Language of document : ECLI:EU:C:2018:723

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑13 ta’ Settembru 2018 (1)

Kawżi maqgħuda C266/17 u C267/17

Rhein-Sieg-Kreis

vs

Verkehrsbetrieb Hüttebräucker GmbH,

BVR Busverkehr Rheinland GmbH (C266/17),

bl-intervent ta’:

Regionalverkehr Köln GmbH

u

Rhenus Veniro GmbH & Co. KG

vs

Kreis Heinsberg (C267/17),

bl-intervent ta’:

WestVerkehr GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Oberlandesgericht Dusseldorf (Qorti Reġjonali Superjuri ċivili u kriminali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Domanda preliminari — Trasport — Servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq — Għoti dirett ta’ kuntratti għal servizz pubbliku: operatur intern — Kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007— Kontroll simili — Għoti dirett suċċessiv mill-operatur intern — Il-mument li fih għandhom jiġu evalwati l-kundizzjonijiet għall-għoti dirett”






1.        Fil-bidu ta’ dawn iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari hemm il-kuntratti rispettivi ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank, mogħtija (jew li ser jingħataw) direttament minn awtoritajiet lokali Ġermaniżi lill-“operaturi interni” rispettivi tagħhom. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ebda wieħed minn dawn il-kuntratti ma juża l-forma legali ta’ għoti ta’ servizzi tat-trasport.

2.        Il-proliferazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ għoti dirett, li ma jinvolvix l-użu tal-kompetizzjoni libera u jiffavorixxi lill-impriżi muniċipali tat-trasport, hija sors ta’ tħassib għall-bqija tal-impriżi privati tas-settur, li jinnotaw li l-parti tagħhom fis-suq qed tonqos, filwaqt li dik tal-impriżi tal-kapital pubbliku tibqa’ l-istess jew tiżdied.

3.        Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, l-ewwel u qabel kollox, jekk l-għoti dirett ta’ dawn il-kuntratti lill-operaturi interni huwiex irregolat mil-lex specialis, li f’dan il-każ hija l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 (2), mid-direttivi ġenerali dwar il-kuntratti pubbliċi jew mir-regoli tat-TFUE. Minbarra dan id-dubju prinċipali, id-domandi tagħha jikkonċernaw punti oħrajn tar-relazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u l-operaturi interni tagħhom.

I.      Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 1370/2007

4.        L-Artikolu 2 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

c)      ‘awtorità lokali kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti li ż-żona ġeografika ta’ kompetenza tagħha mhix nazzjonali;

[…]

h)      ‘għotja diretta’ tfisser l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

i)      ‘kuntratt għal servizz pubbliku’ tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta’ servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku; […]

j)      ‘operatur intern’, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

[…]”.

5.        L-Artikolu 4 jipprovdi:

“[…]

7.      […] Jekk jingħataw sub-kuntratti, l-operatur li jingħata l-inkarigu li jamministra u jħaddem is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri skond dan ir-Regolament għandu jkun mitlub iwettaq parti kbira mis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu. […]”

6.        L-Artikolu 5 jipprovdi:

“1.      Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] jew 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)] [ikta ’il quddiem id-“Direttivi dwar kuntratti pubbliċi”], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.

2.      Sakemm mhux projbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hi awtorità individwali jew grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pbbliku għall-passiġġieri u kemm jekk le, tista’ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija nfisha jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lill-entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtorijajiet mill-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċità kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

a)      sabiex jiġi determinat jekk l-awtorità lokali kompetenti teżerċitax tali kontroll, fatturi bħal ma huma l-grad ta’ rappreżentazjoni fuq korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew superviżorji, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ dan fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza effettiva u l-kontroll fuq deċiżjonijiet strateġiċi u fuq deċiżjonijiet individwali ta’ ġestjoni. Skond il-liġi Komunitarja, proprjetà ta’ 100 % mill-awtorità pubblika kompetenti, b’mod partikolari fil-każ ta’ sħubiji pubbliċi-privati, m’hix ħtieġa mandatorja għall-istabbiliment ta’ kontroll fit-tifsira ta’ dan il-paragrafu, sakemm hemm influenza pubblika dominanti u jista’ jiġi stabbilit kontroll abbażi ta’ kriterji oħrajn;

b)      il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta’ passiġġieri fit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta’ dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti;

ċ)      minkejja l-punt (b), operatur intern jista’ jieħu sehem f’sejħiet għall-offerti ġusti u kompetittivi minn sentejn qabel it-tmiem tal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti lilu direttament taħt il-kondizzjoni li deċiżjoni finali tkun ittieħdet li s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri koperti minn kuntratt ta’ operatur intern jiġu suġġetti għal sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u li l-operatur intern ma jkun ikkonkluda l-ebda kuntratt għal servizz pubbliku ieħor mogħti direttament;

[…]

e)      jekk jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ sub-kuntratt skond l-Artikolu 4(7), l-operatur intern ikun meħtieġ li jipprovdi l-parti l-kbira tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu.

3.      Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-non-diskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta’ offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista’ tinvolvi negozjati skont dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

[…]”

7.        L-Artikolu 7 jipprevedi:

“[…]

2.      Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li, għall-inqas darba fis-sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

a)      l-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità kompetenti;

b)      it-tip ta’ għotja kkunsidrata;

ċ)      is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja.

[…]”

8.        L-Artikolu 8 jipprovdi:

“[…]

2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma ma’ l-Artikolu 5 mit‑3 ta’ Diċembru 2019. Matul dan il-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment ma’ l-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji b’mod partikolari relatati mal-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta’ progress ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa ndirizzati lill-Istati Membri.

3.      Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m’għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali:

a)      qabel is‑26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

b)      qabel is‑26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura li ma hijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

ċ)      mis‑26 ta’ Lulju 2000 u qabel it‑3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

d)      mis‑26 ta’ Lulju 2000 u qabel it‑3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura li ma hijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti.

Il-kuntratti msemmija f’(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f’(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f’(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta’ żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

[…]”

II.    Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari

A.      Fil-Kawża C266/17

9.        Ir-Rhein-Sieg-Kreis (Distrett ta’ Rhein-Sieg) huwa entità territorjali tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen li, skont id-dritt nazzjonali, hija kkunsidrata bħala awtorità kompetenti fil-portata ġeografika tagħha, għall-finijiet tar-Regolament.

10.      Id-Distrett ta’ Rhein-Sieg għandu operatur intern (Regionalverkehr Köln GmbH, iktar ’il quddiem, “RV Köln”) li għandu personalità ġuridika separata(3). Skont id-digriet tar-rinviju, dan il-Kreis (Distrett) għandu kontroll fuq RV Köln “simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tiegħu stess, li jieħu l-forma ta’ kontroll konġunt mal-imsieħba l-oħrajn” (4).

11.      Barra minn hekk, flimkien ma’ korporazzjonijiet territorjali oħrajn, id-Distrett ta’ Rhein-Sieg stabbilixxa konsorzju ta’ ġestjoni (Verkehrsverbund Rhein-Sieg) inkarigat, b’mod partikolari, mill-istabbiliment ta’ tariffi, iżda ma jeżerċitax l-attività ta’ trasport.

12.      Id-Distrett ħabbar (5) li kien ser jipproċedi, skont l-Artikolu 5(2) tar-regolament, għall-għoti dirett ta’ servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri “fi ħdan il-portata ġeografika tiegħu u jinkludi l-linji li jmorru lil hinn fid-direzzjoni tal-portati ġeografiċi li jmissu miegħu” (6).

13.      RV Köln jipprovdi s-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri mogħti fit-territorju tad-Distrett, barra mil-linji li jmorru lil hinn jew servizzi anċillari oħra li jwasslu għat-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti viċini (7).

14.      L-avviż tal-għoti ġie kkontestat minn Verkehrsbetrieb Hüttebräucker GmbH u BVR Busverkehr Rheinland GmbH quddiem il-Vergabekammer Rheinland (Kamra tal-kuntratti pubbliċi ta’ Rheinland, il-Ġermanja), li pprojbixxiet l-għoti dirett tal-kuntratt lill-operatur intern, minħabba li ma kinux ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-regolament: l-awtorità lokali ma kellhiex kontroll fuq l-operatur u l-provvista tas-servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri kienet titwettaq f’territorji differenti minn dak tal-entità kontraenti.

15.      Id-deċiżjoni tal-Kamra tal-Kuntratti Pubbliċi ta’ Rheinland ġiet appellata quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tesponi l-preżenza ta’ pożizzjonijiet legali differenti fil-Ġermanja, fir-rigward tal-kuntratti tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq li ma jiħdux il-forma ta’ konċessjoni għal servizzi:

–        Għal xi qrati, il-konċessjoni biss tiġġustifika l-applikazzjoni tar-Regolament. Fin-nuqqas ta’ konċessjoni, tapplika s-sistema ġenerali tad-Direttivi dwar kuntratti pubbliċi.

–        Għal oħrajn, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament jistabbilixxi sistema speċjali li tieħu preċedenza fuq ir-regoli ġenerali. Ir-riferiment li jsir fl-Artikolu 5(1) għad-Direttivi dwar kuntratti pubbliċi ma għandhiex skop, f’każijiet bħal dawn, minħabba li l-għoti intern ma huwiex suġġett għalihom.

16.      F’dan il-qafas, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Dusseldorf) tagħmel id-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwa applikabbli għall-kuntratti li ma jkollhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi kif iddefiniti fid-Direttiva 2004/17/KE jew fid-Direttiva 2004/18/KE?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)      Fil-każ fejn awtorità individwali kompetenti tagħti direttament kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur intern konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kontroll konġunt eżerċitat mill-imsemmija awtorità individwali flimkien mal-entitajiet assoċjati l-oħra tal-operatur intern ikun ostakolat meta l-fakultà ta’ intervent fit-trasport pubbliku ta’ passiġġieri f’żona ġeografika partikolari [Artikolu 2(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1370/2007] tkun maqsuma bejn l-awtorità individwali kompetenti u grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri, b’mod, pereżempju, li s-setgħa tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi lil operatur intern tibqa’ f’idejn l-awtorità individwali, filwaqt li x-xogħol relatat mat-tariffi jingħata lil sindakat interkomunali ta’ komunità tat-trasport, li tinkludi, minbarra l-awtorità individwali, awtoritajiet kompetenti oħra fiż-żoni ġeografiċi tagħhom?

3)      Fil-każ fejn awtorità individwali kompetenti tagħti direttament kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur intern konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kontroll konġunt eżerċitat mill-imsemmija awtorità individwali flimkien mal-entitajiet assoċjati l-oħra tal-operatur intern ikun ostakolat meta skont ir-regoli statutorji tal-imsemmi operatur, ikollha drittijiet ta’ vot sabiex tgħaddi, temenda jew ixxolji kuntratt għal servizz pubbliku skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 biss l-entità assoċjata li, hi stess, tagħti kuntratt għal servizzi lill-imsemmi operatur skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, jew li l-proprjetarju dirett jew indirett tagħha jagħti tali kuntratt?

4)      Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti li l-operatur intern jagħti wkoll servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġieri għal awtoritajiet lokali kompetenti oħra fit-territorju tagħhom (inklużi linji li jmorru lil hinn jew servizzi parzjali [anċillari] oħra li jwasslu għat-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti viċini), meta dawn ma jkunux ngħataw permezz ta’ proċedura organizzata ta’ sejħiet kompetittivi għal offerti?

5)      Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti li l-operatur intern jipprovdi, lil hinn mit-territorju tal-awtorità li inkarigatu, servizzi pubbliċi tat-trasport ta’ passiġġieri għal awtoritajiet organizzaturi ta’ servizzi oħra, fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ servizzi li jaqgħu taħt ir-regoli tranżitorji previsti fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007?

6)      F’liema data għandhom il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ikunu ssodisfatti?”

B.      Fil-Kawża C267/17,

17.      Il-Kreis Heinsberg (Distrett ta’ Heinsberg) huwa entità territorjali tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen. Flimkien mal-belt ta’ Aachen, iż-żona metropolitana ta’ Aachen u d-Distrett ta’ Düren, tifforma parti mill-konsorzju muniċipali ta’dritt pubbliku Aachener Verkehrsverbund, stabbilit sabiex jippromwovi u jinkoraġġixxi t-trasport pubbliku ta’ passiġġieri tal-viċinat għall-membri tiegħu (8).

18.      Fil‑15 ta’ Marzu 2016, id-Distrett ta’ Heinsberg ħabbar (9) li ser isir għoti dirett, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti, tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u vetturi oħra, skont l-Artikolu 5(2) tar-regolament.

19.      L-operatur intern (10) li lilu kien ippjanat li jingħata dan is-servizz, mill‑1 ta’ Jannar 2018 u għal perijodu ta’ 120 xahar, kien WestVerkehr GmbH, kumpannija li kienet twettaq l-attività tagħha prinċipalment permezz tas-sussidjarja tagħha miżmuma 100 % minnha, Kreisverkehrsgesellschaft Heinsberg mbH, u dan kellu l-intenzjoni li jkompli jagħmel dan wara l-għoti dirett.

20.      Rhenus Veniro GmbH ikkontestat l-għoti quddiem il-Kamra tal-kuntratti pubbliċi ta’ Rheinland, li ċaħdet l-appell tagħha fil‑11 ta’ Novembru 2016, u għalhekk din il-kumpannija marret quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Dusseldorf) fejn sostniet: a) li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ma huwiex applikabbli u b) li, sussidjarjament, id-Distrett ta’ Heinsberg, bħala membru tal-Aachener Verkehrsverbund, ma għandux kompetenza għall-għoti dirett tal-kuntratt, peress li din il-kompetenza hija ta’ awtorità waħda jew ta’ grupp ta’ awtoritajiet, iżda mhux ta’ awtorità fil-kapaċità tagħha bħala membru tal-grupp.

21.      F’dan il-qafas, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Dusseldorf) tagħmel id-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 huwa applikabbli għal kuntratti pubbliċi għal servizzi, fis-sens tal-Artikolu 2(i) tal-imsemmi regolament, li għandhom jingħataw direttament u li, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament, ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi kif iddefiniti fid-Direttiva 2004/17/KE jew fid-Direttiva 2004/18/KE?

2)      L-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jipprevedu, minħabba l-użu tal-kelma ‘jew’, kompetenza esklużiva ta’ awtorità individwali jew ta’ grupp ta’ awtoritajiet, jew għandu jitqies li awtorità individwali tista’ wkoll, skont dawn id-dispożizzjonijiet, tkun membru ta’ grupp ta’ awtoritajiet u tgħaddi lil dan il-grupp ċerti funzjonijiet, filwaqt li madankollu żżomm is-setgħa li tintervjeni, fis-sens tal-Artikolu 2(b), u tkun l-awtorità lokali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007?

3)      Sa fejn jeħtieġ li l-operatur intern jipprovdi huwa nnifsu l-parti l-kbira tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri, il-punt (e) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jeskludi li l-operatur intern jiżgura t-twettiq tal-parti l-kbira ta’ dan is-servizz permezz ta’ kumpannija sussidjarja miżmuma minnu 100 %?

4)      Il-kundizzjonijiet għal għoti dirett previsti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għandhom ikunu ssodisfatti mal-pubblikazzjoni ta’ proġett ta’ għoti dirett skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jew biss mal-għoti dirett innifsu?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Il-digrieti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Mejju 2017, wara li ġie deċiż li jingħaqdu.

23.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Verkehrsbetrieb Hüttebräucker GmbH, minn Rhenus Veniro GmbH, mid-Distretti ta’ Rhein-Sieg u ta’ Heinsberg, mill-Gvern Awstrijak u mill-Kummissjoni Ewropea.

24.      Verkehrsbetrieb Hüttebräucker GmbH, Rhenus Veniro GmbH, BVR Busverkher Rheinland Gmbh, id-Distretti ta’ Rhein-Sieg-Kreis u ta’ Heinsberg, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea dehru fis-seduta li nżammet fil‑31 ta’ Mejju 2018.

IV.    Analiżi

A.      Applikazzjoni tar-Regolament (l-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C266/17 u C267/17)

25.      L-ewwel punt li għandu jitqies huwa li, f’dawn iż-żewġ tilwimiet, ir-relazzjoni legali bejn l-awtorità kontraenti u l-operatur responsabbli għall-provvista tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, skont il-qorti tar-rinviju, ma hijiex ekwivalenti għal konċessjoni ta’ servizz pubbliku, iżda għal kuntratt ta’ servizz pubbliku.

26.      Jekk dan ikun il-każ, japplika l-Artikolu 5(1) tar-Regolament li, bħala prinċipju, ir-riżultat tiegħu huwa li l-għoti ta’ dan il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jkollu jitwettaq skont id-Direttivi 2004/17 u 2004/18 (11).

27.      Il-problema hija li dawn iż-żewġ Direttivi, għall-kuntrarju ta’ dawk li ġew wara l-2014 (12), ma jsemmux l-għoti dirett ta’ dawn il-kuntratti favur l-operaturi interni (imsejħa wkoll operaturi in house). Fil-każ ta’ din is-sitwazzjoni, id-dilemma tikkonċerna:

–        Jekk għandhiex tintuża l-ġurisprudenza (13) li, fis-sitwazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ qabel id-Direttivi dwar kuntratti pubbliċi tal‑2014, ipprovdiet il-punti ewlenin tal-għażla diretta tal-benefiċjarju, meta kien biss strument intern għas-servizz tal-awtorità kontraenti li tikkontrollah. Il-ġurisprudenza Teckal, li hija żviluppata preċiżament bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18, tipprovdi Linji gwida, li joriġinaw mil-liġi tal-qrati, sabiex jippermettu dawn it-tipi ta’ inkarigi minn awtoritajiet pubbliċi lill-korpi strumentali tagħhom.

–        Jew jekk għandhomx jiġu applikati r-regoli speċifiċi li huma stipulati fir-Regolament għal dan it-tip ta’ għoti favur l-operaturi interni.

28.      Kif rifless mid-diskrepanza bejn il-qrati Ġermaniżi, li hija msemmija fid-digrieti tar-rinviju, is-soluzzjoni għall-problema ma hijiex evidenti u d-disparità tas-sistemi legali li ġejjin minn teorija waħda jew oħra hija sinjifikattiva. Dan ikun differenti kieku, fit-tilwimiet li wasslu għal dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, setgħu jiġu applikati d-Direttivi tal‑2014, minħabba li, b’ċerti sfumaturi, essenzjalment inkorporaw formalment il-ġurisprudenza Teckal (14) fl-artikoli tagħhom.

29.      Ma jkunx hemm diffikultà, f’din l-ipoteżi, sabiex jiġi ammess li r-riferiment għad-Direttivi tal-2004, magħmul fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament, għandu jinftiehem bħala magħmul għad-Direttivi tal-2014, ladarba jkunu fis-seħħ (15). Ukoll, peress li dawn diġà jikkontemplaw espliċitament ir-regoli għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi lill-operaturi in house, ikun meħtieġ li jiġi ċċarat jekk għandhomx prijorità fuq dawk li jinsabu fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (16). Madankollu, l-applikazzjoni tad-Direttivi tal‑2014 ma hijiex vijabbli, ratione temporis, għal dawn il-kawżi (17).

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “d-direttiva applikabbli, bħala prinċipju, hija dik fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni ta’ jekk hemmx jew le, obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku (is-sentenza [tal‑11 ta’ Lulju 2013] Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑576/10, EU:C:2013:510, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, huma inapplikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħhom skada wara dan iż-żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tal‑5 ta’ Ottubru 2000,] Il-Kummissjoni vs Franza, C‑337/98, EU:C:2000:543, punti 41 u 42)” (18).

31.      Permezz taż-żewġ digrieti ta’ rinviju, huwa vverifikat li l-avviżi tal-għoti dirett saru qabel id-data tal-limitu tat-traspożizzjoni tad-Direttivi tal‑2014 (19). Barra minn hekk, ma hemm ebda element oġġettiv li jindika li l-għażla tal-awtorità kontraenti nbidlet fir-rigward ta’ dik li dehret f’dawn l-avviżi.

32.      Konsegwentement, għandha terġa’ tingħata attenzjoni lid-dilemma li semmejt qabel, mingħajr il-possibbiltà li jintużaw ir-regoli tad-Direttivi tal‑2014 dwar l-għoti dirett lill-operaturi interni.

33.      Il-proċeduri previsti fid-Direttivi 2004/17 u 2004/18 ma humiex applikabbli għal dan it-tip ta’ għoti in house. Kif stqarrejt f’konklużjonijiet oħrajn, “[t]aħt is-sistema in house l-awtorità kontraenti ma tagħmilx kuntratti, minn perspettiva funzjonali, ma’ entità differenti oħra, iżda, fil-fatt, tagħmel dan magħha nfisha, minħabba r-rabta li għandha mal-entità formalment differenti. Strettament, ma nistgħux nitkellmu dwar għoti ta’ kuntratt, iżda sempliċi kompitu jew kariga, li ma huwiex oġġezzjonabbli mill-‘parti’ l-oħra, tkun xi tkun il-formula li jużaw […] In-nuqqas ta’ relazzjoni vera ta’ parti oħra jiġġustifika l-fatt li awtorità kontraenti ma tkunx meħtieġa tgħaddi mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta tuża mezzi tagħha sabiex twettaq il-kompiti […]” (20).

34.      Għalhekk, l-għoti lill-operaturi interni għandu jiġi rregolat jew bil-ġurisprudenza Teckal jew bir-regoli speċjali tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (fil-każ ta’ servizzi tat-trasport terrestri).

35.      Minkejja li nirrikonoxxi l-importanza tal-argumenti kuntrarji, nagħti prevalenza lill-Artikolu 5(2) tar-Regolament. Fl-opinjoni tiegħi, hemm diversi argumenti favur din il-pożizzjoni.

36.      L-ewwel wieħed huwa konformi mal-interpretazzjoni letterali tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1), moqrija a sensu contrario. Jekk il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx, b’mod eċċezzjonali u b’mod limitat (21), biss meta l-kuntratti tas-servizz “[i]ridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE”, jerga’ jkollhom effett sħiħ jekk dawn id-direttivi ma jinkludux għoti dirett favur l-operaturi interni, kif jiġri f’dan il-każ. Diġà enfasizzajt li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-inkarigi in house huma esklużi minn dawn iż-żewġ Direttivi.

37.      Din l-interpretazzjoni letterali hija sostnuta mill-kliem tal-Artikolu 5(1): il-kuntratti ta’ servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank “għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi [2004/17 u 2004/18]”, meta ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz. Jekk id-direttivi msemmija l-aħħar, kif jiġri f’dan il-każ, ma jinkludu ebda proċedura għal għoti lil operaturi interni, li huma pjuttost mekkaniżmi ta’ awtoforniment mill-awtoritajiet pubbliċi, ir-riferiment ma għandux skop u sens.

38.      Dan ma jkunx il-każ kieku kien għoti kompetittiv (jiġifieri, mhux favur l-operaturi interni), fejn ir-riferiment huwa kompletament effettiv. Meta awtorità pubblika tixtieq tagħti kuntratt ta’ dan it-tip lil partijiet terzi, li ma jkollux il-forma ta’ konċessjoni, hija għandha tagħmel dan permezz tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni li (f’dan il-każ) huma pprovduti fid-Direttivi 2004/17 u 2004/18.

39.      It-tieni argument jinvolvi evalwazzjoni sistematika tar-regoli applikabbli, marbuta mar-regola ta’ speċjalità. Jekk fl-2007 (jiġifieri, wara l-approvazzjoni tad-Direttivi tal‑2004), il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi sistema waħda għall-għoti in house tal-kuntratti ta’ servizz tat-trasport terrestri, nemmen li, f’każ ta’ dubju, din is-sistema, kif stabbilita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament, għandha titqies bħala preferuta fuq dik (ġenerali) li tirriżulta mill-ġurisprudenza Teckal.

40.      It-tielet u l-aħħar argument jikkonċerna l-iskop tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, minħabba l-partikolaritajiet tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, xtaq li “kwalunkwe awtorità lokali […] [tkun] tista’ tagħżel li tipprovdi s-servizzi pubbliċi għal trasport ta’ passiġġieri tagħha stess fiż-żona li hi tamministra jew li tafdahom lil operatur intern mingħajr sejħa kompetittiva għal offerti”. Il-kundizzjonijiet biex wieħed jirrikorri għall-mekkaniżmu msemmi l-aħħar huma pjuttost preċiżi u jirriflettu l-bilanċ bejn dan il-għan u l-għan li “jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali” (22).

41.      Għall-konformità ikbar ma’ dan il-għan għandha tingħata prijorità lir-regoli individwali tar-Regolament, aġġustati skont l-elementi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank, iktar milli jiġu segwiti l-kriterji tal-ġurisprudenza Teckal, li huma validi għal kull settur ta’ servizz ieħor. Fost dawn ir-regoli, hija enfasizzata dik li tippermetti (u, sa ċertu punt, tiffavorixxi) li l-awtoritajiet lokali jingħaqdu flimkien sabiex jagħtu dawn il-kuntratti lil operatur intern li jkollhom kontroll fuqu, simili għal dak il-kontroll li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

42.      Fil-qosor, l-awtorità lokali li tipproponi li tagħti kuntratt ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank direttament lil operatur intern għandha tagħmel dan filwaqt li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament.

B.      Intervent tal-awtorità lokali fl-għoti tal-kuntratt u fil-kontroll tal-operatur intern (it-tieni domanda preliminari fil-Kawżi C266/17 u C267/17 u t-tielet domanda preliminari fil-Kawża C266/17)

43.      L-entitajiet lokali (distretti) li, f’dawn iż-żewġ kawżi, taw (jew li beħsiebhom jagħtu) il-kuntratti lill-operaturi interni tagħhom kienu ffurmaw, flimkien ma’ entitajiet simili oħrajn, konsorzji ta’ ġestjoni (Verkehrsverbund) b’kamp ta’ applikazzjoni territorjali superjuri. Il-kompetenzi li assenjaw lil dawn il-konsorzji jinkludu dik li jistabbilixxu t-tariffi komuni għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri għat-territorji rispettivi tagħhom (23).

44.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din iċ-ċirkustanza tipprekludix lil kull waħda miż-żewġ awtoritajiet lokali (distretti) li jiffurmaw il-konsorzji milli jagħtu l-kuntratti rispettivi tagħhom.

45.      Kif diġà spjegajt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament jippermetti li l-awtoritajiet lokali, waħedhom jew fi grupp ma’ oħrajn, jagħtu kuntratti direttament lil operaturi interni, “[sakemm jeżerċitaw] kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti […][tagħhom] stess”.

46.      B’mod astratt, ma nifhimx għalfejn l-attribuzzjoni tas-setgħa li jiġu approvati t-tariffi lill-konsorzju tal-ġestjoni tkun ta’ ħsara għall-“kontroll simili” tal-awtoritajiet individwali fuq l-operatur intern tagħhom. Għalhekk, naqbel, mal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt. L-istabbiliment ta’ tariffa komuni, deċiża mill-konsorzju, jippermetti li l-utenti jibbenefikaw minn servizz ta’ trasport integrat, permezz tax-xiri ta’ biljett wieħed, irrispettivament mill-operatur intern li jipprovdih u ma’ liema awtorità lokali jkun marbut.

47.      Il-punt rilevanti għall-każ tagħna hawnhekk huwa jekk isirx il-“kontroll simili” minn kull entità lokali jew le (jew, jekk ikun il-każ, kontroll konġunt tal-grupp) fuq l-operatur intern. Skont kif tiġi kkonfigurata, l-attribuzzjoni tas-setgħat lill-konsorzju ta’ ġestjoni tista’ tneħħi l-kompetenzi tal-awtorità lokali, sal-punt li din ma tibqax teżerċita kontroll fuq l-operatur intern paragunabbli għal dak li għandha fuq id-dipartimenti tagħha.

48.      Peress li d-domanda preliminari hija limitata għall-kwistjoni tat-trasferiment tas-setgħat ta’ stabbiliment ta’ tariffi favur il-konsorzju, ma naħsibx li dan il-fatt neċessarjament jimplika l-abdikazzjoni tal-kontroll fuq l-operatur intern. Barra minn hekk, kull distrett, bħala entità lokali li tifforma parti mill-konsorzju ta’ ġestjoni, jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment tat-tariffi ta’ dan tal-aħħar, li juri li dan iżomm – minkejja li huwa kondiviż – il-kontroll anki fuq dan l-aspett tas-servizz.

49.      Naturalment, l-evalwazzjoni finali dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi konkreti taż-żewġ tilwimiet, hemmx il-kontroll tal-operatur intern inkarigat mid-distretti, individwalment jew fi gruppi, għandha ssir mill-qorti nazzjonali, li hija l-unika waħda li għandha punti ta’ fatt xierqa biex tagħmel dan (24). Fil-verità, id-digrieti tar-rinviju ma jipprovdux biżżejjed dettalji sabiex tingħata stampa vera u ġusta tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet lokali u l-operatur intern.

50.      F’dan il-kuntest ukoll, it-tielet domanda preliminari fil-Kawża C‑266/17 tirreferi għal emenda tar-regoli statutorji ta’ RV Köln, adottata fil‑21 ta’ Awwissu 2015 fil-laqgħa ġenerali tal-membri, li llimitat id-dritt tal-vot ta’ dawn tal-aħħar għal dawk li jagħtu kuntratt skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk din l-emenda statutorja tistax taffettwa l-kontroll eżerċitat mill-entità kontraenti lokali.

51.      Il-formulazzjoni tad-digriet tar-rinviju fir-rigward ta’ dan il-punt tagħmel il-qari tiegħu diffiċli. Fi kwalunkwe każ, fil-punt 21 tiegħu jiddikjara li “fil-preżent ma huwiex possibbli li jkun magħruf jekk l-istatuti tal-intervenjent jibqgħux fil-verżjoni l-antika tagħhom jew skont dik emendata fil‑21 ta’ Awwissu 2015”. Ukoll, preċedentement (fil-punt 6), jiġi spjegat li d-deċiżjoni ta’ emenda tal‑21 ta’ Awwissu 2015 ġiet ikkontestata u “hija sospiża permezz ta’ deċiżjoni definittiva”.

52.      Għalhekk (25), id-domanda forsi tista’ tiġi kklassifikata bħala ipotetika, peress li tikkonċerna element ta’ fatt (l-emenda tal-istatut) li l-qorti tar-rinviju stess ma tqisx rilevanti għad-deċiżjoni tagħha, peress li għadha ma daħlitx fis-seħħ.

53.      Fi kwalunkwe każ, il-formulazzjoni l-ġdida tal-istatut tal-kumpannija RV Köln twassal biss sabiex, f’din il-kawża, jiġi kkonfermat li d-distrett, preċiżament minħabba li huwa dak li ta l-kuntratt lil dan l-operatur, għandu d-dritt tal-vot fil-laqgħa ġenerali tal-membri tiegħu, jiġifieri, jista’ jeżerċita setgħat superviżorji fuq il-kumpannija strumentali. Kif tenfasizza wkoll il-qorti tar-rinviju, l-emenda tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-istatut tal-kumpannija “issaħħaħ l-influwenza tal-membru li jagħti l-kuntratt ta’ servizz pubbliku u li fit-territorju tiegħu għandhom jiġu pprovduti s-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri”.

C.      Dwar it-territorju li fih l-operatur intern jista’ jipprovdi servizzi tat-trasport (ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari tal-Kawża C266/17)

54.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑266/17, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk operatur intern li jkun ingħata l-kuntratt permezz ta’ għoti dirett jistax jipprovdi servizzi tat-trasport terrestri tal-passiġġieri mhux biss fit-territorju tal-awtorità lokali kontraenti, iżda wkoll fit-territorju ta’ entitajiet lokali oħrajn fil-grupp.

55.      Għal darba oħra, id-digriet tar-rinviju ma huwiex ċar wisq fuq dan il-punt. Mill-kliem tiegħu jista’ jiġi dedott, għal darba oħra, li d-domanda hija ipotetika minħabba li:

–        Fl-avviż tal-għoti, l-awtorità lokali ddikjarat li s-servizz kellu jiġi pprovdut “fil-portata ġeografika tagħha u din tinkludi l-linji li jmorru lil hinn fid-direzzjoni tal-portati ġeografiċi li jmissu magħha” (il-punt 10 tad-digriet).

–        Il-qorti tar-rinviju nnifisha tikkonferma dan il-fatt billi tiddikjara li “dawn is-servizzi (minbarra l-linji li jmorru lil hinn jew servizzi anċillari oħra li jwasslu għat-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti viċini) huma pprovduti fit-territorju tal-awtorità kontraenti” (il-punt 22 tad-digriet).

56.      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li s-sens tad-domanda huwa li jiġi ċċarat jekk, irrispettivament minn jekk l-għoti lil RV Köln kienx konformi ma’ din ir-regola, din il-kumpannija hijiex ipprojbita milli tipprovdi s-servizzi tagħha lil entitajiet lokali oħrajn, jiġifieri, li twettaq l-attività tagħha fit-territorju ta’ dawn tal-aħħar jew le.

57.      Skont l-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament, l-operatur intern jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri biss fit-territorju tal-awtorità lokali kompetenti. Madankollu, din tal-aħħar tista’ tkun jew awtorità lokali individwali jew grupp ta’ entitajiet lokali (26). Għalhekk, ma hemm xejn li jimpedixxi lil entità lokali jew entitajiet lokali fi grupp milli jagħtu s-servizz lil operatur uniku, komuni għal kulħadd, li fuqu għandhom kontroll simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess. F’dan ix-xenarju, l-operatur intern jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu f’kull wieħed mit-territorji tal-entitajiet (fi gruppi) li jkunu tawh dan is-servizz.

58.      Barra minn hekk, din il-possibbiltà ma hijiex xi ħaġa ġdida li hija pprovduta biss fir-Regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-iżvilupp tal-ġurisprudenza Teckal, ipprovdiet li xi awtoritajiet pubbliċi jissodisfaw il-kompiti tagħhom ta’ servizz pubbliku f’kooperazzjoni ma’ oħrajn, billi jużaw entità strumentali komuni, li jkollhom fuqha kontroll simili (mhux identiku) għal dak li jkollhom fuq id-dipartimenti tagħhom stess (27).

59.      Fis-sentenza Coditel Brabant (28) ġie kkunsidrat il-każ ta’ entità lokali li “[kellha] l-intenzjoni li tassoċja ruħha ma’ grupp kompost minn awtoritajiet pubbliċi oħra, bħal kooperattiva interkomunali”, sabiex twettaq il-kompiti tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-kontroll konġunt mill-entitajiet lokali, li ma kellhomx għalfejn ikunu individwali (29).

60.      Fil-qosor, jekk l-operatur intern huwa entità strumentali komuni għal diversi entitajiet lokali, li fuqu għandhom kontroll (konġunt) li huwa simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħhom stess, għandu jiġi mifhum li t-territorju msemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament huwa dak ta’ kull waħda minn dawn l-entitajiet.

61.      Fil-ħames domanda preliminari, jidher li l-qorti tar-rinviju ma għadhiex qiegħda tirreferi għat-territorju tal-entitajiet lokali raggruppati, iżda għal territorju ta’ “awtoritajiet kontraenti” oħrajn li, ipotetikament, ikunu ffirmaw kuntratti ta’ servizz tat-trasport ma’ RV Köln qabel it‑3 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri, kuntratti suġġetti għal sistema tranżitorja skont l-Artikolu 8 tar-Regolament.

62.      Dan l-artikolu pprovda sett ta’ miżuri għall-introduzzjoni progressiva tar-regoli dwar l-għoti inklużi fir-Regolament innifsu. Mingħajr ma hemm għalfejn nidħlu fid-dettall rigward il-kontenut tiegħu, biżżejjed li jingħad li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija skont id-dritt Komunitarju jew id-dritt nazzjonali, skont il-modalitajiet speċifikati u fil-perijodi elenkati fl-Artikolu 8(3) tiegħu, setgħu jkomplu sad-data tal-iskadenza, b’ċerti limiti.

63.      Peress li d-digriet tar-rinviju ma jipprovdix iktar dettalji, naħseb li l-kuntratti eżistenti minn qabel li jsir riferiment għalihom huma validi fil-qafas tar-regoli tranżitorji tal-Artikolu 8 msemmija fid-domanda. Għaldaqstant, peress li hemm awtorizzazzjoni espliċita fir-Regolament, li tkopri l-preservazzjoni ta’ dawn il-kuntratti, ir-restrizzjoni tat-territorju stabbilit fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix dawn il-kuntratti.

D.      Id-data li fiha għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (is-sitt domanda preliminari fil-Kawża C266/17 u r-raba’ waħda fil-Kawża C267/17)

64.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk ir-rekwiżiti previsti fil-qafas tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament għandhomx jiġu ssodisfatti: a) fid-data tal-għoti dirett jew b) fid-data li fiha l-awtorità kompetenti għandha tippubblika, skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni dwar l-għoti dirett li bi ħsiebha tagħmel.

65.      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament, billi jipprovdi l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti għandha tinkludi fl-avviż tagħha (mill-inqas sena qabel l-għoti dirett), ma jeħtieġx li tkun ipprovduta l-identità tal-offerent rebbieħ fil-futur. Xejn ma jimpedixxi lill-entità lokali, fil-medda ta’ żmien bejn l-avviż u l-għoti, milli tistruttura l-korpi strumentali tagħha b’xi mod jew ieħor: l-importanti huwa li l-operatur intern finalment magħżul jissodisfa l-kundizzjonijiet legali (b’mod partikolari, li jkun suġġett għall-kontroll tal-awtorità li tagħtih is-servizz).

66.      Il-qari flimkien tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 7(2), it-tnejn tar-Regolament, għalhekk iwassalni sabiex niddikjara li d-data li fiha għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija, ġustament, id-data li fiha jsir l-għoti dirett. Dakinhar biss issir magħrufa l-identità tal-operatur magħżul, li hija l-informazzjoni l-iktar importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk, fiċ-ċirkustanzi, l-awtorità kompetenti teżerċitax kontroll fuqu li jkun simili għall-kontroll li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u jekk dan l-operatur ikunx jinsab f’xi ċirkustanza msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) u (ċ) tar-Regolament jew le.

E.      Provvista tas-servizz mill-operatur intern permezz ta’ kumpannija sussidjarja (it-tielet domanda preliminari tal-Kawża C267/17)

67.      L-operatur intern WestVerkehr GmbH iwettaq materjalment is-servizz pubbliku tat-trasport permezz ta’ kumpannija sussidjarja, li l-kapital kollu tagħha huwa miżmum mill-istess operatur. Minħabba dan il-fatt, u minħabba l-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(e) tar-Regolament (“jekk jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ sub-kuntratt […] l-operatur intern ikun meħtieġ li jipprovdi l-parti l-kbira tas-servizz […] huwa nnifsu”), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tinkludix l-għoti tas-servizz lill-entità sussidjarja.

68.      Ir-Regolament jipprovdi għall-għoti ta’ subkuntratti bħala mekkaniżmu ta’ ftuħ għal kumpanniji differenti mill-operatur magħżul, marbutin miegħu permezz ta’ rabta kuntrattwali. Madankollu, il-kumpanniji mogħtija subkuntratti ma jistgħux iwettqu iktar minn perċentwali limitat tas-servizz, peress li:

–        Jekk l-operatur magħżul huwa impriża awtonoma, jiġifieri, ma huwiex operatur intern, huwa “għandu jkun mitlub iwettaq parti kbira mis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu”. [Artikolu 4(7)] (30).

–        Min-naħa l-oħra, jekk l-operatur magħżul ikun operatur intern, huwa “ikun meħtieġ li jipprovdi l-parti l-kbira tas-servizz […] huwa nnifsu” [l-Artikolu 5(2)(e)].

69.      Madankollu, ma naħsibx li f’każ bħal dan wieħed jista’ jitkellem sew dwar l-għoti ta’ subkuntratt. Naqbel mal-argument imressaq mid-Distrett ta’ Heinsberg fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fejn ipprovda li r-relazzjoni bejn kumpannija sussidjarja, li l-kapital kollu tagħha jappartjeni lill-operatur intern li jikkontrollaha, u dan l-operatur intern ma hijiex waħda ta’ għoti ta’ subkuntratt. Sabiex ikun hemm għoti ta’ subkuntratt huwa meħtieġ li jkun hemm żewġ impiżi awtonomi (31) li, “f’termini ta’ ugwaljanza u mhux ta’ dipendenza jew subordinazzjoni ġerarkika” (32), jaqblu bejniethom dwar il-kundizzjonijiet tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom.

70.      L-għoti ta’ subkuntratt li għalih jirreferu l-artikoli ċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament isir meta l-operatur intern jiddeċiedi li jagħmel użu minn servizz ta’ terz, li jkun separat mill-istruttura korporattiva tiegħu, għall-forniment tas-servizz (33). Iżda jekk, għal dan l-istess skop, juża kumpannija sussidjarja li hija miżmuma 100 % minnu, sal-punt li jimponi d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha fuqha, fil-verità, minn perspettiva funzjonali, is-servizz jiġi pprovdut tassew mill-istess unità ekonomika u operattiva. Għalhekk, ma hemmx terz reali li jsir l-għoti tas-subkuntratt lilu.

71.      F’ dawn il-kundizzjonijiet, ir-rabta in house li torbot lid-Distrett ta’ Heinsberg mal-operatur intern tiegħu (WestVerkehr GmbH) hija estiża għall-kumpannija sussidjarja miżmuma 100 % mill-kumpannija msemmija l-aħħar, li fuqha l-awtorità lokali teżerċita wkoll kontroll (tat-tieni grad) ekwivalenti għal dak li teżerċita fuq (il-bqija ta’) id-dipartimenti tagħha.

72.      Konsegwentement, il-punt (e) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ma jeskludix li operatur intern jagħti lil kumpannija sussidjarja li l-ishma tagħha jkunu miżmuma 100 % minnu u li jikkontrollaha bis-sħiħ it-twettiq tal-parti l-kbira tas-servizzi mogħtija.

V.      Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Dusseldorf, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej:

“1)      L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70:

–        Huwa applikabbli għall-għoti dirett mill-awtoritajiet lokali kompetenti favur operatur intern li fuqu jeżerċitaw kontroll simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri li ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi fis-sens tad-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004, 2004/17/KE li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali jew 2004/18/KE fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi.

–        Dan ma jipprekludix lill-awtoritajiet lokali milli jagħtu lil konsorzju ta’ awtoritajiet lokali, li jkunu integrati fih, is-setgħa li jistabbilixxi t-tariffi komuni tas-servizz, sakemm dan l-għoti ma jċaħħadx lil dawn l-awtoritajiet milli jeżerċitaw, fuq l-operatur intern, kontroll simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, fatt li għandu jiġi ċċarat mill-qorti tar-rinviju.

–        Dan ma jeskludix li l-operatur intern, li jkun ġie mogħti s-servizz mill-awtorità lokali kompetenti, iwettaq dan is-servizz permezz ta’ kumpannija sussidjarja totalment ikkontrollata minnu, li fuqha jista’ jimponi d-deċiżjonijiet tiegħu u li l-ishma tagħha huma 100 %  miżmuma minnu.

–        Dan jippermetti li l-operatur intern, bħala entità strumentali tal-awtoritajiet lokali kollha raggruppati, jipprovdi servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri f’kull waħda miż-żoni ta’ dawk l-awtoritajiet.

–        Huwa jawtorizza wkoll lill-operatur intern ikompli jipprovdi s-servizzi tiegħu barra l-ġurisdizzjoni territorjali tal-awtorità lokali kontraenti, sakemm dan jagħmlu permezz ta’ kuntratti li jkunu suġġetti għas-sistema tranżitorja tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007.

2)      Ir-rekwiżiti għall-għoti dirett lill-operatur intern, fil-qafas tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, għandhom jiġu ssodisfatti fid-data tal-għoti dirett innifsu.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).


3      Din hija kumpannija b’responsabbiltà limitata, li l-ishma fil-kapital tagħha huma miżmuma minn diversi entitajiet pubbliċi flimkien mad-Distrett ta’ Rhein-Sieg (li jagħmel dan b’mod indirett permezz ta’ kumpannija sussidjarja miżmuma 100 % minnha).


4      Punt 20 tad-digriet tar-rinviju.


5      Komunikazzjoni ppubblikata fis-suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Settembru 2015.


6      Punt 10 tad-digriet tar-rinviju.


7      Ibidem, punt 22.


8      L-Artikolu 10 tal-istatuti tal-konsorzju, intitolat “Kostituzzjoni ta’ grupp ta’ awtoritajiet”, jipprovdi li “l-membri tal-assoċjazzjoni jikkostitwixxu grupp ta’ awtoritajiet fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-[Regolament]. Il-membri tagħha huma awtorizzati li jagħtu kuntratti ta’ servizz pubbliku direttament lill-operaturi interni. L-operaturi interni jistgħu jipprovdu servizzi pubbliċi tat-trasport bit-trieq tal-passiġġieri fit-territorju tal-membri kollha tal-assoċjazzjoni li jeċċedu l-linji li jmorru lil hinn. Għal dan il-għan ikun meħtieġ, f’kull każ, il-kunsens tal-membru tal-assoċjazzjoni li ma jipparteċipax fl-operatur intern fir-rigward tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri pprovduti fit-territorju tiegħu. Għall-finijiet ta’ dawn l-istatuti, l-għoti dirett jitqies li jkun sar mill-membri kollha tal-assoċjazzjoni”. Dan l-artikolu jżid li “t-trattament tal-proċeduri ta’ għoti fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti skont l-Artikolu 5(2) tar-[Regolament], bħala prinċipju, għandu jsir mill-membru li jikkontrolla lill-operatur intern għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni”


9      Avviż ippubblikat fis-suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Marzu 2016.


10      Waqt is-seduta, waħda mill-partijiet esprimiet riżervi dwar jekk l-impriża li tkun ingħatat il-kuntratt tistax tiġi kklassifikata bħala operatur intern. Madankollu, għall-qorti tar-rinviju din il-karatteristika ma hijiex suġġetta għal dibattitu.


11      Skont dan l-artikolu, “kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skont id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw”. Enfasi miżjuda minni.


12      Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65) u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243) (iktar ’il quddiem id-“Direttivi tal‑2014”).


13      Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562; iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Teckal”).


14      Għalhekk, id-Direttiva 2014/24 tirregola, fl-Artikolu 12, il-“[k]untratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”. Id-Direttiva 2014/25, fl-Artikolu 28 tagħha, tirregola l-“[k]untratti bejn awtoritajiet kontraenti”.


15      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (ĠU 2014, C 92, p. 1), tipprovdi li “[p]eress li d-Direttivi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (id-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE) tħassru u ġew sostitwiti bid-Direttivi [2014/24 u 2014/25] msemmija hawn fuq, ir-referenzi fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għandhom jinftiehmu li huma relatati mad-Direttivi l-ġodda” (paragrafu 2.1.1).


16      Waqt is-seduta ġie diskuss jekk kellhomx jiġu applikati xi regoli jew oħrajn simultanjament jew b’mod parallel. Madankollu, nemmen li dan ma huwiex il-waqt sabiex li tinstab soluzzjoni għal dan id-dibattitu, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fil-każ ta’ għoti in house wara t‑18 ta’ April 2016.


17      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 5(2) tar-regolament ma japplikax għal dawn il-każijiet, peress li huwa limitat għall-konċessjonijiet. It-teorija tagħha, fil-verità, hija maħsuba sabiex tantiċipa l-applikazzjoni tar-regoli in house tad-Direttivi tal-2014 għal fatti suġġetti għad-Direttivi tal‑2004. Paradossalment, meta l-Kummissjoni tanalizza fid-dettall it-tieni domanda preliminari u d-domandi sussegwenti tal-Kawża C‑267/17, hija tibbaża l-argumenti tagħha fuq il-kontenut ta’ dan l-artikolu.


18      Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067), punt 31. Ara, wkoll, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen (C‑292/15, EU:C:2016:817), punt 32, b’riferiment għas-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz (C‑324/14, EU:C:2016:214), punt 83.


19      Dawn kellhom jiġu trasposti sa mhux iktar tard mit‑18 ta’ April 2016 u l-avviżi ta’ għoti tal-kawżi prinċipali saru fit‑30 ta’ Settembru 2015 u fis‑16 ta’ Marzu 2016.


20      Konklużjonijiet tal-kawża LitSpecMet (C567/15, EU:C:2017:319), paragrafi 70 u 71.


21      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen (C‑292/15, EU:C:2016:817), punt 39.


22      Il-premessa 18 tar-Regolament.


23      Il-portata ta’ dawn il-kompetenzi ma hijiex deskritta fid-dettall fid-digrieti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-iffissar tat-tariffi.


24      Il-fatturi li għandhom jitqiesu “sabiex jiġi determinat jekk l-awtorità lokali kompetenti teżerċitax tali kontroll” huma speċifikati fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 1370/2007.


25      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fil-Kawża C‑266/17, id-Distrett ta’ Rhein-Sieg jgħid li “kuntrarjament għal dak ipprovdut mill-qorti tar-rinviju, il-verżjoni l-ġdida tal-istatuti tal‑21 ta’ Awwissu 2015 […] għandha tiġi implimentata bis-sħiħ” (punt 29).


26      Dan huwa pprovdut espressament fil-paragrafu 1(2) tal-istess artikolu.


27      Sentenza tad‑29 ta’ April 2007, Asemfo (C‑295/05, EU:C:2007:227), punt 62: “jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta diversi awtoritajiet jikkontrollaw impriża, il-kundizzjoni relatata mal-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha tista’ tiġi sodisfatta jekk din l-impriża teffettwa l-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha, mhux neċessarjament ma’ dik jew l-oħra minn dawn l-awtoritajiet, iżda ma’ dawn l-awtoritajiet meħuda fit-totalità tagħhom (sentenza [tal‑11 ta’ Mejju 2006] Carbotermo u Consorzio Alisei [C‑340/04, EU:C:2006:308] punt 70)”.


28      Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008 (C‑324/07, EU:C:2008:621).


29      Ibidem, punt 54 u d-dispożittiv: “[F]il-każ fejn awtorità pubblika tassoċja ruħha ma’ kooperattiva interkomunali li s-soċji kollha tagħha huma awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li tittrasferixxi lilha l-operat tas-servizz pubbliku, il-kontroll li dawn l-awtoritajiet assoċjati ma’ din il-kooperattiva jeżerċitaw fuqha, jista’, sabiex jitqies bħala analogu għal kontroll li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, jiġi eżerċitat konġuntament minn dawn l-awtoritajiet, billi jiddeċiedu, skont il-każ, b’maġġoranza”.


30      Is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016 Hörmann Reisen (C‑292/15, EU:C:2016:817) analizzat l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għal offerta suġġetta għad-Direttiva 2004/18 u fehmet li l-iffissar ta’ 70 % bħala provvista li għandha ssir mill-operatur ma kienx imur kontra l-Artikolu 7(4) tar-Regolament.


31      Il-premessa 19 tar-Regolament, meta tirreferi għall-għoti ta’ subkuntratt, tirreferi għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi “minbarra l-operatur ta’ servizz pubbliku”. Enfasi miżjuda minni.


32      Nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża LitSpecMet (C567/15, EU:C:2017:319), punti 71 et seq.


33      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża LitSpec Met (C567/15, EU:C:2017:319), fil-punt 79, sostnejt l-istess argument: “l-awtorità kontraenti tista’ tuża entitajiet strumentali, fil-marġni mogħtija hawn fuq, sabiex tagħtihom ċerti kompiti li, fil-prinċipju, għandhom ikunu suġġetti għal kuntratt pubbliku, iżda jevitaw dan. […] Iżda, meta l-mezzi strumentali, min-naħa tagħhom, ma jkollhomx biżżejjed riżorsi sabiex, minnhom infushom, jissodisfaw dawk ordnati mill-awtorità kontraenti u huma sfurzati li jiddependu minn terzi sabiex jissodisfawhom, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eċċezzjoni in house jiġu sfumati u jirriżulta, fil-fatt, (sub)kuntratt pubbliku moħbi, li permezz tiegħu l-awtorità kontraenti takkwista, permezz ta’ intermedjarju (l-entità strumentali), il-prodotti u s-servizzi ta’ terzi, mingħajr ma tkun suġġetta għad-Direttivi li għandhom jirregolaw l-għoti tagħhom”.