Language of document : ECLI:EU:F:2008:99

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

10 ta’ Lulju 2008

Kawża F-141/07

Daniele Maniscalco

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni fi grad – Kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt – Ammissibbiltà – Att li jikkawża preġudizzju – Osservanza tat-termini stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Maniscalco qiegħed jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti li tiċħad l-ilment tiegħu fuq id-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni fil-grad 13, skala 1, tal-grupp tal-funzjoni IV, kif tirriżulta mill-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


Sommarju


1.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku – Bidu tad-dekorrenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 117)

2.      Proċedura – Spejjeż – Talba għal deċiżjoni skont il-liġi

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 87(1))

1.      Huwa mill-iffirmar tiegħu li l-kuntratt konkluż bejn membru tal-persunal u istituzzjoni jibda jipproduċi l-effetti tiegħu u, għaldaqstant, il-kapaċità tiegħu li jippreġudika l-membru tal-persunal, sakemm l-elementi kollha tal-kuntratt huma ffissati, b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tal-membru tal-persunal. Huwa għalhekk minn din id-data li għandu jiġi kkalkolat it-terminu li fih għandu jitressaq ilment fi żmien utli kontra d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt hekk kif tirriżulta mill-kuntratt, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argument li t-tressiq ta’ lment qabel it-tmiem ta’ perijodu ta’ prova jista’ jwassal għat-tħassir tal-kuntratt wara l-imsemmi perijodu. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali ċirkustanza jwassal sabiex jiġi injorat l-għan tat-termini għal tressiq ta’ lment u ta’ appell stabbiliti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, intiżi li jiġu żgurati ċ-ċarezza u s-sigurtà ta’ sitwazzjonijiet ġuridiċi, kif ukoll in-natura ta’ ordni pubbliku tagħhom, li tneħħihom mid-dispożizzjoni libera tal-partijiet jew tal-qorti.

(ara l-punti 20, 23, 25 u 27)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Lulju 2002, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑137/99 u T‑18/00, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑639, punti 54 u 56; 14 ta’ Frar 2005, Ravailhe vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑406/03, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑79, punt 57; 5 ta’ Marzu 2007, Beyatli u Candan vs Il‑Kummissjoni, T‑455/04, Ġabra p. I‑0000, punt 37; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 6 ta’ Marzu 2008, R bis vs Il‑Kummissjoni, F‑105/07, Ġabra p. I‑0000, punt 43

2.      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. It-talba mressqa fit-talbiet li jkun hemm deċiżjoni skont il-liġi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala talba intiża għall-kundanna għall-ispejjeż tal-parti li tilfet.

(ara l-punti 31 u 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni, C‑30/91 P, Ġabra p. I‑3755, punt 38; 29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Ripa di Meana et, C‑470/00 P, Ġabra p. I‑4167, punt 86