Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fil-5 ta’ Mejju 2020 – Laudamotion GmbH vs Verein für Konsumenteninformation

(Kawża C-189/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Laudamotion GmbH

Konvenuta: Verein für Konsumenteninformation

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 1 , b’mod partikolari l-Artikolu 25, l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 19, skont il-każ fid-dawl ukoll tal-Artikolu 67, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istħarriġ tan-natura abbużiva ta’ ftehimiet internazzjonali li jagħtu ġurisdizzjoni skont id-Direttiva 93/13/KEE 2 jew dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni korrispondenti?

L-aħħar parti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (“sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru”) għandha tiġi interpretata fis-sens li tiftaħ il-possibbiltà ta’ stħarriġ sostantiv – li jmur ukoll lil hinn mill-qasam tad-dritt armonizzat – konformement mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni skont ftehim li jagħti ġurisdizzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda:

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni applikabbli għall-finijiet ta’ stħarriġ tan-natura abbużiva fir-rigward tad-Direttiva 93/13 huma stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni skont ftehim li jagħti ġurisdizzjoni jew mil-lex causae tal-Istat Membru tal-qorti adita?

____________

1     Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2     Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).