Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Lulju 2007 - Gering vs Europol

(Kawża F-68/07)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Radolf Gering (L-Aja, l-Olanda) (rappreżentant: P. de Casparis, avukat)

Konvenut: Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni mogħtija fir-rigward ta' l-ilment tal-5 ta' April, mibgħut fl-10 ta' April 2007, u safejn huwa meħtieġ, tannulla wkoll il-kuntratt ta' l-24 ta' April 2007 in kwantu jikkonċerna l-klassifikazzjoni;

tikkundanna lil Europol li:

prinċipalment: iħallas lir-rikorrent, mill-1 ta' Awwissu 2003, salarju konformi għall-grad 4.2 jew, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra neċessarju, salarju konformi għall-grad 4.1;

sussidjarjament: iħallas lir-rikorrent, mill-1 ta' Awwisu 2004 salarju konformi għall-grad 4.6, mill-1 ta' Awwissu 2005 salarju konformi mal-grad 4.8, u mill-1 ta' Awwissu 2007 salarju konformi għall-grad 4.9;

tikkundanna lil Europol ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jikkontesta prinċipalment id-deċiżjoni ta' Europol tal-5 ta' April 2007 u l-addendum għall-kuntratt ta' reklutaġġ tiegħu ta' l-24 ta' April 2007, peress li l-imsemmija atti ffissaw il-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad 4, skala 2, mill-1 ta' Diċembru 2004 u mhux mill-1 ta' Awwissu 2003, li hija d-data tar-reklutaġġ tiegħu.

Ir-rikorrent isostni li Europol kellu josserva l-prinċipju ta' trattament ugwali fir-remunerazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal tiegħu. Skond Europol, id-deċiżjoni li r-rikorrent jiġi kklassifikat fi grad superjuri mill-1 ta' Diċembru 2004, u mhux mill-1 ta' Awwissu 2003, hija ġġustifikata minħabba li kien biss minn din id-data li r-rikorrent beda jwettaq attivitajiet ta' livell simili għal dawk ta' kapijiet ta' unitajiet ikklassifikati fil-grad 4 u li jġorru magħhom responsabbiltajiet simili. Ir-rikorrent jikkontesta dan l-argument u jsostni li Europol ma kienx spjega kif id-dmirijiet u l-obbligi li huwa eżerċita fil-perijodu bejn l-1 ta' Awwissu 2003 u l-1 ta' Diċembru 2004 kienu differenti minn dawk ta' kapijiet ta' unitajiet oħra. Minbarra dan, Europol ma kienx stabbilixxa l-fatti u ċ-ċirkustanzi li juru li l-attivitajiet tar-rikorrent kienu inqas intensi u/jew kienu jinvolvu inqas responsabbiltà minn dawk ta' kapijiet ta' unitajiet oħra.

____________