn kwoti mingħajr ħlas, għas-sħana li huma jiġġeneraw, f’ċerti kundizzjonijiet intiżi sabiex jinkoraġġixxu r-riċerka ta’ livell ogħla ta’ effiċjenza fl-enerġija (63).

97.      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 ma hijiex sejra titqiegħed in diskussjoni abbażi tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278. Kif argumentat il-Kummissjoni, fir-rigward tal-ġerarkija nformattiva eżistenti bejn il-miżuri ta’ implimentazzjoni li tikkostitwixxi din id-deċiżjoni u d-dispożizzjonijiet ta’ abilitazzjoni li jidhru fl-Artikolu 10a ta’ din Direttiva (64), l-Artikolu 3(c) ta’ din id-deċiżjoni għandu jiġi interpretat, jekk possibbli, f’konformità mal-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva (65).

98.      Din l-interpretazzjoni konformi tippresupponi li l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 jippermetti l-allokazzjoni ta’ emissjonijiet lil subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana kif ukoll l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas korrispondenti fi ħdan impjant ikklassifikat bħala produttur tal-elettriku biss meta l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 jawtorizza allokazzjoni bħal din – jiġifieri fil-każijiet biss imsemmija fis-subartikoli 4 u 8 ta’ dan l-artikolu (66).

99.      Fid-dawl tar-risposti li jiena nipproponi li jingħataw lill-ewwel u t-tieni domandi, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għat-tielet u r-raba domandi, li l-qorti tar-rinviju ressqet biss fl-ipoteżi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u t-tieni domandi jkunu jimplikaw li l-impjant jista’ jibbenefika minn kwoti mingħajr ħlas għas-sħana li huwa ġġenera.

E.      Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza li ser tingħata

100. Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li jien nissuġġerixxi għat-tieni domanda, ExxonMobil titlobha li tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza.

101. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-limitazzjoni ratione temporis ta’ sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta f’rinviju għal deċiżjoni preliminari dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi miżura eċċezzjoni li tirrikjedi li jiġu stabbiliti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (67). Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri għal din is-soluzzjoni “biss f’ċirkustanzi speċifiċi ferm, fost l-oħrajn meta kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide  fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imwassla jadottaw aġir mhux konformi [mad-dritt tal-Unjoni] minħabba inċertezza oġġettiva u importanti rigward il-portata tad-dispożizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni], inċertezza li għaliha kien eventwalment ikkontribwixxa l-aġir innifsu adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni” (68).

102. F’dan il-każ, ExxonMobil ma pprovat l-ebda element konkret li jista’ jistabbilixxi li dawn il-kriterji ġew sodisfatti.

103. Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-preżenza ta’ riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji, hija llimitat ruħha sabiex targumenta li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu allokaw wara l-2013 kwoti mingħajr ħlas lil numru kbir ta’ impjanti li jiġġeneraw l-elettriku għall-produzzjoni tagħhom ta’ sħana. Hija ma pprovdietx preċiżazzjonijiet dwar dawn l-impjanti u dwar ir-riperkussjonijiet li huma kienu ser isofru jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 proposta hawn fuq tiġi aċċettata.

104. It-tieni nett, din l-interpretazzjoni jidhirli li tirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, moqri flimkien ma’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, ExxonMobil ibbażat ruħha biss fuq interpretazzjoni diverġenti adottata mill-awtoritajiet Ġermaniżi, mingħajr ma tindika kif l-aġir adottat mill-Kummissjoni jew minn Stati Membri oħra seta’ kkontribwixxa sabiex il-portata l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 tintlaqat minn inċertezza oġġettiva u importanti. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ebda inċertezza ta’ dan it-tip ma setgħet tinkoraġġixxi l-adozzjoni in bona fide tal-aġir kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

105. Għaldaqstant nissuġġerixxi li tiġi miċħuda t-talba ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza li ser tingħata.

V.      Konklużjoni

106. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari li tressqu mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) bil-mod li ġej:

1)      L-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u temenda d-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “ġeneratur tal-elettriku” impjant li jeżerċita fl-istess waqt attività ta’ “kombustjoni ta’ karburanti b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 [megawatts (MW)]”, fis-sens tal-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, u attività ta’ manifattura ta’ prodott li ma jaqa’ fl-ebda attività oħra msemmija f’dan l-anness, meta dan l-impjant ikun iġġenera, fl-1 ta’ Jannar 2005 jew wara, elettriku intiż, primarjament għall-provvista tal-bżonnijiet tiegħu stess u, in parti, sabiex jitqassam bi ħlas fin-netwerk pubbliku.

2)      L-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87]/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li impjant li għandu l-kwalità ta’ “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) ta’ din direttiva, jista’ jibbenefika minn allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-sħana li huwa jipproduċi biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(4) u (8) ta’ din id-direttiva, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10ċ tal-istess direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63).


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] (ĠU 2011, L 130, p. 1).


4      Ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 ġew, wara dakinhar, emendati bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva [2003/87] biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2018, L 76, p. 3).


5      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta’ koġenerezzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utili fis-suq intern ta’ l-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 3).


6      Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016 (C‑180/15, EU:C:2016:647).


7      Ara l-punt 59 kif ukoll il-punti 62 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8      Il-qorti tar-rinviju esponiet l-ispjegazzjonijiet imressqa kemm minn ExxonMobil kif ukoll mid-DEHSt dwar l-iżvolġiment tal-proċess Claus (ara l-punti 15 sa 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet), mingħajr ma hija stess wettqet konstatazzjoni fattwali fir-rigward ta’ kull aspett ta’ dan il-proċess. Peress li dawn l-ispjegazzjonijiet jikkoinċidu ħafna, l-analiżi tiegħi ser tkun ibbażata fuq din il-preżentazzjoni tal-fatti. Dan huwa l-każ suġġett għal verifika minn din il-qorti, li hija biss kompetenti sabiex tevalwa l-fatti rilevanti [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata)].


9      Il-gass aċiduż introdott fl-apparati Claus kien jikkontjeni, b’mod partikolari, l-H2S u ċ-CO2 estratti, permezz ta’ proċess preċedenti ta’ desulfurazzjoni, mill-gass naturali sabiex jippermetti t-tqassim fin-netwerk tal-gass. Il-proċess Claus kien jippermetti fl-istess ħin li jintrema’ l-H2S – gass korrożiv u tossiku – li jiġi prodott (jiġifieri kubrit elementari) li għandu valur kummerċjali.


10      Skont l-informazzjoni li tidher fil-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, l-osservazzjonijiet orali ta’ ExxonMobil u l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż, parti mis-sħana prodotta waqt il-proċess Claus kienet isservi sabiex tiġġenera dan l-elettriku.


11      Il-kwoti mingħajr ħlas bħala “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjali tal-karburanti” fis-sens tal-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278 kienu, barra minn hekk, mogħtija lill-impjant għas-sħana li ma titkejjilx prodotta fil-kuntest ta’ attivitajiet oħra barra l-irkupru ta’ kubrit permezz tal-proċess Claus.


12      Skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87, l-operatur ta’ impjant suġġett għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti, għandu, kull sena, jirrestitwixxi numru ta’ kwoti korrispondenti għall-emissjonijiet totali ta’ dan l-impjant matul is-sena kalendarja preċedenti.


13      Huwa ċar li l-livell ta’ kapaċità previst f’din id-dispożizzjoni inqabeż f’dan il-każ.


14      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva [2003/87] għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU 2009, L 140, p. 63).


15      Ara l-Commission staff working document, accompanying document to the proposal for a directive of the European Parliament and of the Council amending Direttiva 2003/87/EC so as to improve and extend the EU greenhouse gas emission allowance trading system, Impact assessment, 23 ta’ Jannar 2008, SEC(2007) 52 (iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-effett”), p. 17 sa 23 kif ukoll p. 160 u 161. Ara, barra minn hekk, il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva [2003/87] bl-għan li ttejjed u testendi s-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni tal-gass serra, tat-23 ta’ Jannar 2008, COM(2008) 16 finali (iktar ’il quddiem il-“proposta tal-Kummissjoni”), p. 4. Iż-żieda tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kombustjoni” kienet intiża sabiex tikkodifika l-interpretazzjoni diġà rikonoxxuta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2005, “Orjentazzjonijiet kumplimentari dwar il-pjanijiet ta’ allokazzjoni għall-perijodu 2008-2012 tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet”, COM(2005) 703 finali, punti 34 sa 36 kif ukoll l-Anness 8. Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Vattenfall Europe Generation (C‑457/15, EU:C:2016:613, punt 37).


16      Ara l-Kummissjoni, “Guidance on interpretation of Annex I of the EU ETS Directive (excl. aviation activities)”, 18 ta’ Marzu 2010, disponibbli fuq is-sit https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/docs/guidance_interpretation_en.pdf, p. 8 u 9.


17      Barra minn hekk, infakkar li s-sħana ġġenerata matul il-proċess Claus mhijiex iġġenerata minn reazzjoni kimika li ma toħloqx CO2. Huwa biss iċ-CO2 li jidħol fil-kompożizzjoni tal-gass aċiduż li jiġi rrilaxxat fi tmiem dan il-proċess. Kieku dawn l-emissjonijiet kellhom ikunu esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għaliex iċ-CO2 irrilaxxat kien naturalment preżenti fil-gass aċiduż, huma kienu jaħarbu minnha anki sa fejn dan il-proċess ikun ipproduċa sħana użata fl-impjant.


18      Ninnota li, għalkemm ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87, bħal dak tal-lingwi Franċiża u Spanjola, jużaw il-frażi “riżultanti mill-attivitajiet” jew formulazzjoni simili, oħrajn, fosthom dawk tal-lingwi Ingliża, Daniża, Taljana u Olandiża, jirrikorru għal frażi korrispondenti għall-kliem “provenjenti mill-attivitajiet”. L-interpretazzjoni fis-sens li d-Direttiva 2003/87 hija applikabbli għall-emissjonijiet taċ-CO2 naturalment preżenti f’gassijiet kombustibbli li jseħħu fi tmiem attività ta’ kombustjoni, minbarra li hija kompatibbli mal-verżjonijiet lingwistiċi kollha, hija kkorroborata bl-għan ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 1 tagħha, dan huwa “sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika”. Il-premessa 8 ta’ din id-direttiva tenfasizza l-ħtieġa li jitqies il-potenzjal li jitnaqqsu l-emissjonijiet provenjenti mill-attivitajiet industrijali. Fid-dawl ta’ din il-finalità, kif innota l-Gvern Ġermaniż, l-użu ta’ karburanti b’kontenut baxx ta’ CO2 għandu jiġi inkoraġġit għaliex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2. Il-fatt, invokat minn ExxonMobil waqt is-seduta, li sal-lum għad mhux possibbli li tkun magħrufa l-kompożizzjoni tal-gass aċiduż qabel l-estrazzjoni tiegħu, li f’dan il-każ iservi ta’ karburant, ma jqiegħedx dan il-prinċipju fid-dubju.


19      Regolament tal-21 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 181, p. 30). Ara, rigward il-metodu ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet provenjenti mill-proċessi ta’ kombustjoni li jseħħu fiċ-ċentrali tat-trattament tal-gass, it-tielet sentenza tal-punt 1(B) tal-Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012.


20      Dan id-dokument, fil-verżjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2013, huwa disponibbli fis-sit https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/monitoring/docs/faq_mmr_en.pdf (ara p. 14).


21      Il-Kummissjoni tippreċiża: “[T]he H2S enriched gas flow may still contain a significant concentration of CO2. If this gas flow is also fed into a combustion unit (e.g. CLAUS unit), this CO2 needs to be monitored and reported as well.”


22      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 41).


23      Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi interpretat id-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Dan id-dokument, li jġib id-data tat-18 ta’ Marzu 2010, huwa aċċessibbli fuq is-sit internet https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/docs/guidance_electricity_generators_en.pdf (ara p. 4, punti 8 u 9).


25      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 41). Fuq l-istatus tad-dokument ta’ orjentazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-ġeneraturi tal-elettriku u tad-dokumenti ta’ orjentazzjoni l-oħra li jikkonċernaw il-perijodu ta’ skambju 2013-2020, Ara, b’mod partikolari, il-Kummissjoni, “Guidance document n° 1 on the harmonized free allocation methodology for the EU-ETS post 2012”, 14 ta’ April 2011, aċċessibbli fuq is-sit internet https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/allocation/docs/gd1_general_guidance_en.pdf, p. 3 u 4.


26      Dokument ta’ orjentazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-ġeneraturi tal-elettriku, p. 4, punt 10.


27      Ara l-premessa 19 tad-Direttiva 2009/29.


28      Ara l-punti 88 sa 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, il-kwantità annwali ta’ kwoti gratis allokati lill-ġeneraturi tal-elettriku għandha tiġi kkalkolata b’mod differenti minn dik allokata lill-impjanti l-oħra (ara l-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278). Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 71).


29      Ara l-proposta tal-Kummissjoni, p. 9. Ara wkoll, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola et (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punti 33 sa 36 u 40).


30      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-premessa 31 tad-Deċiżjoni 2011/278, li ssemmi l-kapaċità tas-“settur tal-enerġija” li “jgħaddi l-ispiża ogħla tas-[CO2]”.


31      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-kliem tad-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li tittrasponi l-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 huwa bbażat fuq din l-interpretazzjoni (ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


32      Ovvjament, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kinitx il-provvista tal-elettriku bla ħlas, iżda l-konnessjoni man-netwerk pubbliku tal-elettriku li kienet issegwi raġunijiet tekniċi. L-ebda raġuni teknika ma kienet twaqqaf l-istallazzjoni milli tipprovdi b’xejn lin-netwerk il-kwantità minima ta’ elettriku inkwistjoni. Madankollu, il-kwalità ta’ produttur ta’ elettriku ta’ istallazzjoni tiġi evalwata fid-dawl tal-produzzjoni tagħha ta’ elettriku intiż għal bejgħ lil terzi fid-data tal-1 ta’ Jannar 2005 – li tippreċedi b’diversi snin l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/29. Għaldaqstant l-istallazzjonijiet ikkonċernati ma setgħux jantiċipaw din l-adozzjoni billi jirrinunzjaw, jekk dan kien jqisuh ta’ vantaġġ għalihom, għar-remunerazzjoni għall-elettriku pprovdut lil terzi bil-ħsieb li jiksbu kwantità ikbar ta’ kwoti bla ħlas.


33      Ara l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87.


34      Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2009/29.


35      Ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2018, PPC Power (C‑302/17, EU:C:2018:245, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      L-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, il-prinċipju ta’ tħassir totali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti bla ħlas minn issa sal-2027, tpoġġa f’dubju mill-emendi magħmula fl-Artikoli 10a u 10b tad-Direttiva 2003/87 mill-Artikolu 1(14)(k) u (15) tad-Direttiva 2018/410.


37      Ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 70).


38      Ara l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278. Bis-saħħa tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-deċiżjoni, il-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi jirriżulta mill-paragun bejn, minn naħa, il-kwantità totali ta’ kwoti allokati provviżorjament lill-impjanti industrijali fl-Unjoni kollha, u, min-naħa l-oħra, il-kwantità massima annwali ta’ kwoti mingħajr ħlas disponibbli għal dawn l-impjanti, ikkalkolata b’applikazzjoni tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Dan il-mekkaniżmu ġie deskritt fis-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punti 60 et seq.).


39      Din il-konklużjoni ma titqiegħedx fid-dubju mill-proposta stabbilita fid-dokument ta’ orjentazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-ġeneraturi tal-elettriku (p. 5, punt 11), li, sabiex jiġu evitati investigazzjonijiet onerużi u kumplessi żżejjed, Stat Membru għandu jippreżumi li l-ebda bejgħ tal-elettriku ma jkun seħħ jekk il-konsum totali tal-elettriku tal-impjant ikkonċernat ikun jeċċedi l-ġenerazzjoni totali tal-elettriku fuq bażi annwali. Din il-proposta, li fl-aħħar mill-aħħar ma għandhiex effett vinkolanti, hija pjuttost intiża sabiex tissostitwixxi preżunzjoni sempliċi li tista’ tiġi kkonfutata jekk jiġi stabbilit li l-impjant biegħ l-elettriku lil terzi.


40      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod li ma jqiegħedx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 52); tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 43), u tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 48).


41      Ara l-proposta tal-Kummissjoni, p. 4 u l-analiżi tal-effett, p. 18 sa 23 kif ukoll p. 160 u 161. Ara, ukoll, il-Kummissjoni, “Guidance on interpretation of Annex I of the EU ETS Directive (excl. aviation activities)”, 18 ta’ Marzu 2010, https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/docs/guidance_interpretation_en.pdf, p. 11.


42      Ara l-analiżi tal-effett, p. 21 kif ukoll p. 35 u 36. Il-leġiżlatur ma qiesx li huwa neċessarju li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “emissjonijiet ta’ proċess” fid-Direttiva 2003/87 għaliex din id-direttiva hija applikabbli għall-emissjonijiet kollha ta’ CO2 riżultanti minn attivitajiet speċifiċi elenkati fl-Anness I tagħha, kemm jekk jirriżultaw minn proċess ta’ kombustjoni kemm jirriżultaw minn proċessi industrijali oħra. Dan il-kunċett huwa, min-naħa l-oħra, definit fil-punt 30 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 601/2012 fis-sens li tfisser l-“emissjonijiet ta’ gassijiet serra minbarra l-emissjonijiet ta’ kombustjoni li jinħolqu bħala riżultat ta’ reazzjonijiet intenzjonati u mhux intenzjonati bejn sustanzi jew it-trasformazzjoni tagħhom […]”. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni fuq dan il-punt, ninnota li l-kunċetti ta’ “emissjonijiet ta’ proċess” fis-sens tal-punt 30 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 601/2012 u ta’ “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” fis-sens tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni 2011/278 jikkoinċidu biss parzjalment. L-“emissjonijiet ta’ proċess” huma fil-maġġor parti koperti bir-referenzjarji ta’ prodotti previsti fl-Anness I ta’ din id- deċiżjoni, applikabbli għas-“subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott” kif definita fl-Artikolu 3(b) tagħha.


43      Għalhekk, b’mod partikolari, l-analiżi tiegħi ma jippreġudikax il-kwistjoni jekk l-emissjonijiet ta’ CO2 intrinsiku jirriżultawx minn attività ta’ kombustjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux jikkostitwixxu “emissjonijiet ta’ proċess” fis-sens tal-punt 30 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 601/2012 u jiġu attribwiti lil “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” taħt l-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni 2011/278. Din il-problema tifforma s-suġġett tat-tielet u r-raba domandi preliminari, li dwarhom mhux ser nittratta f’dawn il-konklużjonijiet.


44      Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 57, 60 u 61) kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 112 u 125).


45      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008 (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 58, 59 u 63).


46      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara l-punti 88 sa 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Il-kunċett ta’ “perikolu ta’ rilaxx ta’ karbonju” jirrinvija għar-riskju ta’ dislokar ta’ attivitajiet li jemettu kwantità kbira ta’ gass serra, minħabba l-ispejjeż marbuta mal-applikazzjoni tas-sistema tal-iskambju ta’ kwoti, lejn pajjiżi terzi fejn ma humiex imposti dawn ir-restrizzjonijiet, u dan ser iżid l-emissjonijiet mondjali. Ara l-premessi 24 u 25 tad-Direttiva 2009/29.


50      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Diċembru 2009 li tiddetermina, skont id-Direttiva [2003/87], lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (ĠU 2010, L 1, p. 10). Il-punt 1.4 tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni, applikabbli matul il-perijodu rilevanti, isemmi, fost is-setturi esposti għal riskju importanti ta’ rilaxx ta’ karbonju, l-estrazzjoni tal-gass naturali abbażi tal-kodiċi NACE-4 (nomenklatura b’erba’ ċifri). Id-Deċiżjoni 2010/2 ġiet abrogata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/746/UE tas-27 ta’ Ottubru 2014 li tiddetermina, skont id-Direttiva [2003/87], lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju għall-perijodu 2015-2019 (ĠU 2014, L 308, p. 114), li l-Anness tagħha jinkludi, fil-punt 1.1 tiegħu, is-settur tal-estrazzjoni tal-gass naturali. Kif argumentat ExxonMobil fis-seduta, il-kodiċi NACE-4 jikkorrispondi għall-estrazzjoni tal-gass naturali – 1110 fiż-żmien tal-fatti rilevanti u llum 0620 – tinkludi d-desulfurazzjoni ta’ dan il-gass. Ara s-sit internet tal-Eurostat http://ec.europa.eu/eurostat/ramon/nomenclatures/index.cfm?TargetUrl=LST_NOM_DTL&StrNom=NACE_REV2&StrLanguageCode=EN&IntPcKey=18495674&StrLayoutCode= u https://ec.europa.eu/eurostat/documents/1965800/1978760/CORRESPONDENCETABLENACEREV.1.1-NACEREV.2.pdf/e8200936-c2f0-4202-8bda-99fbbfc422b4.


51      L-Artikolu 10a(14) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li sabiex jiġu stabbiliti s-setturi jew subsetturi esposti għal riskju importanti ta’ rilaxx tal-karbonju, “il-Kummissjoni għandha tevalwa, fuq livell [tal-Unjoni], sa fejn huwa possibbli għas-settur jew subsettur ikkonċernat, […] li jgħaddi l-ispiża diretta tal-kwoti mitluba u l-ispejjeż indiretti minħabba prezzijiet ogħla tal-elettriku li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva preżenti fil-prezzijiet tal-prodott mingħajr telf sinifikanti għas-sehem fis-suq tal-istallazzjonijiet anqas effiċjenti fil-karbonju barra [l-Unjoni]”.


52      Ara l-punti 88 sa 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      L-applikazzjoni ta’ dan il-fattur għandha ssir waqt il-kalkolu mill-Istati Membri tal-kwantità annwali ta’ kwoti mingħajr ħlas allokati provviżorjament lil kull impjant stabbilit fuq it-territorju tagħhom (l-allokazzjoni definittiva għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni fi stadju sussegwenti). Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, l-ewwel nett, il-livell ta’ attività storika ta’ kull subimpjant tal-impjant inkwistjoni għandha tiġi mmultiplikata kemm bir-referenzjarju ta’ ġenerazzjoni, ta’ sħana jew ta’ karburanti applikabbli, kif ukoll b’fattur ta’ 0.97 jekk ikun involut subimpjant b’emissjonijiet ta’ proċess (ara l-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni 2011/278). Imbagħad, il-valur hekk ottenut għandu jiġi mmultiplikat b’fattur ta’ 0.8 fl-2013 li jonqos kull sena sakemm jilħaq 0.3 fl-2020, jew b’fattur ta’ 1 meta l-attivitajiet tas-subimpjant inkwistjoni jifforma parti minn settur espost għal riskju importanti ta’ rilaxx ta’ karbonju (ara l-Artikolu 10a(11) u (12), tad-Direttiva 2003/87). Fl-aħħarnett, is-somma tar-riżultati akkwistati minn kull subimpjant tikkostitwixxi l-kwantità annwali totali provviżorja ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-impjant (ara l-Artikolu 10(7) tad-Deċiżjoni 2011/278).


54      Skont l-Artikolu 9(4) u (5) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-livell ta’ attività storika tas-subimpjanti b’referenzjarji ta’ sħana jew ta’ karburant għandha tiġi stabbilita mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sħana li tista’ titkejjel jew tal-karburanti ikkonsmati għall-finijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku.


55      Ara l-punti 88 sa 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Avviż tal-Kummissjoni tal-industrija, tar-riċerka u tal-enerġija, emenda 22, anness mar-rapport tal-Kummissjoni tal-ambjent, tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà tal-ikel tal-15 ta’ Ottubru 2008, dokument parlamentari A6‑0406/2008, p. 105. Din l-emenda kienet immotivata kif ġej: “[…] L-industrijali minbarra l-ġeneraturi tal-elettriku pubbliċi għandhom jikkonservaw il-possibbiltà li joperaw l-impjanti tagħhom li fihom huma jkunu diġà investew. […] Ma għandhomx jiġu esklużi mid-distribuzzjoni mingħajr ħlas l-awtoprodutturi, li d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/92/KE tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku tiddefinixxi bħala “persuna naturali jew legali illi tiġġenera elettriku bżonnjuż għall-użu tagħha”.


57      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1) u t-tielet subartikolu ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva 2003/87 jippermettu wkoll l-allokazzjoni mingħajr ħlas fil-każijiet previsti fl-Artikolu 10c ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri li jallokaw kwoti mingħajr ħlas għal proġetti ta’ modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’ċerti sitwazzjonijiet. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-Ġermanja ma hijiex inkluża fost l-Istati Membri eliġibbli għall-użu ta’ din id-deroga. Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju, 1 ta’ Frar 2017, COM(2017) 48 finali, p. 17.


58      L-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87 ittratta l-inkoraġġiment ta’ ċerti proġetti ta’ ġbir u ħażna ġeoloġika taċ-CO2 kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni dwar teknoloġiji innovattiva marbuta mal-enerġija li tiġġedded.


59      Sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 66).


60      Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Ara l-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Fit-termini tal-premessa 19 tad-Direttiva 2009/29, “[s]abiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-ġeneraturi tal-elettriku jistgħu jirċievu kwoti gratis għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u għat-tisħin u t-tkessiħ prodotta permezz ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja […], fil-każ li sħana bħal din minn istallazzjonijiet f’setturi oħra kellha tingħata allokazzjonijiet gratis”.


63      Ara l-proposta tal-Kummissjoni, p. 9 u 27. Ara, ukoll, l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 1 u 5 tad-Direttiva 2004/8.


64      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland (C‑577/16, EU:C:2018:127, punt 68) u tas-17 ta’ Mejju 2018, Evonik Degussa (C‑229/17, EU:C:2018:323, punt 29).


65      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1993, Dr Tretter (C‑90/92, EU:C:1993:264, punt 11); tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Boehringer (C‑32/00 P, EU:C:2002:119, punt 53), u tad-19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek (C‑376/11, EU:C:2012:502, punt 34).


66      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


67      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult (C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


68      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 53) kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult (C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).