Language of document : ECLI:EU:F:2014:209

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA(It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2014

Kawża F‑122/13

Maria José Carneiro

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal ta’ Europol – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat – Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE li permezz tiegħu M. J. Carneiro titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) irrifjuta li jirrikonoxxi li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju kien ġie konkluż għal żmien indeterminat u li jġedded għal żmien indeterminat l-imsemmi kuntratt, li skada fil-31 ta’ Ottubru 2013.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt. M. J. Carneiro għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-iffirmar tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors – Identiċità tas-suġġett u tal-kawża – Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal ta’ Europol, Artikoli 6 u 57(3);(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 88)

1.      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mument meta seħħ l-att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri l-iffissar tad-data minn mindu għandu jkun ikkalkolat it-terminu għall-preżentata tal-ilment, għandu jiġi osservat li huwa mill-iffirmar tiegħu li kuntratt għandu effett u, għaldaqstant, il-kapaċità tiegħu li jikkawża preġudizzju lill-membru tal-persunal temporanju kkonċernat, hekk li, fil-prinċipju, huwa minn din il-firma li għandu jiġi kkalkolat it-terminu għall-preżentata ta’ ilment fi żmien utli skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 36)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Scheefer vs Il-Parlament, F‑105/09, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata u Davids vs Il-Kummissjoni, F‑105/11, EU:F:2012:84, punt 54

2.      Fir-rikorsi ta’ uffiċjali, it-talbiet imressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni jistgħu jinkludu biss kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, għalkemm dawn il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment, iżda li huma marbuta mill-qrib magħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, peress li l-proċedura prekontenzjuża hija ta’ natura informali u li l-persuni kkonċernati jaġixxu b’mod ġenerali f’dan l-istadju mingħajr l-għajnuna ta’ avukat, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda għandha, għall-kuntrarju, teżaminahom b’moħħ miftuħ u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux bħala għan li jorbot, b’mod strett u assolut, il-fażi kontenzjuża eventwali, peress li r-rikors kontenzjuż ma jbiddel la l-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex il-proċedura prekontenzjuża, prevista fl-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha, l-Awtorità tal-Ħatra jew l-awtorità li jkollha l-fakultà li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjeg tkun f’pożizzjoni li tkun taf b’mod preċiż biżżejjed il-kritika li l-persuni kkonċernati jifformulaw kontra d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punti 73, 76 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Id-dritt għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi tipprovdilu garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konkordanti, li jemanaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

B’hekk, membru tal-persunal ma jistax jikkritika b’mod validu lill-amministrazzjoni talli ħadet inkunsiderazjoni l-vinkoli tal-baġit, peress li dawn huma fost il-fatturi li l-amministrazzjoni għandha tikkunsidra fil-politika tal-persunal.

(ara l-punti 48 u 56)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Bellantone vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑85/06, EU:F:2007:171, punt 64 u Mendes vs Il-Kummissjoni, F‑125/11, EU:F:2013:35, punt 62

4.      L-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam ta’ tiġdid ta’ kuntratti u, f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-mezzi u l-motivi li setgħu jwasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din baqgħetx fil-limiti li ma jistgħux jiġu attakkati u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jintalab jistħarreġ jekk l-amministrazzjoni bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq fatti materjali ineżatti jew mhux kompleti. Għalhekk, huwa għandu jivverifika jekk hija eżeriċitax b’mod effettiv il-kompetenzi li hija għandha sabiex tistabbilixxi l-fatti li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tagħha, b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi relevanti kollha. Dan it-tribunal jista’ wkoll jintalab jeżamina jekk l-amministrazzjoni għamlitx eżami dettaljat, jew konkret, tal-elementi relevanti tal-każ inkwistjoni, b’mod li dan l-eżami jsir b’reqqa u imparzjalità.

Barra minn hekk, id-dmir ta’ premura jimplika li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, u dan anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; b’hekk hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, mhux biss l-interess tas-servizz iżda wkoll dak tal-uffiċċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Fid-dawl preċiżament tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kompetenti baqgħetx fil-limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod żbaljat.

(ara l-punti 50, 51 u 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Caravelis vs Il-Parlament, T‑182/99, punt 32; Brendel vs Il-Kummissjoni, T‑55/03, EU:T:2004:316, punt 60 u BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Gheysens vs Il-Kunsill, F‑8/10, EU:F:2010:151, punt 75