Language of document : ECLI:EU:F:2015:26

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

26 ta’ Marzu 2015

Kawża F‑32/14

DO

vs

L‑Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)

“Servizz Pubbliku — Persunal tal-ESMA — Membru tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni tardiva tar-rapport ta’ evalwazzjoni — Inkoerenza tal-evalwazzjonijiet ġenerali u speċifiċi”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu DO titlob lit-Tribunal, minn naħa, li jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), tat-13 ta’ Awwissu 2013, li ma jiġġeddidx il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju, li skada fil-15 ta’ Frar 2014, u r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha li jkopru s-snin 2011 u 2012 u, min-naħa l-oħra, li jikkundanna lill-ESMA għall-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-dannu morali li ġarrbet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. DO għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

Sommarju

Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

Ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni, ħlief fil-każ ta’ żbalji ta’ fatt, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter, li tistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal meta din l-evalwazzjoni tinvolvi ġudizzji ta’ valur kumplessi li, min-natura tagħhom stess, ma jistgħux jiġu vverifikati b’mod oġġettiv.

B’mod partikolari, ma huwiex il-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu għal dik tal-persuni responsabbli għall-evalwazzjoni tax-xogħol tal-persuna evalwata, peress li l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa x-xogħol tal-uffiċjali tagħha.

(ara l-punt 64)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑96/04, EU:T:2005:376, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Nastvogel vs Il‑Kunsill, F‑4/10, EU:F:2011:134, punt 32