Language of document : ECLI:EU:C:2019:921

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-31 ta’ Ottubru 2019 (1)

Kawżi magħquda C453/18 u C494/18

Bondora

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n° 11 de Vigo (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 11 ta’ Vigo, Spanja) u mill-Juzgado de Primera Instancia n° 20 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 20 ta’ Barcelona, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur – Stħarriġ ex officio mill-qorti – Dokumenti mhux obbligatorji fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, iżda indispensabbli għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti”






 Introduzzjoni

1.        Qorti adita b’applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 (2), relatata ma’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, għandha tkun obbligata tistħarreġ ex officio l-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti, fis-sens tad-Direttiva 93/13/KEE (3)? F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti hija awtorizzata li tistieden lill-applikant jipprovdilha kopja tal-kuntratt li jiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu, abbażi tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament? Jekk dan ma huwiex il-każ, liema konklużjonijiet għandhom jinsiltu fir-rigward tal-validità tar-Regolament Nru 1896/2006, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)?

2.        Dawn huma, essenzjalment, id-domandi fundamentali indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati tar-rinviju f’dan il-każ. Huwa f’dan il-kuntest li, għall-ewwel darba, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tikkjarifika r-rabta bejn ir-rekwiżiti rispettivi tar-Regolament Nru 1896/2006 u tad-Direttiva 93/13 fir-rigward tar-rwol tal-qorti.

3.        Dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jidhru li jsegwu għanijiet a priori kontradittorji: il-protezzjoni tal-konsumatur permezz tal-intervent attiv tal-qorti, f’dak li jirrigwarda d-direttiva, u t-tħaffif u s-semplifikazzjoni tal-irkupru ta’ djun permezz ta’ inverżjoni tal-kontenzjuż u ta’ responsabilizzazzjoni ikbar tal-konvenut, fil-każ tar-regolament.

4.        Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk wieħed minn dawn l-għanijiet għandux jieħu l-preċedenza fuq l-ieħor jew jekk — kif nemmen jien — huwiex fir-realtà possibbli li jiġu kkonċiljati, permezz ta’ interpretazzjoni magħquda ta’ dawn iż-żewġ strumenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

5.        L-Artikolu 38 tal-Karta jipprovdi:

“Il-politika ta’ l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

 Id-Direttiva 93/13

6.        Ir-raba’, il-ħames, il-wieħed u għoxrin, u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jipprovdu:

“Billi hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jiżguraw li l-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ma jkunx fihom klawżoli inġusti;

Billi, ġeneralment, il-konsumaturi ma jkunux jafu r-regoli tal-liġi li, fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess, jiggwidaw kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi […]

[…]

Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti;

[…]

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi.”

7.        B’mod konformi mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13, [l]-għan [tagħha] huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur”.

8.        L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

9.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż [ma’] konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

10.      L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Ir-Regolament Nru 1896/2006

11.      Il-premessi 9, 13 u 14 tar-Regolament Nru 1896/2006 huma fformulati kif ġej:

“9. L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-litigazzjoni f’każijiet transkonfinali li jirrigwardjaw talbiet [dejn] ta’ flus mhux ikkontestati billi joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, u li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunx hemm il-ħtieġa li jitressqu proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.

[…]

13. Fl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, il-pretendent għandu jkun obbligat li jipprovdi informazzjoni li hija suffiċjenti biex tidentifika u tappoġġa t-talba b’mod ċar sabiex tqiegħed lill-konvenut f’pożizzjoni li jagħmel għażla infurmata tajjeb jekk għandux jopponi jew ma jikkontestax it-talba.

14. F’dan il-kuntest, għandu jkun obbligatorju għall-pretendent li jinkludi deskrizzjoni tal-provi li jappoġġaw it-talba. Għal dak l-iskop il-formola ta’ applikazzjoni għandha tinkludi lista kemm jista’ jkun eżawrjenti ta’ tipi ta’ provi li huma ġeneralment prodotti biex jappoġġaw talbiet [djun] ta’ flus.”

12.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“1.      L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

(a)      li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet [djun] mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;

u

(b)      li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunu meħtieġa l-ebda proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ infurzar għar-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom.

2.      Dan ir-Regolament m’għandux iżomm pretendent milli jsegwi talba fis-sens ta’ l-Artikolu 4 billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja.”

13.      Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jikkonċerna, b’mod partikolari, kwistjonijiet dwar dħul ta’ flus, dwana jew ta’ amministrazzjoni jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ Stat (‘acta iure imperii’).”

14.      L-Artikolu 2(2) u (3) tal-imsemmi regolament jelenka eċċezzjonijiet oħra fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

15.      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Każijiet transkonfinali”, jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru divers mill-Istat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti.

2. Id-domiċilju għandu jiġi ddeterminat b’mod konformi ma’ l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

[…]”

16.      Skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea”:

“1.      Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard A, kif stabbilit fl-Anness 1.

2.      L-applikazzjoni għandha tiddikjara:

(a)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom, u tal-qorti li lilha ssir l-applikazzjoni;

(b)      l-ammont tat-talba, inkluż it-talba prinċipali u, fejn applikabbli, l-imgħax u l-penali kuntrattwali u l-ispejjeż;

(ċ)      jekk jintalab l-imgħax fuq it-talba, ir-rata ta’ l-imgħax u l-perijodu ta’ żmien li għalih jintalab l-imgħax sakemm ma jiġix magħqud b’mod awtomatiku mal-prinċipali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini;

(d)      il-kawża ta’ l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, ta’ l-imgħax mitlub;

(e)      deskrizzjoni ta’ evidenza li tappoġġa t-talba;

(f)      ir-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni;

u

(g)      in-natura transkonfini tal-każ fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3.

[…]”

17.      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Eżami ta’ l-applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-qorti li tkun ħadet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha teżamina, malajr kemm jista’ jkun u abbażi tal-formola ta’ applikazzjoni, jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 intlaħqux u jekk it-talba tidhirx li għandha bażi u hi ammissibbli. Dan l-eżami jista’ jsir permezz ta’ proċedura awtomatizzata.”

18.      L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tlestija u rettifika”, jipprevedi:

“1.      Jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 7 ma jintlaħqux u sakemm it-talba ma tkunx kjarament bla bażi jew l-applikazzjoni kjarament inammissibbli, il-qorti għandha tagħti lill-pretendent l-opportunità biex ilesti jew jirrettifika l-applikazzjoni. Il-qorti għandha tuża l-formola standard B kif stabbilit fl-Anness II.

2.      Fejn il-qorti titlob lill-pretendent jikkompleta jew jirrettifika l-applikazzjoni, hi għandha tispeċifika limitu ta’ żmien li tħoss li hu xieraq fiċ-ċirkostanzi. Il-qorti tista’ fid-diskrezzjoni tagħha testendi dak il-limitu ta’ żmien.”

19.      B’mod konformi mal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu biss għal parti mit-talba, il-qorti għandha tinforma lill-applikant b’dan. Dan jiġi mistieden jaċċetta jew jirrifjuta proposta ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea għall-ammont speċifikat mill-qorti. Skont l-Artikolu 10(2) ta’ dan l-istess regolament, jekk l-applikant jaċċetta l-proposta tal-qorti, il-qorti għandha toħroġ ordni għal dik il-parti tat-talba aċċettata mill-applikant. Il-konsegwenzi fir-rigward tal-parti li tifdal mit-talba inizjali għandhom jiġu rregolati mid-dritt nazzjonali.

20.      Skont kliem l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1896/2006:

“Ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni m’għandux jimpedixxi lill-pretendent milli jsegwi t-talba permezz ta’ applikazzjoni ġdida għal ordni ta’ ħlas Ewropea jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru”.

21.      L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea”, jistipula:

“1.      Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu, il-qorti għandha toħroġ, malajr kemm jista’ jkun u normalment fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni, ordni ta’ ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard E kif stabbilit fl-Anness V.

Il-perijodu ta’ 30 jum m’għandux jinkludi ż-żmien meħud mill-pretendent biex jlesti, jirrettifika jew jimmodifika l-applikazzjoni.

2.      L-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma’ kopja tal-formola ta’ l-applikazzjoni. M’għandhiex tinkludi l-informazzjoni pprovduta mill-pretendent fl-Appendiċi 1 u 2 tal-formola standard A.

[…]

4.      Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat li:

(a)      l-ordni nħarġet biss abbażi ta’ l-informazzjoni li ġiet provduta mill-konvenut u ma kinitx verifikata mill-qorti;

(b)      l-ordni ser issir esegwibbli sakemm ma tiġix ippreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 16;

(ċ)      fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-konvenut ma jkunx talab b’mod espliċitu biex jitwaqqfu l-proċedimenti f’dak il-każ.

[…]”

22.      Skont l-Artikolu 22(3) tal-imsemmi regolament, ordni ta’ ħlas Ewropea ma tista’ fl-ebda każ tiġi rriveduta fil-mertu fl-Istat Membru ta’ infurzar.

23.      B’mod konformi mal-Artikolu 26 tal-istess regolament, kull kwistjoni proċedurali mhux espressament irregolata mir-Regolament Nru 1896/2006 hija rregolata mid-dritt nazzjonali.

24.      Fl-aħħar nett, il-formola standard A, li tinsab fl-Anness I għal dan ir-regolament, tinkludi sensiela ta’ kaxxi li jridu jimtlew mill-applikant. F’dan il-każ, għandhom jiġu enfasizzati l-kaxxi bin-numri li ġejjin: 6 (“Talba prinċipali”), 7 (“Imgħax”), 8 (“Penali kuntrattwali”), 9 (“Spejjeż”), 10 (“Provi disponibbli biex issostni t-talba”) u 11 (“Dikjarazzjonijiet addizzjonali u informazzjoni ulterjuri”).

 Id-dritt Spanjol

25.      Skont it-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-Ley 1/2000, de 7 de enero 2000, de Enjuiciamiento Civil (4) (il-Liġi Nru 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000 li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura ċivili, iktar ’il quddiem il-“LEC”), li tintroduċi miżuri ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 fid-dritt Spanjol u, b’mod iktar partikolari, fil-paragrafi 2 u 11 tagħha:

“2.      L-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir permezz tal-formola standard A li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, mingħajr ma huwa obbligatorju li jiġi prodott xi dokument li, jekk ikun il-każ, ikun inammissibbli.

[…]

11.      Il-kwistjonijiet proċedurali mhux previsti mir-Regolament Nru 1896/2006 għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea huma rregolati mid-dispożizzjonijiet [tal-LEC] dwar l-ordni ta’ ħlas.”

26.      Skont l-Artikolu 815(4) tal-LEC:

“Jekk id-dejn mitlub huwa bbażata fuq kuntratt bejn kumpannija jew bejjiegħ jew fornitur, u konsumatur jew utent, il-Letrado de la Administración de Justicia (ir-Reġistratur) għandu jinnotifika b’dan lill-qorti qabel [il-ħruġ] tal-ordni ta’ ħlas sabiex din tkun tista’ tikkonstata l-eventwali natura inġusta ta’ kwalunkwe klawżola li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni jew li tiddetermina l-ammont eżiġibbli. Il-qorti teżamina ex officio jekk waħda mill-klawżoli li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni jew li tiddetermina l-ammont dovut tistax tiġi meqjusa bħala klawżola inġusta. Jekk hija tqis li waħda mill-klawżoli tista’ titqies bħala tali, hija tistieden lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet fi żmien ħamest ijiem. Wara li tkun semgħet lill-partijiet, hija għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet fi żmien ħamest ijiem. Din il-proċedura ma timponix l-intervent ta’ avukat jew ta’ rappreżentant legali.

Jekk il-qorti tqis li waħda mill-klawżoli kuntrattwali hija inġusta, id-digriet maħruġ jiddetermina l-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni billi jiddikjara jew in-natura infondata tal-applikazzjoni jew it-tkomplija tal-proċedura mingħajr l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti.

Jekk il-qorti tqis li ma hemmx klawżoli inġusti, hija tagħmel dikjarazzjoni f’dan is-sens u l-Letrado de la Administración de Justicia (ir-Reġistratur) jibgħat ordni lid-debitur fit-termini previsti fil-paragrafu 1.

Fi kwalunkwe każ, id-digriet mogħti jista’ jiġi kkontestat direttament.”

 It-tilwimiet fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 Il-Kawża C453/18

27.      Bondora AS (iktar ’il quddiem “Bondora”) hija kumpannija kummerċjali li kkonkludiet kuntratt ta’ self ma’ konsumatur, Carlos V.C. Fil-21 ta’ Marzu 2018, din il-kumpannija ppreżentat applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għal ammont ta’ EUR 755.27 kontra l-imsemmi konsumatur, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n° 11 de Vigo (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 11 ta’ Vigo, Spanja).

28.      Peress li d-dejn invokat minn Bondora kien jirriżulta minn kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur, skont l-Artikolu 815(4) tal-LEC, il-qorti tar-rinviju talbet lil Bondora tipproduċi d-dokumenti insostenn tal-imsemmi dejn sabiex tivverifika l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli inklużi f’dan il-kuntratt ta’ self.

29.      Bondora rrifjutat li tipproduċi l-imsemmija dokumenti billi sostniet, l-ewwel nett, li skont it-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali, il-paragrafu (2), tal-LEC, fir-rigward ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ma kienx neċessarju li jiġu prodotti dokumenti insostenn tal-imsemmi kreditu u, it-tieni nett, li l-Artikoli 8 u 12 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma kienu jagħmlu ebda riferiment għall-produzzjoni ta’ dokumenti għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea.

30.      Il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni msemmija fil-punt preċedenti tista’ tqajjem diffikultajiet meta d-dejn li fir-rigward tiegħu jintalab l-infurzar ikun ibbażat fuq kuntratt konkluż ma’ konsumatur.

31.      Fil-fatt, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju osservat li l-Artikolu 815(4) tal-LEC kien ġie adottat, fil-formulazzjoni attwali tiegħu, wara l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, is-sentenza Banco Español de Crédito (5), li kienet stabbilixxiet in-neċessità ta’ stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas taħt id-dritt nazzjonali.

32.      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rifjut ta’ Bondora li tipproduċi d-dokumenti msemmija insostenn tad-dejn tagħha, abbażi tal-paragrafu (2) tat-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-LEC, għandu l-effett li jipprekludi lill-qorti adita milli twettaq l-istħarriġ li l-Artikolu 815(4) ta’ din l-istess liġi jimponilha f’każ ta’ talba għal ordni ta’ ħlas relatata ma’ konsumatur.

33.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] kif ukoll il-ġurisprudenza li tinterpretaha għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu tad-Direttiva jipprekludi regola nazzjonali, bħall-[paragrafu 2] tat-tielet u għoxrin dispożizzjoni finali tal-[LEC], li tipprovdi li ma huwiex obbligatorju li jiġu pprovduti dokumenti fil-kuntest ta’ talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea u li, jekk ikun il-każ, dawn id-dokumenti jkunu inammissibbli?

2)      L-Artikolu 7(2)(e) tar-Regolament [1896/2006] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu ma jipprojbixxix [lill-qorti] milli titlob lill-entità kreditriċi tipproduċi d-dokumenti li fuqhom hija tibbaża l-ilment li jirriżulta minn self għall-konsum konkluż bejn kummerċjant [bejjiegħ jew fornitur] u konsumatur jekk il-qorti tqis li l-eżami ta’ dawn id-dokumenti huwa indispensabbli sabiex tiġi evalwata l-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet, u b’dan il-mod tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [93/13] u l-ġurisprudenza li tinterpretaha?”

 Il-Kawża C494/18

34.      F’din it-tieni kawża, l-istess kumpannija (jiġifieri Bondora) ikkonkludiet kuntratt ta’ self ma’ konsumatur ieħor, XY. Fis-17 ta’ Mejju 2018, Bondora talbet lill-Juzgado de Primera Instancia n° 20 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 20 ta’ Barcelona, Spanja) sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea kontra XY, għas-somma ta’ EUR 1 818.66.

35.      Fil-formola standard A (Anness I għar-Regolament Nru 1896/2006), Bondora indikat li XY kien konsumatur u li hija kellha l-kuntratt ta’ self li fuqu hija bbażata t-talba u d-determinazzjoni tal-ammont tad-dejn. Bondora indikat ukoll li jekk il-konsumatur kellu jiddeċiedi li jressaq oppożizzjoni, hija titlob li jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

36.      Wara li kkonstatat il-kwalità ta’ konsumatur ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża, il-qorti tar-rinviju talbet lil Bondora timla l-punt 11 tal-formola A, taħt it-titolu “Dikjarazzjonijiet addizzjonali u informazzjoni ulterjuri”, billi tippreċiża t-tqassim tad-dejn, kif ukoll billi tirriproduċi l-klawżoli tal-kuntratt invokati insostenn tad-dejn.

37.      Bondora rrifjutat li tipprovdi din l-informazzjoni, billi sostniet li skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, hija ma kinitx obbligata tipproduċi iktar provi insostenn tad-dejn tagħha. Fil-fatt, konformement mal-paragrafu (2) tat-tnejn u għoxrin dispożizzjoni finali tal-LEC, fil-każ ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ma huwiex neċessarju li jiġu pprovduti dokumenti insostenn tad-dejn. Barra minn hekk, din il-kumpannija sostniet ukoll li qrati oħra kienu diġà aċċettaw applikazzjonijiet oħra għal ħruġ ta’ ordni simili mingħajr ma talbuha tissodisfa rekwiżiti oħra.

38.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 fid-dawl tar-rekwiżit vinkolanti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6). Skont il-qorti tar-rinviju, il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea relatata ma’ konsumatur mingħajr ebda stħarriġ fir-rigward tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti jista’ jikser ir-rekwiżit vinkolanti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 38 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) TUE.

39.      Dejjem skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 38 tal-Karta, l-Artikolu 6(1) TUE, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali, bħal paragrafu (2) tat-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-LEC, sakemm din tippermetti li l-qorti ssir taf bil-kontenut tal-klawżoli tal-kuntratt sabiex tkun tista’ tistħarreġ ex officio l-klawżoli potenzjalment inġusti.

40.      Min-naħa l-oħra, jekk ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jippermettix li tinkiseb l-iċken preċiżazzjoni addizzjonali sabiex tiġi vverifikata l-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti, l-imsemmi regolament għandu jitqies li jmur kontra l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 38 tal-Karta.

41.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Dispożizzjoni nazzjonali bħall-paragrafu 4 tat-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-[LEC], li ma tippermettix li jiġi prodott u lanqas li jintalab kuntratt u lanqas id-dettall tal-ammont tad-dejn, f’talba [għad-dejn] fejn il-persuna mitluba hija konsumatur u meta jkun hemm indizji li jista’ jkun li qegħdin jintalbu ammonti bbażati fuq klawżoli inġusti, hija kompatibbli mal-Artikolu 38 tal-[Karta], mal-Artikolu 6(1) [TUE], kif ukoll mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13]?

2)      Fil-kuntest ta’ talbiet diretti kontra konsumatur, il-fatt li l-persuna li tagħmel it-talba hija meħtieġa tispeċifika, fil-paragrafu 11 tal-Formola A, id-dettall tal-ammont tad-dejn li huwa mitlub il-ħlas tiegħu huwa kompatibbli mal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament [Nru 1896/2006]? Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jiġi riprodott, f’dan l-istess paragrafu 11, il-kontenut tal-klawżoli tal-kuntratt li fuqhom huma bbażati t-talbiet diretti kontra konsumatur, lil hinn mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt, sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tagħhom, huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni?

3)      F’każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tippreċiża jekk huwiex possibbli, skont il-verżjoni attwali tar-Regolament Nru 1896/2006, li jiġi vverifikat ex officio, qabel ma tingħata l-ordni ta’ ħlas Ewropea, jekk kuntratt konkluż ma’ konsumatur jinkludix klawżoli inġusti u abbażi ta’ liema dispożizzjoni tista’ ssir din il-verifika?

4)      Fil-każ li fil-formulazzjoni attwali tar-Regolament Nru 1896/2006 ma huwiex possibbli li ssir il-verifika [stħarriġ] ex officio tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti qabel ma tingħata l-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija mitluba tiddeċiedi dwar il-validità tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) [TUE].”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2018, iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Il-kawżi baqgħu sussegwentement magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

43.      Il-Gvern Spanjol, dak Latvjan u dak Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, ilkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

44.      Peress li l-partijiet ma talbux iż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar iddeċidiet li ma żżommx seduta.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari fuq l-atti applikabbli f’dan il-każ

45.      Qabel jiġu eżaminati d-domandi preliminari mressqa mill-qrati tar-rinviju, għandha tiġi stabbilita l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/13 u tar-Regolament Nru 1896/2006 f’dan il-każ.

46.      Fir-rigward tad-Direttiva 93/13, din tapplika għall-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva).

47.      F’dan il-każ, mill-informazzjoni msemmija fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw djun marbuta ma’ kuntratti ta’ self konklużi bejn Bondora, entità li għandha l-kwalità ta’ bejjiegħ jew fornitur, u konsumaturi (Carlos V.C. u XY). Għaldaqstant, id-Direttiva 93/13 hija applikabbli fil-kuntest tal-kawżi prinċipali.

48.      Fir-rigward tar-Regolament Nru 1896/2006, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa ddeterminat mill-Artikolu 2, li jipprovdi li dan ir-regolament japplika “għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal”, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dak l-istess artikolu.

49.      F’dan il-każ, mill-informazzjoni msemmija fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali huma kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u ma jikkorrispondu ma’ ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija kawżi għandhomx “natura transkonfinali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, tibqa’ miftuħa.

50.      Fil-fatt, dan l-aspett ma ssemmiex fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, li ma jgħidu xejn dwar il-kwistjoni tad-domiċilju tal-kumpannija Bondora.

51.      Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, tilwima transkonfinali hija tilwima li fiha mill-inqas waħda mill-partijiet hija ddomiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru fejn tkun ġiet adita l-qorti. L-imsemmi domiċilju huwa ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (7), jiġifieri l-Artikoli 62 u 63. Dawn jipprovdu b’mod partikolari li hija l-qorti li quddiemha titressaq l-applikazzjoni li għandha tiddetrmina l-post tad-domiċilju ta’ parti.

52.      Għalhekk huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jistabbilixxu l-osservanza tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi Regolament Nru 1896/2006. Madankollu, prima facie, skont ir-riċerka li għamilt, Bondora tidher li hija kumpannija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fl-Estonja u li hija inkluża fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi ta’ dan l-Istat Membru. Għalhekk, jidher li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1) huwa a priori ssodisfatt.

53.      Il-qrati tar-rinviju ser ikunu mitluba jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-istrumenti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ. Peress li r-Regolament Nru 1896/2006 u d-Direttiva 93/13 jikkostitwixxu strumenti tad-dritt sekondarju u, b’mod iktar preċiż, atti leġiżlattivi (fis-sens tal-Artikolu 289 TFUE), li għandhom grad ugwali fil-ġerarkija tar-regoli (8), u peress li ebda dispożizzjoni tar-Regolament la teskludi u lanqas ma tirrestrinġi espressament l-applikazzjoni tad-direttiva, dawn iż-żewġ atti għandhom għalhekk jinqraw flimkien sabiex jiġi stabbilit jekk interpretazzjoni armonjuża tagħhom hijiex possibbli.

54.      Fil-partijiet li ġejjin, ser nipproċedi għal analiżi konġunta tal-ewwel u tat-tieni domandi magħmula fil-Kawżi C‑453/18 u C‑494/18, kif ukoll tat-tielet domanda fil-Kawża C‑494/18, qabel ma nindirizza sussegwentement ir-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑494/18.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi magħmula fil-Kawżi C453/18 u C494/18 u fuq it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C494/18

55.      Permezz ta’ dawn id-domandi preliminari, il-qrati tar-rinviju jixtiequ jistabbilixxu, essenzjalment:

–        jekk il-qorti nazzjonali adita b’applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea relatata ma’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għandhiex is-setgħa li twettaq stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli previsti fil-kuntratt ikkonċernat, kif jeżiġu l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 38 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) TUE;

–        jekk, abbażi ta’ dan, il-qorti adita tistax teżiġi mingħand l-applikant, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2)(d) u (e) ta’ dan ir-regolament, li jirriproduċi l-kontenut tal-klawżoli kuntrattwali li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tiegħu jew li jipprovdi kopja tal-kuntratt invokat insostenn tal-applikazzjoni, bl-għan li twettaq l-istħarriġ imsemmi iktar ’il fuq; u

–        konsegwentement, jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkwalifika bħala inammissibbli d-dokumenti supplimentari ppreżentati minn applikant, bħal kopja tal-kuntratt li tiġġustifika d-dejn invokat.

56.      Sabiex tingħata tweġiba għal dawn it-tliet mistoqsijiet, għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, il-prinċipji sanċiti fl-Artikolu 38 tal-Karta, fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rwol tal-qorti, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal ordnijiet ta’ ħlas taħt id-dritt nazzjonali, qabel ma tiġi eżaminata t-traspożizzjoni tagħhom fil-kuntest tar-Regolament Nru 1896/2006, fid-dawl tal-kliem, tal-kuntest u tal-għanijiet ta’ dawn l-atti (9).

 Tfakkira tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta

57.      Nirrileva li l-Artikolu 38 tal-Karta jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għandu jiġi żgurat fil-politika tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE jipprovdi li “[l]-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta”, peress li din tal-aħħar għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati.

58.      Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (10), il-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 38 tagħha ġie bbażat fuq l-Artikolu 169 TFUE. Skont dan tal-aħħar, sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi ta’ dan tal-aħħar.

 Ir-rwol tal-qorti fid-dawl tad-Direttiva 93/13 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Prinċipji ġenerali

59.      L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 jissanċixxu żewġ għanijiet. Dawn huma, minn naħa, li jiġi evitat li l-konsumaturi jkunu marbuta bi klawżoli inġusti (hekk kif iddefiniti fl-imsemmija direttiva) u, min-naħa l-oħra, li l-bejjiegħa u l-fornituri jiġu dissważi milli jużaw dan it-tip ta’ klawżoli fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

60.      Dawn id-dispożizzjonijiet wasslu għal ġurisprudenza abbundanti tul l-aħħar għoxrin sena. Jeħtieġ li tiġi esposta fil-qosor id-duttrina li ħarġet minnhom li hija rilevanti għall-analiżi tiegħi f’dan il-każ (11).

61.      Skont ġurisprudenza stabbilita sa mis-sena 2000 (12), is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur, f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom.

62.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni prevista mid-Direttiva 93/13, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet kontraenti waħedhom (13).

63.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-funzjonijiet mogħtija lil qorti nazzjonali mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, din tal-aħħar għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, b’hekk, tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur (14) u dan, meta jkollha l-punti “ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan” (15). Għal dan l-għan, il-qorti għandha tkun tista’ tieħu ex officio miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola fil-kuntratt li huwa s-suġġett tat-tilwima li biha hija adita taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 (16).

64.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-obbligi li jaqgħu fuq il-qorti nazzjonali għandhom jitqiesu li huma neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur jingħata protezzjoni effettiva, fid-dawl tar-riskju għoli li ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu jew li jsib diffikultà biex jeżerċitahom (17).

65.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura vinkolanti u li għandha tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (18).

–       Applikazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas tad-dritt nazzjonali

66.      Il-prinċipji mfakkra preċedentement għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta’ proċeduri mħaffa jew issemplifikati, bħal proċedura għal ordni ta’ ħlas taħt id-dritt nazzjonali (19).

67.      Tali proċedura tippermetti li kreditur jikseb b’mod rapidu u bi ftit formalitajiet titolu eżekuttiv għal djun mhux ikkontestati. Minkejja li l-modalitajiet preċiżi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, essenzjalment din hija proċedura li ma tinvolvi l-ebda dibattitu kontradittorju dwar il-mertu, ħlief fil-każ fejn id-debitur jibdieh meta jressaq oppożizzjoni. Dan it-trasferiment tal-inizjattiva proċedurali fuq il-konvenut, imsejjaħ “l-inverżjoni tal-kontenzjuż”, ifisser li huwa d-destinatarju tal-ordni ta’ ħlas li għandu jħallas biex jibda proċedura kontradittorja sabiex jipprevjeni li din l-ordni ssir eżekuttiva (20).

68.      Il-mekkaniżmu tal-ordni għal ħlas iqiegħed, abbażi ta’ dan, responsabbiltà kunsiderevoli fuq il-konvenut. Fil-fatt, din l-inverżjoni tal-kontenzjuż tfisser li d-dibattitu kontradittorju huwa ddifferit u kundizzjonali, sa fejn jiddependi fuq kontestazzjoni attiva min-naħa tal-konvenut. Fin-nuqqas ta’ tali kontestazzjoni, dan id-dibattitu qatt ma jseħħ. Għalkemm dan il-mekkaniżmu jippreżenta vantaġġi kbar f’termini ta’ effiċjenza u ta’ ħeffa, madankollu joħloq żvantaġġ proċedurali għad-detriment tal-konvenut, a fortiori meta dan ikun parti dgħajfa, bħal konsumatur li x’aktarx ikun sorpriż bil-ftuħ ta’ tali proċedura (21).

69.      Qabel ma ssir l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett, għandha ssir osservazzjoni preliminari dwar it-tipi ta’ proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas li jeżistu fi ħdan l-Unjoni.

70.      Fi ħdan id-diversi Stati Membri, wieħed jiddistingwi ġeneralment żewġ forom ta’ proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas (22), jiġifieri, minn naħa, il-proċeduri msejħa dokumentali (jew “bi prova”) (23) u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri mhux dokumentali (“mingħajr prova”) (24).

71.      Huwa fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ ordni ta’ ħlas ta’ natura dokumentali li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, għall-ewwel darba, fuq l-obbligu ta’ eżami ex officio tal-klawżoli inġusti mill-qorti qabel kwalunkwe oppożizzjoni mressqa mill-konvenut. Dan kien is-suġġett tal-kawża Banco Español de Crédito (25).

72.      Wara li fakkret il-prinċipji ġenerali stabbiliti iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-modalitajiet tal-proċeduri nazzjonali ta’ ordni ta’ ħlas jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, abbażi tal-awtonomija proċedurali tagħhom. Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-awtonomija proċedurali hija madankollu limitata mir-rekwiżit tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza (26) u ta’ effettività (27).

73.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kull każ għandu jiġi analizzat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-post tad-dispożizzjoni inkwistjoni fit-totalità tal-proċedura, tal-iżvolġiment u tal-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali (28).

74.      Wara li għamlet analiżi tal-karatteristiċi tas-sistema Spanjola tal-ordni ta’ ħlas, u b’mod partikolari tal-qosor tat-terminu ta’ oppożizzjoni impost fuq il-konvenut (għoxrin jum), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali sistema proċedurali, li ma tippermettix li l-qorti adita b’applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio, la in limine litis u lanqas f’xi mument ieħor tal-proċedura, minkejja li diġà għandha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, in-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, fl-assenza ta’ oppożizzjoni mressqa minn dan tal-aħħar, hija tali li “timmina l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13” (29).

75.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-iżvolġiment kollu u tal-partikolaritajiet tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas li kienet teżisti fid-dritt Spanjol, kien jeżisti riskju għoli li “l-konsumaturi kkonċernati ma jressqux l-oppożizzjoni mitluba jew minħabba d-dewmien partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew għaliex jistgħu jiġu skoraġġuti milli jiddefendu ruħhom fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni legali tinvolvi meta mqabbla mal-ammont tad-dejn inkwistjoni, jew għaliex jinjoraw jew ma jafux bil-portata tad-drittijiet tagħhom, jew inkella minħabba l-kontenut limitat tat-talba għal ordni mressqa mill-bejjiegħ jew fornitur u għalhekk tan-natura inkompleta tal-informazzjoni li jkollhom” (30).

76.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk żviluppat matriċi analitika partikolarment utli sabiex tistabbilixxi r-riskju ta’ ksur tal-effettività tal-protezzjoni li l-konsumaturi għandhom jibbenefikaw minnha skont id-Direttiva 93/13 (31). Wara din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu. Din ir-riforma wasslet għall-kliem attwali tal-Artikolu 815(4) tal-LEC, li l-qrati tar-rinviju semmew f’dan il-każ.

77.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkompletat l-analiżi tagħha fis-sentenza Finanmadrid EFC, li tgħid li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi “leġiżlazzjoni nazzjonali, […] li ma tippermettix lill-qorti li mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur, meta l-awtorità li għandha quddiemha t-talba għal ordni ta’ ħlas ma tkunx kompetenti biex tipproċedi b’tali evalwazzjoni” (32).

78.      Is-sentenza Profi Credit Polska (33) ippermettiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-pożizzjoni tagħha, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ dritt nazzjonali li fiha l-qorti tar-rinviju ma kellhiex il-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji sabiex teżamina n-natura inġusta tal-klawżoli li jiġġustifikaw it-talba (34). Tali eżami seta’ jsir biss fil-każ ta’ oppożizzjoni mressqa mill-konsumatur.

79.      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur mid-[Direttiva 93/13] tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas jew f’dak tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas, stħarriġ ex officio [mill-qorti nazzjonali] tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat” (35). Il-proċedura tad-dritt nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi “eżaminata fit-totalità tagħha, billi jiġu inklużi kemm l-ewwel fażi qabel issir l-oppożizzjoni, kif ukoll it-tieni fażi li tiġi wara din l-oppożizzjoni” (36).

80.      Wara li fakkret il-prinċipji ta’ awtonomija proċedurali, kif ukoll ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-konsumaturi għandu jkollhom “il-possibbiltà li jippreżentaw rikors jew li jagħmlu oppożizzjoni f’kundizzjonijiet proċedurali raġjonevoli, b’mod illi l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari termini jew spejjeż, li jnaqqsu l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13” (37).

81.      Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li fakkret il-kriterji ta’ analiżi msemmija fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali “li tippermetti l-ħruġ ta’ ordni għal ħlas […] meta l-qorti adita […] ma għandhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli […], peress li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir oppożizzjoni għal tali digriet ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet minn din id-direttiva” (38).

82.      X’konklużjoni għandha tinsilet minn din il-ġurisprudenza?

83.      Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi konkluż li stħarriġ ġudizzjarju tan-natura (potenzjalment) inġusta tal-klawżoli invokati insostenn tad-dejn tiegħu mill-applikant għandha tkun possibbli, fl-istadju tal-eżami tat-talba għal ordni ta’ ħlas, inkluż f’każ ta’ proċedura ta’ tip mhux dokumentali (mingħajr prova), sakemm il-konvenut ma jkollux aċċess effettiv għal qorti tal-oppożizzjoni (fi kliem ieħor, sakemm ir-regoli ta’ proċedura applikabbli ma jiġġenerawx riskju għoli li l-konsumatur ikkonċernat ma jifformax oppożizzjoni) jew sakemm il-qorti tal-infurzar ma tkunx awtorizzata twettaq tali stħarriġ.

84.      L-eżami ex officio tal-klawżoli inġusti mill-qorti adita ma joħloqx, fih innifsu, problema konkreta f’każ ta’ proċedura dokumentali, fis-sens li din il-qorti jkollha d-dokumenti prodotti mill-kreditur insostenn tal-applikazzjoni.

85.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, id-duttrina li tirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi applikata wkoll għall-proċeduri mhux dokumentali.

86.      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, il-konsumaturi kkonċernati (koperti minn tali proċeduri) jiġu mċaħħda mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet vinkolanti tad-Direttiva 93/13. Għal dan il-għan, huwa xieraq li tingħażel interpretazzjoni teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ din il-ġurisprudenza, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tagħhom. Fin-nuqqas ta’ aċċess effettiv għal qorti tal-oppożizzjoni jew għal stħarriġ imwettaq mill-qorti inkarigata mill-infurzar, ir-regoli proċedurali relatati mal-proċeduri mhux dokumentali jkollhom għalhekk ikunu mfassla b’tali mod li jippermettu li l-awtorità adita b’applikazzjoni għal ordni tistieden lill-applikant jipproduċi d-dokumenti li jinkludu “l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji” għall-finijiet tal-istħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13. Fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, dawn il-proċeduri jistgħu jiġu kkunsidrati li ma humiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13.

87.      Issa jeħtieġ li dawn ir-rekwiżiti jiġu trasposti fil-kuntest tar-Regolament Nru 1896/2006.

 Applikazzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 1896/2006

–       Osservazzjonijiet fuq l-oriġini tar-Regolament Nru 1896/2006

88.      Ir-regolament Nru 1896/2006 huwa r-riżultat ta’ ħidma leġiżlattiva fit-tul. L-abbozz inizjali tal-Kummissjoni (ippubblikat fl-2004) kien jipprevedi proċedura mhux dokumentali “pura” (39).

89.      Il-verżjoni finali tar-regolament tiddevja f’ħafna aspetti minn dan l-abbozz inizjali.

90.      Kif ser ninnota fl-elaborazzjonijiet li ġejjin, il-leġiżlatur tal-Unjoni wasal għal mudell “ibridu” li jgħaqqad aspetti li huma speċifiċi għall-proċeduri mhux dokumentali (bħall-assenza ta’ obbligu li jiġu prodotti, sa mill-bidu nett, dokumenti oħra ħlief il-formola A, li hija annessa għar-Regolament Nru 1896/2006) u aspetti eqreb lejn il-proċeduri ta’ tip dokumentali (bħall-obbligu tal-qorti adita li teżamina l-apparenza ta’ fondatezza tal-applikazzjoni — ara l-Artikolu 8 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq).

–       Eżami tad-dispożizzjonijiet essenzjali tar-Regolament Nru 1896/2006

91.      Mill-qari tal-premessa 9 u tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan tal-aħħar għandu b’mod partikolari l-għan li jissemplifika u li jħaffef il-proċeduri, kif ukoll li jnaqqas l-ispejjeż marbuta mal-irkupru tad-djun li ma humiex is-suġġett ta’ kontestazzjoni ġuridika, fil-kuntest ta’ tilwimiet transkonfinali. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li għandu jiġi interpretat ir-Regolament Nru 1896/2006 (40).

92.      L-Artikolu 7 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq jelenka l-elementi li l-applikant għandu jipprovdi permezz tal-formola A fl-istadju tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal ordni ta’ ħlas, elementi li jinkludu għalhekk: i) il-kawża tal-azzjoni, inkluża deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi invokati bħala l-bażi għad-dejn u, fejn applikabbli, l-interessi mitluba (l-Artikolu 7(2)(d)), u ii) deskrizzjoni tal-provi insostenn tad-dejn (l-Artikolu 7(2)(e)) (41). Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8, il-qorti li tkun ħadet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha teżamina, malajr kemm jista’ jkun u abbażi tal-formola ta’ applikazzjoni, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti (b’mod partikolari) fl-Artikolu 7 tar-regolament humiex ssodisfatti u jekk jidhirx li l-applikazzjoni hija fondata.

93.      Id-duttrina rrilevat — ġustament — li l-fatt li “jiġu deskritti l-provi jew li ma jinkiteb xejn dwarhom ma jagħmilx differenza kbira” (42). Kemm il-konvenut kif ukoll il-qorti adita għandhom għalhekk biss informazzjoni limitata ħafna. F’dan ir-rigward, fuq il-bażi biss tad-data inkluża fil-formola A, l-istħarriġ tal-fondatezza tat-talba mill-qorti huwa, prima facie, pjuttost superfiċjali (43) — li ftit li xejn jista’ jiżgura protezzjoni effettiva lill-konsumatur ikkonċernat.

94.      Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ma jkunux issodisfatti, il-qorti għandha tqiegħed lill-applikant f’pożizzjoni li jikkompleta jew li jikkorreġi l-applikazzjoni (44).

95.      Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, meta r-rekwiżiti tal-Artikolu 8 ikunu ssodisfatti, l-imsemmija qorti għandha toħroġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea (45). F’dan il-kuntest, il-konvenut għandu jirċievi ammont limitat ta’ informazzjoni (46). B’mod partikolari, il-konvenut għandu jiġi informat dwar il-possibbiltà li jopponi l-ordni ta’ ħlas billi jippreżenta oppożizzjoni quddiem il-qorti ta’ oriġini, li għandha tintbagħat fi żmien tletin jum minn meta jkun irċieva n-notifika tal-ordni maħruġa kontrih.

96.      Fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-konvenut, l-ordni ta’ ħlas issir eżekuttiva (Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1896/2006).

–       Neċessità ta’ stħarriġ mill-qorti fl-istadju tal-eżami inizjali tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea

97.      Kif innotajt fil-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi f’dan ir-rigward (47), għandu jiġi stabbilit jekk l-istħarriġ tal-qorti għandux iseħħ fl-istadju tal-eżami (inizjali) tal-applikazzjoni għal ordni jew jekk, għall-kuntrarju, il-konsumatur għandux aċċess effettiv u suffiċjenti għall-qorti tal-oppożizzjoni, jew inkella jekk il-qorti tal-infurzar hijiex f’pożizzjoni li twettaq tali stħarriġ bħala rimedju finali.

98.      Ser nibda billi nwarrab din l-aħħar possibbiltà: skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 1896/2006, kull eżami mill-ġdid fuq il-mertu fl-Istat Membru ta’ infurzar huwa pprojbit (48).

99.      Fir-rigward tal-aċċess għal qorti tal-oppożizzjoni, għalkemm id-dritt Ewropew dwar il-konsum ma għandux l-għan li jirrimedja għal “passività totali tal-konsumatur” u għalkemm ma huwiex, fih innifsu, ta’ preġudizzju li dan il-konsumatur għandu jressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas sabiex jibda t-tieni fażi tal-proċedura, li matulha l-qorti għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal ordni (49), madankollu għandu jiġi vverifikat jekk il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ oppożizzjoni għall-ordni jippermettux li tiġi ggarantita l-osservanza tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur, fost l-oħrajn, mid-Direttiva 93/13 (50).

100. Fi kliem ieħor, jista’ wieħed jikkuntenta ruħu li jafda f’idejn il-qorti tal-oppożizzjoni l-kompitu li tintervjeni, mingħajr il-possibbiltà ta’ stħarriġ minn qabel mill-qorti adita bl-applikazzjoni għal ordni?

101. F’dan ir-rigward, il-kriterji fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Banco Español de Crédito (51) jippermettu li ssir evalwazzjoni globali (52) tal-proċedura stabbilita mir-Regolament Nru 1896/2006.

102. Jeżisti riskju għoli li l-konsumatur ikkonċernat minn tali applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea ma jagħmilx oppożizzjoni għaliha, fid-dawl tal-modalitajiet tagħha?

103. Bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija pożittiva, b’mod partikolari minħabba, l-ewwel nett, it-terminu ta’ oppożizzjoni, it-tieni nett, ir-riskju li l-konsumatur ma jkunx jaf bil-portata tad-drittijiet tiegħu u, it-tielet nett, in-natura limitata tal-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu.

104. B’mod ġenerali ħafna, it-tfassil tar-Regolament Nru 1896/2006 donnu pprivileġġa kunsiderazzjonijiet relatati mal-ħeffa, kif ukoll mal-effettività tal-proċedura, għad-detriment tas-“salvagwardji” ġuridiċi li jistgħu jipproteġu lill-konvenut (53).

105. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda t-terminu ta’ oppożizzjoni, wieħed josserva li dan huwa terminu uniku, ta’ tletin jum min-notifika tal-ordni ta’ ħlas (54). Bħala paragun, fis-sentenza Banco Español de Crédito, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà nnotat li terminu ta’ għoxrin jum kien “partikolarment qasir”. Dan l-element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod parallel mal-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konsumatur (ser nerġa’ nirreferi għal dan iktar ’il quddiem, fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet). F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-kawża Banco Español de Crédito kienet tirrigwarda proċedura dokumentali li — min-natura tagħha — tippermetti li l-konsumatur isir jaf b’iktar faċilità l-provi invokati fil-konfront tiegħu, bil-maqlub tal-mudell essenzjalment mhux dokumentali li fuqu hija bbażata l-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea.

106. Barra minn hekk, ma jistax jiġi ssottovalutat ir-riskju li l-konvenut jinjora jew ma jirrealizzax il-portata tad-drittijiet tiegħu. Il-kwistjoni dwar jekk klawżola tal-kuntratt sottostanti hijiex inġusta tista’ tkun kumplessa u t-tweġiba għal din il-mistoqsija tista’ ma tkunx evidenti mill-qari tal-informazzjoni li għandu l-konsumatur (55) — a fortiori fid-dawl tal-fatt li dan tal-aħħar jista’ anki jinjora l-eżistenza tal-kunċett ġuridiku ta’ “klawżola inġusta”. Fil-fatt, il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat ma huwiex meħtieġ li jkun jaf il-kontenut tad-Direttiva 93/13 u lanqas, a fortiori, il-klawżoli kollha li din tista’ tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (56). F’dan is-sens, l-aċċess għall-oppożizzjoni huwa suġġett għall-eżistenza minn qabel ta’ aċċess għall-għarfien tad-dritt (57). Dan l-aċċess għall-għarfien tad-dritt jirriżulta iktar problematiku fis-sitwazzjoni ta’ persuni diġà midjuna, li mhux neċessarjament ikunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ avukat sabiex jeżamina l-kuntratt inkwistjoni u jindividwa eventwali illegalitajiet (58).

107. Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut limitat tal-applikazzjoni għal ordni u n-natura inkompleta tal-informazzjoni li l-konsumatur għandu f’dan ir-rigward. Kif irrilevajt fil-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sistema magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li hija bbażata fuq mudell proċedurali mhux dokumentali, attenwat b’“deskrizzjoni” tal-provi, ma tiggarantixxix lill-konsumatur ikkonċernat eżerċizzju informat tal-possibbiltà ta’ oppożizzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-informazzjoni li hija pprovduta kemm mill-applikant (fil-kuntest tal-formola A) kif ukoll mill-qorti adita fl-istadju tan-notifika (jew tal-komunikazzjoni) tal-ordni hija limitata ħafna u bl-ebda mod ma tattira l-attenzjoni tal-konsumatur dwar il-ħtieġa li jivverifika, b’mod partikolari, jekk il-kuntratt sottostanti jinkludix klawżoli inġusti (59). Hawnhekk ser norbot mal-kumment preċedenti tiegħi, dwar il-kwistjoni tal-aċċess għall-għarfien tad-dritt, li hija l-kundizzjoni sine qua non ta’ eżerċizzju informat tad-dritt ta’ oppożizzjoni (jew ta’ rinunzja għal dan id-dritt).

108. Il-fatt li l-eżerċizzju tal-oppożizzjoni ma għandux għalfejn ikun motivat (skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1896/2006) ma għandu l-ebda effett f’dan ir-rigward (60): fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-opportunità ta’ kontestazzjoni, hemm ir-riskju li l-konsumatur jastjeni milli jagħmel oppożizzjoni u jħallas is-somma msemmija fl-ordni, minħabba l-biża’ li jidħol fi proċedura ġudizzjarja bi spejjeż diffiċilment prevedibbli (61) u b’eżitu inċert.

109. Fil-qosor, fil-fehma tiegħi, jeżisti riskju għoli li l-konsumatur jastjeni milli jressaq oppożizzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi.

110. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1896/2006 jista’ (u għandu) jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita bl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas għandu jkollha s-setgħa li tistħarreġ ex officio l-klawżoli li jistgħu jkunu inġusti. Fil-fatt, kif ser nuri iktar ’il quddiem, ir-rikonoxximent ta’ din is-setgħa lill-qorti jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr madankollu ma jinkisru l-kliem u l-ispirtu tal-imsemmi regolament. Qabel ma nipproċedi biex nuri dan, għandi l-ewwel nett neżamina sa fejn il-qorti adita tista’ tikseb informazzjoni addizzjonali abbażi ta’ dan ir-regolament, sabiex teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha.

–       Portata tas-setgħat ta’ stħarriġ tal-qorti adita

111. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni hija għalhekk dwar liema huma l-elementi addizzjonali li l-qorti adita għandha tkun tista’ titlob u jekk dawn l-elementi jistgħux legalment jintalbu mingħand il-kreditur skont ir-Regolament Nru 1896/2006.

112. Jekk il-kaxxi 6, 7, 8 u 9 tal-formola A jkunu mimlija kif xieraq, dawn jippermettu li l-qorti attenta tirrileva (mill-bidu) ċerti anomaliji. Fil-fatt, fil-prattika, il-klawżoli inġusti l-iktar komuni jikkonċernaw il-metodu ta’ kalkolu tal-interessi moratorji u l-penalitajiet kuntrattwali. Madankollu, sabiex tkun ċerta, il-qorti għandu neċessarjament ikollha t-test ta’ dawn il-klawżoli kontenzjużi. Din hija preċiżament is-sitwazzjoni eżistenti fil-kawżi prinċipali u li wasslet għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari f’dan il-każ.

113. Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, kuntratt jista’ jinkludi klawżoli li jirriżultaw li huma inġusti biss wara qari globali, minħabba l-effett ikkombinat tagħhom.

114. Il-formola A tippermetti li tiġi inkluża informazzjoni li tmur lil hinn minn dik prevista formalment fil-kaxxi msemmija iktar ’il fuq (ara l-kaxxa 11).

115. Fil-fehma tiegħi, skont l-Artikolu 9(1) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, flimkien mal-Artikolu 7(2)(d) u (e) (62) tal-imsemmi regolament, il-qorti adita għandha d-dritt li tistieden lill-applikant jikkompleta l-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll li jirriproduċi l-klawżoli kollha invokati insostenn tad-dejn tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-kaxxa 11 tal-formola A.

116. Ir-riproduzzjoni tal-kuntratt kollu tippermetti li jiġi evitat li kreditur bla skrupli jagħżel b’opportuniżmu l-klawżoli suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti. Fil-fatt, l-effett ta’ tali aġir ikun li l-qorti adita tiġi ostakolata milli tifhem il-bilanċ globali tal-kuntratt u milli tiżvela n-natura potenzjalment inġusta ta’ kombinazzjoni ta’ klawżoli.

117. F’dan il-kuntest, għal raġunijiet ta’ ħeffa u ta’ sempliċità, il-qorti tistieden lill-applikant jipproduċi kopja sħiħa tal-kuntratt (minflok ma jkollu “jikkopja” t-test kollu ta’ dan il-kuntratt fil-formola).

118. Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 tippermetti li jiġi żgurat stħarriġ xieraq tal-klawżoli kkonċernati, fl-osservanza tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13, li jipprovdi li “il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat […] u ssir referenza […] għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt” (korsiv miżjud minni).

119. Fil-każ ta’ dubju dwar il-fondatezza tal-applikazzjoni, minħabba n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola partikolari, il-qorti għalhekk tkun f’pożizzjoni li tirrifjuta li toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea, skont l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006, jew li toħroġ ordni parzjali, skont kif previst fl-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament (63).

–       Konformità mal-formulazzjoni u mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 u tad-Direttiva 93/13, fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta

120. Il-formulazzjoni u l-għanijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 jippermettu li tintgħażel l-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq?

121. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija “iva”.

122. Ċertament, teżisti tensjoni potenzjali bejn ir-rekwiżit vinkolanti ta’ intervent attiv tal-qorti (li jirriżulta mid-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja) u l-għanijiet ta’ ħeffa, ta’ semplifikazzjoni u ta’ tnaqqis tal-ispejjeż imfittxija mir-Regolament Nru 1896/2006.

123. Din it-tensjoni, li tirriżulta min-natura ibrida tar-regolament u mir-rekwiżit ristrett tad-deskrizzjoni tal-provi (64), hija enfasizzata mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Szyrocka (65). Skont dik is-sentenza, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat “fis-sens li jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea” (66).

124. Għandu jiġi konkluż li din is-sentenza teskludi kull possibbiltà li tintalab informazzjoni jew dokumenti addizzjonali (67), b’mod partikolari għall-finijiet tal-istħarriġ tan-natura (potenzjalment) inġusta tal-klawżoli invokati insostenn ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea?

125. Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tas-sentenza Szyrocka (68) hija żbaljata.

126. Fil-fatt, ir-raġunament sottostanti għal din is-sentenza kien dan: l-għan imfittex mill-imsemmi regolament ikun ikkontestat li kieku l-Istati Membri jkunu jistgħu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jippreskrivu, b’mod ġenerali, rekwiżiti addizzjonali li għandhom jiġu ssodisfatti mill-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Fil-fatt, tali rekwiżiti ma jagħtux biss lok għall-impożizzjoni, fid-diversi Stati Membri, ta’ kundizzjonijiet diverġenti għal tali applikazzjoni, iżda jkomplu jżidu wkoll il-kumplessità, it-tul u l-ispejjeż tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea (69).

127. F’dan il-każ, fir-rigward ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumatur, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti tirriżulta impliċitament u neċessarjament mid-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa għalhekk rekwiżit li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni u mhux minn rekwiżit addizzjonali li huwa impost b’mod arbitrarju minn Stat Membru u li jista’ joħloq diverġenzi irrikonċiljabbli bejn l-Istati Membri. Għal din l-istess raġuni, tali rekwiżit la jikkomprometti l-awtonomija tal-proċedura stabbilita bir-Regolament Nru 1896/2006, la l-prevedibbiltà tagħha, u lanqas l-uniformità tagħha (70).

128. Barra minn hekk, is-setgħa li tintalab kopja tal-kuntratt ma tippreġudikax b’mod fundamentali l-għanijiet ta’ tħaffif, ta’ semplifikazzjoni u ta’ tnaqqis tal-ispejjeż sanċiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1896/2006 (71).

129. Il-qorti adita hija awtorizzata titlob elementi supplimentari abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1896/2006. It-trażmissjoni ta’ kopja tal-kuntratt taqa’ fil-kuntest ta’ din il-prerogattiva. B’mod iktar partikolari, it-trażmissjoni ta’ kopja tal-kuntratt (bħala tali) ma tikkumplikax b’mod irraġonevoli l-iżvolġiment tal-proċedura.

130. Fil-fatt, huwa sempliċi ħafna (a priori) fil-ġurnata tal-lum, li wieħed jikkopja dokument u jibagħtu bil-posta elettronika. Abbażi ta’ dan, jekk il-qorti adita bl-applikazzjoni għal ordni titlob lill-kreditur jipproduċi tali dokument, huwa għandu jkun jista’ jagħmel dan mingħajr dewmien, mingħajr diffikultà partikolari u, bħala prinċipju, mingħajr spejjeż (72). Tali soluzzjoni hija kompatibbli mad-diġitalizzazzjoni tal-proċedura (73).

131. Barra minn hekk, peress li l-istħarriġ imwettaq mill-qorti huwa strettament limitat għall-verifika tan-natura potenzjalment inġusta, prima facie, tal-klawżoli invokati (matul l-eżami tal-apparenza ta’ fondatezza ta’ din l-applikazzjoni), tali soluzzjoni lanqas ma għandha twassal għal dewmien sinjifikattiv fl-ipproċessar tal-imsemmija applikazzjoni — a fortiori għal qorti esperta fil-kawżi tad-dritt dwar il-konsum.

132. Barra minn hekk, is-soluzzjoni proposta tippermetti wkoll li tiġi ggarantita l-osservanza tal-għanijiet tad-Direttiva 93/13, fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta.

133. Din is-soluzzjoni tiżgura protezzjoni effettiva tal-konsumatur, billi tippermetti li l-qorti tirrifjuta l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas (jew li toħroġ ordni ta’ ħlas parzjali) meta l-klawżoli invokati jidhru, prima facie, potenzjalment inġusti (74). Din is-soluzzjoni tilħaq ukoll l-għan ta’ dissważjoni msemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, billi tiskoraġġixxi l-aġir predatorju.

134. Fil-fatt, li kieku kellha tiġi adottata interpretazzjoni differenti taż-żewġ atti inkwistjoni, dan jikkawża effett mhux mistenni favur persuni li ma kinux intiżi bħala benefiċjarji, billi jippermetti li kredituri bla skrupli jevitaw is-sistema mandatorja stabbilita bid-Direttiva 93/13 (75), billi jużaw il-proċedura ssemplifikata tar-Regolament Nru 1896/2006 (76). Tali soluzzjoni ma tippermettix li jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi msemmi fl-Artikolu 38 tal-Karta (77), b’mod partikolari mill-perspettiva tal-interessi ekonomiċi tagħhom (78).

135. Fil-kawżi prinċipali, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, tali riżultat ikun iktar u iktar assurd peress li l-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas taħt id-dritt nazzjonali tiggarantixxi lill-konsumatur protezzjoni aħjar minn dik tal-proċedura Ewropea stabbilita bir-Regolament Nru 1896/2006 (sa fejn l-imsemmija proċedura ta’ dritt nazzjonali, adattata wara s-sentenza Banco Español de Crédito (79), tinkludi stħarriġ ġudizzjarju ex officio fl-istadju tal-eżami tat-talba għal ordni ta’ ħlas (80)).

136. B’dan il-mod, is-soluzzjoni proposta tippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn il-bejjiegħa jew fornituri u l-konsumaturi, mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni (81), bilanċ li, altrimenti, jista’ jiġi ppreġudikat mill-inverżjoni tal-kontenzjuż li jikkaratterizza l-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1896/2006 u li jirrendi iktar u iktar essenzjali l-informar xieraq tal-qorti u tal-konsumatur konvenut (82).

137. Fl-aħħar nett, bħala osservazzjoni finali, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikoli 8 u 11 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-qorti adita bit-talba għal ordni ta’ ħlas hija mitluba tiddeċiedi biss fuq apparenza ta’ fondatezza, meta hija tilqa’ jew tiċħad tali talba.

138. Fi kliem ieħor, eventwali ċaħda tal-applikazzjoni (minħabba, pereżempju, dubji dwar in-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli invokati) evidentement ma tipprekludix lill-kreditur milli jikseb id-dejn tiegħu, jekk ikun il-każ, permezz ta’ mezzi proċedurali oħra (83). Dan l-element huwa kkonfermat espressament fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1896/2006 (84).

 Konklużjoni

139. L-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawżi C‑453/18 u C‑494/18 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑494/18 jeħtieġu, fil-fehma tiegħi, risposta pożittiva.

140. Għalhekk, il-qorti nazzjonali li teżamina talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea relatata ma’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur hija awtorizzata tistħarreġ ex officio n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli previsti fil-kuntratt ikkonċernat, kif jeżiġu l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) TUE.

141. Għal dan il-għan, il-qorti adita tista’ teżiġi mingħand l-applikant, abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2)(d) u (e) ta’ dan ir-regolament, li jirriproduċi l-kuntratt invokat insostenn tad-dejn, bl-għan uniku li twettaq l-istħarriġ imsemmi iktar ’il fuq.

142. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1896/2006 u tad-Direttiva 93/13 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikklassifika bħala inammissibbli d-dokumenti addizzjonali mressqa minn applikant, bħal kopja tal-kuntratt li tiġġustifika d-dejn invokat.

 Fuq ir-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C494/18

143. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità tar-Regolament Nru 1896/2006 u tistaqsi, b’mod iktar partikolari, jekk dan ir-regolament huwiex konformi mal-Artikolu 38 tal-Karta (kif ukoll mal-Artikolu 6 TUE), fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domandi eżaminati iktar ’il fuq.

144. Sa fejn l-imsemmija domandi jeħtieġu, fl-opinjoni tiegħi, risposta pożittiva, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dan il-punt.

145. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 proposta iktar ’il fuq tippermetti li dan jiġi kkonċiljat mas-sistema mandatorja stabbilita bid-Direttiva 93/13 u li jiġi ggarantit il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur imsemmi fl-Artikolu 38 tal-Karta.

 Konklużjonijiet

146. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia n° 11 de Vigo (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 11 ta’ Vigo, Spanja) u mill-Juzgado de Primera Instancia n° 20 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 20 ta’ Barcelona, Spanja):

Fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas imressqa abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, meta din l-applikazzjoni tirrigwarda dejn ibbażat fuq kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, il-qorti adita hija awtorizzata tistħarreġ ex officio n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli previsti f’dan il-kuntratt, b’mod konformi mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 6(1) TUE.

Għal din ir-raġuni, abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2)(d) u (e) ta’ dan ir-regolament, il-qorti adita tista’ teżiġi mingħand l-applikant li jirriproduċi l-kuntratt invokat insostenn tad-dejn tiegħu, bl-għan uniku li twettaq l-istħarriġ imsemmi iktar ’il fuq.

L-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Nru 1896/2006, moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikklassifika bħala inammissibbli d-dokumenti addizzjonali prodotti quddiem il-qorti adita minn applikant, bħal kopja tal-kuntratt li tiġġustifika d-dejn invokat kontra l-konsumatur.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).


3      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


4      BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000.


5      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349).


6      Il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320).


7      Il-kliem tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jagħmel riferiment għall-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), fis-seħħ f’dak iż-żmien. Sadanittant ir-Regolament Nru 44/2001 ġie ssostitwit u mħassar bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


8      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Berthe, A., L’injonction de payer, Brussell, Larcier, 2017, p. 378.


9      Hawnhekk qiegħda nirreferi għall-kriterji ta’ interpretazzjoni tradizzjonalment meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      ĠU 2007, C 303, p. 17.


11      Għal spjegazzjoni ddettaljata tal-ġurisprudenza u tad-duttrina rilevanti dwar dan is-suġġett, ara Beka, A., The Active Role of Courts in Consumer Litigation. Applying EU Law of the National Courts’ own Motion, Cambridge, Intersentia, 2018.


12      Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 25); u tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 38), u tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 35).


16      Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punti 51 u 56), u tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 24).


17      Korsiv miżjud minni. Sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C‑473/00, EU:C:2002:705, punt 33), u tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandu jitqies li din il-kwalifikazzjoni tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva li huma indispensabbli għat-twettiq tal-għan imfittex mill-imsemmi Artikolu 6.


19      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2015:746, punt 27). Fuq il-kunċett ta’ “inverżjoni tal-kontenzjuż”, ara wkoll: Boularbah, H., Requête unilatérale et inversion du contentieux, Brussell, Larcier, 2010, p. 214 et seq.


21      Ara, f’dan ir-rigward, Szpunar, M., “Quelques aspects procéduraux de la protection des consommateurs contre les clauses abusives: le contrôle d’office dans le cadre des procédures accélérées et simplifiées”, f’L’Europe au présent. Liber amicorum Melchior Wathelet, Brussell, Bruylant, 2018, p. 690.


22      Green Paper dwar proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u dwar miżuri maħsuba biex jissemplifikaw u jaċċeleraw il-litigazzjoni dwar talbiet żgħar (COM(2002) 746 final, punt 3.1.1).


23      Ibidem. Il-mudell dokumentali jimponi obbligu fuq l-applikant li jipproduċi prova bil-miktub li tiġġustifika d-dejn inkwistjoni (bħal, pereżempju, id-dokumentazzjoni kuntrattwali insostenn tiegħu). Dan il-mudell jippermetti li l-qorti tistħarreġ (b’mod limitat) l-imsemmija dokumentazzjoni, sabiex teskludi l-applikazzjonijiet mhux iġġustifikati jew immaġinarji u tipproteġi lill-konvenut fir-rigward ta’ tali talbiet.


24      Ibidem. Il-mudell mhux dokumentali huwa kkaratterizzat mill-assenza totali ta’ eżami fil-mertu tad-dejn inkwistjoni mill-qorti adita bl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas. Sakemm l-applikazzjoni tkun ammissibbli u tissodisfa l-kundizzjonijiet formali bażiċi, l-imsemmija qorti toħroġ ordni għal ħlas, mingħajr ma tevalwa iktar ’il quddiem il-fondatezza ta’ din it-talba. Peress li dan il-mudell ma jissupponi l-ebda eżami tal-fondatezza tal-applikazzjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi ppreżentat dokument li jiġġustifika d-dejn (li jservi biss sabiex jippermetti tali stħarriġ). Il-konvenut ġeneralment jiġi offrut il-benefiċċju ta’ terminu doppju ta’ oppożizzjoni, sabiex jikkumpensa n-natura sommarja ta’ din il-proċedura “mingħajr prova”.


25      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349).


26      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 46 u 47). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija ma kellha “għad-dispożizzjoni tagħha l-ebda element ta’ natura li jqajjem dubju fir-rigward tal-konformità [mal-prinċipju ta’ ekwivalenza] tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni”.


27      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 46). Skont il-prinċipju ta’ effettività, il-modalitajiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali ma jistgħux jirrendu “impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni”.


28      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 49).


29      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 53).


30      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54) (korsiv miżjud minni).


31      Din il-lista ta’ kriterji madankollu ma hijiex eżawrjenti: id-dritt ta’ aċċess għall-qorti ta’ oppożizzjoni għandu jiġi eżaminat b’mod komprensiv. Ara wkoll, f’dan is-sens, Berthe, A., L’injonction de payer, Brussell, Larcier, 2017, p. 171.


32      Ara s-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 55). Korsiv miżjud minni.


33      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018 (C‑176/17, EU:C:2018:711).


34      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punti 45 sa 47).


35      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 54). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:293, punt 28).


37      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 63).


38      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, id-dispożittiv). Korsiv miżjud minni.


39      Il-qorti adita kellha, fost l-oħrajn, “toqgħod lura milli teżamina l-fondatezza tad-dejn inkwistjoni” (premessa 12 tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura għal Ordni ta’ Ħlas Ewropea, COM(2004) 173 final). Għal spjegazzjoni ddettaljata tal-istorja tar-regolament, ara Berthe, A., L’injonction de payer, Brussell, Larcier, 2017, pp. 230‑238.


40      Ara, f’dan is-sens, Crifo, C., Cross-Border Enforcement of Debts in the European Union, Alphen aan den Rijn, Kluwer Law International, 2009, p. 111.


41      Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1896/2006 tenfasizza, f’dan ir-rigward, in-neċessità li tiġi pprovduta informazzjoni preċiża biżżejjed sabiex id-dejn jiġi identifikat u ġġustifikat sabiex il-konvenut ikun jista’ jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jew li jopponiha jew inkella li ma jikkontestahiex.


42      Berthe, A., L’injonction de payer, Brussell, Larcier, 2017, p. 273. Ara wkoll, f’dan is-sens, Payan, G., “La procédure d’injonction de payer européenne: entre efficacité et insécurité”, Ius et Actores, 2014, p. 264.


43      Ara Lopez de Tejada, M. u d’Avout, L., “Les non-dits de la procédure européenne d’injonction de payer”, Revue critique de droit international privé, 2007, p. 729, kif ukoll Guinchard, E., “Réforme législative adoptée pour le règlement [instituant une procédure européenne de règlement des petits litiges] et réforme jurisprudentielle à venir pour le règlement [instituant une procédure européenne d’injonction de payer]?”, Revue trimestrielle de droit européen, 2016, pp. 435 et seq.


44      F’dan ir-rigward, nirrileva mill-bidu nett li, fil-formola standard A, il-kreditur-applikant huwa obbligat li jippreċiża mill-bidu nett jekk il-parti kontraenti tiegħu tikkwalifikax bħala konsumatur. Il-kaxxa 11 tal-imsemmija formola A tippermetti li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali (u dan għalhekk jagħmel possibbli, pereżempju, ir-riproduzzjoni ta’ klawżoli speċifiċi).


45      Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8 huma ssodisfatti biss fir-rigward ta’ parti mill-applikazzjoni, il-qorti adita għandha tinforma dwar dan lill-applikant, li jiġi mistieden jaċċetta (jew jirrifjuta) proposta ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea fl-ammont iffissat mill-imsemmija qorti. Jekk l-applikant jaċċetta l-proposta tal-qorti, il-qorti għandha toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea għall-parti tal-applikazzjoni li tkun ġiet aċċettata mill-applikant. Il-konsegwenzi fir-rigward tal-parti li jifdal mit-talba inizjali għandhom jiġu rregolati mid-dritt nazzjonali (ara l-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament).


46      Ara wkoll il-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Kif fakkret diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u dawn jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività: ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 46), u tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 57). Jidhirli li din il-konstatazzjoni għandha tapplika, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, sa fejn ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jinkludi ebda dispożizzjoni espressa li tostakola l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 jew li tiddetermina l-modalitajiet ta’ stħarriġ tal-klawżoli potenzjalment inġusti (fis-sens tal-imsemmija direttiva) f’dan il-kuntest.


48      Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li, fil-kawża Finanmadrid EFC, l-Avukat Ġenerali Szpunar kien osserva li “de lege ferenda, huwa mixtieq li jiġi emendat ir-Regolament […], li potenzjalment ikopri d-dejn li jirriżulta minn kuntratti ma’ konsumaturi, sabiex jipprevedi espliċitament l-istħarriġ ex officio ta’ klawżoli inġusti fl-istadju tal-adozzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea”: ara, rigward dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2015:746, nota 20).


49      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:293, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 71).


51      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349).


52      Ara l-punti 73 u 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Ara, f’dan is-sens, Lopez de Tejada, M. u d’Avout, L., “Les non-dits de la procédure européenne d’injonction de payer”, Revue critique de droit international privé, 2007, pp. 723‑724. Ara wkoll il-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Il-proċedura Ewropea b’hekk tiddistingwi ruħha mill-parti l-kbira tal-proċeduri tat-tip mhux dokumentali li b’xi mod jikkumpensaw l-assenza ta’ dokument ta’ sostenn permezz ta’ terminu doppju għal preżentata ta’ rikors, li huwa iktar favorevoli għall-konvenut: qed naħseb, b’mod partikolari, dwar il-Mahnverfahren fid-dritt Ġermaniż.


55      Fil-fatt, għalkemm ċerti klawżoli kriminali jew relatati mal-interessi moratorji jistgħu jirriżultaw li huma intrinsikament inġusti, dan ma japplikax f’każijiet oħra, iktar sottili, fejn in-natura inġusta tal-kuntratt tirriżulta mill-interazzjoni ta’ diversi klawżoli.


56      Dan huwa (a fortiori) il-każ meta l-kuntratt inkwistjoni jkun irregolat mid-dritt ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-konsumatur: ara, f’dan is-sens, il-ħames premessa tad-Direttiva 93/13.


57      Ara, f’dan is-sens, Chainais, C., “L’injonction de payer française, modèle d’une protection juridictionnelle monitoire”, f’Justices et droit du procès. Du légalisme procédural à l’humanisme processuel, Pariġi, Dalloz, 2010, p. 646, nru 51.


58      Rott, P., “Case Note on Banco Español de Crédito”, European Review of Contract Law, 2012, pp. 470-480.


59      Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fl-opinjoni tiegħi, hawnhekk jeħtieġ raġunament b’analoġija mas-sentenza Pannon GSM; ikun jaqbel li l-konsumatur jiġi informat minn qabel dwar in-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola sabiex dan ikun jista’ jiddeċiedi, xjentement, li ma jeżerċitax id-drittijiet tiegħu f’dan ir-rigward: ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 33).


60      Barra minn hekk, nosserva li, fil-prattika, in-numru ta’ oppożizzjonijiet magħmula kontra ordnijiet ta’ ħlas Ewropej huwa limitat (li donnu jikkorrobora l-assenza ta’ effett ta’ dan l-aspett fuq l-eżerċizzju tal-oppożizzjoni). Pereżempju, fl-Awstrija, fl-2012, 96 % tal-ordnijiet maħruġa ma kinux is-suġġett ta’ oppożizzjoni min-naħa tad-debitur. Ara, dwar dan is-suġġett, ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq Proċedura għal Ordni ta’ Ħlas Ewropea (COM(2015) 495 finali, Taqsima 3.7).


61      Ir-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi biss limitu fir-rigward tal-ispejjeż legali. L-Artikolu 25 jipprovdi li “il-miżati kombinati tal-qorti ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u tal-proċedimenti ordinarji ċivili li jsegwu f’każ ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea fi Stat Membru m’għandhomx jaqbżu l-miżati tal-qorti ta’ proċedimenti ċivili ordinarji mingħajr proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea preċedenti f’dak l-Istat Membru”. Dawn l-ispejjeż legali jinkludu l-ispejjeż u l-miżati li għandhom jitħallsu lill-qorti, li l-ammont tagħhom huwa ffissat skont id-dritt nazzjonali. Dawn l-ispejjeż jistgħu, xi drabi waħedhom, jaqbżu l-ammont tad-dejn ikkonċernat. Jekk ikun avżat, il-konsumatur jieħu inkunsiderazzjoni wkoll, fir-raġunament tiegħu, l-ispejjeż marbuta mar-rappreżentanza eventwali tiegħu fil-qorti (onorarji tal-avukat) u, jekk ikun il-każ, l-interessi ġudizzjarji li jibqgħu għaddejjin fil-konfront tiegħu matul il-proċedura.


62      Infakkar li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw rispettivament il-kawża tal-azzjoni (inkluża deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi invokati bħala bażi għad-dejn u, fejn applikabbli, tal-interessi mitluba) u d-deskrizzjoni tal-provi insostenn tad-dejn.


63      Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-qorti adita jkollha dubji dwar l-ammont tal-interessi legalment eżiġibbli jew fir-rigward tal-ammont mitlub bħala penalità kuntrattwali.


64      Hawnhekk qed nirreferi għall-kliem tal-Artikolu 7(2)(e) tar-Regolament Nru 1896/2006.


65      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka (C‑215/11, EU:C:2012:794).


66      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka (C‑215/11, EU:C:2012:794, id-dispożittiv).


67      Ara, f’dan is-sens, Payan, G., “La procédure d’injonction de payer européenne: entre efficacité et insécurité”, Ius et Actores, 2014, pp. 263 u 264.


68      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka (C‑215/11, EU:C:2012:794).


69      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka (C‑215/11, EU:C:2012:794, punt 31, korsiv miżjud minni). Bl-istess mod, nirrileva li l-Avukat Ġenerali Mengozzi wera wkoll il-fatt li l-aċċess ugwali għall-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas għall-kredituri kollha u għad-debituri kollha fl-Unjoni, huwa suġġett għall-prevedibbiltà u għall-uniformità tar-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 1896/2006, li jippermettu li tiġi ppreżervata l-awtonomija tal-imsemmija proċedura: ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Szyrocka (C‑215/11, EU:C:2012:400, punti 33 sa 36).


70      Hawnhekk nirreferi għall-elementi ta’ evalwazzjoni enfasizzati fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Szyrocka (C‑215/11, EU:C:2012:400, punti 33 sa 36).


71      Sabiex nipparafraża s-sentenza Szyrocka (iċċitata iktar ’il fuq), l-eżerċizzju ta’ tali setgħa ma jwassalx għal “żieda fil-kumplessità, fit-tul u fl-ispejjeż tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea”.


72      Jiena evidentement konxja mill-kwistjoni eventwali tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni tal-kuntratt. Madankollu, jidhirli li din il-problema hija pjuttost waħda teoretika. Fil-fatt, wieħed jista’ raġonevolment jistenna li l-kuntratt ikun miktub fil-lingwa normali tad-debitur (peress li kien hu li ffirma dan il-kuntratt) — lingwa abitwali li ser tkun ukoll, fil-parti l-kbira tal-każijiet, dik tal-qorti adita (minħabba r-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, li jipprovdi li “jekk il-konvenut huwa l-konsumatur, il-qrati fl-Istat Membru fejn il-konvenut huwa domiċiljat biss […] għandha jkollha ġurisdizzjoni”).


73      Skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 1896/2006, l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ tiġi ppreżentata f’forma elettronika. L-Artikolu 8 ta’ dan l-istess regolament jippermetti wkoll eżami permezz ta’ “proċedura awtomatizzata”. Il-leġiżlatur Ewropew jidher għalhekk li jixtieq jinkoraġġixxi d-diġitalizzazzjoni tal-proċedura: is-soluzzjoni proposta ma tostakolax dan l-iżvilupp. Ara wkoll, f’dan is-sens, Payan, G., “La procédure d’injonction de payer européenne: entre efficacité et insécurité”, Ius et Actores, 2014, p. 265.


74      Fil-fatt, il-qorti adita ma tiddeċidix fuq il-mertu u ma tannullax id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-kuntratt. Hija tirrifjuta sempliċement li toħroġ titolu eżekuttiv fil-kuntest tar-Regolament Nru 1896/2006, billi tibbaża ruħha fuq apparenza ta’ dritt — bla ħsara għad-drittijiet tal-kreditur, li għandhom ikunu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu. Ara wkoll il-punti 137 u 138 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


76      Nirrileva wkoll li, fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2016 dwar l-applikazzjoni tal-Proċedura għal Ordni ta’ Ħlas Ewropea (2016/2011/INI), il-Parlament Ewropew enfasizza dan li ġej: “billi n-natura ssimplifikata tal-proċedura ma tfissirx li tista’ tiġi użata b’mod ħażin biex jiġu infurzati klawżoli kuntrattwali inġusti, peress li l-Artikolu 8 tar-Regolament [Nru 1896/2006] jirrikjedi li l-qorti teżamina jekk it-talba hijiex fondata, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, u b’hekk tiġi żgurata l-kompatibilità tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett” (ara l-premessa J tal-imsemmija riżoluzzjoni).


77      Għall-kompletezza, għandu jiġi nnutat ukoll li l-Artikolu 12 TFUE stabbilixxa n-natura transversali ta’ dan ir-rekwiżit ta’ protezzjoni għolja tal-konsumaturi, b’tali mod li “[f]id-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ politika u attivitajiet oħra ta’ l-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”. Din in-natura transversali titlob ukoll interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 tal-Karta, kif ukoll tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13.


78      Ara l-Artikolu 169 TFUE u l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


79      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349). Ara wkoll il-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80      Ara l-Artikolu 815(4) tal-LEC (punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


81      Dan huwa, barra minn hekk, l-għan tas-sistema mandatorja stabbilita bid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, l-għan imfittex mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk il-konsumaturi jsibu ruħhom obbligati li jqajmu huma stess in-natura inġusta ta’ klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 26)). Issa, dan ikun preċiżament il-każ jekk l-konsumatur ikollu jressaq oppożizzjoni sabiex ikun jista’ jibbenefika minn stħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli potenzjalment inġusti u jostakola l-implimentazzjoni tagħhom. Ara wkoll il-punti 62, 63 u 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


82      Għal argumenti iktar iddettaljati dwar dan is-suġġett, ara: Sinopoli, L., “Le droit au procès équitable à l’ombre de l’inversion du contentieux. À propos de quelques décisions de la Cour de justice en droit judiciaire européen”, Revue de droit commercial belge, 2015, pp. 7 sa 18.


83      Bla ħsara għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, l-Artikoli 17 sa 19 ta’ dan ir-regolament jipprovdu regoli protettivi fil-qasam tal-ġurisdizzjoni tal-qrati, meta waħda mill-partijiet f’tilwima dwar kuntratt tkun konsumatur.


84      Biex infakkar, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, xejn ma jipprekludi lill-applikant milli “jsegwi talba […] billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja”. Skont l-Artikolu 11(3), tal-imsemmi regolament, “ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni m’għandux jimpedixxi lill-pretendent milli jsegwi t-talba permezz ta’ applikazzjoni ġdida għal ordni ta’ ħlas Ewropea jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru”.