Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ April 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka

(Kawża C-159/20)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Konstantinidis, I. Naglis u U. Nielsen, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tad-Danimarka

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li d-Danimarka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 1 , billi naqset milli tipprevjeni jew twaqqaf l-użu, minn prodotturi tal-ħalib Daniżi, tal-appellazzjoni “Feta” għal ġobon mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ippubblikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/2002 2 ;

tikkonstata wkoll li, billi awtorizzat li l-prodotturi tal-ħalib Daniżi jipproduċu u jikkummerċjalizzaw imitazzjonijiet ta’ “Feta”, id-Danimarka kisret l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), flimkien mal-Artikolu 1(1) u mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-awtoritajiet Daniżi jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom konformement mar-Regolament Nru 1151/2012 billi jawtorizzaw li operaturi Daniżi jużaw b’mod illegali l-appellazzjoni “Feta” għal ġobon immanifatturat id-Danimarka.

B’mod partikolari, hija ssostni li l-appellazzjoni “Feta” qiegħda tintuża fid-Danimarka bi ksur tar-Regolament Nru 1151/2012, b’mod li dan l-Istat Membru huwa marbut jieħu l-miżuri amministrattivi u ġudizzjarji neċessarji sabiex titwaqqaf l-imsemmija prassi. Peress li d-Danimarka tirrifjuta li tikkonforma ruħha mal-imsemmija regoli, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istat Membru konvenut naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu taħt l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru1151/2012 u għalhekk jikser id-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, billi tawtorizza li l-produtturi tal-ħalib Daniżi jipproduċu u jikkummerċjalizzaw imitazzjonijiet ta’ “Feta”, id-Danimarka tikser l-Artikolu 4(3) TUE flimkien mal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1151/2012, billi tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni, jiġifieri li tiġi ggarantita kompetizzjoni leali għall-bdiewa u għall-prodotturi li l-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel tagħhom għandhom karatteristiċi u proprjetajiet li jagħtuhom valur miżjud; li tingħata għajnuna lill-prodotturi ta’ prodotti marbuta ma’ żona ġeografika billi jiġi żgurat qligħ ġust fir-rigward tal-kwalità tal-prodotti tagħhom, u billi tiġi ggarantita l-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni tqis ukoll li d-Danimarka, billi naqset milli tipprevjeni jew milli twaqqaf il-ksur tad-drittijiet marbuta mal-appellazzjoni ta’ oriġini protetta (AOP) “Feta” li jokkorri meta produtturi tal-ħalib Daniżi jesportaw ġobon ta’ imitazzjoni mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi, tikkomprometti l-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati internazzjonali li huma intiżi sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tas-sistemi ta’ kwalità tal-Unjoni, u tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE.

____________

1 Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10 u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40).

2 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/2002 tal-14 ta’ Ottubru 2002 li jemenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 rigward l-isem “Feta” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 195)