Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Ġunju 2019 – All in One Star Ltd

(Kawża C-469/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti u appellanti: All in One Star Ltd

Domandi preliminari

L-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 1 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-inklużjoni fir-reġistru kummerċjali ta’ fergħa ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, teżiġi l-indikazzjoni tal-ammont ta’ kapital azzjonarju jew ta’ valur ta’ kapital ieħor komparabbli?

(a) L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2017/1132 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-mument tat-talba għall-inklużjoni fir-reġistru kummerċjali ta’ fergħa ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, id-direttur tal-kumpannija għandu jipprovdi assigurazzjoni, fir-rigward tal-persuna tiegħu, li ma hemm ebda impediment għan-nomina tiegħu skont id-dritt nazzjonali, fil-forma ta’ projbizzjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li jeżerċita professjoni jew attività li tikkorrispondi kompletament jew parzjalment mal-għan tal-kumpannija, jew fil-forma ta’ kundanna definittiva għal ċerti reati kriminali, u li f’dan ir-rigward, ġie informat minn nutar, membru tal-professjoni legali komparabbli jew konsulent legali, bl-obbligu assolut tiegħu li jipprovdi informazzjoni lill-qorti?

(b) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 2(a):

L-Artikoli 49 u 54 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-mument tat-talba għall-inklużjoni fir-reġistru kummerċjali ta’ fergħa ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, id-direttur tal-kumpannija għandu jipprovdi tali assigurazzjoni?

____________

1 Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017 L 169, p. 46).