Language of document : ECLI:EU:C:2019:801

Kawża C673/17

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV

vs

Planet49 GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Ottubru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Direttiva 2002/58/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Cookies – Kunċett ta’ kunsens tas-suġġett tad-data – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Cookies – Kunsens tas-suġġett tad-data – Kunċett – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, punt 11 tal-Artikolu 4, u Artikolu 6(1)(a); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(h), u 2002/58, kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136, Artikoli 2(f) u 5(3))

(ara l-punti 49‑58, 60‑63, dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Cookies – Kunsens tal-persuna kkonċernata – Kunċett – Informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata li tikkostitwixxi jew li ma tikkostitwixxix data personali – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, punt 11 tal-Artikolu 4, u Artikolu 6(1)(a); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(h), u 2002/58, kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136, Artikoli 2(f) u 5(3))

(ara l-punti 68‑71, dispożittiv 2)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Cookies – Informazzjoni ċara u kompleta li għandha tingħata mill-fornitur ta’ servizzi – Kunċett – Tul ta’ funzjonament tal-cookies – Inklużjoni – Possibbiltà jew le għal terzi li jkollhom aċċess għall-cookies – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136, Artikolu 5(3))

(ara l-punti 74‑81, dispożittiv 3)

Sunt

It-tqegħid ta’ cookies jeżiġi l-kunsens attiv tal-utenti tal-internet

Permezz tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, iddeċidiet li l-kunsens għall-ħażna ta’ informazzjoni jew għall-aċċess għal informazzjoni permezz ta’ cookies installati fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet ma huwiex mogħti b’mod validu meta l-awtorizzazzjoni tirriżulta minn kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel, u dan indipendentement mill-fatt li l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi jew le data personali. Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-fornitur ta’ servizzi għandu jindika lill-utent ta’ sit internet it-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies.

It-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ lotterija promozzjonali minn Planet49 fuq is-sit internet www.dein-macbook.de. Sabiex jipparteċipaw, l-utenti tal-internet kellhom jikkomunikaw isimhom u l-indirizz tagħhom fuq paġna web fejn kienu jinsabu kaxxi tal-immarkar. Il-kaxxa tal-immarkar li tawtorizza l-installazzjoni tal-cookies kienet immarkata minn qabel. Adita b’rikors mill-federazzjoni Ġermaniża tal-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kellha dubji rigward il-validità tal-ksib tal-kunsens tal-utenti permezz tal-kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel kif ukoll dwar il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizz.

It-talba għal deċiżjoni preliminari kienet tirrigwarda essenzjalment l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kunsens previst mid-Direttiva dwar il-ħajja privata u l-komunikazzjoni elettronika (1), moqrija flimkien mad-Direttiva 95/46 (2), kif ukoll mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (3).

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, li jirreferi għalih l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva dwar il-ħajja privata u l-komunikazzjoni elettronika, jiddefinixxi l-kunsens bħala “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru”. Hija ossevat li r-rekwiżit ta’ “indikazzjoni” tax-xewqa tas-suġġett tad-data jevoka b’mod ċar aġir attiv u mhux passiv. Issa, kunsens mogħti permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel ma jimplikax aġir attiv min-naħa tal-utent ta’ sit internet. Minbarra dan, l-oriġini tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar il-ħajja privata u l-komunikazzjoni elettronika, li jipprevedi sa mill-emenda tiegħu permezz tad-Direttiva 2009/136 li l-utenti jkunu “taw il-kunsens tagħhom” għat-tqegħid ta’ cookies, donnha tindika li l-kunsens tal-utent ma jistax minn issa ’l quddiem jibqa’ jiġi preżunt u għandu jirriżulta minn aġir attiv ta’ dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, kunsens attiv huwa issa previst mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, li l-punt 11 tal-Artikolu 4 tiegħu jeżiġi indikazzjoni tax-xewqa li tieħu l-forma, b’mod partikolari, ta’ “azzjoni affermattiva ċara” u li l-premessa 32 tiegħu teskludi b’mod espliċitu li jkun hemm kunsens “[fil-każ ta’] silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività” (4).

Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunsens ma huwiex mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel, li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu. Hija żiedet li l-fatt li tali utent jattiva l-buttuna ta’ parteċipazzjoni fil-lotterija promozzjonali inkwistjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jitqies li huwa ta b’mod validu l-kunsens tiegħu għat-tqegħid ta’ cookies.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar il-ħajja privata u l-komunikazzjoni elettronika huwa intiż sabiex jipproteġi l-utent minn kull indħil fil-ħajja privata tiegħu, irrispettivament minn jekk dan l-indħil jinvolvix data personali jew data oħra. Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ kunsens ma għandux jiġi interpretat b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tikkostitwixxix data personali jew le.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar il-ħajja privata u l-komunikazzjoni elettronika jeżiġi li l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu, wara li jkun irċieva informazzjoni ċara u kompleta, fost l-oħrajn dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar. Issa, informazzjoni ċara u kompleta għandha tippermetti lill-utent li jiddetermina faċilment il-konsegwenzi tal-kunsens li huwa għandu mnejn jagħti u tiggarantixxi li dan il-kunsens jingħata b’għarfien sħiħ. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies jagħmlu parti mill-informazzjoni ċara u kompleta li għandha tingħata lill-utent ta’ sit internet mill-fornitur ta’ servizzi.


1      Artikoli 2(f) u 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).


2      Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


3      Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1).


4      Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 2016/679.