Language of document : ECLI:EU:F:2008:54

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2008


Kawża F-119/06


Petrus Kerstens

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ammissibbiltà – Organigramma – Att li jikkawża preġudizzju – Bidla fl-assenjazzjoni – Bidla fil-funzjonijiet – Interess tas-servizz – Ekwivalenza tal-pożizzjonijiet – Sanzjoni moħbija – Użu ħażin ta’ poter”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Kerstens jitlob kemm l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Uffiċċju tal-“Amministrazzjoni u ħlas ta’ drittijiet individwali” (PMO) tat-8 ta’ Diċembru 2005 li temenda l-organigramma tal-PMO kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu kumpens għal dannu allegatament subit.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Riorganizzazzjoni tad-dipartimenti li tibdel il-funzjonijiet tar-rikorrent – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1); Anness IX)

1.      Rikors ippreżentat minn kap ta’ unità kontra deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni li temenda l-funzjoni u t-titolu tal-unità tiegħu, filwaqt li tipprovdi li huwa għandu jibqa’ jżomm l-kariga ta’ kap tagħha, huwa ammissibbli. Fil-fatt, bidla fil-funzjonijiet, anki jekk ma taffettwax l-interessi materjali u/jew il-grad ta’ uffiċjal, tista’, inkwantu temenda l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u n-natura tal-funzjonijiet, tippreġudika l-interessi morali u l-prospetti futuri tiegħu u għalhekk, tippreġudikah, peress li ċerti funzjonijiet, meta jkunu kklassifikati bħal oħrajn, jistgħu jwasslu iktar faċilment għal promozzjoni pjuttost minn oħrajn, minħabba n-natura tar-responsabbiltajiet eżerċitati. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat a priori li tali bidla ma tistax tippreġudika lill-uffiċjal ikkonċernat.

(ara l-punti 45, 46 u 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il‑Kummissjoni, T‑78/96 u, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punt 47; 16 ta’ April 2002, Fronia vs Il‑Kummissjoni, T‑51/01, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑187, punt 24


2.      L-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-funzjonijiet fdati lilhom, u tal-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-funzjonijiet, tal-persunal disponibbli, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz minn naħa, u li tiġi osservata l-ekwivalenza tal-postijiet, min-naħa l-oħra.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, u b’kunsiderazzjoni għal portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun limitat għal kwistjoni dwar jekk l-awtorità tal-ħatra aġixxietx fil-limiti raġonevoli, mhux kontestabbli, u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, fil-każ ta’ bidla fil-funzjonijiet attribwita lil uffiċjal, ir-regola ta’ ekwivalenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, stabbilita, b’mod partikolari, bl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma timplikax paragun bejn il-funzjoni attwali u preċedenti tal-uffiċjal, iżda bejn il-funzjoni attwali u l-grad tiegħu fil-ġerarkija. Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi deċiżjoni li timplika l-għoti ta’ funzjoni ġdida li, minkejja li hija differenti minn dik preċedentement eżerċitata u li titqies mill-persuna kkonċernata bħala tnaqqis mill-funzjoni tagħha, hija madankollu konformi mal-pożizzjoni li tikkorrispondi mal-grad tagħha. Għalhekk, tnaqqis effettiv tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal ma jiksirx ir-regola ta’ ekwivalenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ħlief meta l-funzjonijiet, fl-intier tagħhom, ikunu sostanzjalment inqas minn dik li tikkorrispondi mal-grad u l-pożizzjoni tiegħu, b’kunsiderazzjoni għan-natura, għall-importanza u għall-iskop tagħha.

Sa fejn deċiżjoni li tbiddel il-funzjonijiet attribwiti lil uffiċjal ma tmurx kontra l-interess tas-servizz jew l-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet, ma jkunx hemm lok għal sanzjoni dixxiplinarja moħbija jew għal użu ħażin ta’ poter, peress li l-uffiċjal ma jistax jallega fil-konfront tal-amministrazzjoni l-fatt li din tal-aħħar ma fetħitx proċedura dixxiplinarja fir-rigward tiegħu, li kienet tagħtih il-possibbiltà li jibbenefika minn garanzji proċedurali pprovduti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 82, 84, 96, 97 u 103)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, Ġabra p. 1681, punt 7; 7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il‑Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, Ġabra p. I‑599, punt 11; 14 ta’ Diċembru 2006, Meister vs UASI, C‑12/05 P, Ġabra p. I‑132, punti 45 u 47; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Ottubru 1990, Pitrone vs Il‑Kummissjoni, T‑46/89, Ġabra p. II‑577, punt 35; 19 ta’ Ġunju 1997, Forcat Icardo vs Il‑Kummissjoni, T‑73/96, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑485, punt 39; 22 ta’ Jannar 1998, Costacurta vs Il‑Kummissjoni, T‑98/96, ĠabraSP p. I‑A‑21 u II‑49, punt 36; Fronia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53; 26 ta’ Novembru 2002, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑103/01, ĠabraSP p. I‑A‑229 u II‑1137, punt 30; 25 ta’ Lulju 2006, Fries Guggenheim vs Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali, T‑373/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑169 u II‑A‑2‑819, punt 67; 7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il‑Kummissjoni, T‑339/03, Ġabra p. I‑A‑297, II‑1423, punti 47, 62, 91 u 126; Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T-134/04, Ġabra p. I‑0000, punt 101