Language of document : ECLI:EU:F:2009:50

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

20 ta’ Mejju 2009

Kawża F-73/08

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Ċaħda ta’ talbiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċħdu b’mod impliċitu, minn naħa, it-talbiet tiegħu tas-27 u tat-30 ta’ Ġunju 2007 għar-rimbors bir-rata normali ta’ diversi spejjeż mediċi u, min-naħa l-oħra, it-talbiet tiegħu tad-29 ta’ Ġunju u tat-2 ta’ Lulju 2007 għar-rimbors “addizzjonali”, jiġifieri 100 %, tal-istess spejjeż mediċi, fit-tieni lok, l-annullament tad-deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ April 2008, li tiċħad l-ilmenti tiegħu kontra dawn id-deċiżjonijiet, fit-tielet lok, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu, bħala r-rimbors ta’ 100 % ta’ dawn l-ispejjeż, is-somma ta’ EUR 4 747.29, jew kwalunkwe somma oħra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa fuq din il-bażi, flimkien mal-interessi bir-rata ta’ 10 % fis-sena b’kapitalizzazzjoni annwali li tiddekorri mis-7 ta’ Novembru 2007.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud, parzjalment bħala manifestament infondat fid-dritt u parzjalment bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Talba għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Att konfermatorju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 72(1), 90 u 91)

1.      Deċiżjoni li tiċħad talba għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi tkun suffiċjentement motivata meta hija tinforma lill-uffiċjal bil-mod kif it-talba tiegħu tkun ġiet ittrattata u bir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw irkupru mill-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropew, anki jekk dan l-uffiċjal ma jkunx ġie ipprovdut bil-kontijiet kollha maħruġa mill-uffiċċju tal-ħlas. Il-fatt li l-uffiċjal ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ tali kontijiet qabel ma rċieva n-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ma għandu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni.

Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, anki jekk tali deċiżjoni tkun insuffiċjentement motivata, hija għandha tiġi analizzata bħala li għandha tal-inqas bidu ta’ motivazzjoni, b’tali mod tippermetti lill-istituzzjoni tipprovdi informazzjoni addizzjonali matul il-proċedura u tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 51, 52 u 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T‑37/89, Ġabra p. II‑463, punti 41 u 44

2.      Deċiżjoni li tiċħad talba għall-ħlas 100 % ta’ spejjeż mediċi li ma għandha ebda element ġdid meta mqabbla ma talba identika li tkun ġiet preċedentement miċħuda u li kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja ma tibdilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u ma tikkostitwixxix għalhekk att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Anki jekk jitqies li tali deċiżjoni tista’ tiġi analizzata bħala hija att konfermatorju tal-ewwel deċiżjoni, li tista’ għalhekk tiġi konfuża magħha u tista’, f’dan ir-rigward, tikkawża preġudizzju, il-qorti Komunitarja adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni għandha tirrileva ex officio l-fatt li r-rikors jinvolvi l-istess partijiet, l-istess suġġett u li dan ikun ibbażat fuq l-istess motivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors jintlaqat mill-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens u jkun għalhekk manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 60 u 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Mejju 1973, Perinciolo vs Il-Kunsill, 58/72 u 75/72, Ġabra p. 511, punti 3 sa 5; 19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Ġunju 2007, Landtag Schleswig-Holstein vs Il‑Kummissjoni, T‑68/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 16; 9 ta’ Lulju 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑296/05 u T‑408/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 sa 49; 9 ta’ Settembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑143/08, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punti 39 sa 41; 9 ta’ Settembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑144/08, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punti 32 sa 34;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Jannar 2008, Duyster vs Il‑Kummissjoni, F‑80/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 52