Language of document : ECLI:EU:F:2010:120

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Settembru 2010 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) u Artikolu 9 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Koeffiċjent ta’ korrezzjoni — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża F‑29/09,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Giorgio Lebedef u Trevor Jones, uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Senningerberg (il-Lussemburgu) u f’Ernzen (il-Lussemburgu) rispettivament, irrappreżentati minn F. Frabetti u J.‑Y. Vergnaud, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Zieleśkiewicz u M. Bauer, bħala aġenti,

intervenjent,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

komposta minn P. Mahoney, President, H. Kreppel u S. Van Raepenbusch (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2010,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta’ Marzu 2009, G. Lebedef u T. Jones jitolbu l-annullament ta’ allegata deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tirrifjuta li l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) tinġieb f’livell ekwivalenti għal dak tal-uffiċjali fi Brussell (il-Belġju) u, sussidjarjament, talba għall-annullament tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni tagħhom mix-xahar ta’ Ġunju 2008.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“Ir-remenerazzjoni ta’ uffiċjal espressa f’euro għandha,wara li ttnaqqis ta’ bilfors ippreżentati f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew kull regolament ta’ implementazzjoni jkunu saru, tkun peżata bir-rata ‘l fuq min, taħt jew daqst [tkun affettwata b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni b’rata superjuri, inferjuri jew ugwali għal ] 100 %, skond il-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien fil-postijiet varji ta’ mpieg.

[…] Il-peżati [koeffiċjent ta’ korrezzjoni] applikabbli għar-remunerazzjoni ta’ l-uffiċjali mpjegati f’siġġijiet [sedi] provviżorji tal-Komunitajiet għandhom ikunu daqs 100 % fl-1 ta’ Jannar 1962.”

3        L-Artikolu 1 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, bit-titolu “Regoli biex ikunu implimentati l-Artikolu 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal”, jipprovdi:

“1.Rapport mill-Uffiċċju Statistikali tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat)

GĦall-iskopijiet tar-reviżjoni pprovduta fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Eurostat għandha kull sena tħejji rapport qabel l-aħħar ta’ Ottubru dwar il-bidliet fl-għoli tal-ħajja fi Brussel, il-par[i]tijiet ekonomiċi bejn Brussel u ċerti postijiet fl-Istati Membri, u l-bidliet fil-kapaċità ta’ l-akkwist tas-salarji tas-servizzi nazzjonali taċ-ċivil tal-gvern ċentrali.

[…]

3. Bidliet fl-għoli tal-ħajja barra Brussel (paritajiet ekonomiċi u indiċi impliċiti)

[…]

d)      Barra l-Belġju u l-Lussemburgu, il-bidliet fl-għoli tal-ħajja matul il-perjodu tar-riferenza għandhom jitkejlu bl-indiċi impliċiti. Dawn l-indiċi jinħadmu billi l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel ikun immoltiplikat bil-bidla fil-parità ekonomika.

[…]”

4        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“L-ebda koeffiċjent tal-korrezzjoni m’huwa applikabbli fil-Belġju u fil-Lussemburgu.”

5        Skont l-Artikolu 5(3) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Għal kull post li għalih għalih kien stabbilit koeffiċjent tal-korrezzjoni (minbarra l-Belġju u l-Lussemburgu), tinħadem stima għal Diċembru tal-paritajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(3). Il-bidla fl-għoli tal-ħajja għandha tinħadem skond ir-regoli ppreżentati fl-Artikolu 1(3).”

6        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9(1) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“L-awtoritajiet xierqa ta’ l-Istat Membri kkonċernati, l-amministrazzjoni ta’ istituzzjoni [tal-Unjoni Ewropea] jew ir-rappreżentanti ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet f’tali post ta’ mpieg jistgħu jitolbu għall-ħolqien ta’ koeffiċjent tal-korrezzjoni, speċifiku għal dak il-post.

Din it-talba għandha tkun sostnuta b’fatturi oġġettivi li juru differenza apprezzabbli fuq xi snin fl-għoli tal-ħajja [fil-kapaċità tal-akkwist] bejn dak il-post ta’ l-impieg u l-kapitali ta’ l-Istat Membru kkonċernat (minbarra l-Olanda fejn Hague tintuża minflok Amsterdam). Jekk il-Eurostat tikkonferma li d-differenza hija apprezzabbli (aktar minn 5 %) u sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta biex tistabbilixxi koeffiċjent tal-korrezzjoni għal dak il-post.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Fid-dawl tal-fatt li l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu wriet sinjali ta’ tnaqqis kostanti f’dawn l-aħħar snin meta mqabbla mal-uffiċjali fi Brussell, fit-28 ta’ Ottubru 2005, M. Ott, President tas-Sindakat Solidarité européenne, bagħat nota lil S. Kallas, Viċi-President tal-Kummissjoni, li permezz tagħha huwa talbu sabiex jinbeda studju fuq il-possibbiltà li l-Lussemburgu jiġi pprovdut b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni.

8        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2005, S. Kallas wieġeb li ma kienx fl-interess tal-persunal li jinbdew xogħlijiet għall-ħolqien ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu, għar-raġuni, b’mod partikolari, li tali miżura teħtieġ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, li tinvolvi r-riskju ta’ negozjati mill-ġdid tal-metodu ta’ adattament annwali tar-remunerazzjonijiet, li kien inkiseb “wara negozjati twal u diffiċli fil-kuntest tar-riforma”.

9        Fit-3 ta’ April 2007, is-sindikat interistituzzjonali kollettiv, li jiġbor diversi organizzazzjonijiet sindakali u professjonali tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, bagħat nota lid-Direttur Ġenerali tal-Eurostat biex jistiednu jibda studju sabiex tiġi stabbilita n-natura apprezzabbli tad-differenza tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu, meta mqabbla ma’ dik fi Brussell, u li jagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal għall-ħolqien ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal-Lussemburgu.

10      Permezz ta’ nota tas-6 ta’ Ġunju 2007, id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat irrisponda li kull talba sabiex jiġi stabbilit koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-Eurostat u għandha tintbagħat lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kummissjoni.

11      Permezz ta’ nota tat-12 ta’ April 2008, diversi organizzazzjonijiet sindakali u professjonali, magħquda f’forza komuni sindakali, talbu lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” ftehim interistituzzjonali dwar it-telf tal-kapaċità ta’ akkwist tal-persunal tal-istituzzjonijiet.

12      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2008, irreġistrata fil-15 ta’ Settembru tal-istess sena mill-amministrazzjoni, ir-rikorrenti ressqu ilment kontra r-rendikonti ta’ remunerazzjoni tagħhom ta’ Ġunju 2008, li kienu jinkludu korrezzjoni tal-adattament tar-remunerazzjonijiet li kienet saret fl-aħħar tas-sena 2007, mingħajr madankollu ma jinkludu koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għall-post ta’ impjieg tagħhom, kif ukoll kontra r-rendikonti ta’ remunerazzjoni tagħhom tax-xhur sussegwenti.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008, innotifikata permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru sussegwenti, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

14      Ir-rikorrenti jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

“–      [p]rinċipalment, jannulla d-deċiżjoni impliċita li tirrifjuta li l-kapaċità ta’ akkwist tar-remunerazzjonijiet fil-Lussemburgu tinġieb f’livell ekwivalenti għal dak tal-kapaċità ta’ akkwist tar-remunerazzjonijiet fi Brussell;

–        [s]ussidjarjament, jannulla r-rendikonti ta’ remunerazzjoni tar-rikorrenti maħruġa għall-perijodu mill-15 ta’ Ġunju 2008 ’l hawn”;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Ġunju 2009 permezz ta’ faks (il-preżentazzjoni tal-oriġinal saret fil-29 ta’ Ġunju sussegwenti), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-President tat-Tielet Awla laqa’ din it-talba permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Settembru 2009.

17      Permezz tan-nota ta’ intervent tiegħu, li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-16 ta’ Ottubru 2009 permezz ta’ faks, il-Kunsill jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat għal dak li jikkonċerna eċċezzjoni ta’ illegalità li kienet tqajmet mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħhom.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

18      Il-Kummissjoni tqis li r-rikors huwa inammissibbli, kemm jekk huwa ppreżentat kontra l-allegat rifjut li jinħoloq koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu jew kontra r-rendikonti ta’ remunerazzjoni tar-rikorrenti minn Ġunju 2008.

19      Minn naħa, hija tosserva li l-passi kollha meħuda qabel l-ilment kienu ta’ natura sindakali u politika, iżda mhux skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Qatt ma kien hemm talba, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, minn uffiċjal bħala individwu.

20      Fi kwalunkwe każ, ir-rikors, sa fejn huwa ppreżentat kontra l-allegat rifjut li jinħoloq koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu huwa tardiv, peress li l-ebda ilment ma tressaq fit-tliet xhur sussegwenti għaċ-ċaħda minn S. Kallas tat-talba ta’ Ottubru 2005, u lanqas fit-tliet xhur sussegwenti għaċ-ċaħda tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat li jwettaq il-kalkoli mitluba. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li r-rikorrenti ma kinux l-awturi tat-talbiet inkwisjtoni.

21      Barra minn hekk, ir-rikors ma kellux l-istess għan bħall-passi preċedenti. L-għan prinċipali tiegħu kien li jirrapporta n-nuqqas ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu, li dan il-koeffiċjent kien neċessarjament, skont ir-rikorrenti, superjuri għal dak ta’ Brussell, filwaqt li l-passi preċedenti kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ kalkoli jew ta’ ftehim.

22      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li uffiċjal kien ġie ddikjarat ammissibbli li jikkontesta r-rendikont ta’ remunerazzjoni tiegħu sa fejn huwa ma jinvolvix l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni li l-uffiċjal iqis li għandu dritt għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ottubru 1994, Chavane de Dalmassy et vs Il‑Kummissjoni, T‑64/92, ĠabraSP p. I‑A‑227 u II‑723). Madankollu, din il-possibbiltà tippreżupponi li r-rendikont inkwistjoni tinkorpora bidla fis-sitwazzjoni jew deċiżjoni ġdida — li ma kienx il-każ f’Ġunju 2008.

23      Fis-seduta, ir-rikorrenti sostnew, l-ewwel nett, li huma kellhom id-dritt li jikkontestaw direttament quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku d-deċiżjoni impliċita li tirrifjuta, permezz tal-istabbiliment ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku, li l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu tinġieb f’livell ekwivalenti għal dak tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fi Brussell, sussegwentement, li r-rendikont ta’ remunerazzjoni ta’ Ġunju 2008 turi bidla fis-sitwazzjoni, sa fejn tinkludi korrezzjoni tal-adattament tar-remunerazzjoni li kienet saret wara r-reviżjoni annwali tal-aħħar tas-sena 2007, mingħajr madankollu ma tinkludi koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu, u fl-aħħar nett, li t-termini għall-preżentata ta’ ilment u ta’ rikors kienu osservati kompletament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

 Fuq ir-rikors sa fejn huwa ppreżentat kontra l-allegata deċiżjoni impliċita li tirrifjuta li l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu tinġieb f’livell ekwivalenti għal dak tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fi Brussell

24      Għandu jitfakkar li, fis-sistema ta’ rimedji stabbilita permezz tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolament tal-Persunal, rikors ippreżentat kontra deċiżjoni impliċita ta’ rifjut jeħtieġ:

–        kemm it-tressiq ta’ talba minn qabel, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-uffiċjal ikkonċernat, li, fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-Awtorità tal-Ħatra fit-terminu ta’ erba’ xhur, titqies li ġiet impliċitament miċħuda, f’tali każ l-uffiċjal jista’, f’terminu ġdid ta’ tliet xhur, iressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal,

–        kif ukoll it-tressiq ta’ ilment minn qabel kontra att li jikkawża preġudizzju, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li n-nuqqas ta’ tweġiba f’terminu ta’ erba’ xhur mit-tressiq tal-ilment jikkostitwixxi, skont it-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu 90(2), deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

25      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura prekontenzjuża ma ġietx segwita b’mod legali mir-rikorrenti. Fil-fatt, minn naħa, dawn tal-aħħar ma kinux ressqu talba minn qabel, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża sabiex il-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu tinġieb f’livell ekwivalenti għal dak tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fi Brussell, peress li l-ittri tat-28 ta’ Ottubru 2005, tat-3 ta’ April 2007 u tat-12 ta’ April 2008, anki jekk jiġi preżunt li huma jistgħu jiġu kklassifikati bħala talbiet fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma ntbagħtux mir-rikorrenti stess.

26      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ir-risposti tad-29 ta’ Novembru 2005 ta’ S. Kallas u tas-6 ta’ Ġunju 2007 tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat ma kellhomx segwitu fit-termini għall-preżentata ta’ ilment u ta’ rikors. L-istess, l-ebda azzjoni ma ttieħdet mill-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali wara li t-talba tagħhom għal ftehim interistituzzjonali tat-12 ta’ April 2008 ma ngħatatx risposta espressa min-naħa tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”.

27      Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni impliċita li tirrifjuta li l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu tinġieb f’livell ekwivalenti għal dak tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fi Brussell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq ir-rikors sa fejn huwa ppreżentat kontra r-rendikonti ta’ remunerazzjoni tar-rikorrenti maħruġa minn Ġunju 2008

28      Mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, insostenn tar-rikors tagħhom ippreżentat kontra r-rendikonti ta’ remunerazzjoni tagħhom mix-xahar ta’ Ġunju 2008, motivi kontra l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jinvokaw quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-inapplikabbiltà tal-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5).

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 241 KE, applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors u li sar, wara emenda, l-Artikolu 277 TFUE, jipprovdi li fil-każ ta’ tilwima dwar il-legalità ta’ regolament imsemmi minn din id-dispożizzjoni, kull parti tista’ tibbaża ruħha, b’mod partikolari insostenn ta’ rikors kontra miżura ta’ applikazzjoni, fuq il-motivi pprovduti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, li sar, wara emenda, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, anki wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dan ir-regolament. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan ir-rimedju inċidentali jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali intiż sabiex jiggarantixxi li kull persuna jkollha jew kellha possibbiltà li tikkontesta att maħruġ mill-Unjoni li jservi bħala bażi għal deċiżjoni li taffettwaha b’mod ħażin (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777; tad-19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il‑Parlament, 262/80, Ġabra p. 195, u tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, Ġabra p. 7147, punti 74 sa 78). Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 241 KE hija ċertament meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 236 KE, li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE.

30      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-possibbiltà li jagħti l-Artikolu 241 KE li tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ regolament ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonoma u tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod inċidentali, b’tali mod li n-nuqqas ta’ dritt għal rikors prinċipali jew l-inammissibbiltà tar-rikors prinċipali jwassal għall-inammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 1981, Albini vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 33/80, Ġabra p. 2141, punt 17, u tas-7 ta’ Lulju 1987, Étoile commerciale u CNTA vs Il‑Kummissjoni, 89/86 u 91/86, Ġabra p. 3005, punt 22).

31      Issa, skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ilment u, konsegwentement, ir-rikors ma jistgħux jiġu ppreżentati kontra att li jikkawża preġudizzju maħruġ mill-Awtorità tal-Ħatra. Huwa wkoll paċifiku li att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa dak l-att li jipproduċi effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwa direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jimmodifika, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikors, sa fejn huwa ppreżentat kontra r-rendikonti ta’ remunerazzjoni tar-rikorenti maħruġa minn Ġunju 2008 jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li rendikont ta’ remunerazzjoni, min-natura tagħha u mill-għan tagħha, ma tippreżentax il-karatteristiċi ta’ att li jikkawża preġudizzju peress li hija tirrifletti biss f’termini pekunarji l-portata ta’ deċiżjonijiet amministrattivi preċedenti, relattivi għal sitwazzjoni personali u legali ta’ uffiċjal (sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-23 ta’ April 2008, Pickering vs Il‑Kummissjoni, F‑103/05, Ġabra p. I‑A‑1‑101 u II‑A‑1‑527), punt 72, u Bain et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/05, Ġabra p. I‑A‑1‑111 u II‑A‑1‑579), punt 73). Madankollu, sa fejn hija turi b’mod ċar l-eżistenza u l-kontenut ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali, li qabel għaddiet inosservata, peress li hija ma kinitx ġiet formalment innotifikata lill-persuna kkonċernata, ir-rendikont ta’ remunerazzjoni, li tinkludi dikjarazzjoni tad-drittijiet pekunarji, tista’ titqies bħala att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jkun is-suġġett ta’ ilment u, skont il-każ, ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il‑Parlament, T‑354/03, ĠabraSP p. I‑A‑33 u II‑147, punti 38 u 39, fir-rigward tar-rimbors ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar, jew ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Marzu 1998, Meyer et vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑181/97, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑481, fir-rigward ta’ tnaqqis ta’ ammont ta’ allowances tal-familja rċevuti minn post ieħor). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-komunikazzjoni tar-rendikont ta’ remunerazzjoni għandha l-effett li jibdew jiddekorru t-termini għall-preżentata ta’ ilment u ta’ rikors kontra d-deċiżjoni amministrattiva meħuda fir-rigward tal-uffiċjal ikkonċernat u riflessa fid-dikjarazzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Pickering vs Il‑Kummissjoni, punt 75, u Bain et vs Il‑Kummissjoni, punt 76).

34      Dan japplika wkoll meta r-rendikont ta’ remunerazzjoni tinkorpora, għall-ewwel darba, l-implementazzjoni ta’ att ġdid ta’ portata ġenerali li jikkonċerna l-iffissar ta’ drittijiet pekunarji, bħal deċiżjoni li temenda l-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 2003, Lebedef et vs Il‑Kummissjoni, T‑221/02, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1037, punti 24 u 25), deċiżjoni li temenda skala ta’ kontribuzzjonijiet parentali għas-servizzi ta’ crèche (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Jannar 1997, Vanderhaeghen vs Il‑Kummissjoni, T‑297/94, ĠabraSP p. I‑A‑7 u II‑13), regolament li jemenda l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Novembru 2000, Bareyt et vs Il‑Kummissjoni, T‑175/97, ĠabraSP p. I‑A‑229 u II‑1053; sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Pickering vs Il‑Kummissjoni, u Bain et vs Il‑Kummissjoni), regolament li jadatta l-ammont ta’ remunerazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 1994, Di Marzio u Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑98/92 u T‑99/92, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑541) jew regolament li jistabbilixxi kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ krizi jew kontribuzzjoni temporanja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il‑Kummissjoni, 3/83, Ġabra p. 1995; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hocken vs Il‑Kummissjoni, T‑97/92 u T‑111/92, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑511).

35      F’dawn l-ipoteżijiet tal-aħħar, l-ewwel rendikont ta’ remunerazzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ att ta’ portata ġenerali, li jemenda d-drittijiet pekunarji ta’ kategorija astratta ta’ uffiċjal, tfisser neċessarjament, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-uffiċjal ikkonċernat. Ukoll, anki jekk jista’ jitqies li deċiżjoni amministrattiva ġdida ta’ portata individwali tiġi adottata kull xahar mill-Awtorità tal-Ħatra rigward l-iffissar tad-drittijiet pekunarji tal-uffiċjal u hija riflessa fir-rendikont ta’ remunerazzjoni korrispondenti, dawn id-deċiżjonijiet suċċessivi jikkonfermaw biss l-ewwel deċiżjoni li emendat b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata skont l-att il-ġdid ta’ portata ġenerali.

36      Konsegwentement, uffiċjal li naqas milli jikkontesta, fit-termini għall-preżentata ta’ ilment u ta’ rikors, ir-rendikont ta’ remunerazzjoni li tinkorpora, għall-ewwel darba, l-implementazzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali li jiffissa drittijiet pekunarji ma jistax validament, wara l-iskadenza tal-imsemmija termini, jikkontesta d-dikjarazzjonijiet sussegwenti, billi jinvoka kontrihom l-istess illegalità bħala dik li hija vvizzjata biha l-ewwel dikjarazzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Pickering vs Il‑Kummissjoni, punti 75 sa 89, u Bain et vs Il‑Kummissjoni, punti 76 sa 89).

37      Madankollu, is-sitwazzjoni, f’dan il-każ, ma tikkorrispondix għall-ipoteżijiet imsemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, mill-qari tal-argumenti tar-rikorrenti jidher li dawn tal-aħħar jikkritikaw essenzjalment il-persistenza tal-Kummissjoni li tapplika l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma twettaq studju dwar l-eventwali differenza tal-kapaċità ta’ akkwist bejn Brussell u l-Lussemburgu, filwaqt li huma jinvokaw il-ħruġ ta’ ċirkustanzi ekonomiċi ġodda, li dawn lanqas jiġġustifikaw, rigward b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa impost fuq il-leġiżlatur, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, u li l-istabbiliment ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, ipprovduti bl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma intiżi speċifikament sabiex jimplementaw dan il-prinċipju, billi jiggarantixxu ż-żamma ta’ kapaċità ta’ akkwist ekwivalenti għall-uffiċjali kollha, irrispettivament mill-post ta’ impjieg tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1981, Benassi vs Il‑Kummissjoni, 194/80, Ġabra p. 2815, punt 5; tat-23 ta’ Jannar 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑301/90, Ġabra p. I‑221, punt 19, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Drouvis vs Il‑Kummissjoni, C‑187/03 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Meta, bħal f’din il-kawża, parti f’kawża tqis li elementi ġodda jirriżultaw fl-obbligazzjoni, għall-Unjoni Ewropea, li tadotta miżuri normattivi ġodda, hija għandha, bħala regola, issegwi l-proċeduri pprovduti fit-Trattat kif ukoll fl-atti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union, C‑241/01, Ġabra p. I‑9079, punt 38).

40      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti biss lill-uffiċjali li jitolbu lill-amministrazzjoni bħala Awtorità tal-Ħatra li tadotta deċiżjoni fir-rigward tagħhom. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża peress li r-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni li ma ħaditx l-inizjattivi politiċi neċessarji sabiex jiġi stabbilit, fil-futur, koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal-Lussemburgu, li jeħtieġ it-tħassir tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Tali talba ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li inizjattiva politika ma tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni meħuda fir-rigward ta’ uffiċjal”.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi u minħabba d-diffikultajiet proċedurali li jiltaqa’ magħhom individwu li għandu l-intenzjoni li jaġixxi għal nuqqas, skont l-Artikolu 265 TFUE, kontra istituzzjoni għat-tħassir ta’ dispożizzjoni ta’ regolament, adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 1993, ENU vs Il‑Kummissjoni, C‑107/91, Ġabra p. I‑599, punti 16 u 17), li tiġi eskluża, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fil-punti 33 sa 36 iktar ’il fuq, il-possibbiltà għal uffiċjal li jikkontesta r-rendikont ta’ remunerazzjoni tiegħu minħabba bidla ta’ ċirkustanzi fattwali, bħalma hija bidla ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi, billi titqajjem, f’din l-okkażjoni, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li, għalkemm kienet tidher valida fil-mument tal-adozzjoni tagħha, saret, skont l-uffiċjal ikkonċernat, illegali minħabba din il-bidla ta’ ċirkustanzi, twassal sabiex tirrendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju ta’ rikors intiż sabiex jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament rikonoxxut bid-dritt tal-Unjoni u tikkawża għaldaqstant ksur sproporzjonat lid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

42      Għaldaqstant għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ħafna tal-kawża, sabiex jitħares id-dritt tagħhom għal rikors, jiġi aċċettat li uffiċjali jistgħu jikkontestaw ir-rendikont ta’ remunerazzjoni tagħhom, billi jqajmu kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li tiffissa d-drittijiet pekunarji tagħhom eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata b’mod partikolari fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minkejja r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 sa 36 iktar ’il fuq.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, sa fejn huwa ppreżentat kontra r-rendikont ta’ remunerazzjoni tar-rikorrenti minn Ġunju 2008, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

44      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi, l-ewwel tlieta żviluppati flimkien fir-rikors, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi; ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq l-ewwel tliet motivi

 L-argumenti tal-partijiet

45      Ir-rikorrenti jsostnu li l-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu huwa ogħla milli huwa fi Brussell. Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, huma jinvokaw is-salarju minimu nazzjonali u l-ispiża għall-akkomodazzjoni, kif ukoll data mxandra mill-kumpannija ta’ servizzi bankarji UBS, kalkoli informali miksuba minn esperti tal-istatistika tal-Eurostat u l-evalwazzjonijiet ta’ kollegi li, fil-kuntest tal-mobbiltà, iċċaqalqu mil-Lussemburgu għal Brussell jew bil-kontra.

46      Peress li l-Lussemburgu huwa l-uniku post tal-impjieg li ma għandux koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, ir-rikorrenti jqisu li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni huwa manifest.

47      Skont ir-rikorrenti, huwa diffiċli, jew impossibbli, li jiġi kkalkolat koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu fin-nuqqas tal-indiċi internazzjonali tal-għoli tal-ħajja f’din il-belt, liema indiċi għandu jiġi stabbilit permezz ta’ sondaġġ imwettaq mill-Eurostat, li qatt ma twettaq.

48      Billi baqgħu ma ntlaqgħux it-talbiet fis-sens tar-rappreżentazzjonijiet tal-persunal, kif irriżulta mill-qari tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni tax-xahar ta’ Ġunju 2008 u tax-xhur sussegwenti, il-Kummissjoni ma osservatx l-Artikolu 9 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrenti huma tal-fehma li l-imsemmi artikolu, meta jirreferi għal “differenza apprezzabbli […] fl-għoli tal-ħajja [fil-kapaċità ta’ akkwist] bejn dak il-post ta’ l-impieg u l-kapitali ta’ l-Istat Membru kkonċernat” jirreferi fir-realtà għal “differenza apprezzabbli fil-kapaċità ta’ akkwist f’post tal-impjieg speċifiku imqabbel ma’ dik ikkonstatata fil-post tal-impjieg li jimponi r-remunerazzjonijiet kif ukoll f’dan il-post ta’ impjieg speċifiku”.

49      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni tkun nisslet fih tamiet fondati. F’din il-kawża, ir-rikorrenti kienu twasslu biex jemmnu li n-nuqqas ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu kien ifisser li l-Kummissjoni kienet wettqet il-verifiki neċessarji li kienu jippermettulha li tqis li kien iġġustifikat li ma tipprovdix tali koeffiċjent.

50      Il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti bl-ebda mod ma jispjegaw kif l-Artikolu 9 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal seta’ nkiser, fir-rigward tal-Lussemburgu, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmi anness, li huwa tal-istess grad, jeskludi li jista’ jkun hemm koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu.

51      Ċertament, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-leġiżlatur huwa, b’mod ġenerali, marbut bil-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, l-invokazzjoni ta’ tali ilment jeħtieġ dimostrazzjoni partikolarment fil-fond rigward l-eżistenza ta’ differenza reali u persistenti bejn Brussell u l-Lussemburgu. Dan huwa dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza, rigward il-kontestazzjoni ta’ koeffiċjent iffissat mill-Kunsill, każ b’każ, għal post ta’ impjieg speċifiku. L-istess rekwiżit ta’ prova jenħtieġ a fortiori fil-każ li għandu jintwera li l-leġiżlatur kiser, fir-Regolamenti tal-Persunal stess, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi qies li żewġ postijiet ta’ impjieg għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod.

52      Il-Kummissjoni tfakkar ukoll is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna li għandhom l-istituzzjonijiet rigward l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, peress li żball manifest ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter biss jistgħu jiġu ċċensurati mill-qorti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Settembru 2002, Ajour et vs Il‑Kummissjoni, T‑201/00 u T‑384/00, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑885, punti 47 sa 49, u Bareyt et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 64).

53      Issa, ir-rikorrenti ma pprovdew l-ebda element li minnu tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward in-nuqqas ta’ koeffiċjent għal-Lussemburgu.

54      L-ewwel nett, filwaqt li ppreżenta bħala ħaġa ovvja li l-ħajja hija ogħla fil-Lussemburgu milli hija fi Brussell, il-President tas-Sindakat Solidarité européenne, fl-2005 talab lill-Kummissjoni twettaq studju fuq il-fattibbiltà ta’ koeffiċjent speċifiku. Issa, ikun impossibbli għal Eurostat li jwettaq stħarriġ fuq il-baġits tal-familji ta’ uffiċjali impjegati fil-Lussemburgu, sabiex jistabbilixxi tali koeffiċjent peress li, fid-dritt, dan ma jistax jeżisti skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

55      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jsostnu kunsiderazzjonijiet ġenerali u vagi, mingħajr ma juru ebda prezzijiet, li jippermettu li jiġi stabbilit li l-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu huwa effettivament superjuri għal dak ta’ Brussell b’mod sinjifikattiv u fit-tul.

56      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-invokazzjoni, f’din il-kawża, tal-Artikolu 9 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal hija żbaljata peress li dan l-artikolu jikkonċerna l-ħolqien ta’ koeffiċjent għal post differenti mill-belt kapitali ta’ Stat u mhux il-belt kapitali stess, li għalih, fir-rigward tal-Lussemburgu, teżisti dispożizzjoni speċjali li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmi anness.

57      Il-Kummissjoni żżid li l-informazzjoni disponibbli rigward l-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu ma hijiex kollha fl-istess sens bħal dik indikata mir-rikorrenti. Hija ċċitat eżempju meħud mill-Mercer’s Cost of Living Survey, li minnu jirriżulta li, f’Marzu 2008, l-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu (91.3) kien inqas minn dak fil-Brussell (92.9), filwaqt li l-indiċi ta’ New York kien ta’ 100.

58      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-ġurisprudenza, dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tiġi kkontestata għal din ir-raġuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297 u II‑A‑2‑1527, punt 149).

59      Rigward l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni tar-rikorrenti hija inkoerenti. Hija kienet tifhimha aħjar kieku dawn tal-aħħar kienu sostnew li l-amministrazzjoni kienet effettivament wegħdithom l-istabbiliment ta’ koeffiċjent speċifiku għal-Lussemburgu, mingħajr ma qatt ma stabbiliet dan. Xorta waħda, huwa eskluż fid-dritt li r-rikorrenti seta’ jkollhom xi tama li jiksbu koeffiċjent għal-Lussemburgu, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi dan espressament. Kull wegħda f’dan is-sens, jekk kienet teżisti, kienet kuntrarja għad-dispożizzjonijiet applikabbli, u għaldaqstant inkapaċi li toħloq stennija leġittima (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il‑Kummissjoni, T‑123/89, Ġabra p. II‑131 punti 26 sa 30).

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

60      Ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni li, minkejja l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, ma nkarigatx lill-Eurostat sabiex iwettaq investigazzjonijiet statistiċi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza, jew le, ta’ differenza apprezzabbli tal-kapaċità ta’ akkwist għad-detriment tal-uffiċjali u ta’ membri tal-persunal fil-Lussemburgu, meta mqabbla mal-kapaċità ta’ akkwist ikkonstatata fi Brussell. Huma jqisu li, bin-nuqqas tagħha u minkejja l-indizji prodotti mir-rikorrenti, li dawn l-indizji juru, dawn l-aħħar snin, żieda apprezzabbli tal-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

61      Għaldaqstant hemm lok li l-argument tar-rikorrenti jinftiehem bħala intiż li jikkontesta prinċipalment il-legalità tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI peress li din id-dispożizzjoni mhux biss tostakola l-possibbiltà li jiġi stabbilit koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu, iżda wkoll sabiex il-Kummissjoni tinkariga lill-Eurostat iwettaq l-investigazzjonijiet statistiċi neċessarji sabiex tintwera l-eżistenza ta’ eventwali differenza fl-għoli tal-ħajja bejn Brussell u l-Lussemburgu, għalkemm l-indizji pprovduti mir-rikorrenti jiġġustifikaw it-tnedija ta’ investigazzjonijiet paralleli.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jaffettwaw ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, ipprovduti bl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jiggarantixxi ż-żamma ta’ kapaċità ta’ akkwist ekwivalenti għall-uffiċjali kollha, irrispettivament mill-post ta’ impjieg tagħhom, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Benassi vs Il‑Kummissjoni, punt 5, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, punt 19, u d-digriet iċċitat iktar ’il fuq, Drouvis vs Il‑Kummissjoni, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa l-Kunsill li għandu, skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta jikkonstata bidla apprezzabbli tal-għoli tal-ħajja, li jiddeduċi konklużjonijiet minnha billi jadatta l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, rigward bidla apprezzabbli tal-għoli tal-ħajja kkonstatata bejn post ta’ impjieg, differenti mill-belt kapitali tal-Istat Membru kkonċernat, u dan, il-Kunsill ma għandu ebda marġni ta’ diskrezzjoni rigward in-neċessità li jintroduċi koeffiċjent speċifiku għal post ta’ impjieg (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

63      Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-istabbiliment ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, ipprovduti bl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa impost ukoll fuq il-leġiżlatur, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni.

64      F’din il-kawża, huwa ċar li r-rikorrenti, li jallegaw trattament diskriminatorju kontra uffiċjali fil-Lussemburgu, minħabba n-nuqqas ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal dan l-Istat Membru, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, jinsabu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli għal dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-prova, minħabba diffikultajiet tekniċi marbutin mar-reġistrazzjoni u l-elaborazzjoni ta’ data statistika suffiċjentement affidabbli.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li ssostni li r-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ differenza apprezzabbli u sostenibbli bejn il-Lussemburgu u Brussell, insostenn tal-motiv tagħhom ibbażat fuq ksur ta’ ugwaljanza fit-trattament, filwaqt li targumenta li huwa impossibbli għaliha li titlob lill-Eurostat sabiex twettaq investigazzjonijiet statistiċi f’dan ir-rigward, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi l-istabbiliment ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal-Lussemburgu. Tali argument ċirkulari, jekk ikun segwit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma jippermettix li tiġi ggarantita l-osservanza ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali fir-rigward ta’ remunerazzjoni, u b’mod partikolari, ir-rekwiżit taż-żamma ta’ kapaċità ta’ akkwist ekwivalenti għall-uffiċjali kollha.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tad-definizzjonijiet tekniċi marbutin mad-definizzjoni u mal-għażla ta’ data bażika u ta’ metodi statistiċi, ir-rikorrenti ma jistgħux jenħtieġu li juru quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-eżistenza ta’ żieda apprezzabbli u sostenibbli tal-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu, meta mqabbla ma’ Brussell, ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ trattament mhux ugwali bejn uffiċjali, skont il-post ta’ impjieg tagħhom. Huma għandhom, biss, kif iddikjara l-Kunsill matul is-seduta, jipprovdu sensiela ta’ indizji suffiċjentement sinjifikattivi li juru eventwali differenza fil-kapaċità ta’ akkwist, ta’ natura li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni u tiġġustifika skont il-każ, it-tnedija ta’ investigazzjonijiet amministrattivi mill-Eurostat.

67      Huwa minnu li mill-Artikolu 65(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 9(1) tal-Anness XI tal-istess regolamenti jirriżulta li żieda apprezzabbli biss tal-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu, meta mqabbla ma’ Brussell, tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ adattament sabiex tiġi ggarantita l-ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist bejn l-uffiċjali fil-Lussemburgu u l-kollegi tagħhom li jaħdmu fi Brussell. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax, fil-fatt, jeħtieg identità perfetta tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali, irrispettivament mill-post ta’ impjieg tagħhom, iżda korrispondenza sinjifikattiva tal-għoli tal-ħajja bejn il-postijiet ta’ impjieg ikkunsidrati. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur għandu, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, peress li l-intervent ġudizzjarju għandu jkun limitat sabiex jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet baqgħux fil-limiti raġonevoli meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijiet li ispirawhom u ma użawx is-setgħa tagħhom b’mod manifestament żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Abello et vs Il‑Kummissjoni, T‑544/93 u T‑566/93, ĠabraSP p. I‑A‑271 u II‑815, punt 76).

68      Madankollu, anki jekk id-dokumenti tar-rikorrenti ma humiex ċari ħafna f’dan ir-rigward, l-oġġezzjoni prinċipali mressqa insostenn ta’ dan ir-rikors tidher li hija l-persistenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI mingħajr ma twettaq studju fuq l-eventwali differenza fil-kapaċità ta’ akkwist bejn Brussell u l-Lussemburgu. F’tali kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju ma huwiex limitat għall-verifika tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-persuni kkonċernati pprovdewx, jew le, l-indizji suffiċjenti, dawk ta’ studji numeriċi jew oħra, ta’ sors awtorizzat, sostnuti biżżejjed, li jiġġustifikaw it-tnedija ta’ investigazzjoni.

69      Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’din il-kawża, li r-rikorrenti jillimitaw rwieħhom li jifformulaw xi kunsiderazzjonijiet pjuttost astratti mingħajr ma jipprovdu prova inizjali ta’ natura li tistabbilixxi, tal-inqas, apparenza ta’ differenza sostenibbli li tista’ tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjonijiet statistiċi mill-Eurostat. Fil-fatt, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jibbażaw rwieħhom:

–        fuq “data mxandra mill-UBS”, mingħajr ma din id-data tkun espliċita u lanqas prodotta;

–        fuq dikjarazzjonijiet mhux sostnuti fuq is-salarju minimu nazzjonali, il-prezz ta’ akkomodazzjoni, il-prezz ta’ kiri ta’ uffiċċji fil-Lussemburgu;

–        fuq “informazzjoni miksuba mill-kollegi li, fil-kuntest tal-mobbiltà, iċċaqalqu mil-Lussemburgu għal Brussel jew minn Brussel għal-Lussemburgu u kkonstataw li l-kapaċità ta’ akkwist tagħhom fil-Lussemburgu hija inferjuri minn dik fi Brussell”, mingħajr kummenti oħrajn iktar preċiżi;

–        fuq “kalkoli informali, miksuba minn esperti tal-istatistika tal-Eurostat”, ukoll mingħajr kummenti oħrajn;

–        fuq ittra tas-6 ta’ Marzu 2006 mibgħuta mid-Direttur tar-Riżorsi tal-Aġenzija ta’ Manutenzjoni u Provvista tan-NATO li fiha huwa jillimita ruħu jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-“differenza li qed tiżdied bejn l-għoli tal-ħajja fi Brussell u dik fil-Lussemburgu”,

–        u fuq dikjarazzjonijiet oħrajn inklużi f’korrispondenza u f’fuljetti sindakali, annessi mar-rikors.

70      Tali indizji ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita apparenza ta’ differenza apprezzabbli u sostenibbli tal-għoli tal-ħajja bejn iż-żewġ postijiet ta’ impjieg inkwistjoni, li, minħabba n-nuqqas ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal-Lussemburgu, inaqqas b’mod sostanzjali l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu meta mqabbla ma’ dik tal-kollegi tagħhom fi Brussell, peress li l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ipproduċiet elementi li jissuġerixxu, bil-kuntrarju, l-eżistenza ta’ għoli tal-ħajja inqas għoli fil-Lussemburgu milli fi Brussell (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).

71      Barra minn hekk, rigward l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal adottata legalment mill-Kunsill ma tistax effettivament tiġi kkontestata minħabba allegat ksur ta’ tali prinċipju (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑256/01, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑99, punt 66, u Campoli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 149).

72      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, huwa biżżejjed ukoll li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma setgħux jistabbilixxu li kisbu mill-amministrazzjoni assigurazzjonijiet preċiżi rigward differenza apprezzabbli, għal dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ akkwist ta’ uffiċjali, bejn Brussell u l-Lussemburgu, anki fir-rigward tal-adozzjoni futura ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu. Fi kwalunkwe każ, uffiċjal ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dan il-każ l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, u jipprekludi l-applikazzjoni tiegħu, peress li l-wegħdiet tal-amministrazzjoni li ma jiħdux inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi min-naħa ta’ dawk li għalihom huma indirizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chomel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 sa 30, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑939, punti 46 u 47).

73      F’dan ir-rigward jeħtieġ ukoll jiġi enfasizzat li r-rikors ma huwiex ippreżentat kontra r-rifjut li tintlaqa’ talba intiża sabiex issir investigazzjoni statistika, iżda, b’mod partikolari, kontra rendikonti ta’ remunerazzjoni fuq il-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità intiża kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

74      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, hemm lok li l-ewwel tliet motivi jiġu miċħuda.

 Għal dak li jikkonċerna r-raba’ motiv

 L-argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti josservaw li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni “applikabbli għar-remunerazzjoni ta’ l-uffiċjali mpjegati f’siġġijiet [sedi] provviżorji tal-Komunitajiet għandhom ikunu daqs 100 % fl-1 ta’ Jannar 1962.” Dan ifisser li maż-żmien il-koeffiċjent tal-Lussemburgu jista’ jinbidel. Peress li jikkunsidraw li l-Anness XI ma jistax jillimita l-portata tal-Artikolu 64, ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tal-Artikolu 1(3)(d), tal-Artikolu 3(5), u tal-Artikolu 5(3) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal li jirreferu għal-Lussemburgu.

76      Ir-rikorrenti jqisu li teżisti rabta legali bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata, jiġifieri dik fejn il-Kummissjoni tirrifjuta li l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali fil-Lussemburgu tinġieb f’livell ekwivalenti għal dak tal-kapaċità ta’ akkwist tar-remunerazzjonijiet fi Brussell, u l-att ġenerali ikkontestat u li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma hija limitata għal dak li huwa neċessarju għas-soluzzjoni tal-kawża.

77      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jirribattu li r-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument insostenn tar-raba’ motiv tagħhom, u dan għandu jwassal sabiex dan il-motiv jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 35(1)(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura.

78      Fuq il-mertu, skont il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li jagħtu x’jifhmu r-rikorrenti, l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex ta’ grad superjuri għad-dispożizzjonijiet tal-Anness XI. Għaldaqstant, ikun impossibbli li jiġi sostnut li dawn jistgħu jiksru l-Artikolu 64.

79      Id-dispożizzjonijiet kollha invokati huma fir-realtà tal-istess grad u għandhom konsegwentement jinqraw flimkien sabiex tiġi ggarantita l-interpretazzjoni armonjuża tagħhom. Issa, l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax ifisser li koeffiċjent speċifiku jista’ jiġi adottat għal-Lussemburgu, għaliex dan iwassal sabiex dan l-artikolu jiġi interpretat b’mod li jmur lil hinn mit-test ċar tal-tal-Artikolu 3(3) jew (5) tal-Anness XI. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 64 għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-każijiet oħrajn minbarra dawk li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, bħal dawk li jirrigwardaw il-Lussemburgu.

80      Il-Kunsill jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Huwa jżid li, sa fejn ir-rikorrenti jipprovaw jikkritikaw id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-Anness XI, u b’mod partikolari mill-Artikolu 9(1) tiegħu jirriżulta li l-għan tal-leġiżlatur ma huwiex li jiggarantixxi l-identità perfetta, f’kull mument, tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali f’postijiet ta’ impjieg differenti. Fil-fatt, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tipprovdi li talba għall-ħolqien ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni ġdid “għandha tkun sostnuta b’fatturi oġġettivi li juru differenza apprezzabbli fuq xi snin fl-għoli tal-ħajja [fil-kapaċità ta’ akkwist] bejn dak il-post ta’ l-impieg u l-kapitali ta’ l-Istat Membru kkonċernat”. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali Capotorti fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Settembru 1982 fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1982, Roumengous Carpentier vs Il‑Kummissjoni (158/79, Ġabra p. 4379), “l-addattament ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni huwa obbligatorju biss fil-każ ta’ żieda apprezzabbli tal-għoli tal-ħajja, [huwa minn dan li] jista’ [jiġi dedott] li l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju ma huwiex l-identità perfetta tat-trattament (kapaċità ta’ akkwist identika irrispettivament mill-post tal-impjieg), iżda korrispondenza sostanzjali u razzjonali ta’ trattament, [flimkien ma’] differenzi eventwali ta’ importanza modesta”. Anki jekk jiġi preżunt li l-Artikolu 9(1) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal huwa trasponibbli, b’anoloġija, għal din il-kawża, minn dan jirriżulta li l-legalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jikkonċernaw il-Lussemburgu, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tista’ tiġi kkontestata biss meta jkun hemm elementi oġġettivi li juru differenza apprezzabbli u sostenibbli tal-għoli tal-ħajja bejn Brussell u l-Lussemburgu.

81      Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda element oġġettiv li juri tali differenza bejn iż-żewġ bliet kapitali, u wisq inqas in-natura sinjifikattiva u sostenibbli ta’ tali differenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

82      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tiegħu, ma jistgħux jiġu sseparati mill-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-kliem u l-ispirtu tagħhom jimplikaw obbligatorjament il-possibbiltà li jiġu emendati l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jaffettwaw ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali, skont il-kundizzjonijiet ta’ ħajja tal-postijiet ta’ impjieg differenti.

83      F’dan ir-rigward, huwa minnu li “[l]-Artikolu 65a tar-Regolament tal-Persunal jipprovdi li r-regoli ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 huma ddefiniti fl-Anness XI”. Huwa possibbli li jiġi dedott minnhom li l-imsemmija regoli ta’ implementazzjoni ma jistgħux jiġu sseparati mir-regoli bażiċi stabbiliti fl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, jekk ma hemm l-ebda ġerarkija formali bejn ir-regoli organiċi tar-Regolamenti tal-Persunal u l-anness tiegħu, iż-żewġ kategoriji ta’ regoli li qed jiġu adottati mill-Kunsill, tista’ teżisti, skont il-każ, bejniethom, ġerarkija sostanzjali, peress li l-annessi għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bażijiet u s-sistema tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea, kif stabbiliti bir-Regolamenti tal-Persunal innifsu.

84      Madankollu, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li d-dispożizzjonijiet tal-Anness XI u, b’mod partikolari, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tiegħu jiksru regola essenzjali, li tinsab fl-Artikolu 64 tar-Regolament tal-Persunal, peress li r-rikorrenti ma wrewx li l-leġiżlatur kien qies b’mod illegali li l-kundizzjonijiet ta’ ħajja fi Brussell u fil-Lussemburgu ma jiġġustifikawx l-istabbiliment ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni separati. Il-kwistjoni dwar jekk tali evalwazzjoni tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni ġie eżaminat b’mod preċiż fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi invokati insostenn tar-rikors.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

87      Minn din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti tilfu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fit-talbiet tagħha, espressament talbet li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm għalhekk lok li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

88      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 89(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      G. Lebedef u T. Jones għandhom ibatu l-ispejjeż kollha tagħhom, ħlief dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Mahoney

Kreppel

Van Raepenbusch

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Settembru 2010.

W. Hakenberg

 

      P. Mahoney

Reġistratur

 

      President

It-testi tal-preżenti deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fuq is-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.