Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribuanl Administrativo (il-Portugall) fit-22 ta’ Settembru 2020 – Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas IP (IFAP) vs BD, Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-448/20)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribuanl Administrativo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas IP (IFAP)

Konvenuti: BD, Autoridade Tributária e Aduaneira

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 1 jipprekludi soluzzjoni tad-dritt intern fis-sens li l-oneru ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, quddiem qorti kompetenti, tal-att li jiddetermina r-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament wara li tkun ġiet ivverifikata irregolarità, jaqa’ fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna, bir-riskju li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni fil-ħin ta’ dan l-att (jiġifieri fil-każ li l-benefiċjarju ma jeżerċitax, fil-ħin, il-mezzi ta’ difiża mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mid-dritt intern) jiddetermina li dan ma jistax jiġi kkontestat, u, konsegwentement, li jintalab ir-rimbors tal-ammont imħallas indebitament konformement mar-regoli u t-termini tad-dritt nazzjonali?

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprekludi soluzzjoni tad-dritt intern fis-sens li l-benefiċjarju tal-għajnuna finanzjarja ma jistax jinvoka d-dekorriment tat-terminu ta’ 4 jew 8 snin fi proċedura ġudizzjarja ta’ ġbir forzat imressqa kontrih sabiex tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni f’azzjoni ta’ kontestazzjoni tal-att li jiddetermina r-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament minħabba li seħħet irregolarità?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal dawn id-domandi:

It-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jitqies bħala terminu ta’ preskrizzjoni tad-dejn li jiġi fis-seħħ bl-adozzjoni tal-att li jimponi l-ħlas lura tal-ammonti rċevuti indebitament fil-każ ta’ irregolaritajiet fil-finanzjament? Barra minn hekk, dan għandu jibda jiddekorri mid-data ta’ adozzjoni tal-att?

Finalment, ulterjorment hija meħtieġa kjarifika dwar jekk:

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 [jipprekludi] soluzzjoni tad-dritt intern fis-sens li t-terminu ta’ tliet snin għall-preskrizzjoni tad-dejn li jiġi fis-seħħ bl-adozzjoni tal-att li jimponi r-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament fil-każ ta’ irregolaritajiet fil-finanzjament jibda jiddekorri mill-adozzjoni ta’ dan l-att u jiġi interrott bl-ordni għall-ġbir forzat ta’ dawn l-ammonti, fejn jibqa’ sospiż inkwantu ma tkunx ingħatat deċiżjoni definittiva jew li tkun saret res judicata, li ttemm il-proċedura, fil-każijiet ta’ lment, kontestazzjoni, rikors jew oppożizzjoni, meta dawn jirriżultaw fis-sospensjoni tal-ġbir tad-dejn?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).