Language of document : ECLI:EU:F:2009:41

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ April 2009

Kawża F-115/07

Marie‑Thérèse Balieu‑Steinmetz u Lidia Noworyta

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance b’rata fissa għal sahra – Artikolu 3 tal-Anness VI tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal – Regoli interni dwar l-allowance b’rata fissa għal sahra – Regoli interni dwar il-kumpens għal sahra – Ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l‑Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M.‑T. Balieu‑Steinmetz u L. Noworyta qegħdin jitolbu, minn naħa, li jiġi ddikjarat illegali l‑Artikolu 1 tar‑regoli interni dwar l‑allowance b’rata fissa għal sahra, adottati mis‑Segretarju Ġenerali tal‑Parlament taħt l‑Artikolu 3 tal‑Anness VI tar‑Regolamenti tal‑Persunal, u, min‑naħa l‑oħra, li tiġi annullata d‑deċiżjoni impliċita tal‑Parlament, tat‑13 ta’ Novembru 2006, li tiċħad it‑talba ta’ M.‑T. Balieu‑Steinmetz, tat‑13 ta’ Lulju 2006, kif ukoll id‑deċiżjoni tal‑Parlament, tat‑18 ta’ Diċembru 2006, li tiċħad it‑talba ta’ L. Noworyta, tal‑5 ta’ Lulju 2006, liema talbiet kienu intiżi għall‑ħlas tal‑allowance b’rata fissa msemmija iktar ’il fuq.

Deċiżjoni:      Id‑deċiżjoni tal‑Parlament, tat‑13 ta’ Novembru 2006, li tiċħad b’mod impliċitu t‑talba ta’ M.‑T. Balieu‑Steinmetz, tat‑13 ta’ Lulju 2006, kif ukoll id‑deċiżjoni tal‑Parlament, tat‑18 ta’ Diċembru 2006, li tiċħad it‑talba ta’ L. Noworyta, tal‑5 ta’ Lulju 2006, huma annullati. Il‑Parlament għandu jbati l‑ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Rikors ippreżentat kontra att ta’ portata ġenerali

(Artikolu 236 KE; Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 90)

2.      Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Limiti – Vantaġġ mogħti illegalment – Rifjut li tingħata allowance b’rata fissa lil uffiċjali minkejja li uffiċjali oħra f’sitwazzjoni paragunabbli rċevew din l‑allowance

1.      It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar talbiet intiżi sabiex tiġi direttament ikkonstatata l‑illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, bħalma hija dispożizzjoni tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

(ara l‑punt 20)

2.      Id‑deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta li tagħti allowance b’rata fissa lil uffiċjal, meta uffiċjali oħra f’sitwazzjoni paragunabbli jkunu rċevewha, deċiżjoni li tkun ibbażata fuq l‑illegalità tal‑ħlas ta’ din l‑allowance lil dawn tal‑aħħar, tikser il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta din l‑istituzzjoni ma tkunx tista’ tipprova b’mod suffiċjenti li l‑ħlas ta’ din l‑allowance lil dawn l‑uffiċjali ma għandux bażi legali, u dan peress li fl‑aħħar mill‑aħħar l‑atti tal‑istituzzjonijiet Komunitarji jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità.

(ara l‑punti 28 sa 30, 32, 36 u 42)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il‑Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punti 13 sa 15

Il‑Qorti Ġenerali: 14 ta’ Mejju 1991, Zoder vs Il‑Parlament, T‑30/90, Ġabra p. II‑207, punti 26; 19 ta’ Novembru 1996, Brulant vs Il‑Parlament, T‑272/94, ĠabraSP p. I‑A‑513 u II‑1397, punt 35; 22 ta’ Frar 2000, Rose vs Il‑Kummissjoni, T‑22/99, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑115, punt 39; 13 ta’ Lulju 2000, Griesel vs Il‑Kunsill, T‑157/99, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑699, punt 25; 8 ta’ Lulju 2003, Chetaud vs Il‑Parlament, T‑65/02, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 44; 16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 77; 30 ta’ Novembru 2006, J vs Il‑Kummissjoni, T‑379/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑313 u II‑A‑2‑1575, punt 79

Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2008, Skoulidi vs Il‑Kummissjoni, F‑4/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 81