Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ April 2020 mill-Ungerija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Frar 2020 fil-Kawża T-505/18, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-185/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriz

Partijiet

Appellanti: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Z. Fehér u G. Koós, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2020, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T-505/18,

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR), sa fejn din id-deċiżjoni teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-għajnuna mogħtija lil gruppi ta’ produtturi b’rikonoxximent ikkwalifikat, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Gvern Ungeriż qed iressaq żewġ aggravji li huma bbażati fuq il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fir-rigward, qabel kollox, tal-ewwel aggravju, il-Gvern Ungeriż isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa mill-Ungerija u ma interpretatx korrettament l-argumenti mressqa fir-rikors u waqt is-seduta. Il-Qorti Ġenerali ssimplifikat xi ftit u ma weġibx għall-argument tal-Ungerija li t-trasformazzjoni fi grupp ta’ produtturi kkwalifikati tippresupponi trasformazzjoni radikali tal-grupp ta’ produtturi u, jekk ikun il-każ, bidla fil-kompożizzjoni tal-membri tiegħu. Meta l-għajnuna tingħata lil grupp li ħa l-forma ta’ grupp ta’ produtturi kkwalifikat, l-għajnuna ma hijiex mogħtija lill-grupp ta’ oriġini, iżda lil entità ġdida li tissodisfa wkoll l-għanijiet tar-regolament (għajnuna għall-ħolqien u l-funzjonament amministrattiv ta’ gruppi ta’ produtturi). Il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għal dan l-argument fuq il-mertu u ma eżaminatx ir-relazzjoni bejn il-gruppi ta’ produtturi kkwalifikati u l-gruppi ta’ produtturi.

Il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni motiv imqajjem fir-rikors tal-Gvern Ungeriż, wettqet ukoll żball ta’ liġi li wassal għal ksur sostanzjali tad-drittijiet proċedurali tagħha. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija anormalment insuffiċjenti fir-rigward taċ-ċertezza legali skont it-tieni motiv u l-argument li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tqajjem biss a posteriori, waqt is-seduta u, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha sabiex tesprimi l-pożizzjoni tagħha b’mod purament dikjaratorju mingħajr l-ebda motivazzjoni.

Il-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-perijodu kopert mill-esklużjoni u tinterpreta l-Artikolu 52(4)(c) u/jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 1 , anki jekk kienet ikkunsidrat li l-Gvern Ungeriż ma kienx iġġustifika b’mod xieraq ir-rabta bejn din il-kwistjoni u t-tieni motiv, inkluż ir-rabta mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Rigward dan il-punt, il-Qorti Ġenerali, madankollu, interpretat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 52(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, billi ma kkunsidratx din id-dispożizzjoni bħala kwistjoni li għandha tiġi eżaminata ex officio.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Ungeriż jikkonkludi l-argumenti tiegħu dwar it-tieni aggravju b’numru ta’ kummenti supplimentari bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

____________

1 Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 6).