Language of document : ECLI:EU:C:2016:528

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Lulju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2004/48/KE — Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali — Kunċett ta’ ‘intermedjarju li s-servizzi tiegħu kienu użati sabiex jinkiser dritt tal-proprjetà intellettwali’ — Kerrej ta’ swali fejn jinżamm suq li jissulloka l-punti ta’ bejgħ — Possibbiltà li tingħata ordni fir-rigward ta’ dan il-kerrej — Artikolu 11”

Fil-Kawża C‑494/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Tommy Hilfiger Licensing LLC,

Urban Trends Trading BV,

Rado Uhren AG,

Facton Kft.,

Lacoste SA,

Burberry Ltd

vs

Delta Center a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Tommy Hilfiger Licensing LLC, Urban Trends Trading BV, Rado Uhren AG, Facton Kft., Lacoste SA u Burberry Ltd, minn L. Neustupná, advokátka,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Tommy Hilfiger Licensing LLC, Urban Trends Trading BV, Rado Uhren AG, Facton Kft., Lacoste SA u Burberry Ltd, u, min-naħa l-oħra, Delta Center a.s., dwar ordnijiet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jixtiequ li jingħataw fir-rigward ta’ Delta Center sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 10 u 23 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdu:

“(10) L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi [tal-Istati Membri] sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju [tal-proprjetà intellettwali] fis-suq intern.

[...]

(23)      […] il-proprjetarji tad-dritt għandhom ikollhom il-possibilità li japplikaw għall-mandat [ordni] kontra xi intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terza biex jiġi miksur id-dritt tal-proprjetà industrijali tad-detentur tad-drittijiet. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma’ dawn il-mandati għandhom jitħallew għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Sa fejn il-kontravvenzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati huma konċernati, armoniżazzjoni ta’ livell komprensiv diġà jeżisti fid-Direttiva 2001/29/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230)]. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE m’għandux ikun affettwat b’din id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti [fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw [...] għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet [tal-Unjoni] u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

5        Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji”, fih sitt sezzjonijiet, li l-ewwel waħda minnhom, intitolata “Id-dispożizzjonijiet ġenerali”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 3, li jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun [...] effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ [għall-kummerċ legali] [...]”

6        Is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48 hija intitolata “Il-miżuri li jirriżultaw minn deċiżjoni fuq il-merti tal-każ”. Din hija kkostitwita mill-Artikoli 10 sa 12, intitolati, rispettivament, “Il-miżuri korrettivi”, “Mandati [Ordnijiet]”, u “Il-miżuri alternattivi”.

7        Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat [ordni] kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi [tagħhom] kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni [jinkiser] tad-dritt tal-proprjetà interllettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE.”

8        L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

 Id-dritt Ċek

9        Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 ġie traspost fid-dritt Ċek permezz tal-Artikolu 4 taz-zákon č. 221/2006 Sb., o vymáhání práv z průmyslového vlastnictví (Liġi Nru 221/2006 dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 221/2006”).

10      L-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 221/2006 jipprevedi:

“Fil-każ ta’ ksur mhux iġġustifikat tad-drittijiet [tal-proprjetà industrijali], il-persuna leża tista’ titlob lill-qorti tordna lill-awtur tal-ksur iwaqqaf l-aġir li jikser jew li jista’ jikser id-drittijiet tagħha u tħassar il-konsegwenzi li jirriżultaw minnu [...]”

11      Skont l-Artikolu 4(3), il-persuni leżi jistgħu wkoll jitolbu lill-qorti timponi miżuri “fuq kull persuna li l-mezzi jew is-servizzi tagħha huma użati minn terzi sabiex jinkisru d-drittijiet tagħhom”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Delta Center hija kerrej tal-post fejn jinżamm suq imsejjaħ “Pražská Tržnice” (swali ta’ Praga fejn jinżamm suq, ir-Repubblika Ċeka). Hija tissulloka lil negozjanti l-punti ta’ bejgħ differenti li jinsabu f’dan il-post. Il-kuntratti tal-kiri konklużi ma’ dawn in-negozjanti jimponulhom l-obbligu li josservaw ir-regoli li huma suġġetti għalihom l-attivitajiet tagħhom. Barra minn hekk, huwa mqassam lilhom fuljett miktub biċ-Ċek u bil-Vjetnamiż intitolat “Twissija lill-bejjiegħa”. Dan il-fuljett jenfasizza li l-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati huwa pprojbit u jista’ jirriżulta fix-xoljiment tal-kuntratt tal-kiri tal-punt ta’ bejgħ.

13      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jimmanifatturaw u jiddistribwixxu prodotti tad-ditta. Peress li kkonstataw li falsifikazzjonijiet tal-prodotti tagħhom kienu qegħdin jinbiegħu f’dawn is-swali ta’ Praga fejn jinżamm suq, huma adixxew il-Městsky soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga) fejn talbuha, b’mod partikolari, tordna lil Delta Center:

–        tastjeni minn kwalunkwe konklużjoni jew estensjoni ta’ kuntratti ta’ kiri ta’ punti ta’ bejgħ fl-imsemmija swali mal-persuni li l-aġir tagħhom ġie definittivament deċiż mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi bħala li jikkostitwixxi ksur jew riskju ta’ ksur tad-drittijiet ikkonferiti mit-trade marks imsemmija fit-talba;

–        tastjeni minn kwalunkwe konklużjoni jew estensjoni ta’ tali kuntratti meta t-termini tagħhom la jinkludu l-obbligu għan-negozjant li jastjeni milli jikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tar-rikorrenti u lanqas il-klawżola li Delta Center tista’ xxolji l-kuntratt fil-każ ta’ ksur jew ta’ riskju ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet; u

–        tippreżenta, f’ċerti każijiet deskritti mir-rikorrenti, apoloġija bil-miktub minnha u tippubblika, għas-spejjeż tagħha, stqarrija fil-gazzetta Hospodářské noviny.

14      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, il-Městsky soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga) ċaħdet din it-talba għal għoti ta’ ordnijiet. Filwaqt li qieset li Delta Center hija “persuna li l-mezzi jew is-servizzi tagħha huma użati minn terzi” fis-sens tal-Artikolu 4(3) tal-Liġi Nru 221/2006, hija qieset li ma kienx hemm ksur jew riskju ta’ ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti, peress li kien evidenti għax-xerrejja li l-merkanzija inkwistjoni kienet iffalsifikata u għalhekk la kienet immanifatturata u lanqas iddistribwita mir-rikorrenti.

15      Ir-rikorrenti appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Vrchní soud v Praze (qorti superjuri ta’ Praga).

16      Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2012, din il-qorti, għal raġunijiet differenti minn dawk adottati mill-ewwel qorti, ikkonfermat iċ-ċaħda tat-talba għal għoti ta’ ordnijiet. Fl-opinjoni tagħha, interpretazzjoni wiesgħa tal-kliem “[i]l-mezzi jew is-servizzi [...] użati minn terzi sabiex jinkisru” użati fl-Artikolu 4(3) tal-Liġi Nru 221/2006, kif ukoll tal-kliem “[i]s-servizzi [...] użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni [jinkiser] tad-dritt tal-proprjetà interllettwali” użati fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, twassal għal sitwazzjonijiet assurdi li jikkonsistu, b’mod partikolari, li jiġi kkunsidrat li l-provvista ta’ elettriku jew l-għoti ta’ liċenzja kummerċjali lil negozjant jikkostitwixxu mezz li jista’ jikser drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

17      Ir-rikorrenti ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší soud (qorti suprema).

18      Din l-aħħar qorti tirrileva li l-kliem tal-Artikolu 4(3) tal-Liġi Nru 221/2006 jikkorrispondi għal dak tat-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 u tfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tittrasponi direttiva, għandha, kull fejn ikun possibbli, tiġi interpretata fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din tal-aħħar.

19      In-Nejvyšší soud (qorti suprema), filwaqt li għaldaqstant tqis li t-tilwima pendenti quddiemha għandha tiġi riżolta b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474), tikkonstata madankollu, li t-tilwima li wasslet għal din l-interpretazzjoni kienet dwar ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’suq online. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija interpretazzjoni għandhiex ukoll tiġi segwita meta l-ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali seħħ f’post fiżiku fejn jinżamm suq.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší soud (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kerrej ta’ art fejn jinżamm suq li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ diversi negozjanti stands u spazji li fuqhom jistgħu jintramaw l-istands huwa intermedjarju li s-servizzi tiegħu jintużaw minn terzi sabiex jippreġudikaw [jinkiser] dritt ta’ proprjetà intelletwali fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48?

2)      Il-kerrej ta’ art fejn jinżamm suq li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ diversi negozjanti stands u spazji li fuqhom jistgħu jintramaw l-istands jistga’ jiġi suġġett għall-impożizzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk ifformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja [fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474] fir-rigward tal-impożizzjoni tal-imsemmija miżuri fuq operaturi ta’ suq online?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “intermedjarj[u] li s-servizzi [tiegħu] kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni [jinkiser] tad-dritt tal-proprjetà interllettwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-kerrej ta’ swali fejn jinżamm suq li jissulloka l-punti ta’ bejgħ differenti li jinsabu f’dawn is-swali lil negozjanti, li wħud minnhom jużaw l-ispazju tagħhom sabiex ibigħu merkanzija ffalsifikata ta’ prodotti tad-ditta.

22      Hija ġurisprudenza stabbilita li t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, l-istess bħall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 li għalih jirreferi, jobbligaw lill-Istati Membri jiżguraw li l-intermedjarju li s-servizzi tiegħu huma użati minn terz sabiex jinkiser dritt tal-proprjetà intellettwali jista’, indipendentement mir-responsabbiltà eventwali tiegħu fil-fatti kontenzjużi, ikun kostrett jieħu miżuri intiżi sabiex jitwaqqaf dan il-ksur kif ukoll miżuri intiżi sabiex jipprevjenu ksur ġdid (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 127 sa 134, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punti 30 u 31).

23      Sabiex operatur ekonomiku jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “intermedjarju”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi stabbilit li huwa jipprovdi servizz li jista’ jiġi użat minn persuna jew minn persuni sabiex jinkiser dritt wieħed jew iktar tal-proprjetà intellettwali, mingħajr il-ħtieġa li jkollu relazzjoni speċifika ma’ din jew ma’ dawk il-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 32 u 35.)

24      Tali klassifikazzjoni lanqas ma hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-imsemmi operatur ekonomiku jipprovdi servizz ieħor minn dak li huwa użat mit-terz sabiex jinkiser id-dritt tal-proprjetà intellettwali.

25      Għalhekk, fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fornitur ta’ aċċess, li sempliċement jippermetti l-aċċess għall-Internet mingħajr ma jipproponi servizzi oħra u lanqas ma jwettaq kontroll, jipprovdi servizz li jista’ jiġi użat minn terz sabiex jinkisru drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għandu jiġi kklassifikat bħala “intermedjarju” (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Frar 2009, LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, C‑557/07, EU:C:2009:107, punt 43, u s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 32).

26      F’dan il-każ, huwa paċifiku li Delta Center hija kerrej tas-swali fejn jinżamm suq “Pražská Tržnice” u teżerċita attività ekonomika li tikkonsisti fis-sullokazzjoni tal-punti ta’ bejgħ li jinsabu f’dawn is-swali fejn jinżamm suq. Tali attività b’remunerazzjoni tikkostitwixxi provvista ta’ servizz.

27      Huwa wkoll paċifiku li wħud, fost in-negozjanti li lilhom Delta Center tissulloka dawn il-punti ta’ bejgħ, jużaw dawn tal-aħħar sabiex jipproponu lill-viżitaturi ta’ dawn is-swali fejn jinżamm suq merkanzija ffalsifikata ta’ prodotti tad-ditta.

28      Mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk fornituri oħra ta’ servizzi, bħal dawk imsemmija bħala ipoteżi fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jipprovdu l-elettriku lill-awturi tal-ksur, jaqawx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, operatur li jipprovdi lil terz servizz ta’ kiri jew ta’ sullokazzjoni ta’ spazji f’post fejn jinżamm suq, li permezz tiegħu dawn ikollhom aċċess għal dan il-post u hemm joffru għall-bejgħ merkanzija ffalsifikata ta’ prodotti tad-ditta, għandu jiġi kklassifikat bħala “intermedjarj[u] li s-servizzi [tiegħu] kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni [jinkiser] tad-dritt tal-proprjetà interllettwali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

29      Il-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ punti ta’ bejgħ jikkonċerna suq online jew post fiżiku fejn jinżamm suq, bħal ma huma swali fejn jinżamm suq, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ma jirriżultax mid-Direttiva 2004/48 li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, l-għan, iddikjarat fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, li tiżgura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, jiddgħajjef sostanzjalment jekk l-operatur li jipprovdi lil terzi aċċess għal post fiżiku fejn jinżamm suq, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih dawn it-terzi jipproponu għall-bejgħ merkanzija ffalsifikata ta’ prodotti tad-ditta, ma setax ikun is-suġġett tal-ordnijiet imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

30      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “intermedjarj[u] li s-servizzi [tiegħu] kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni [jinkiser] tad-dritt tal-proprjetà interllettwali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kerrej ta’ swali fejn jinżamm suq li jissulloka l-punti ta’ bejgħ differenti li jinsabu f’dawn is-swali lil negozjanti, li wħud minnhom jużaw l-ispazju tagħhom sabiex ibigħu merkanzija ffalsifikata ta’ prodotti tad-ditta.

 Fuq it-tieni domanda

31      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-ordni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħtija lil intermedjarju li jipprovdi servizz ta’ kiri ta’ punti ta’ bejgħ fi swali fejn jinżamm suq, huma identiċi għal dawk, relattivi għall-ordnijiet li jistgħu jingħataw lill-intermedjarji f’suq online, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 L’Oréal et, (C‑324/09, EU:C:2011:474).

32      Fil-punt 135 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett ikkonstatat, billi rreferiet għall-premessa 23 tad-Direttiva 2004/48, li l-modalitajiet tal-ordnijiet li l-Istati Membri għandhom jipprevedu skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, bħal dawk relattivi għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti u l-proċedura li għandha tiġi segwita, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali.

33      Hija sussegwentement ippreċiżat li dawn ir-regoli tad-dritt nazzjonali għandhom jitfasslu b’tali mod li jippermettu t-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/48. Għal dan il-għan, u skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, l-ordnijiet għandhom ikunu effettivi u dissważivi (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 136).

34      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ordnijiet għandhom ikunu ġusti u proporzjonati. Għalhekk, huma ma għandhomx ikunu eċċessivament għaljin u lanqas ma għandhom joħolqu ostakoli għall-kummerċ legali. Lanqas ma jista’ jiġi meħtieġ mill-intermedjarju li jwettaq sorveljanza ġenerali u permanenti tal-klijenti tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-intermedjarju jista’ jkun imġiegħel jieħu miżuri li jgħinu sabiex jiġi evitat li jseħħ ksur ġdid tal-istess tip mill-istess negozjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 138 sa 141).

35      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kull ordni, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, tista’ tingħata biss jekk tiżgura bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-assenza ta’ ostakoli għall-kummerċ legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 143).

36      Għalkemm, ċertament, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, (C‑324/09, EU:C:2011:474), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet intalbet tinterpreta t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 fil-kuntest ta’ ordnijiet li jistgħu jingħataw lil intermedjarju f’suq online, hija interpretat dan l-artikolu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, mingħajr kunsiderazzjonijiet speċifiċi marbuta man-natura tal-post fejn jinżamm suq inkwistjoni. Barra minn hekk, ma jirriżultax minn dan l-Artikolu 3 li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għas-sitwazzjonijiet li jqumu fi swieq online. Barra minn hekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 3 jirriżulta li dan japplika għal kull miżura koperta mill-imsemmija direttiva, inklużi dawk previsti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tagħha.

37      Għalhekk, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-ordni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħtija lil intermedjarju li jipprovdi servizz ta’ kiri ta’ punti ta’ bejgħ fi swali fejn jinżamm suq, huma identiċi għal dawk, relattivi għall-ordnijiet li jistgħu jingħataw lill-intermedjarji f’suq online, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, (C‑324/09, EU:C:2011:474).

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “intermedjarj[u] li s-servizzi [tiegħu] kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni [jinkiser] tad-dritt tal-proprjetà interllettwali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kerrej ta’ swali fejn jinżamm suq li jissulloka l-punti ta’ bejgħ differenti li jinsabu f’dawn is-swali lil negozjanti, li wħud minnhom jużaw l-ispazju tagħhom sabiex ibigħu merkanzija ffalsifikata ta’ prodotti tad-ditta.

2)      It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-ordni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħtija lil intermedjarju li jipprovdi servizz ta’ kiri ta’ punti ta’ bejgħ fi swali fejn jinżamm suq, huma identiċi għal dawk, relattivi għall-ordnijiet li jistgħu jingħataw lill-intermedjarji f’suq online, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12  ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, (C‑324/09, EU:C:2011:474).

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.