Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fis-7 ta’ Frar 2019 – TV Play Baltic AS vs Lietuvos radijo ir televizijos komisija

(Kawża C-87/19)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TV Play Baltic AS

Konvenuta: Lietuvos radijo ir televizijos komisija

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(m) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Id-Direttiva “qafas”) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt il-kunċett ta’ “provista ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” attività ta’ ritrażmissjoni ta’ programmi televiżivi permezz ta’ netwerks ta’ satelliti li jappartjenu lil terzi bħal dik eżerċitata mir-rikorrenti?

L-Artikolu 31(1)tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) 2 , kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 3 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ xandir (“must carry”) (obbligu li jirrittrażmettu programm televiżiv permezz ta’ netwerks ta’ satelliti li jappartjenu lil terzi u li jippermettu lill-utenti finali li jaċċedu għal dan il-programm) fuq impriżi bħar-rikorrenti, impriżi li (1) ixandru, permezz ta’ netwerks ta’ satelliti li jappartjenu lil terzi, programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali, billi jirċievu s-sinjal ta’ programmi televiżivi (kanali tat-televiżjoni) imxandra, jikkonvertuh, jikkriptjawh u jwassluh sas-satellita, li minnha dawn is-sinjali jiġu sussegwentement trażmessi, b’mod kontinwu, lejn id-dinja u (2) joffru lill-klijenti pakketti ta’ programmi televiżivi, li jippermettulhom, bi ħlas, li jaċċedu permezz ta’ aċċess kundizzjonali għall-imsemmi kanal (programm) tat-televiżjoni protett?

L-Artikolu 31(1)tad-Direttiva 2002/22/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx lok li jitqies li numru sinifikattiv ta’ utenti finali jużaw in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (f’dan il-każ, in-netwerk ta’ xandir bis-satellita) bħala l-mezz priniċpali tagħhom sabiex jirċievu kanali tat-televiżjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta huwa biss 6 % mill-utenti finali kollha (f’dan il-każ, djar) li jużaw dawn in-netwerks bħala l-mezz priniċpali tagħhom sabiex jirċievu kanali tat-televiżjoni?

Sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex iġġustifikata l-applikazzjoni tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-utenti tal-internet, li jistgħu jaraw il-kanal inkwistjoni (il-programmi tiegħu) bla ħlas u b’mod dirett fuq l-internet?

L-Artikolu 56 TFUE jeħtieġ li jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu fuq impriżi bħar-rikorrenti obbligu ta’ ritrażmissjoni bla ħlas ta’ kanal tat-televiżjoni permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta x-xandar li fir-rigward tiegħu jiġi impost dan l-obbligu għandu l-possibbiltà li jxandar huwa stess il-kanal inkwistjoni bl-istess netwerk, bi spejjeż tiegħu?

L-Artikolu 56 TFUE jeħtieġ li jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu fuq impriżi bħar-rikorrenti obbligu ta’ ritrażmissjoni bla ħlas ta’ kanal tat-televiżjoni permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta dan l-obbligu kien jippermetti li jintlaħqu madwar 6 % tad-djar kollha u meta dawn tal-aħħar għandhom il-possibbiltà li jaraw l-imsemmi kanal billi jużaw in-netwerk ta’ xandir terrestri jew l-internet?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 349.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 367.

3     ĠU 2009, L 337, p. 11.