Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd Prešov (is-Slovakkja) fil-5 ta’ Mejju 2020 – Prima Banka Slovensko a.s. vs HD

(Kawża C-192/20)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd Prešov

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Prima Banka Slovensko a.s.

Konvenut: HD

Domandi preliminari

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE 1 tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”), u b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, moqrija flimkien mal-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander (C-96/16 u C-94/17, ECLI:EU:C:2018:643), għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni bħad-dispożizzjoni ta’ qafas protettiva li tinsab fl-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi Ċivili, li ma tippermettix li s-sitwazzjoni tal-konsumatur tmur għall-agħar permezz ta’ kuntratt bi ksur tal-leġiżlazzjoni li, fil-każ ta’ ħlas tardiv min-naħa tal-konsumatur fir-rimbors tas-self, tirregola d-drittijiet tal-kreditur bil-mod segwenti:

il-kreditur għandu dritt għall-interessi moratorji sal-limitu stabbilit permezz ta’ digriet governattiv,

il-kreditur għandu dritt għal penalitajiet oħra li huwa jista’ jimponi fuq il-konsumatur u li, flimkien mal-interessi moratorji, ma jistgħux jeċċedu l-ammont prinċipali tas-self dovut,

il-kreditur għandu dritt għall-kumpens għad-dannu jekk dan ikun ikbar mill-interessi moratorji, jiġifieri għall-kumpens mingħajr limitu għad-dannu sal-ammont tad-dannu reali?

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 169(1) TFUE, jipprekludi li l-konsumatur iħallas, bħala riżultat tad-dewmien tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-impenji kuntrattwali, l-ispejjeż b’rata fissa tal-kreditur minflok id-dannu reali tal-kreditur, għalkemm id-dannu reali jkun inqas mill-ispejjeż b’rata fissa?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE  tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).