Language of document : ECLI:EU:F:2009:160

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Novembru 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċedura dixxiplinarja – Sospensjoni ta’ uffiċjal – Tnaqqis mill-paga – Allegazzjoni ta’ nuqqas serju – Drittijiet tad-difiża – Kompetenza – Nuqqas li tiġi ppubblikata delega ta’ poteri – Nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat”

Fil-Kawża F‑80/08,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Fritz Harald Wenig, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Woluwé‑Saint‑Pierre (il-Belġju), irrappreżentat minn G.‑A. Dal, D. Voillemot, D. Bosquet u S. Woog, avukati,

rikorrent

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn S. Gervasoni, President, H. Kreppel (Relatur) u H. Tagaras, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors ippreżentat fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-13 ta’ Ottubru 2008 permezz ta’ posta elettronika (il-preżentata tal-oriġinal saret fl-istess jum), F. H. Wenig jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2008 li permezz tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b’applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), issospendiethu għal perijodu indefinit u ordnat tnaqqis ta’ EUR 1 000 fix-xahar mill-paga tiegħu għal perijodu massimu ta’ sitt xhur.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1. Kull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih.

[…]

3. Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi [huma] mniżżla fl-Anness IX.”

3        L-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi b’dan il-mod:

“1. Jekk l-Awtorità tal-Ħatra takkuża uffiċjal b’kondotta ħażina serja, kemm jekk naqas li jonora l-obbligi professjonali tiegħu jew b’xi ksur tal-liġi, tista’ minnufih tissospendi dik il-persuna akkużata b’dik il-kondotta ħażina għal perjodu speċifikat jew indefinit.

2. L-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu din id-deċiżjoni wara li tisma’ l-uffiċjal ikkonċernat, ħlief f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni.”

4        L-Artikolu 24(1) u (2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi b’dan il-mod:

“1. Id-deċiżjoni li tissospendi uffiċjal għandha tgħid jekk l-uffiċjal għandux ikomplu jieħu r-remunerazzjoni sħiħa tiegħu matul il-perjodu tas-sospensjoni jew liema parti minnha għandha tinżamm. L-ammont imħallas lill-uffiċjal fl-ebda ċirkostanzi ma jkun anqas mis-somma minima ta’ l-għajxien, imniżżla fl-Artikolu 6 ta’ l-Anness VIII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, bl-addizzjoni ta’ xi benefiċċji pagabbli tal-familja.

2. Is-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjal sospiż għandha tkun solvuta definittivament fi żmien [s]itt xhur mid-data ta’ meta s-sospensjoni daħlet fis-seħħ. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur, l-uffiċjal ikkonċernat għandu jkun intitolat li jerġa’ jirċievu r-remunerazzjoni sħiħa, suġġetta għall-paragrafu 3.”

5        Fit-30 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2007) 5730 dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) lill-awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-kuntratti”). L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 57‑2007 tas-6 ta’ Diċembru 2007, jiddisponi b’dan il-mod:

“Il-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal […] lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti f’dak li jirrigwarda l-persunal tal-Kummissjoni mħallas mis-somom allokati għat-tħaddim u l-persunal imħallas mis-somom allokati għar-riċerka u għall-iżvilupp teknoloġiku, minbarra dak li huwa allokat fiċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka, għandhom jiġu eżerċitati skont il-każ u bla ħsara għas-segwenti mill-Kummissjoni, mill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal, mill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mis-servizz estern unifikat, mid-Direttur Ġenerali tal-Persunal u d-Diretturi Ġenerali l-oħra, inklużi l-Kapijiet tas-Servizz u d-Diretturi [tal-Uffiċċju għall-‘Amministrazzjoni u l-Ħlas ta’ Drittijiet Individwali’], tal-[Uffiċċju ‘Infrastruttura u Loġistika’ fi Brussell] u tal-[Uffiċċju ‘Infrastruttura u Loġistika’ fil-Lussemburgu], taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.”

6        Skont il-punt 14 tat-Taqsima VI “Dixxiplina […]” tat-“[t]abella tal-Awtoritajiet tal-Ħatra għall-persunal tal-Kummissjoni mħallas mill-baġit għat-tħaddim u mill-baġit għar-riċerka (minbarra ċ-[Ċentru Komuni ta’ Riċerka])”, li jirreferi għaliha l-Anness I tad-Deċiżjoni C (2007) 5730, ġie stabbilit li l-poteri mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tissospendi lil uffiċjal b’applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu eżerċitati, fir-rigward tal-uffiċjali bil-grad AD 16 u AD 15 u tal-uffiċjali bil-grad AD 14 tal-iskala superjuri (diretturi jew ekwivalenti), mill-Kummissjoni u, fir-rigward tal-uffiċjali l-oħra, mid-Direttur Ġenerali tal-Persunal.

7        B’komunikazzjoni tad-9 ta’ Settembru 2008, inkiteb Proġett ta’ Deċiżjoni C (2008) 5085 li jemenda d-Deċiżjoni C (2007) 5730 fl-aġenda tal-laqgħa Nru 1842 tal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-10 ta’ Settembru 2008. Dan il-proġett ta’ deċiżjoni kien jipprevedi t-trasferiment lill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal il-kompetenza li jissospendi lill-uffiċjali bil-grad AD 16 u AD 15 kif ukoll lill-uffiċjali bil-grad AD 14 tal-iskala superjuri (diretturi jew ekwivalenti). Waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Settembru 2008, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddeċieda li “jemenda d-Deċiżjoni C (2007) 5730 […] hekk kif riprodotta fid-dokument C (2008) 5085” u ppreċiża li din id-deċiżjoni kellha “tidħol fis-seħħ b’mod immedjat” (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008”). Din id-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva.

8        Fid-29 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 3074 “li temenda d-Deċiżjoni C (2007) 5730”, li fiha kien previst li l-poteri mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jiġi sospiż uffiċjal kellhom jiġu eżerċitati, fir-rigward tal-uffiċjali bil-grad AD 16 u AD 15 u tal-uffiċjali bil-grad AD 14 tal-iskala superjuri (diretturi jew ekwivalenti), mill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 33‑2009 tat-8 ta’ Mejju 2009.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrent kien, fid-data tal-fatti tal-kawża, uffiċjal tal-Kummissjoni bil-grad AD 15 u kien jeżerċita l-funzjoni ta’ direttur tad-direttorat G “Aċċess għas-swieq u industrija”, direttorat li jiddependi mid-Direttorat Ġenerali (DG) “Kummerċ” tal-Kummissjoni u inkarigat, b’mod partikolari, mill-implementazzjoni tal-politika antidumping.

10      Fis-7 ta’ Settembru 2008, il-gazzetta Britannika ta’ kull ġimgħa Sunday Times ippubblikat fil-ġurnal miktub u fuq is-sit Internet tagħha artiklu intitolat “Revelazzjoni: kif uffiċjal Ewropew jikxef sigrieti kummerċjali waqt ikliet lussużi” (“Revealed : how Eurocrat leaked trade secrets over lavish dinners”). F’dan l-artiklu, issemmew tliet ikliet li r-rikorrent kellu, bejn ix-xhur ta’ Marzu u ta’ Settembru 2008, f’ristoranti ta’ Brussell (il-Belġju), ma’ ġurnalisti tas-Sunday Times li ppreżentaw ruħhom miegħu bħala l-korrispondenti ta’ esportatur Ċiniż li kellu interess f’ċerti proċeduri antidumping mibdija mill-Kummissjoni. Dejjem skont dan l-artiklu, ir-rikorrent ikkomunika lill-interlokuturi tiegħu, waqt dawn l-ikliet u waqt diskors fuq it-telefon, informazzjoni dwar proċeduri li kienu fis-seħħ quddiem il-Kummissjoni, informazzjoni li huwa ma kienx awtorizzat li jxandar. Ġie propost ukoll lill-persuna kkonċernata, b’kontroparti għal din l-informazzjoni, li tikkolabora mal-attivitajiet tal-allegat esportatur Ċiniż għal pagament annwali ta’ EUR 600 000, iżda, skont l-artiklu, ir-rikorrent kien jikkunsidra tali kollaborazzjoni biss wara li jirtira. Finalment, wara l-proposta li saritilha, waqt it-tieni ikla, li tingħatalha somma ta’ EUR 100 000, il-persuna kkonċernata rrispondiet li tali somma setgħet tiġi ttrasferita lilha fuq kont ibblokkat li hija jkollha aċċess għalih ladarba tirtira, filwaqt li madankollu enfasizzat li l-pagament kellu jsir biss fid-dawl tar-riżultati miksuba mill-allegat esportatur Ċiniż permezz tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni.

11      Fil-kuntest ta’ investigazzjoni amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, ir-rikorrent instema’ fl-10 ta’ Settembru 2008 minn żewġ uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC). Matul dan is-smigħ, ir-rikorrent, li kien assistit mill-avukat tiegħu, ammetta li kien ġie mistieden u li attenda għat-tliet ikliet deskritti fl-artiklu tas-Sunday Times mingħajr ma kien informa b’dan lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu. Ammetta wkoll li kkomunika lill-interlokuturi tiegħu diversi informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-isem taż-żewġ kumpanniji Ċiniżi produtturi ta’ xemgħat li setgħu jiksbu, fit-tmiem ta’ proċedura antidumping li dak iż-żmien kienet għadha għaddejja, l-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Madankollu, ir-rikorrent enfasizza li din l-informazzjoni kienet semi-pubblika u, f’kull każ, nieqsa minn kull valur kummerċjali. Finalment, għalkemm il-persuna kkonċernata ammettiet mal-uffiċjali tal-IDOC li, matul it-tieni ikla, l-interlokuturi tiegħu kienu pproponew, b’kontroparti għall-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, li jħallsuh somma flus fuq kont bankarju f’pajjiż b’sistema fiskali privileġġjata, huwa ċaħad li aċċetta din il-proposta u enfasizza li kien ikkunsidra biss, matul dawn il-kuntatti, il-possibbiltà li jikkollabora mal-attività tal-esportatur Ċiniż wara li jirtira.

12      B’posta elettronika tal-11 ta’ Settembru 2008, il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal, abbażi tal-kwalità tiegħu bħala l-Awtorità tal-Ħatra, informa lir-rikorrent li kien qiegħed jikkunsidra li jordna kontrih, b’applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, miżura ta’ sospensjoni kif ukoll tnaqqis mill-paga tiegħu, u sejjaħlu għal-smigħ li kellu jsir fit-12 ta’ Settembru 2008.

13      B’posta elettronika tat-12 ta’ Settembru 2008, l-avukat tar-rikorrent talab mingħand il-Kummissjoni r-rapport tas-seduta u żied jgħid li l-persuna kkonċernata kellha l-intenzjoni li “jagħmel użu mil-lingwa Franċiża fil-kuntest tal-proċedura kollha mmexxija kontrih”.

14      Fl-istess 12 ta’ Settembru 2008, il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal informa lir-rikorrent li s-smigħ kien ser isseħħ fis-16 ta’ Settembru 2008 u ppreċiża li kien possibbli li l-persuna interessata tagħmel użu mil-lingwa Franċiża waqt dan is-smigħ.

15      Fis-16 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrent instema’ mill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal. Matul dan is-smigħ, li ġie mfassal verbal tiegħu bil-lingwa Ingliża, il-persuna kkonċernata essenzjalment irrepetiet id-dikjarazzjonijiet li kienet għamlet quddiem l-uffiċjali tal-IDOC.

16      Fl-istess 16 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrent ressaq ilment kontra, b’mod partikolari, l-awturi tal-artiklu tas-Sunday Times, u kkostitwihom bħala parti ċivili.

17      B’deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2008, li l-kunsiderazzjonijiet preliminari tagħha kienu jirreferu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5730, tat-30 ta’ Novembru 2007, dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti u “emendata l-aħħar bid-deċiżjoni […] tal-10 ta’ Settembru 2008”, il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal, b’applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, issospenda lir-rikorrent għal perijodu indefinit u ordna tnaqqis ta’ EUR 1 000 fix-xahar mill-paga tiegħu għal perijodu massimu ta’ sitt xhur (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata, il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal ibbaża ruħu fuq il-fatt, irrivelat mill-informazzjoni ppubblikata “f’diversi artikli tal-ġurnali, b’mod partikolari fis-Sunday Times”, u waqt is-smigħ tar-rikorrent quddiem l-uffiċjali tal-IDOC u quddiemu stess, li l-persuna kkonċernata kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11, 12 u 17(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent ittrażmetta informazzjoni kunfidenzjali lil persuni li din ma setgħetx tiġi kkomunikata lilhom, deher dispost li jiġi impjegat minn dawn il-persuni għal salarju sostanzjali b’kontroparti għal kollaborazzjoni li bdiet qabel l-irtirar tiegħu, u la informa lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu bil-fatt li kien ġie kkuntattjat minn tali interlokuturi u lanqas talab l-awtorizzazzjoni lilhom li jżomm dawn il-kuntatti ripetuti. Finalment, id-deċiżjoni kkontestata enfasizzat li tali aġiri, jekk jiġu stabbiliti, jikkostitwixxu “nuqqas professjonali gravi min-naħa tar-rikorrent”, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni tal-“ħsara kbira lir-reputazzjoni tal-Kummissjoni” maħluqa minnhom u tal-pożizzjoni għolja li l-persuna kkonċernata kellha fi ħdan il-Kummissjoni.

19      Fl-24 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrent ressaq talba għall-assistenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, bid-data tat-23 ta’ Settembru 2008 intiża sabiex il-Kummissjoni tadotta kull miżura utli sabiex tistabbilixxi mill-ġdid l-unur professjonali tiegħu u, b’mod partikolari, li tibda proċeduri ġudizzjarji sabiex tiġi rikonoxxuta l-illegalità tal-aġiri tal-awturi tal-artiklu tas-Sunday Times.

20      Fit-3 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent ressaq ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-għan li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

21      B’nota tat-22 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni rrispondiet għat-talba għall-assistenza mressqa mir-rikorrent fl-24 ta’ Settembru 2008, billi indikat li l-investigazzjoni miftuħa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) kienet qed twettaq l-investigazzjonijiet li l-Awtorità tal-Ħatra setgħet twettaq abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li din in-nota ma kinitx tikkostitwixxi rifjut tat-talba għall-assistenza.

22      Fid-29 ta’ Jannar 2009, l-OLAF ikkonkluda l-investigazzjoni u ttrażmetta l-konklużjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani fit-12 ta’ Frar segwenti.

23      B’deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata.

24      B’deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2009, ġiet aċċettata t-talba tar-rikorrent li jitlob id-drittijiet tal-irtirar tiegħu b’effett mill-1 ta’ Mejju 2009.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

25      B’talba li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-13 ta’ Ottubru 2008 permezz ta’ posta elettronika, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors. Fl-istess jum, waslet ukoll talba intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

26      B’ittri tar-Reġistru tal-14 ta’ Ottubru 2008, il-partijiet ġew informati bis-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali, sal-mument meta tingħata deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ rifjut tal-ilment imressaq mir-rikorrent fit-3 ta’ Ottubru 2008.

27      B’digriet tas-17 ta’ Diċembru 2008, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

28      Wara d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment, il-partijiet ġew informati b’ittri tar-Reġistru tal-25 ta’ Frar 2009 bil-kontinwazzjoni tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

29      Ir-rikorrent jitlob sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

31      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 msemmija fil-kunsiderazzjonijiet preliminari tad-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata u, fl-affermattiv, li tippreżenta kopja ta’ din id-deċiżjoni u li tippreċiża jekk din kinitx ġiet ippubblikata. B’risposta għal din il-miżura, il-Kummissjoni ppreżentat, permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Ġunju 2009, min-naħa waħda, il-kopja tal-komunikazzjoni tad-9 ta’ Settembru 2008 tal-Viċi President tal-Kummissjoni, li fiha kien jidher il-proġett li wassal għad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 u, min-naħa l-oħra, il-proċess verbali tal-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-10 ta’ Settembru 2008 li matulha kien ġie adottat il-proġett. Barra minn hekk, filwaqt li ammettiet li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 ma kinitx ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva, il-Kummissjoni enfasizzat li l-komunikazzjoni tad-9 ta’ Settembru 2008 xorta kienet ġiet ippubblikata fuq l-intranet tal-Kummissjoni u ppreċiżat il-link elettroniku li jippermetti l-aċċess għaliha.

32      Fir-rapport preparatorju għas-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet sabiex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet tagħhom fuq il-kwistjoni jekk il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

33      Wara li fakkret li d-deċiżjoni kkontestata kienet, min-naħa waħda ssospendiet lir-rikorrent għal-perijodu indefinit, u min-naħa l-oħra ordnat it-tnaqqis ta’ EUR 1 000 fix-xahar mill-paga tiegħu għal-perijodu massimu ta’ sitt xhur, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrent, li rtira fl-1 ta’ Mejju 2009, m’għandux iktar interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għall-inqas sa fejn din id-deċiżjoni ssosspendietu mill-funzjonijiet tiegħu.

34      F’dan ir-rigward, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ordnat is-sospensjoni tar-rikorrent għal perijodu indefinit, ġiet impliċitament iżda neċessarjament imħassra meta, fl-1 ta’ Mejju 2009, il-persuna kkonċernata rtirat, peress li miżura ta’ sospensjoni tista’ tikkonċerna biss lil uffiċjali attivi. Barra minn hekk, qabel il-preżentata stess ta’ dan ir-rikors, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ordnat tnaqqis mill-paga tar-rikorrent, kienet saret preskritta, peress li dan it-tnaqqis, b’mod konformi mal-Artikolu 24(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, kien ġie limitat għal perijodu ta’ sitt xhur.

35      Madankollu, iċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq la neħħew l-iskop ta’ dan ir-rikors u lanqas ma eliminaw l-interess tar-rikorrent li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, peress li din kellha effetti mhux biss fuq is-sitwazzjoni materjali tiegħu, iżda anki fuq l-unur tiegħu (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-interess ta’ uffiċjal irtirat minħabba invalidità totali sabiex jitlob l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il‑Kummissjoni, C‑198/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 44 u 45).

36      Isegwi li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

37      Fit-talba tiegħu, ir-rikorrent invoka seba’ motivi bbażati:

–        fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża;

–        fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”);

–        fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti f’dak li jirrigwarda l-fatti allegati;

–        fuq il-ksur tal-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas gravi;

–        fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

38      Barra minn hekk, ir-rikorrent invoka, waqt is-seduta, it-tmien motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni

–       Argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hija la suffiċjentement u lanqas validament immotivata sa fejn din ma turix, b’mod ċirkustanzjali, ir-raġunijiet għalfejn il-fatti allegati kontrih jikkostitwixxu nuqqas u, barra minn hekk, nuqqas gravi.

40      Fid-difiża, il-Kummissjoni titlob iċ-ċħid ta’ dan il-motiv, billi tosserva li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

41      Skont ġurisprudenza kostanti, l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni li tolqot b’mod negattiv lill-persuna indirizzata huwa li l-Qorti Komunitarja tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li abbażi tiegħu tista’ tkun ikkontestata l-legalità tagħha. Dan l-obbligu jkun sodisfatt meta l-att suġġett għar-rikors ikun seħħ f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat u jkun jippermettilu li jifhem il-portata tal-miżura adottata fir-rigward tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 1993, Turner vs Il‑Kummissjoni, T‑80/92, Ġabra p. II‑1465, punt 62, u tas-27 ta’ Novembru 1997, Pascall vs Il‑Kummissjoni, T‑20/96, ĠabraSP p. I‑A‑361 u II‑977, punt 44).

42      F’dan il-każ, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata li l-kontenut tagħha huwa mfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, iddeskriviet b’mod iċċirkunstanzjat in-natura tal-allegazzjonijiet ta’ nuqqas gravi fformulati kontra r-rikorrent. Hija indikat ukoll li dawn l-allegazzjonijiet kienu joriġinaw mill-informazzjoni żvelata minn “diversi artikli tal-istampa, b’mod partikolari [l-artiklu tas-]Sunday Times”, u enfasizzat li tali aġiri, jekk jiġi stabbiliti, jkunu jikkostitwixxu “nuqqas professjonali gravi min-naħa tar-rikorrent”, b’mod partikolari fid-dawl tal-“ħsara kbira lir-reputazzjoni tal-Kummissjoni” maħluqa minnhom u tal-pożizzjoni għolja li l-persuna kkonċernata kellha fi ħdan il-Kummissjoni.

43      Minn dan jirriżulta li r-rikorrent mhuwiex fondat li jippretendi li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       Argumenti tal-partijiet

45      Ir-rikorrent josserva li sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fuq informazzjoni ppubblikata “f’diversi artikli tal-istampa, b’mod partikolari fis-Sunday Times tas-7 ta’ Settembru 2008”. Issa, skont il-persuna kkonċernata, kien biss l-artiklu tas-Sunday Times li ġie kkomunikat lilu, u mhux l-artikli tal-istampa l-oħra. Anki l-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża ġie miksur.

46      Fid-difiża, il-Kummissjoni ssostni li hija osservat il-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża billi semgħet lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Il-Kummissjoni żżid li, f’kull każ, jekk jinfetħu ulterjorment xi eventwali proċeduri penali u dixxiplinari, tingħata mill-ġdid l-opportunità lir-rikorrent li jesprimi ruħu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

48      Skont ġurisprudenza kostanti, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jippreġudikaha, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi assigurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika prevista għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċedura inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Mejju 1997, Quijano vs Il‑Kummissjoni, T‑169/95, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑273, punt 44, u tal-10 ta’ Lulju 1997, Gaspari vs Il‑Parlament, T‑36/96, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑595, punt 32).

49      Dan il-prinċipju, li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, jirrikjedi li kull persuna li kontriha tista’ tittieħed deċiżjoni li tippreġudikaha tingħata l-opportunità li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-fatturi li ntużaw kontriha bħala bażi tad-deċiżjoni msemmija (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Lisrestal et vs Il‑Kummissjoni, T‑450/93, Ġabra p. II‑1177, punt 42, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, Ġabra p. I‑5373, punt 21).

50      Għandu jiġi mfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom l-għan li jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri ta’ sospensjoni tal-uffiċjali, jipprovdu li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tadotta deċiżjoni ta’ sospensjoni biss wara li tkun semgħet lill-uffiċċjal ikkonċernat, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

51      F’dan il-każ, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent instema’ fis-16 ta’ Settembru 2008, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mill-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal, li infurmah bl-allegazzjonijiet ta’ nuqqas gravi mressqa kontrih u poġġieh f’pożizzjoni li jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq dawn l-allegazzjonijiet.

52      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrent josserva li l-Kummissjoni ikkomunikatlu biss, qabel is-smigħ tas-16 ta’ Settembru 2008, l-artiklu tas-Sunday Times, filwaqt li hija stess kienet indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li bbażat ruħha fuq “diversi artikli tal-istampa, b’mod partikolari [l-artiklu tas-]Sunday Times”, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-artikli tal-istampa mxandra wara l-pubblikazzjoni tal-artiklu tas-Sunday Times kienu fil-fatt jillimitaw ruħhom, kif wara kollox irrikonoxxa l-interessat waqt is-seduta, sabiex jirriproduċu l-kontenut tal-informazzjoni żvelata mill-ġurnalisti tas-Sunday Times.

53      Għalhekk, ir-rikorrent mhuwiex fondat meta jsostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

54      Isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB

–       Argumenti tal-partijiet

55      Ir-rikorrent josserva li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ ekwità proċedurali ggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, peress li l-informazzjoni li l-Awtorità tal-Ħatra bbażat ruħha fuqha sabiex tordna s-sospensjoni kienet inkisbet mingħajr l-għarfien tiegħu, fl-okkażjoni ta’ nassa organizzata minn ġurnalisti tas-Sunday Times.

56      Fid-difiża, il-Kummissjoni enfasizzat li l-ġurisprudenza Komunitarja, li tistabbilixxi li l-Artikolu 6 tal-KEDB ma japplikax għall-proċeduri dixxiplinari, tapplika iktar fir-rigward ta’ sospensjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

57      Skont ġurisprudenza kostanti, id-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti Komunitarja tassigura r-rispett tagħhom. Għal dan il-għan, il-Qorti Komunitarja tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom. F’dan ir-rigward, il-KEDB għandha sinjifikat partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 71 ; tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 35, u tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 76).

58      Skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali mwaqqaf bil-liġi.

59      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li proċedura ta’ sospensjoni u ta’ tnaqqis mill-paga mhijiex proċedura ġudizzjarja iżda amministrattiva, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 1998, N vs Il‑Kummissjoni, C‑252/97 P, Ġabra p. I‑4871, punt 52; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 1991, de Compte vs Il‑Parlament, T‑26/89, Ġabra p. II‑781, punt 94, u tal-21 ta’ Novembru 2000, A vs Il‑Kummissjoni, T‑23/00, ĠabraSP p. I‑A‑263 u II‑1211, punt 24). Għaldaqstant, l-osservanza tal-obbligi li dan l-artikolu jimponi fuq “qorti” ma tistax tinħtieġ mingħand il-Kummissjoni meta din tipproċedi għas-sospensjoni ta’ uffiċjal u għal tnaqqis mill-paga tiegħu.

60      Isegwi li r-rikorrent ma jistax jinvoka ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

61      Għaldaqstant, it-tielet motiv ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, rispettivament, fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti f’dak li jirrigwarda l-fatti allegati u l-ksur tal-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas gravi

–       Argumenti tal-partijiet

62      Ir-rikorrent josserva li l-allegazzjonijiet ta’ nuqqas gravi mqajma kontrih mill-Kummissjoni, relatati b’mod partikolari mal-fatt li huwa kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, huma manifestament nieqsa minn kull bażi, peress li huma derivanti minn informazzjoni falza rrappurtata mill-artiklu tas-Sunday Times.

63      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jippretendi li ttrażmetta biss informazzjoni “semi-pubblika” u nieqsa minn kull effett kummerċjali, li tirrigwarda l-proċeduri antidumping u li tikkonċerna, b’mod partikolari, it-tul prevedibbli tal-proċeduri msemmija, il-kriterji għall-ksib tal-istatus ta’ kumpannija li topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jew in-neċessità li jintużaw is-servizzi ta’ avukat jew ta’ konsulent f’dan il-qasam.

64      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrent jammetti li aċċetta tliet stedini sabiex jiekol mal-ġurnalisti tas-Sunday Times li kienu qegħdin jippretendu li kienu korrispondenti ta’ esportatur Ċiniż, huwa jenfasizza li l-parteċipazzjoni f’ikliet, prattika komuni fil-Kummissjoni, ma tistax titqies li tmur kontra l-obbligi professjonali tal-uffiċjali, u ma teħtieġx il-kisba tal-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 11(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

65      Finalment, ir-rikorrent josserva li huwa qatt ma rċieva l-ebda somma ta’ flus u qatt ma ssuġġetta l-għoti ta’ informazzjoni supplementari għall-ksib, wara li jirtira, ta’ impjieg fis-servizz tal-esportatur Ċiniż inkwistjoni.

66      Fid-difiża, il-Kummissjoni qabel kollox tfakkar li l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent effettivament wettaqx in-nuqqasijiet gravi li huma lmentati kontrih tista’ tiġi eżaminata biss fil-kuntest ta’ eventwali proċedura dixxiplinari. F’kull każ, l-allegazzjonijiet imqajma kontra r-rikorrent mhumiex manifestament infondati, peress li l-artiklu tas-Sunday Times, li serva bħala bażi għall-imsemmija allegazzjonijiet, huwa ferm ċirkustanzjat u peress li r-rikorrent ammetta parzjalment in-natura eżatta tiegħu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

67      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-istħarriġ tal-Qorti fir-rigward tal-fondatezza ta’ miżura ta’ sospensjoni jista’ jkun biss ristrett ħafna, fid-dawl tan-natura provviżorja ta’ tali miżura. Il-Qorti għandha tillimita ruħha sabiex tistħarreġ jekk l-allegazzjonijiet ta’ nuqqas gravi għandhomx natura reali biżżejjed u jekk dawn humiex manifestament infondati (ara, b’analoġija, fil-każ ta’ digriet li ċaħad talba għal miżuri provviżorji kontra miżura ta’ sospensjoni, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Frar 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, T‑211/98 R, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II‑57, punt 30).

68      F’dan il-każ, għandu fl-ewwel lok jiġi rrilevat li l-artiklu tas-Sunday Times, li l-informazzjoni tiegħu wasslet, flimikien mad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent waqt is-smigħ tiegħu, għad-deċiżjoni kkontestata, huwa mfassal b’mod ċirkustanzjat ħafna u jirriproduċi diversi drabi, u bejn virgoletti, ir-risposti tal-persuna kkonċernata għad-domandi li sarulu mill-ġurnalisti.

69      Fit-tieni lok, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent, waqt is-smigħ tiegħu quddiem l-uffiċjali tal-IDOC u quddiem il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal, irrikonoxxa, waqt li kien assistit mill-avukat tiegħu, parti mill-fatti rrappurtati fl-artiklu tas-Sunday Times. B’hekk ammetta li kkomunika lill-interlokuturi tiegħu, matul l-ikliet li kien ġie msejjaħ għalihom jew matul konverżazzjonijiet telefoniċi, ċerta informazzjoni, b’mod partikolari l-isem ta’ żewġ kumpanniji Ċiniżi produtturi tax-xemgħat li setgħu jiksbu, fl-aħħar ta’ proċedura antidumping li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, l-istatus ta’ kumpannija li topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ma jistax serjament jikkontesta n-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni jew isostni li din kienet “semi-pubblika”, peress li din kienet ta’ natura li tagħti vantaġġ ċert lil operatur li jixtieq, qabel ma tintemm il-proċedura antidumping, jikkonkludi kuntratti ma’ dawn il-kumpanniji. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ kumpanniji inkwistjoni effettivament kisbu l-istatus ta’ kumpannija li topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u ma ġew issuġġettati għal ebda dazju antidumping mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1130/2008, tal-14 ta’ Novembru 2008 li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 306, p. 22).

70      Fit-tielet lok, filwaqt li r-rikorrent indika lill-uffiċjali tal-IDOC li, waqt it-tieni ikla, kien ġie propost lilu l-ħlas ta’ somma flus fuq kont miftuħ f’ismu f’pajjiż b’sistema fiskali privileġġjata bħala kontroparti għall-għoti ta’ informazzjoni, huwa stabbilit li l-persuna kkonċernata la infurmat lis-superjuri ġerarkiċi tagħha b’dawn il-fatti u lanqas ma tterminat il-kuntatti mal-interlokuturi tagħha, iżda saħansitra aċċettat mingħandhom stedina ġdida għall-ikel.

71      Fir-raba’ lok, għalkemm huwa minnu li l-informazzjoni msemmija fl-artiklu tas-Sunday Times inkisbet fl-okkażjoni ta’ “nassa” intiża sabiex tħajjar lir-rikorrent jikkommetti nuqqas, għandu madankollu jiġi enfasizzat li din in-nassa saret mhux mill-Kummissjoni, iżda minn terzi, f’dan il-każ il-ġurnalisti tas-Sunday Times, li bl-ebda mod ma huwa stabbilit u lanqas allegat li l-manuvri tagħhom ġew ordnati mill-amministrazzjoni. Għalhekk, ir-rikorrent ma jistax jilmenta talli l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni rrapurtata fl-artiklu tas-Sunday Times.

72      Qabel kollox, għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma llimitatx ruħha sabiex tirriproduċi l-informazzjoni msemmija fis-Sunday Times, iżda li din għamlet espressament riferenza wkoll għad-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrent waqt is-smigħ quddiem l-uffiċjali tal-IDOC u quddiem il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal.

73      Għalhekk, u biss fid-dawl tal-elementi esposti iktar ’il fuq, ir-rikorrent mhuwiex fondat meta jsostni li l-allegazzjonijiet ta’ nuqqas gravi mqajma mill-Kummissjoni huma manifestament infondati.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ u l-ħames motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ obbligu ta’ motivazzjoni

–       Argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrent josserva li peress li kien bil-leave waqt is-smigħ tiegħu quddiem il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal, huwa kien ippropona lil dan li l-leave jiġi mtawwal għal perijodu ta’ tmien ġimgħat. Issa, minflok ma adottat din is-soluzzjoni, li kienet tippermetti li tiġi evitata s-sejħa pubblika tiegħu filwaqt li l-amministrazzjoni tingħata terminu ta’ żmien suffiċjenti sabiex tinvestiga l-każ, il-Kummissjoni ppreferiet li tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni.

76      Ir-rikorrent iżid li l-Kummissjoni kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni meta kkomunikat miegħu bl-Ingliż u meta fasslet id-deċiżjoni kkontestata b’din l-istess lingwa, minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu intiżi sabiex fil-proċedura tintuża l-lingwa Franċiża, u dan b’mod partikolari sabiex ikun hemm “fehim perfett” tagħha mill-avukati tiegħu.

77      Fid-difiża, il-Kummissjoni tikkontesta li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu tal-motivazzjoni, billi osservat li d-drittijiet tal-leave huma kompletament distinti mill-poteri tal-Awtorità tal-Ħatra li tissospendi uffiċjal b’applikazzjoni tal-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tar-rikorrent peress li t-tnaqqis mill-paga tiegħu kien limitat għal EUR 1 000 fix-xahar.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

78      B’kunsiderazzjoni, l-ewwel nett, tal-gravità tal-allegazzjonijiet imqajma kontra r-rikorrent, uffiċjal għoli tad-DG “Kummerċ” u responsabbli mid-direttorat G “Aċċess għas-swieq u industrija”, it-tieni nett, tal-ħsara li saret lir-reputazzjoni tal-Kummissjoni minħabba r-riklamar mogħti lil dan il-każ, it-tielet nett, tan-neċessità li kienet tinsab fiha l-Kummissjoni li tħalli lill-OLAF iwettaq investigazzjoni amministrattiva fil-libertà kollha, għandu jitqies li l-Awtorità tal-Ħatra ma kisret la l-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas l-obbligu ta’ motivazzjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ evalwazzjoni globali u provviżorja tagħha stess tal-każ inkwistjoni. F’dan il-każ, il-fatt li r-rikorrent ressaq ilment, bil-kostituzzjoni bħala parti ċivili, kontra l-awturi tal-artiklu tas-Sunday Times ma jistax ixejjen din il-konklużjoni, peress li dan il-fatt mhuwiex relatat mar-realtà jew mal-gravità tan-nuqqasijiet allegati kontra l-persuna kkonċernata.

79      Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-obbligu ta’ motivazzjoni ġie miksur minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kkomunikat mar-rikorrent bl-Ingliż u fasslet id-deċiżjoni kkontestata b’din il-lingwa, dan ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, filwaqt li r-rikorrent kien talab, permezz ta’ posta elettronika tal-avukat tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2008, sabiex ikun jista’ “jagħmel użu mil-lingwa Franċiża fil-kuntest tal-proċedura kollha mmexxija kontrih”, huwa stabbilit li l-persuna kkonċernata setgħet tesprimi ruħha bil-Franċiż waqt is-smigħ tas-16 ta’ Settembru 2008. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-proċess verbal ta’ dan is-smigħ u d-deċiżjoni kkontestata ġew imfassla fil-lingwa Ingliża, ir-rikorrent la jipprova u lanqas jallega li huwa u l-avukati tiegħu ma setgħux jifmhu dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, id-dokumenti tal-proċess juru b’mod kuntrarju għarfien tajjeb ħafna tal-lingwa Ingliża mill-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 46, u tas-17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑121 u II‑A‑2‑569, punt 48).

80      Isegwi li s-sitt u seba’ motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att

–       Argumenti tal-partijiet

81      Ir-rikorrent josserva li d-deċiżjoni kkontestata ngħatat minn awtorità li mhijiex kompetenti. Huwa jsostni li, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5730, tat-30 ta’ Novembru 2007, din id-deċiżjoni kellha tittieħed mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u mhux, kif kien il-każ f’din il-kawża, mill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal. Ir-rikorrent iżid li, għalkemm huwa minnu li, fl-10 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tittrasferixxi lill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal il-kompetenza sabiex jiddeċiedi s-sospensjoni tal-uffiċjali bil-grad AD 15, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi invokata kontrih, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew ta’ xandir tagħha qabel id-deċiżjoni kkontestata.

82      Fid-difiża, il-Kummissjoni titlob sabiex dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tosserva li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 ma kinitx obbligatorja u li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija bl-ebda mod ma ostakola d-dħul fis-seħħ tagħha u, konsegwentement, l-invokazzjoni tagħha. F’kull każ, din id-deċiżjoni kienet aċċessibbli mid-database li, fuq l-intranet tal-Kummissjoni, fiha l-komunikazzjonijiet magħmula lill-Kulleġġ tal-Kummissarji kif ukoll il-proċessi verbali tal-laqgħat tiegħu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

83      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur ta’ att li joħloq preġudizzju huwa motiv ta’ ordni pubbliku li għandu, f’kull każ, jiġi eżaminat ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 56 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il‑Kummissjoni, T‑165/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑155 u II‑A‑2‑735, punt 30 ; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, F‑17/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑577, punt 51, u tat-18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il‑Kummissjoni, F‑10/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 78).

84      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirreferi għal deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 li emendat “id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal […] lill-[Awtorità tal-Ħatra] u [mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg] lill-[Awtorità tal-kuntratti] tat-30 ta’ Novembru 2007” u peress li din id-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 ma kinitx tidher fil-proċess, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’ ex officio, abbażi tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jitlob, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-preżentata ta’ kopja ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni relatata mal-pubblikazzjoni li din id-deċiżjoni kienet suġġetta għaliha.

85      Hekk kif intqal fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, b’risposta għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ppreżentat, min-naħa waħda, il-kopja tal-komunikazzjoni tad-9 ta’ Settembru 2008 tal-Viċi President tal-Kummissjoni, li fiha kien hemm il-proġett li wassal għad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 u, min-naħa l-oħra, il-proċess verbal tal-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-10 ta’ Settembru 2008, li matulha ġie adottat il-proġett.

86      Madankollu, ir-rikorrent josserva li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008, fin-nuqqas tal-pubblikazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tiġi invokata kontrih. Minn dan, huwa jiddeduċi li, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5730, tat-30 ta’ Novembru 2007, id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u mhux, kif kien il-każ f’din il-kawża, mill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal.

87      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li din l-argumentazzjoni tar-rikorrent, għalkemm ġiet imqajma biss waqt is-seduta, hija ammissibbli, liema ħaġa wara kollox ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, min-naħa waħda, il-kwistjoni dwar jekk il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal kienx debitament awtorizzat li jadotta d-deċiżjoni kkontestata teħtieġ li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar l-invokabbiltà tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008. Din l-aħħar kwistjoni ma tistax tiġi sseparata minn dik preċedenti u għalhekk tikkostitwixxi, l-istess bħala, kwistjoni ta’ ordni pubbliku li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina ex officio, f’kull mument tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Frar 1964, Rotterdam u Putterskoek, 73/63 u 74/63, Ġabra p. 1, 28). Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li l-kwistjoni tal-invokabbiltà tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 hija distinta mill-kwistjoni tal-kompetenza, li hija l-unika waħda li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jikkunsidra ex officio, l-argumentazzjoni tar-rikorrent ikollha tiġi evalwata bħala motiv ibbażat fuq elementi tad-dritt u ta’ fatt li żvelaw ruħhom matul il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, waqt l-eżami ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-kwistjoni dwar il-kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jenfasizza li l-Kummissjoni kienet ġiet infurmata qabel is-seduta, permezz tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 hija indiskussjoni. B’hekk, il-Kummissjoni tpoġġiet f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha fuq dan il-punt, kif wara kollox juru kemm ir-risposta bil-miktub tagħha għall-miżura msemmija kif ukoll l-osservazzjonijiet tar-rappreżentant tagħha waqt is-seduta.

88      L-argumentazzjoni tar-rikorrent ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 ma tistax tiġi invokata kontrih fin-nuqqas tal-pubblikazzjoni tagħha wkoll hija fondata.

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw id-determinazzjoni tat-tqassim tal-poteri mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra jikkostitwixxu regoli ta’ organizzazzjoni interna tal-istituzzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 1973, De Greef vs Il‑Kummissjoni, 46/72, Ġabra p. 543, punt 18) u li, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tal-25 ta’ Marzu 1999, Hamptaux vs Il‑Kummissjoni (T‑76/98, ĠabraSP p. I‑A‑59 u II‑303, punt 23), la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u lanqas dawk tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, ma jipprevedu li l-pubblikazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet hija kundizzjoni għad-dħul fis-seħħ tagħhom u, għalhekk, għal-invokazzjoni tagħhom.

90      Madankollu, fl-ewwel lok, l-osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeħtieġ li l-att tal-awtoritajiet pubbliċi ma jkunx jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ individwu qabel ma l-istess individwu jkollu l-possibbiltà li jkun jaf bih (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 15; Weingut Decker, 99/78, Ġabra p. 101, punt 3, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma‑Lux, C‑161/06, Ġabra p. I‑10841, punt 37), jeħtieġ ukoll, għalkemm l-ebda dispożizzjoni miktuba ma tipprevedi hekk espressament, li d-deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti jkunu suġġetti għal miżura ta’ pubbliċità xierqa skont il-metodi u l-forom li għandhom jiġu stabbiliti mill-amministrazzjoni.

91      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stess tinkariga ruħha, bħala prinċipju, sabiex tassigura l-pubbliċità tad-deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti, peress li dawn huma normalment ippubblikati fl-Informazzjoni Amministrattiva. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni C (2007) 5730, li ġiet emendata bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008, kienet is-suġġett ta’ pubblikazzjoni fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 57‑2007 tas-6 ta’ Diċembru 2007. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5 ta’ din l-istess Deċiżjoni C (2007) 5730, li jirrikonoxxi lid-Diretturi Ġenerali l-possibbiltà li jagħtu delegi ta’ poteri lil awtoritajiet li huma subordinati għalihom, bħall-Viċi Diretturi Ġenerali, id-Diretturi, il-Kapijiet tad-Diviżjoni jew il-Kapijiet tat-Taqsima, jipprevedi wkoll li dawn id-delegi “[għandhom ikunu] ppubblikati b’mod xieraq u jinġiebu għall-attenzjoni tal-persunal”.

92      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret in-neċessità li tiġi żgurata ċerta pubbliċità għad-deċiżjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tat-tmexxija tal-persunal. Għalhekk, f’każ fejn rikorrent ikkontesta d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li taħtar, wara kompetizzjoni interna, lil uffiċjal għal kariga ta’ Kap ta’ Diviżjoni u li osserva, sabiex isostni li s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament kien innomina lill-membri tal-bord b’mod illegali, li d-delega tal-poter mogħtija għal dan l-iskop lis-Segretarju Ġenerali mill-uffiċċju tal-istituzzjoni ma kinitx inġiebet għall-attenzjoni tal-persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din id-delega ta’ poter kienet “ġuridikament effettiva”, peress li din, minbarra li kienet tinvolvi tqassim ta’ kompetenzi interni għall-istituzzjoni ġeneralment aċċettati, kienet ġiet ikkomunikata lid-Diretturi Ġenerali tal-istituzzjoni, lill-Presidenti tal-Gruppi, lis-Segretarjat u lill-Uffiċċju ta’ kontroll kif ukoll lill-Kumitat tal-Persunal stabbilit mill-Artikolu 9 tar-Regolamenti tal-Persunal u li, skont din id-dispożizzjoni, għandu fost oħrajn l-inkarigu li jirrappreżenta l-interessi tal-persunal quddiem l-istituzzjoni u li jiżgura kuntatt permanenti bejn din u l-persunal (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Novembru 1976, Küster vs Il‑Parlament, 123/75, Ġabra p. 1701, punti 6 sa 8).

93      B’mod iktar ġenerali, u minkejja li din il-ġurisprudenza ġietx stabbilita f’kawżi li jpoġġu indiskussjoni deċiżjonijiet relattivi għall-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu b’ċertezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom, peress li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten, C‑158/06, Ġabra p. I‑5103, punt 25 ; sentenza Skoma‑Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). Għalhekk, fis-sentenza Skoma‑Lux, iċċitata iktar ’il fuq (punti 33, 34, 36 u 38), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ħtieġa ta’ pubblikazzjoni regolari ta’ regolament Komunitarju fil-lingwa uffiċjali tad-destinatarju kellha bħala bażi mhux biss dispożizzjonijiet miktuba, bħall-Artikolu 254(2) KE jew l-Artikoli 4, 5 u 8 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), iżda li din kienet barra minn hekk tirriżulta mill-prinċipju taċ-ċertezza legali (ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

94      Fir-raba’ lok, il-ħtieġa li tiġi assigurata pubbliċità xierqa tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu t-tqassim tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti tirriżulta wkoll mir-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tat-tmexxija tal-persunal, hekk kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar espressament fis-sentenza tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2008, Kuchta vs BĊE (F‑89/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62).

95      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, min-naħa waħda, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 ma ġietx ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva u, min-naħa l-oħra, li din ma kienet is-suġġett, fid-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ta’ ebda miżura ta’ pubbliċità. Għalkemm il-Kummissjoni sostniet, fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li l-komunikazzjoni tad-9 ta’ Settembru 2008, li fiha kien hemm il-proġett ta’ deċiżjoni li jemenda d-Deċiżjoni C (2007) 5730, ġiet imxandra fuq l-intranet tal-istituzzjoni, hija ma tagħmel ebda preċiżazzjoni dwar id-data ta’ dan ix-xandir. F’kull każ, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li l-proċess verbal tal-laqgħa tal-10 ta’ Settembru 2008, li matulha ġie adottat dan il-proġett, kien is-suġġett, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ xandir fuq l-intranet. Għalhekk, fid-data li fiha ttieħdet u ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata lill-persuna kkonċernata, din ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf b’mod utli l-kontenut tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008.

96      Għandu jingħad ukoll, b’mod sussidjarju, li l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura pubbliċità xierqa lid-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 kien japplika b’rigorożità partikolari f’dan il-każ. Fil-fatt, filwaqt li l-kompetenza sabiex jiġi sospiż uffiċjal kienet tinsab, skont id-Deċiżjoni C (2007) 5730, għand l-iktar awtorità għolja tal-Kummissjoni, f’dan il-każ il-Kulleġġ tal-Kummissarji, huwa stabbilit li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 ittrasferiet din il-kompetenza lil persuna unika, jiġifieri l-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal. Issa, miżura adottata minn persuna waħda toffri lill-uffiċjal li huwa d-destinatarju tagħha grad ta’ protezzjoni inqas minn dak żgurat minn miżura adottata minn awtorità kulleġġjali, peress li l-awtorità kulleġġjali hija iktar inklinata, permezz tad-deliberazzjonijiet tal-membri tagħha, li tieħu inkunsiderazzjoni numru ikbar ta’ informazzjoni rilevanti. Għalhekk, peress li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 kellha l-effett li tnaqqas il-livell ta’ protezzjoni żgurat lill-uffiċjali u għalhekk li tolqot id-drittijiet tagħhom, hija kellha a fortiori tkun is-suġġett ta’ pubbliċità xierqa.

97      Finalment, jidher li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 ostakola wkoll lill-amministrazzjoni stess milli tkun tista’ tikseb għarfien xieraq tad-deċiżjoni tagħha stess. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-diskussjonijiet waqt is-smigħ, fid-29 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti, f’dan il-każ id-Deċiżjoni C (2009) 3074 “li temenda d-Deċiżjoni C (2007) 5730”. Issa, f’din id-deċiżjoni, li ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva tat-8 ta’ Mejju ta’ wara, il-Kummissjoni, li kienet qedha taġixxi daqs li kieku d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 qatt ma seħħet, iddeċidiet li l-poteri mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tissospendi lil uffiċjal ser ikunu minn issa l-quddiem eżerċitati, fir-rigward tal-uffiċjali bil-grad AD 16 u AD 15 u tal-uffiċjali bil-grad AD 14 tal-iskala superjuri (diretturi jew ekwivalenti), mill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal u mhux iktar mill-Kulleġġ tal-Kummissarji.

98      Għalhekk, peress li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 mhijiex invokabbli kontra r-rikorrent, dan huwa fondat meta jsostni li l-Kummissarju inkarigat mill-persunal ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata u li din kellha tiġi adottata mill-awtorità indikata mid-Deċiżjoni C (2007) 5730, f’dan il-każ il-Kulleġġ tal-Kummissarji.

99      Peress li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata huwa fondat, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

101    Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija l-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-istanza fil-kawża prinċipali.

102    Fir-rigward tal-ispejjeż tal-istanza għal proċeduri għal miżuri provviżorji, huwa stabbilit li r-rikorrent tilef fil-kuntest tagħha. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kull talba mill-Kummissjoni intiża sabiex il-persuna kkonċernata tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fl-istanza għal proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2008 li permezz tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b’applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, issospendiet lil F. H. Wenig għal perijodu indefinit u ordnat tnaqqis ta’ EUR 1 000 fix-xahar mill-paga tiegħu għal perijodu massimu ta’ sitt xhur hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż tal-istanza prinċipali.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha tal-istanza għal miżuri provviżorji.

Gervasoni

Kreppel

Tagaras

Mogħtija f’Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Novembru 2009.

W. Hakenberg

 

      S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.