Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Limburg (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-28 ta’ Frar 2018 – LB, Stichting Varkens in Nood, Stichting Dierenrecht, Stichting Leefbaar Buitengebied vs College van burgemeester en wethouders van de gemeente Echt-Susteren, parti oħra fil-proċedura: Sebava BV

(Kawża C-826/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Limburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: LB, Stichting Varkens in Nood, Stichting Dierenrecht, Stichting Leefbaar Buitengebied

Konvenut: College van burgemeester en wethouders van de gemeente Echt-Susteren

Parti oħra fil-proċedura: Sebava BV

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-“pubbliku” (public) (kwalunkwe persuna) jiġi kompletament eskluż mid-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja, sa fejn huwa ma jikkostitwixxix il-pubbliku kkonċernat (public concerned) (persuni interessati)?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1:

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li minnu jirriżulta li l-“pubbliku” (public) (kwalunkwe persuna) għandu jingħata aċċess għall-ġustizzja meta jiġi allegat ksur ta’ rekwiżiti proċedurali u ta’ drittijiet ta’ parteċipazzjoni favur l-imsemmi pubbliku, kif previsti mill-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni?

F’dan ir-rigward, huwa rilevanti l-fatt li l-membri tal-pubbliku kkonċernat (public concerned) (persuni interessati) għandhom aċċess għall-ġustizzja fuq dan il-punt u jistgħu, barra minn hekk, iressqu lmenti sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ att fuq il-mertu?

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-aċċess għall-ġustizzja tal-“pubbliku kkonċernat” (public concerned) (persuni interessati) jiġi suġġett għall-użu tal-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni bħal dik prevista mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 3:

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward ta’ deċiżjoni għall-membri tal-“pubbliku kkonċernat” (public concerned) (persuni interessati) li jistgħu raġonevolment jiġu kkritikati li ma ppreżentawx osservazzjonijiet kontra l-abbozz ta’ deċiżjoni (jew uħud mill-aspetti tiegħu)?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 4:

Huwa kompletament f’idejn il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-kawża, fuq it-tifsira tal-espressjoni “li jistgħu raġonevolment jiġu kkritikati” jew hija għandha tosserva, f’dan ir-rigward, ċerti garanziji previsti mid-dritt tal-Unjoni?

Sa liema punt id-domandi 3, 4 u 5 jeżiġu risposta differenti jekk huma jikkonċernaw il-“pubbliku” (public) (kwalunkwe persuna), sa fejn ma huwiex il-“pubbliku kkonċernat” (public concerned) (persuni interessati)?

____________

1 Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006 L 164M, p. 17).