Language of document : ECLI:EU:F:2011:87

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

20 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-67/10

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni li għandu bħala suġġett l-intaxxar tal-ispejjeż — Inammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106 a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob b’mod partikolari li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li huwa ġarrab minħabba l-fatt li din irrifjutat li tirrimborsalu l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, allegatament sostnuti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Novembru 2008 (Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑41/06, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑20/09 P).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. L. Marcuccio huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Suġġett

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 92(1))

Id-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea jipprovdi proċedura speċifika biex jiġu ntaxxati l-ispejjeż meta l-partijiet ma jaqblux fuq l-ammont u n-natura tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru wara deċiżjoni li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun temm tilwima u ddeċieda fuq l-allokazzjoni tal-ispejjeż. Għalhekk, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikunu qed jiġu kkontestati n-natura u l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat fuq it-talba tal-parti kkonċernata, wara li jinstemgħu l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra.

Barra minn hekk, il-proċedura speċifika, prevista f’dan l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal‑Proċedura, relatata mal-intaxxar tal-ispejjeż, teskludi talba għall-istess somom, jew għal somom sostnuti għall-istess finijiet, fil-kuntest ta’ kawża li tinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Għalhekk, rikorrent ma jistax jippreżenta, abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors li, fir-realtà, għandu l-istess suġġett bħal talba għall-intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punti 20 u 21)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/03, punt 297, parzjalment annullata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 10 ta’ Novembru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑70/07, punt 17