Language of document : ECLI:EU:F:2007:208

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Novembru 2007

Kawża F-122/06

Anton Pieter Roodhuijzen

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Skema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard – Sħubija – Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 1 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 12 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Roodhuijzen jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2006, ikkonfermata fl-20 ta’ Marzu 2006, li tiċħad ir-rikonoxximent tas-sħubija tiegħu ma’ Maria Helena Astrid Hart u, bħala konsegwenza, iċċaħħadha mill-benefiċċju ta’ l-Iskema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, adottata mill-Awtorità tal-Ħatra fit-12 ta’ Lulju 2006.

Deċiżjoni:         Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta’ Frar 2006, ikkonfermata fl-20 ta’ Marzu 2006, li ma tirrikonoxxix is-sħubija ta’ Anton Pieter Roodhuijzen ma’ Maria Helena Astrid Hart bħala sħubija mhux maritali, għall-finijiet ta’ l-Iskema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej, hija annullata. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72; Artikoli 1(2)(ċ) u 2(4) ta’ l-Anness VII; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004; Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard, Artikolu 12)

Mit-test stess ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-Iskema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej jirriżulta li, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal, dan l-artikolu jirreferi direttament għall-ewwel tliet kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tas-sħubija, imsemmija fis-sentenza introduttiva ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni preliminari. Li kieku l-leġiżlatur xtaq jiddisponi mod ieħor, l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ma kinux jirreferu rispettivament għas-sieħeb mhux miżżewweġ u rikonoxxut ta’ l-uffiċjal, iżda għas-sieħeb irreġistrat tiegħu, it-terminu użat fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, it-tmien premessa tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, li tirrigwarda l-estensjoni tal-vantaġġi tal-koppji miżżewġin għal tipi ta’ unjonijiet oħra, tirreferi għal uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli, mingħajr ma tagħmel ebda riferiment għall-kundizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni tar-relazzjoni kkonċernata. F’dan l-istess kuntest, essenzjalment, ma teżistix differenza bejn il-kunċett ta’ sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal, imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dak ta’ sieħeb rikonoxxut ta’ uffiċjal, fis-sens ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

B’hekk, hija l-qorti Komunitarja li, sabiex tiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-Iskema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard għas-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal, għandha tistħarreġ jekk ġewx sodisfatti l-ewwel tliet kundizzjonijiet biss ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-ewwel kundizzjoni tiddikjara li l-koppja għandha tipproduċi dokument legali, rikonoxxut bħala tali minn Stat Membru jew minn xi awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxi l-istatus tagħhom bħala msieħba mhux miżżewġa. Din il-kundizzjoni fiha tliet partijiet:

– l-ewwel parti tirrigwarda l-produzzjoni ta’ dokument legali dwar l-istatus tal-persuni;

– it-tieni parti timponi r-rekwiżit li l-imsemmi dokument legali jkun rikonoxxut bħala tali minn Stat Membru;

–fl-aħħar, fit-tielet parti, huwa meħtieġ li dan id-dokument legali, dwar l-istatus tal-persuni, jirrikonoxxi l-istatus ta’ msieħba mhux miżżewġa tal-persuni kkonċernati.

Il-kwistjoni ta’ jekk żewġ persuni jkunux f’sitwazzjoni ta’ msieħba mhux miżżewġa, fis-sens tat-tielet parti, ma tistax tiġi evalwata biss mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ status ta’ msieħba mhux miżżewġa ma jistax jiġi sodisfatt mis-sempliċi fatt li dokument legali, rikonoxxut bħala tali minn Stat Membru, jafferma l-eżistenza ta’ tali status.

Għall-kuntrarju, sabiex taqa’ taħt l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, sħubija għandu jkollha ċerti similaritajiet maż-żwieġ. Huwa fid-dawl ta’ dan il-parametru li t-tielet parti ta’ l-ewwel kundizzjoni għandha tinftiehem bħala li tgħaqqad flimkien tliet kundizzjonijiet sekondarji kumulattivi. L-ewwel nett, din it-tielet parti tassumi, u t-terminu stess li jintuża fid-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli jikkonferma din l-interpretazzjoni, li l-imsieħba għandhom jiffurmaw koppja, jiġifieri unjoni bejn żewġ persuni, b’kuntrast ma’ unjonijiet ta’ persuni oħra. It-tieni nett, l-użu tat-terminu “status” juri li r-relazzjoni bejn l-imsieħba għandu jkollha elementi ta’ pubbliċità u ta’ formalità. Minkejja li hija marbuta parzjalment ma’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel kundizzjoni, li tirrigwarda l-produzzjoni ta’ dokument legali li jirrigwarda l-istatus tal-persuni, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-istatus ta’ msieħba mhux miżżewġa ta’ dawn l-istess persuni tmur lil’hinn mis-sempliċi rekwiżit ta’ dokument legali. Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ msieħba mhux miżżewġa għandu jinftiehem bħala li jirrappreżenta sitwazzjoni fejn l-imsieħba jkollhom komunità ta’ ħajja komuni, ikkaratterizzata b’ċerta stabbiltà, u jkunu marbuta, fil-kuntest ta’ din il-komunità ta’ ħajja, bi drittijiet u obbligi reċiproċi li jikkonċernaw il-ħajja flimkien tagħhom.

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija in konformità ma’ l-evoluzzjoni tal-moralità u tas-soċjetà. F’dan ir-rigward, l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-Iskema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej għas-sieħeb stabbli ta’ uffiċjal għandha għanijiet ta’ solidarjetà u ta’ koeżjoni soċjali, li huma differenti mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet li jikkonferixxu lill-uffiċjali vantaġġi purament finanzjarji, fil-forma ta’ żidiet fis-salarju, bħal per eżempju l-allowance tal-familja lis-sieħeb ta’ uffiċjal, prevista fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal; għalhekk, m’huwiex irraġonevoli li dawn il-vantaġġi ta’ l-aħħar jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet iktar stretti, f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-uffiċjal u s-sieħeb mhux miżżewweġ tiegħu, meta mqabbla mal-vantaġġ li jinvolvi l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-Iskema Konġunta ta’ l-Assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej għal dan ta’ l-aħħar.

(ara l-punti 29, 30, 32, 35 sa 40 u 49)