Language of document : ECLI:EU:T:2019:138

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

6 ta’ Marzu 2019 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terz li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawża T‑289/15,

Hamas, stabbilit f’Doha (il-Qatar), irrappreżentat minn L. Glock, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn B. Driessen u N. Rouam, sussegwentement minn B. Driessen, F. Naert u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u R. Tricot, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre, L. Baumgart u C. Zadra, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/483/PESK (ĠU 2015, L 82, p. 107), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/513 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 790/2014 (ĠU 2015, L 82, p. 1), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul (Relatur), J. Svenningsen u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

1        Fit‑28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji wiesgħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Il-paragrafu 1(ċ) ta’ din ir-riżoluzzjoni kien jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha kellhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra jew ir-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni li kkommettew, jew ippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jew li ffaċilitaw jew ipparteċipaw fit-twettiq ta’ atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew ikkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew huma mmexxija, minn dawn il-persuni u entitajiet.

2        L-imsemmija riżoluzzjoni ma kinitx tipprevedi lista ta’ persuni, ta’ entitajiet jew ta’ gruppi li dawn il-miżuri kellhom japplikaw għalihom.

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3        Fis‑27 ta’ Diċembru 2001, peress li qies li kienet neċessarja azzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kien jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u ta’ assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fil-lista li tinsab fl-anness għall-imsemmija pożizzjoni komuni.

4        Fl-istess jum, sabiex jimplimenta fuq il-livell tal-Unjoni l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiki diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/927/KE li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2001, L 344, p. 83).

5        L-isem “Hamas-Izz al-Din al-Qassem (il-Fergħa Terroristika tal-Hamas)” kien inkluż fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u ma’ dik inkluża fid-Deċiżjoni 2001/927. Dawn iż-żewġ atti ġew aġġornati regolarment, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u l-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem” baqa’ inkluż fl-imsemmija listi.

6        Fit‑12 ta’ Settembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/651/PESK li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/482/PESK (ĠU 2003, L 229, p. 42), u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2003/646/KE li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/480/KE (ĠU 2003, L 229, p. 22). L-isem tal-organizzazzjoni mniżżla fil-listi assoċjatai għal dawn l-atti kien il-“Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)”.

7        Isem din l-organizzazzjoni baqa’ mniżżel fil-listi annessi għall-atti sussegwenti.

 L-atti kkontestati

8        Fl‑20 ta’ Frar 2015, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrent il-motivi li għalihom huwa kien bi ħsiebu jżomm isem dan tal-aħħar fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi u indikalu li huwa seta’, l-iktar tard sas‑6 ta’ Marzu 2015, jindirizzalu osservazzjonijiet dwar din iż-żamma u jibgħatlu kwalunkwe dokument ta’ sostenn.

9        Ir-rikorrent ma weġibx għal din l-ittra.

10      Fis‑26 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/521 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/483/PESK (ĠU 2015, L 82, p. 107), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/513 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 790/2014 (ĠU 2015, L 82, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”. L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi għal dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”).

11      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrent l-espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika ż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-listi kontenzjużi, billi indikalu l-possibbiltà li jitlob eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

12      Ir-rikorrent ma rreaġixxiex għal din l-ittra.

13      Fl-espożizzjoni tal-motivi annessa mal-ittra tas‑27 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem l-“espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati”), il-Kunsill ibbaża ruħu fuq id-deċiżjonijiet nazzjonali li ġejjin: l-ewwel nett, digriet tas-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Home Secretary”), tad‑29 ta’ Marzu 2001, li jemenda l-UK Terrorism Act 2000 (il-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-Terroriżmu) u li tikkundanna lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, meqjus bħala organizzazzjoni involuta f’atti terroristiċi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Home Secretary”), it-tieni nett, deċiżjoni tal-United States Secretary of State (is-Segretarju tal-Istat Amerikan, l-Istati Uniti), tat‑8 ta’ Ottubru 1997, li tikklassifika, għall-finijiet tal-Immigration and Nationality Act (il-Liġi tal-Istati Uniti dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità, iktar ’il quddiem l-“INA”), il-Hamas bħala organizzazzjoni terroristika barranija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Amerikana tal‑1997”), it-tielet nett, deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat Amerikan, tal‑31 ta’ Ottubru 2001, meħuda skont l-Executive Order no 13224 (id-Digriet Presidenzjali Nru 13224) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Amerikana tal‑2001”) u, ir-raba’ nett, deċiżjoni, tat‑23 ta’ Jannar 1995, meħuda skont l-Executive Order no 12947 (id-Digriet Presidenzjali Nru 12947) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Amerikana tal‑1995”).

14      Fil-parti prinċipali tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill ikkonstata, qabel xejn, li kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali kienet tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li dawn kienu għadhom fis-seħħ. Sussegwentement, huwa indika li eżamina jekk kinux jeżistu xi elementi fil-pussess tiegħu li kienu jippuntaw favur it-tneħħija tar-rikorrent mil-listi kontenzjużi u ma sab xejn. Fl-aħħar nett, huwa indika li r-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-Hamas fil-listi kontenzjużi kienu għadhom validi u kkonkluda li huwa kellu jinżamm fil-listi kontenzjużi.

15      Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati kienet tinkludi Anness A dwar id-“Deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tar-Renju Unit” u Anness B dwar id-“Deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti”. Kull wieħed minn dawn l-annessi kien jinkludi deskrizzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali taħt liema kienu ġew adottati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, preżentazzjoni tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ terroriżmu li kienu jinsabu f’dawn il-leġiżlazzjonijiet, deskrizzjoni tal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid tal-imsemmija deċiżjonijiet, deskrizzjoni ta’ fatti li l-imsemmija awtoritajiet ibbażaw ruħhom fuqhom u l-konstatazzjoni li dawn il-fatti kienu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

16      Fil-punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill indika li, fir-Renju Unit, il-kundanna kienet is-suġġett, f’Ottubru 2014, ta’ eżami mill-ġdid mill-Grupp Intragovernattiv inkarigat mill-eżami mill-ġdid tal-kundanni u li dan kien ikkonkluda, abbażi tal-elementi indikati, li wieħed seta’ raġonevolment jaħseb li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem kien għadu involut fit-terroriżmu.

17      Fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill indika diversi fatti li seħħew bejn l‑2003 u l‑2011 li l-awtoritajiet Amerikani bbażaw ruħhom fuqhom sabiex jikklassifikaw lir-rikorrent bħala organizzazzjoni terroristika barranija, mingħajr ma speċifika d-deċiżjonijiet li semmewhom.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrent ippreżenta r-rikors odjern.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Ġunju 2015, il-kawża ġiet assenjata lis-Sitt Awla.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2015, il-President tas-Sitt Bord tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, konformement mal-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li jissospendi l-kawża sad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jagħlqu l-istanza fil-kawżi C‑599/14 P, Il‑Kunsill vs LTTE, u C‑79/15 P, Il‑Kunsill vs Hamas.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

22      Fit‑3 ta’ Ottubru 2016, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lill-Ewwel Awla.

23      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Lulju 2017, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom jittieħdu mis-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584), għall-kawża odjerna.

24      Fl‑14 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill wieġeb għal din it-talba.

25      Fis‑27 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill ippreżenta r-risposta.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2017, il-President tal-Ewwel Awla awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2018.

28      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernawh, “inkluż il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem”;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

29      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

30      Ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi, ibbażati rispettivament:

–        fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931;

–        fuq żbalji dwar il-materjalità tal-fatti;

–        fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura terroristika tal-organizzazzjoni Hamas;

–        fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil;

–        fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva matul il-proċeduri nazzjonali;

–        fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà.

31      Il-ħames motiv se jiġi eżaminat fit-tieni lok.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

32      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent, wara li ssottometta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet koperti mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u Amerikani, jikkritika lill-Kunsill li kiser l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 meta kklassifika dawn id-deċiżjonijiet bħala deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

33      Iż-żamma tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżumi, għaldaqstant, il-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kif ġie kkonstatat inizjalment mill-Kunsill, abbażi tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għal din l-inklużjoni inizjali (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 61, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 39).

34      Għaldaqstant il-motiv huwa effettiv.

35      Għandhom, wara li ġew iddeterminati l-organizzazzjonijiet koperti mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill, jiġu eżaminati l-kritiki rispettivi għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani qabel dawk li huma komuni għall-awtoritajiet Amerikani u għall-awtoritajiet tar-Renju Unit.

 Fuq l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet koperti mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u dawk tal-awtoritajiet Amerikani

36      Ir-rikorrent jirrileva li, skont l-espożizzjoni tal-motivi kkomunikata mill-Kunsill, l-atti kkontestati huma bbażati fuq deċiżjoni tal-Home Secretary, li tikkundanna l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, fergħa armata tal-Hamas, u fuq tliet deċiżjonijiet Amerikani, li jsemmu l-Hamas mingħajr iktar preċiżjonijiet.

37      Ir-rikorrent jiddubita li l-awtoritajiet Amerikani kellhom l-intenzjoni li jniżżlu l-Hamas fit-totalità tiegħu u jqis li l-Kunsill, billi qies li dan kien il-każ, għamel qari estensiv tad-deċiżjonijiet tagħhom, li ma kienx jirriżulta b’mod ċar mil-listi ppubblikati mill-imsemmija awtoritajiet.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet Amerikani jsemmu espliċitament il-“Hamas” u, flimkien ma’ dan l-isem, fid-Deċiżjoni Amerikana tal‑1997, hemm għexieren ta’ ismijiet oħra – fosthom “Izz-Al-Din Al-Qassam brigades” – li dan il-moviment kien ukoll magħruf bihom.

39      Din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi interpretata, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi r-rikorrent, fis-sens li timplika li l-awtoritajiet Amerikani kien bi ħsiebhom jirrestrinġu b’dan il-mod l-inklużjoni għal “Hamas-Izz al-Din al-Qassem” biss. Qabel xejn, fost dawn l-ismijiet addizzjonali hemm ismijiet li jagħmlu riferiment għall-Hamas fit-totalità tiegħu, bħall-“Islamic Resistance Movement”, li jikkostitwixxi t-traduzzjoni Ingliża ta’ “Harakat Al-Muqawama Al-Islamia”, isem ieħor inkluż ukoll u li “Hamas” jikkostitwixxi l-akronimu tiegħu. Sussegwentement, il-fatt li jissemmew dawn id-diversi ismijiet huwa sempliċement intiż li tiġi żgurata l-effikaċja konkreta tal-miżura meħuda fil-konfront tal-Hamas, billi jippermetti li dan ikun kopert taħt l-ismijiet u l-fergħat magħrufa kollha tiegħu.

40      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Home Secretary tkopri l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, filwaqt li d-deċiżjonijiet Amerikani jkopru l-Hamas, li jinkludi Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

 Fuq il-kritiki rispettivi għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani

41      Ir-rikorrent iqis li l-Kunsill ma setax jibbaża l-atti kkontestati fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani għaliex l-Istati Uniti jikkostitwixxi Stat terz u li, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati ma humiex “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

42      Dwar dan il-punt, ir-rikorrent jargumenta, prinċipalment, li s-sistema stabbilita mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija bbażata fuq il-fiduċja mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, liema fiduċja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kunsill u l-Istati Membri tal-Unjoni, valuri komuni, elenkati fit-Trattati, u l-issuġġettar għal standards komuni, fosthom il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet ta’ Stati terzi ma jistgħux igawdu minn din il-fiduċja.

43      F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” użat fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma huwiex limitat biss għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda jista’, bħala prinċipju, jinkludi wkoll awtoritajiet ta’ Stati terzi (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 22).

44      L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija ġġustifikata, minn naħa, mill-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ma jillimitax il-kunċett ta’ “awtoritajiet kompetenti” għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, mill-għan ta’ din il-pożizzjoni komuni, li ġiet adottata sabiex timplimenta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija intiża sabiex tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell dinji, permezz tal-kooperazzjoni sistematika u mill-qrib tal-Istati kollha (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 23).

45      Sussidjarjament, fil-każ li jiġi aċċettat li l-awtorità ta’ Stat terz tista’ tikkostitwixxi awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ir-rikorrent jargumenta li l-validità tal-atti adottati mill-Kunsill tiddependi wkoll mill-verifiki li għandhom isiru minnu sabiex jiżgura ruħu, b’mod partikolari, mill-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Amerikana mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

46      Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill, fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati, essenzjalment sempliċement jiddeskrivi proċeduri ta’ eżami mill-ġdid u josserva li kienu jeżistu xi rimedji legali, mingħajr ma vverifika jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kinux iggarantiti.

47      F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi kkonstatat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Kunsill jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ Stat terz, huwa għandu jivverifika, minn qabel, jekk din id-deċiżjoni ġietx adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31).

48      Fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti rispettivi tiegħu, il-Kunsill għandu jipprovdi indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa wettaq din il-verifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31).

49      Għal dan l-għan, il-Kunsill għandu jagħmel riferiment, f’dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi, għar-raġunijiet li wassluh biex iqis li d-deċiżjoni tal-Istat terz li huwa qiegħed jibbaża ruħu fuqha ġiet adottata bir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33).

50      Skont il-ġurisprudenza, l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-espożizzjoni tal-motivi dwar din l-evalwazzjoni tista’ tkun, skont il-każ, fil-qosor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33).

51      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-rikorrent f’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

52      Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrent jargumenta li, fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill ma pprovdiex indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wassluh iqis, wara verifika, li, fl-Istati Uniti, ir-rispett ta’ dan il-prinċipju kien iggarantit fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet bħala terroristi.

53      Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Amerikana la teżiġi li jkunu nnotifikati u lanqas immotivati d-deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet f’dan il-qasam. Skont ir-rikorrent, minkejja li l-Artikolu 219 tal-INA, li d-Deċiżjoni Amerikana tal‑1997 hija bbażata fuqu, jinkludi obbligu li d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni tiġi ppubblikata fir-Reġistru Federali, dan ma japplikax ukoll għad-Digriet Presidenzjali Nru 13224, li d-Deċiżjoni Amerikana tal‑2001 hija bbażata fuqu, u ma jipprevedi ebda miżura ta’ din in-natura.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-persuni koperti minn deċiżjonijiet li jaffettwaw sostanzjalment l-interessi tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jesprimu l-fehma tagħhom fir-rigward tal-elementi li huma allegati fil-konfront tagħhom, liema elementi huma l-bażi tad-deċiżjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fil-każ ta’ miżuri intiżi li jinkludu l-ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi, dan il-prinċipju jimplika li l-motivi għal dawn il-miżuri jkunu kkomunikati lil dawn il-persuni jew entitajiet flimkien ma’, jew immedjatament wara, l-adozzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, France vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61).

56      Bħalma għamel għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Kunsill isostni, fil-punt 16 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, dan li ġej:

“Fir-rigward tal-proċessi ta’ rieżami msemmija u d-deskrizzjoni magħmula tar-rimedji legali disponibbli, il-Kunsill iqis li l-leġislazzjoni rilevanti tal-Istati Uniti tiżgura l-protezzjoni tad-dritt għal difiża […]”

57      L-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati tvarja sussegwentement skont id-deċiżjonijiet Amerikani eżaminati.

58      Minn naħa, għad-Digrieti Presidenzjali Nri 12947 u 13224, li d-deċiżjonijiet Amerikani tal‑1995 u tal‑2001 huma bbażati fuqhom, id-deskrizzjoni ġenerali pprovduta mill-Kunsill ma ssemmi ebda obbligu għall-awtoritajiet Amerikani li jikkomunikaw lill-persuni interessati motivazzjoni jew anki li jippubblikaw dawn id-deċiżjonijiet.

59      Minn dan isegwi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma huwiex ivverifikat għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u li, konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq, l-atti kkontestati ma jistgħux ikunu bbażati fuqhom.

60      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni Amerikana tal‑1997, ċertament, il-Kunsill jesponi li, skont l-INA, l-ismijiet ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi barranin jew id-deċiżjonijiet li jirrevokaw dawn l-ismijiet jiġu ppubblikati fir-Reġistru Federali. Madankollu, huwa ma jipprovdi ebda indikazzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Amerikana tal‑1997 kinitx tinkludi xi tip ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, lanqas ma jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati li, lil hinn mid-dispożittiv tad-deċiżjoni, ir-rikorrent ingħata motivazzjoni, tkun xi tkun, b’liema mod ikun.

61      F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok jiġi eżaminat jekk l-indikazzjoni li deċiżjoni hija ppubblikata f’ġurnal uffiċjali tal-Istat terz hijiex biżżejjed sabiex jitqies li l-Kunsill, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq, issodisfa l-obbligu tiegħu li jivverifika jekk, fl-Istati terzi minn fejn ħarġu d-deċiżjonijiet li l-atti kkontestati huma bbażati fuqhom, id-drittijiet tad-difiża ġew irrispettati.

62      Għal dan l-għan, għandu jsir riferiment għall-kawża li tat lok għas-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885). F’din il-kawża, il-Kunsill kien indika, fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ wieħed mill-atti msemmija, li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat terz ikkonċernat kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali ta’ dan l-Istat mingħajr ma pprovda iktar informazzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 145).

63      Fis-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 36 u 37), il-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset fit-totalità tagħha l-informazzjoni kollha dwar id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat terz li kienet inkluża fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament tal-Kunsill, iddeċidiet li din ma kinitx biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li din l-istituzzjoni kienet wettqet il-verifika meħtieġa f’dak li kien jirrigwarda l-osservanza, f’dan l-Istat terz, tad-drittijiet tad-difiża.

64      Għandha tingħata l-istess konklużjoni, għall-istess motivi, fil-kawża odjerna f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni biss li tinsab fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, skont liema d-Deċiżjoni Amerikana tal‑1997 kienet is-suġġett, f’dak l-Istat, ta’ pubblikazzjoni fir-Reġistru Federali.

65      Għal dawn ir-raġunijiet, u anki mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hemm lok jitqies li, f’dan il-każ, il-motivazzjoni dwar id-deċiżjonijiet Amerikani hija insuffiċjenti, b’mod illi l-atti kkontestati ma jistgħux ikunu bbażati fuqhom.

66      Minkejja li l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jeżiġix li l-atti tal-Kunsill għandhom ikunu bbażati fuq pluralità ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, l-atti kkontestati setgħu jagħmlu riferiment, madankollu, għad-deċiżjoni biss tal-Home Secretary, b’mod illi għandu jitkompla l-eżami tar-rikors billi dan l-eżami jiġi limitat għall-atti kkontestati sa fejn dawn huma bbażati fuq din id-deċiżjoni tal-aħħar.

 Fuq il-kritiki komuni għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani u għal dawk tal-awtoritajiet tar-Renju Unit

67      Ir-rikorrent jargumenta li, għal tliet raġunijiet, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani u tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, li l-atti kkontestati huma bbażati fuqhom, ma jikkostitwixxux “deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

68      Dawn ir-raġunijiet se jiġu eżaminati issa sa fejn dawn jikkonċernaw id-deċiżjoni adottata mill-Home Secretary, konformement mal-punt 66 iktar ’il fuq.

–       Fuq il-preferenza li għandha tingħata lill-awtoritajiet ġudizzjarji

69      Ir-rikorrent jargumenta li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet amministrattivi biss jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ma għandhom ebda ġurisdizzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Issa, dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li, fir-Renju Unit, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ġurisdizzjoni f’dan il-qasam. Id-deċiżjoni tal-Home Secretary għaldaqstant ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fl-atti kkontestati.

70      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, in-natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja ta’ deċiżjoni ma hijiex determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sa fejn il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi espliċitament li awtorità mhux ġudizzjarja tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punti 144 u 145, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 105).

72      Anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jinkludi preferenza għad-deċiżjonijiet minn awtoritajiet ġudizzjarji, dan bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet huma effettivament investiti, fid-dritt nazzjonali, bil-kompetenza li jadottaw deċiżjonijiet restrittivi kontra gruppi involuti fit-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, meta dawn l-awtoritajiet, għalkemm biss amministrattivi, jistgħu madankollu jitqiesu bħala “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 107).

73      Skont il-ġurisprudenza, awtoritajiet amministrattivi għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal awtoritajiet ġudizzjarji meta d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkontestati quddiem qorti (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 145).

74      Konsegwentement, il-fatt li xi qrati tal-Istat ikkonċernat għandhom kompetenzi fil-qasam tat-trażżin tat-terroriżmu ma jipprekludix lill-Kunsill milli jieħu inkunsiderazzjoni deċiżjonijiet mogħtija mill-awtorità amministrattiva nazzjonali inkarigata mill-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-qasam tat-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 108).

75      F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni legali quddiem il-Proscribed Organisations Appeal Commission (il-Kummissjoni tal-Appell dwar l-Organizzazzjonijiet Ipprojbiti, ir-Renju Unit), li tagħti deċiżjonijiet billi tapplika l-prinċipji li jirregolaw l-istħarriġ ġudizzjarju, u li kull parti tista’ tappella mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Appell dwar l-Organizzazzjonijiet Ipprojbiti fuq punt ta’ dritt quddiem qorti tal-appell jekk hija tikseb l-awtorizzazzjoni ta’ din il-kummissjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, tal-qorti tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 2).

76      F’dawn il-kundizzjonijiet, jidher li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni legali b’mod illi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 72 u 73 iktar ’il fuq, din l-awtorità amministrattiva għandha titqies bħala l-ekwivalenti ta’ awtorità ġudizzjarja u, għaldaqstant, bħala awtorità kompetenti, bħalma jargumenta l-Kunsill, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, b’konformità mal-ġurisprudenza li diġà ddeċidiet diversi drabi f’dan is-sens (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885).

77      Ir-rikorrent jirrikonoxxi li, f’diversi sentenzi, il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Home Secretary kellu l-kwalità ta’ awtorità kompetenti, iżda jenfasizza li, f’dawn il-kawżi, kien hemm deċiżjoni ġudizzjarja flimkien mad-deċiżjonijiet tiegħu, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jargumenta r-rikorrent, f’kull waħda mis-sentenzi dwar atti bbażati fuq deċiżjoni tal-Home Secretary, ma kienx hemm deċiżjoni ġudizzjarja flimkien mad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi inkwistjoni. Bl-istess mod, ma kienx hemm tali deċiżjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885). F’dik li tat lok għas-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑256/07, EU:T:2008:461), il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal deċiżjoni ġudizzjarja minbarra d-deċiżjoni amministrattiva. Madankollu, dan ir-riferiment seħħ f’kuntest partikolari ħafna meta d-deċiżjoni amministrattiva kienet ġiet ikkontestata fuq il-livell nazzjonali mir-rikorrent, fatt li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu annullati għar-raġuni li, fl-espożizzjoni tal-motivi tagħhom, il-Kunsill għamel riferiment għal deċiżjoni tal-Home Secretary, li tikkostitwixxi awtorità amministrattiva.

–       Fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Home Secretary tikkonsisti f’elenku ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi

80      Ir-rikorrent jargumenta li l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-atti kkontestati, fosthom il-Home Secretary, tikkonsisti, fil-prattika, f’li jikkompilaw listi ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jimponu sistema restrittiva fuqhom. Din l-attività ta’ elenkar ma tikkostitwixxix kompetenza ripressiva li tista’ tiġi assimilata ma’ “bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni” jew anki “kundanna”, sabiex jiġu ċċitati s-setgħat li, skont il-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandha tgawdi minnhom l-“awtorità kompetenti”.

81      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma teħtieġx li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura kriminali stricto sensu, sakemm, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija pożizzjoni komuni fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-proċedura nazzjonali inkwistjoni jkollha bħala għan il-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-sens wiesa’ (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 113).

83      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-protezzjoni tal-persuni kkonċernati ma kinitx imminata jekk id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali ma kinitx taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura intiża li timponi sanzjonijiet kriminali, iżda f’dak ta’ proċedura li għandha bħala għan miżuri ta’ tip preventiv (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 70).

84      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Home Secretary tistipula miżuri ta’ projbizzjoni fil-konfront ta’ organizzazzjonijiet meqjusa bħala terroristiċi u għaldaqstant taqa’, bħalma teħtieġ il-ġurisprudenza, taħt proċeduri nazzjonali intiżi, prinċipalment, għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ natura preventiva jew repressiva kontra r-rikorrent, bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 115).

85      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-attività tal-awtorità inkwistjoni twassal għall-kompilazzjoni ta’ lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet involuti fit-terroriżmu, għandu jiġi enfasizzat li din ma timplikax, fiha nfisha, li din l-awtoritajiet ma wettqitx evalwazzjoni individwali fuq kull wieħed minn dawn il-persuni jew entitajiet qabel l-inklużjoni tagħhom f’dawn il-listi, u lanqas li din l-evalwazzjoni hija neċessarjament arbitrarja jew infondata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 118).

86      Għalhekk, dak li huwa importanti ma huwiex li l-attività tal-awtorità inkwistjoni twassal għall-kompilazzjoni ta’ lista ta’ persuni jew entitajiet involuti fit-terroriżmu, iżda il-kwistjoni ta’ jekk din l-attività hijiex eżerċitata b’garanziji suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kunsill jibbaża ruħu fuqha bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 118).

87      Konsegwentement, ir-rikorrent huwa żbaljat meta jargumenta li, il-fatt li wieħed jaċċetta li s-setgħa ta’ elenkar tista’ tikkaratterizza awtorità kompetenti jikkontradixxi, bħala prinċipju, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

88      Din il-pożizzjoni ma hijiex imminata mill-argumenti l-oħrajn miġjuba mir-rikorrent.

89      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jargumenta li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huma biss il-listi kkompilati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill.

90      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat, peress li l-għan tal-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa biss li l-Kunsill jingħata possibbiltà ta’ kompilazzjoni ta’ listi addizzjonali, flimkien ma’ kompilazzjoni ta’ listi li huwa jista’ jagħmel abbażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

91      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jenfasizza li, sa fejn din tieħu listi proposti mill-awtoritajiet kompetenti, il-lista tal-Unjoni tispiċċa lista ta’ listi, u b’dan il-mod testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi nazzjonali adottati, skont il-każ, minn awtoritajiet ta’ Stati terzi, mingħajr il-persuni kkonċernati ma jkunu informati u mingħajr ma jkunu f’pożizzjoni li jiddefendu ruħhom b’mod effettiv.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma indika r-rikorrent, il-Kunsill, meta huwa jidentifika l-persuni jew entitajiet suġġetti għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, jibbaża ruħu fuq konstatazzjonijiet mwettqa minn awtoritajiet kompetenti.

93      Fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, forma ta’ kooperazzjoni speċifika ġiet stabbilita bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jinvolvi, għall-Kunsill, l-obbligu li joqgħod, sa fejn possibbli, fuq l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 133, u tal‑4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑284/08, EU:T:2008:550, punt 53).

94      Bħala prinċipju, ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jagħti deċiżjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, għaliex din is-setgħa hija tal-qrati nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 168).

95      Huwa biss b’mod eċċezzjonali, meta r-rikorrent jikkontesta, abbażi ta’ elementi konkreti, li awtoritajiet tal-Istati Membri rrispettaw id-drittijiet fundamentali, li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika li dawn effettivament ġew irrispettati.

96      Min-naħa l-oħra, meta jkunu involuti awtoritajiet ta’ Stati terzi, il-Kunsill huwa obbligat, bħalma ġie rrilevat fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, jiżgura ex officio li dawn il-garanziji ġew effettivament implimentati u li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu dwar dan il-punt.

–       Fuq l-assenza ta’ indikazzjoni tal-provi u ta’ indizji serji u kredibbli li jiffurmaw il-bażi tad-deċiżjoni tal-Home Secretary

97      Ir-rikorrent iqis essenzjalment li, peress li huwa straħ fuq deċiżjoni amministrattiva u mhux fuq deċiżjoni ġudizzjarja, il-Kunsill kellu jistabbilixxi, fl-atti kkontestati, li din id-deċiżjoni kienet “ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli”, bħalma jeħtieġ l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

98      Peress li ma jikkonċernawx il-klassifikazzjoni ta’ “deċiżjoni meħuda minn awtoritajiet kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li huwa s-suġġett ta’ dan il-motiv, iżda l-motivazzjoni tal-atti kkontestati, dawn l-argumenti ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-ħames motiv, li ġew invokati fih ukoll.

 Konklużjoni

99      Mill-punti 47 sa 65 iktar ’il fuq jirriżulta li l-atti kkontestati ma jistgħux ikunu bbażati fuq id-deċiżjonijiet Amerikani, peress li l-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-verifika tar-rispett tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża fl-Istati Uniti.

100    Barra minn hekk, mill-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani msemmija f’dan il-motiv kienu jkopru l-Hamas kollu kemm hu, filwaqt li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit kienet tkopri biss il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

101    Skont ir-rikorrent, din iċ-ċirkustanza timplika li l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jirrigwardaw lill-Hamas u jistgħu jkomplu jkunu fis-seħħ biss sa fejn dawn jirrigwardaw il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

102    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill iqis li ma tista’ titwettaq ebda distinzjoni bejn dawn iż-żewġ “movimenti” jew “partijiet ta’ moviment”, peress li r-rikorrent, fir-rikors dwar is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018 Hamas vs Il‑Kunsill (T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966), ippreżenta l-organizzazzjoni tiegħu bħala li tenkapsula t-tnejn li huma.

103    F’dan ir-rigward, huwa jiċċita l-punti 7 u 8 ta’ dan ir-rikors:

“[i]l-Hamas jinkludi Bureau Politiku u fergħa militari: il-Brigati Ezzedine Al-Qassam [= Hamas IDQ]. It-tmexxija tal-Hamas hija maqsuma fi tnejn. It-tmexxija interna, maqsuma bejn ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, u t-tmexxija esterna, li tinsab fis-Sirja […] … Minkejja li l-fergħa militari tgawdi minn ammont ta’ indipendenza, hija tibqa’ suġġetta għall-istrateġiji ġenerali mfassla mill-Bureau Politiku. Il-Bureau Politiku jieħu d-deċiżjonijiet, u l-Brigati josservawhom grazzi għas-solidarjetà b’saħħitha kkreata mill-komponent reliġjuż tal-moviment.”

104    Bħalma ġie deċiż fil-punt 293 tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il‑Kunsill (T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966), din l-affermazzjoni għandha saħħa probatorja sinjifikattiva, peress li, minn naħa, bħalma jenfasizza l-Kunsill, din ġejja mir-rikorrent u li, min-naħa l-oħra, huwa poġġiha fuq quddiem tal-argumenti tiegħu fil-kuntest tar-rikors dwar il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza.

105    Fin-noti tagħhom, ir-rikorrent spjega li, fir-realtà, iż-żewġ “movimenti” jew “partijiet ta’ moviment” la jistgħu jiġu mfixkla u lanqas assoċjati, għaliex dawn jaħdmu b’mod totalment awtonomu.

106    Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrent jipproduċi provi tal-affermazzjonijiet tiegħu, iżda dan tal-aħħar ma kien f’pożizzjoni li jipproduċi xejn minn dan.

107    F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jitqies, sabiex jiġu ddeterminati l-effetti tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel motiv fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem hija organizzazzjoni distinta mill-Hamas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2015, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, T‑10/13, EU:T:2015:235, punti 182, 183 u 185, u tad‑29 ta’ April 2015, National Iranian Gas Company vs Il‑Kunsill, T‑9/13, EU:T:2015:236, punti 163 u 164).

108    Dan japplika iktar u iktar meta, minkejja li ilhom jittieħdu miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront tiegħu għal diversi snin, il-Hamas ma fittixx li juri lill-Kunsill li huwa ma kien involut bl-ebda mod fl-atti li wasslu għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, billi jiddisassoċja ruħu, b’mod li jneħħi kwalunkwe inċertezza, mill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem li, skont hu, kien l-uniku wieħed responsabbli.

109    Minn dan isegwi li l-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

110    Bħalma diġà ġie indikat fil-punt 97 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jargumenta li l-Kunsill kien imissu, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, jindika “l-provi u l-indizji serji u kredibbli” li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kienu bbażati fuqhom.

111    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-argument ma huwiex fondat.

112    Fid-dawl tal-punt 66 iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss sa fejn jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Home Secretary.

113    F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi kkonstatat li l-motiv huwa żbaljat fil-fatt. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jargumenta r-rikorrent, il-Kunsill, fil-punt 14 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, indika l-fatti li d-deċiżjoni tal-Home Secretary kienet ibbażata fuqhom.

114    Fi kwalunkwe ipoteżi, l-argument huwa infondat.

115    F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-listi ta’ ffriżar ta’ fondi huma kkompilati abbażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi tal-proċess li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fil-konfront tal-persuni jew tal-entitajiet koperti, kemm fil-każ ta’ ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet kriminali għal att terroristiku, jew it-tentattiv li jitwettaq, jew il-parteċipazzjoni għal, jew l-iffaċilitar ta’ att bħal dan, “ibbażat[i] fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” jew fuq kundanna għal fatti bħal dawn.

116    Mill-istruttura ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rekwiżit li għandu l-Kunsill fuqu li jivverifika, qabel jinkludi l-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti, li dawn id-deċiżjonijiet huma “ibbażat[i] fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet”, jikkonċerna biss id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet penali, iżda ma japplikax għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw kundanna.

117    Id-distinzjoni magħmula b’dan il-mod bejn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, prinċipju li tidħol fih l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u li skont liema l-Kunsill għandu jibbaża l-inklużjoni ta’ persuni jew ta’ entitajiet terroristiċi fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi fuq deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali mingħajr ma jkollu jew anki jkun jista’ jikkontestahom.

118    Iddefinit b’dan il-mod, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali huwa applikabbli għad-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ kundanna bil-konsegwenza li l-Kunsill ma għandux jivverifika, qabel jinkludi l-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, li dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq provi jew fuq indizji serji u kredibbli u li huwa għandu, fuq dan il-punt, jistrieħ fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità nazzjonali.

119    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet kriminali, dawn huma, min-natura tagħhom, fil-bidu jew matul proċedura li għadha għaddejja. Sabiex tiġi żgurata n-natura effettiva ta’ din il-ġlieda, tqies utli li l-Kunsill, sabiex jadotta miżuri restrittivi, ikun jista’ jibbaża ruħu fuq tali deċiżjonijiet, anki jekk dawn huma ta’ natura preparatorja biss, filwaqt li jipprevedi, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuni koperti minn dawn il-proċeduri, li dan l-użu jkun suġġett għall-verifika, mill-Kunsill, li huma bbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli.

120    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Home Secretary hija definittiva fis-sens li din ma għandhiex tiġi segwita b’investigazzjoni. Barra minn hekk, bħalma jirriżulta mit-tweġiba mogħtija mill-Kunsill għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, din għandha l-għan li tikkundanna lir-rikorrent fir-Renju Unit, b’konsegwenzi kriminali għall-persuni li jżommu rabta mill-qrib jew mill-bogħod miegħu.

121    F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni tal-Home Office ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjonijiet u ta’ azzjonijiet kriminali u għandha tiġi assimilata għal deċiżjoni ta’ kundanna, b’mod illi, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jindika, fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-provi u l-indizji serji li kienu jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

122    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Home Secretary jikkostitwixxi awtorità amministrattiva huwa indifferenti, peress li, bħalma jirriżulta mill-punti 75 u 76 iktar ’il fuq, dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni legali u li, għaldaqstant, huwa għandu jitqies bħala l-ekwivalenti ta’ awtorità ġudizzjarja.

123    Konsegwentement, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball fil-materjalità tal-fatti

124    Fil-punt II.7 tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill rrileva li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li huwa bbaża ruħu fuqhom sabiex iniżżel isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi kienu għadhom fis-seħħ.

125    Fil-punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi, il-Kunsill żied li, fir-Renju Unit, il-kundanna tar-rikorrent kienet is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid mill-grupp intragovernattiv inkarigat mill-eżami mill-ġdid tal-kundanni u li dan kien ikkonkluda li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem kien għadu involut fit-terroriżmu abbażi ta’ fatti ċċitati bħala eżempji.

126    Dawn il-fatti huma li ġejjin: Minn naħa, matul il-kunflitt bejn l-Iżrael u Gaża fis-sajf tal‑2014, sitt ċittadini Iżraeljani u wieħed Tajlandiż inqatlu matul attakki bir-rokit u waqa’ xrapnel fuq bastiment Ġermaniż tal-kruċieri. Min-naħa l-oħra, il-Hamas irrikorra għall-midja soċjali sabiex iwissi, inter alia, lill-kumpanniji tal-ajru tar-Renju Unit li huwa kien qiegħed jippjana li jattakka l-ajruport Ben Gourion f’Tel Aviv (l-Iżrael), fatt li seta’ jwassal għal vittmi ċivili, u l-Hamas effettivament ipprova jattakka l-ajruport f’Lulju tal‑2014.

127    Fil-kuntest ta’ tweġiba għal mistoqsija li saritlu mill-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ikkonferma li l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Home Secretary mill-grupp intragovernattiv inkarigat mill-eżami mill-ġdid tal-kundanna ma kienx ta lok għal deċiżjoni ġdida.

128    Barra minn hekk, fil-punt 10 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill indika li l-eżami mill-ġdid l-iktar riċenti tad-Deċiżjoni Amerikana tal‑1997, li tikklassifika lill-Hamas bħala organizzazzjoni terroristika barranija, kien tlesta fis‑27 ta’ Lulju 2012 u kien wassal lill-Gvern jikkonkludi li ċ-ċirkustanzi li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuqhom ma kinux inbidlu b’mod li tiġi ġġustifikata t-tneħħija tal-klassifikazzjoni.

129    Barra minn hekk, fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill elenka diversi fatti li seħħew bejn l‑2003 u l‑2011, li l-awtoritajiet Amerikani bbażaw ruħhom fuqhom sabiex jikklassifikaw lir-rikorrent bħala organizzazzjoni terroristika barranija, mingħajr ma indika eżatt minn fejn ġab dawn il-fatti.

130    Mistoqsi dwar dan il-punt fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill indika li huwa ħa uħud minn dawn il-fatti minn reviżjoni tad-Deċiżjoni Amerikana tal‑1997, li saret fl‑2008, li ma hijiex imsemmija fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

131    Il-fatti elenkati fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati huma li ġejjin:

–        il-Hamas ħadet responsabbiltà għal attack suwiċida mwettaq f’Settembru 2003, li matulu disa’ suldati tal-armata Iżraeljana nqatlu u tletin persuna ndarbet madwar l-isptar Assof Harofeh u l-bażi militari ta’ Tzrifin (l-Iżrael);

–        f’Jannar 2004, f’Ġerusalem, operazzjoni suwiċida bil-bombi qerdet xarabank qrib ir-residenza tal-Prim Ministru, qatlet ħdax-il persuna ċivili u darbet tletin oħra; għal dan l-att ħadu responsabbiltà konġunta l-Hamas u l-Brigata tal-Martri ta’ Al-Aqsa;

–        f’Jannar 2005, terroristi attivaw apparat splussiv fuq in-naħa Palestinjana tal-punt ta’ qsim ta’ Karni, fejn splodew toqba fil-bieb li minnu setgħu jinfiltraw persuni armati Palestinjani fin-naħa Iżraeljana; huma qatlu sitt persuni ċivili Iżraeljani u darbu ħamsa oħra; għal dan l-att ħadu responsabbiltà konġunta l-Hamas u l-Brigata tal-Martri ta’ Al-Aqsa;

–        f’Jannar 2007, il-Hamas ħa responsabbiltà għall-ħtif ta’ tlett itfal fil-banda ta’ Gaża;

–        f’Jannar 2008, tiratur magħżul Palestinjan tal-Medda ta’ Gaża qatel voluntier Ekwadorjan ta’ 21 sena waqt li kien qiegħed jaħdem ir-raba’ fil-Kibbutz Ein Hashlosha (l-Iżrael); għal dan l-att ħadet responsabbiltà l-Hamas;

–        fi Frar 2008, operazzjoni suwiċida tal-Hamas qatlet mara anzjana u darbet 38 oħra f’ċentru kummerċjali f’Dimona (l-Iżrael); uffiċjal tal-pulizija spara u qatel lit-tieni terrorist qabel ma sploda ċ-ċinturin tal-isplussiv tiegħu; il-Hamas ikklassifika dan l-attentat bħala “erojċi”;

–        fl‑14 ta’ Ġunju 2010, f’Ħebron (ix-Xatt tal-Punent), aggressuri armati sparaw fuq karozza tal-pulizija, u qatlu uffiċjal wieħed, u darbu tnejn oħra; f’operazzjoni mis-Servizz ta’ Sigurtà Iżraeljan, il-Pulizija Iżraeljana u Tsahal qabdu l-aggressuri fit‑22 ta’ Ġunju 2010; matul l-interrogazzjonijiet, l-iskwadra tal-Hamas responsabbli għall-attakk indikat li l-partijiet tagħha kienu ilhom stabbiliti diversi snin u li huma armaw ruħhom b’armi, inkluż Kalashnikov u azzarini tal-assalt; matul dawn l-interrogazzjonijiet, kien żvelat ukoll li l-iskwadra kienet qiegħda tippjana li twettaq attakki oħra, b’mod partikolari l-ħtif ta’ suldat u ta’ persuna ċivili fil-Blokk Etzion fit-Tramuntana tal-muntanja ta’ Ħebron;

–        f’April 2011, il-Hamas spara missila Kornet li laqtet xarabank tal-iskola Iżraeljana, li darbet b’mod gravi lil student ta’ 16‑il sena u li darbet b’mod ħafif lis-sewwieq tax-xarabank; it-testata użata fl-attakk kienet kapaċi tippenetra l-korrazza ta’ tank tal-gwerra modern;

–        fl‑20 ta’ Awwissu 2011, aggressuri sparaw rokits lejn residenti ta’ Ofaqim (l-Iżrael), li fiha ndarbu żewġt itfal u persuna ċivili oħra; għal dan l-att ħadet responsabbiltà l-Hamas.

132    Fil-punt 32 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, (C‑79/15 P, EU:C:2017:584), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta, bħal f’dan il-każ, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tkun għadha fis-seħħ ma kienx jippermetti iktar li jiġi konkluż li kien għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill kien obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ isem din il-persuna jew din l-entità fl-imsemmija lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar reċenti, li juru li dan ir-riskju kien għadu jeżisti.

133    F’dan il-każ, fid-dawl tal-punti 124 sa 131 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, minn naħa, fuq iż-żamma fis-seħħ ta’ deċiżjonijiet ikklassifikati bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatti ċċitati fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, liema fatti jikkostitwixxu elementi iktar riċenti invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill u għandhom juru li r-riskju ta’ involviment tal-Hamas f’organizzazzjonijiet terroristiċi kien għadu jeżisti.

134    Fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent iqis, minn naħa, li, billi bbaża ruħu fuq il-fatti msemmija fl-atti kkontestati, il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, li huwa wettaq żbalji fir-rigward tal-materjalità ta’ dawn il-fatti.

135    Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-ħames motiv u tal-elementi li jinsabu fil-punti 115 sa 122 u 133 iktar ’il fuq, hemm lok li dan il-motiv jiġi eżaminat biss sa fejn jirrigwarda l-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

 Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

136    Ir-rikorrent jargumenta li l-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati huma invokati b’mod impreċiż wisq, għar-raġuni li dawn ma humiex iddatati jew lokalizzati jew anki li l-Kunsill ma spjegax kif ingħatat ir-responsabbiltà tagħhom lill-Hamas.

137    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata li tivverifika, b’mod partikolari, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 48).

138    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun jippermetti lill-persuna kkonċernata li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53, u tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

140    B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 54, u tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

141    F’dan il-każ, peress li seħħew f’kuntest magħruf mir-rikorrent, hemm lok jitqies li l-fatti msemmija mill-Kunsill fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati huma deskritti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret sabiex jiġu kkontestati mir-rikorrent u mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali, minkejja li l-post eżatt jew id-data eżatta ta’ meta seħħew jew anki r-raġunijiet li għalihom ingħatat responsabbiltà għalihom lill-Hamas ma humiex indikati b’mod espress.

142    Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-iżball dwar il-materjalità tal-fatti

143    Ir-rikorrent jesponi li huwa l-Kunsill li għandu jipprova l-materjalità tal-fatti li jinsabu fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati. Issa, din il-prova ma ġietx ippreżentata f’dan il-każ.

144    B’mod iktar partikolari, ir-rikorrent jikkontesta l-fatt ta’ Jannar 2004, imsemmi fil-punt 17 tal-Anness B, dwar l-isplużjoni ta’ xarabank, għar-raġuni li r-responsabbiltà għalih ma ttiħditx mill-Hamas, iżda mill-Brigata tal-Martri ta’ Al-Aqsa, il-fergħa armata tal-Fatah.

145    Matul is-seduta, l-avukat tar-rikorrent iddikjara li l-Hamas kienet qiegħda tikkontesta l-fatti kollha msemmija mill-Kunsill fl-atti kkontestati.

146    Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill ipprovda diversi artikli u pubblikazzjonijiet intiżi li juru r-realtà tal-imsemmija fatti.

147    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għad-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-qorti tal-Unjoni hija obbligata li tivverifika, minbarra l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li kien inkwistjoni fil-punti 136 sa 142 iktar ’il fuq, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex sostnuti (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 48).

148    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest tal-azzjoni ppreżentata kontra ż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, tikkontesta l-elementi kollha li l-Kunsill jibbaża ruħu fuqhom sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew fuq sorsi oħra (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 49).

149    Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 49).

150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta hija tikkontesta provi prodotti minn parti, il-parti l-oħra għandha tissodisfa żewġ rekwiżiti kumulattivi.

151    Fl-ewwel lok, il-kontestazzjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu ta’ natura ġenerali, iżda għandu jkollhom natura konkreta u ddettaljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il‑Kummissjoni, T‑364/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:477, punt 55).

152    Fit-tieni lok, il-konstatazzjonijiet li jirrigwardaw il-materjalità tal-fatti għandhom ikunu b’mod ċar fl-ewwel att ta’ proċedura dwar l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑190/12, EU:T:2015:222, punt 261). Dan jimplika, f’dan il-każ, li huma biss il-konstatazzjonijiet magħmula fir-rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

153    Dawn ir-rekwiżiti għandhom l-għan li jippermettu lill-konvenut li jsir jaf, preċiżament, sa mill-istadju tar-rikors, il-kritiki li huma indirizzati lejh mir-rikorrent u li b’dan il-mod ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu b’mod xieraq.

154    F’dan il-każ, fost il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, huwa biss il-fatt ta’ Jannar 2004 li ġie kkontestat b’mod relattivament ċar u preċiż fir-rikors, u l-atti l-oħrajn ma kienu s-suġġett ta’ ebda kritika speċifika f’dan l-istadju tal-proċedura. Dawn l-atti l-oħrajn ġew ikkontestati biss fl-istadju tas-seduta, b’indikazzjoni ġenerali li tipprovdi li r-rikorrent kien qiegħed jikkontesta li “r-responsabbiltà għall-fatti miġjuba mill-Kunsill sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ din l-organizzazzjoni fil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi tista’ tingħata lill-fergħa politika tal-Hamas”.

155    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok jitqies, minn naħa, li l-kontestazzjoni fformulata b’dan il-mod, b’mod ġenerali, fi stadju tardiv tal-proċedura ma tissodisfax il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-ġurisprudenza, sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u, min-naħa l-oħra, li dik li tirrigwarda l-fatt ta’ Jannar 2004, jekk wieħed jassumi li din hija fondata, hija, fi kwalunkwe każ, ineffettiva għaliex l-azzjonijiet l-oħrajn imsemmija mill-Kunsill fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata n-natura persistenti tar-riskju ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrent f’attivitajiet terroristiċi.

156    Fost dawn il-fatti, dawk tal‑2011 sal‑2014 huma mingħajr dubju suffiċjentement riċenti sabiex jiġġustifikaw l-atti kkontestati.

157    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni dwar in-natura terroristika tal-organizzazzjoni Hamas.

158    Ir-rikorrent iqis li, billi adotta l-atti kkontestati, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu ta’ organizzazzjoni terroristika. Skont hu, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali testendi għall-verifika tal-klassifikazzjoni mogħtija mill-Kunsill għall-fatti li huwa jinvoka bħala li huma atti terroristiċi u dan l-istħarriġ għandu jsir kemm għall-fatti invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill kif ukoll għall-fatti invokati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

 F’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti

159    Għall-fatti invokati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti, il-Qorti Ġenerali għandha, skont ir-rikorrent, tivverifika li l-klassifikazzjoni magħmula minn dawn l-awtoritajiet hija bbażata fuq id-definizzjoni tat-terroriżmu li tinsab fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931. F’dan il-każ, dan l-istħarriġ ma jistax isir, fin-nuqqas, għall-Kunsill, li tkun ġiet ipprovduta informazzjoni dwar din il-klassifikazzjoni.

160    Minħabba t-tweġiba mogħtija għall-ewwel motiv, din il-parti għandha tiġi eżaminata biss sa fejn tirrigwarda d-deċiżjoni tal-Home Secretary.

161    Peress li, bi tweġiba għall-ħames motiv, ġie deċiż li l-provi u l-indizji li din id-deċiżjoni hija bbażata fuqhom ma għandhomx neċessarjament ikunu indikati fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill ma jistax jiġi mitlub jivverifika l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti magħmula mill-awtorità nazzjonali u li jindika f’dawn l-atti r-riżultat ta’ din il-klassifikazzjoni.

162    F’dan il-każ, dan japplika iktar u iktar peress li d-deċiżjoni toħroġ minn Stat Membru li għalih l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 stabbilixxew forma ta’ kooperazzjoni speċifika mal-Kunsill, li jinvolvi, għal din l-istituzzjoni, l-obbligu li joqgħod, sa fejn possibbli, fuq l-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 133, u tal‑4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑284/08, EU:T:2008:550, punt 53).

 F’dak li jirrigwarda l-fatti invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill

163    Fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill ikklassifika, minn naħa, il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3)(iii)(a), (d), (f), (g) u (i) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) tal-istess Pożizzjoni Komuni u, min-naħa l-oħra, il-fatti msemmija fil-punt 17 tal-Anness B bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3)(iii)(a), (b), (c) u (f) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) tal-istess Pożizzjoni Komuni.

164    Ir-rikorrent jargumenta li l-Kunsill wettaq żball meta kklassifika l-fatti kkonċernati bħala atti terroristiċi. Qabel xejn, il-fatt li l-atti inkwistjoni kollha seħħew fil-kuntest tal-gwerra ta’ okkupazzjoni mmexxija mill-Iżrael fil-Palestina kellu jwassal lill-Kunsill li ma jżommx din il-klassifikazzjoni fil-konfront tiegħu. Sussegwentement, anki jekk jitqies li dawn il-fatti huma ppruvati, ma jirriżultax minnhom li dawn twettqu għall-għanijiet iċċitati mill-Kunsill u msemmija fl-Artikolu 1(3)(i), (ii) u (iii) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

165    Dawn iż-żewġ argumenti huma relatati fil-fatt mal-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kellux jieħu inkunsiderazzjoni, fil-klassifikazzjoni tal-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, iċ-ċirkustanza li l-kunflitt Iżraeljan-Palestinjan kien jaqa’ taħt id-dritt dwar il-kunflitti armati.

166    F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma teskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu bħall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, għall-eventwali atti terroristiċi mwettqa f’dan il-kuntest (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 57; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 95 sa 98).

167    Fil-fatt, minn naħa, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tagħmel ebda distinzjoni f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha li jipprovdi li l-att inkwistjoni huwiex jew le mwettaq fil-kuntest ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, irrispettivament mill-forom li jistgħu jieħdu, konformement mal-għanijiet tad-dritt internazzjonali fis-seħħ (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 58).

168    Huwa, b’mod partikolari, sabiex tiġi implimentata fil-livell tal-Unjoni r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), li “jafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà Internazzjonali kkawżat mill-atti ta’ terroriżmu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “jitlob lill-Istati Membri li jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali billi jieħdu miżuri addizzjonali sabiex jipprevjenu u jrażżnu fit-territorju tagħhom, permezz tal-mezzi liċiti kollha, il-finanzjament u l-preparazzjoni ta’ kwalunkwe att terroristiku”, li l-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara l-premessi 5 sa 7 ta’ din il-pożizzjoni komuni), u sussegwentement, konformement ma’ din il-pożizzjoni komuni, ir-Regolament Nru 2580/2001 (ara l-premessi 3, 5 u 6 ta’ dan ir-regolament) (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 59).

169    It-tielet motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil

170    Ir-rikorrent jargumenta li, billi adotta l-atti kkontestati, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, li jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u jikkostitwixxi prinċipju ta’ jus cogens li jirriżulta mill-ugwaljanza sovrana tal-Istati fid-dritt internazzjonali u li jipprojbixxi li Stat ikun jista’ jitqies bħala entità terroristika, bl-istess mod bħall-Gvern ta’ Stat.

171    Issa, ir-rikorrent ma huwiex sempliċement organizzazzjoni mhux governattiva, u inqas u inqas moviment informali, iżda moviment politiku legali li rebaħ l-elezzjonijiet fil-Palestina u li jifforma l-qalba tal-Gvern Palestinjan. Peress li l-Hamas ġie mwassal sabiex jokkupa funzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk ta’ partit politiku ordinarju, l-atti tiegħu f’Gaża huma fir-realtà assimilabbli għal dawk ta’ awtorità tal-Istat u ma jistgħux minħabba dan il-fatt jiġu kkundannati taħt l-angolu tal-miżuri antiterroristiċi. Ir-rikorrent huwa, fost il-persuni u l-entitajiet li isimhom huwa inkluż fil-listi kontenzjużi, l-uniku wieħed li jinsab f’tali sitwazzjoni.

172    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, li huwa prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju, magħruf ukoll bħala prinċipju ta’ nuqqas ta’ intervent, jinvolvi d-dritt ta’ kull Stat sovran li jwettaq l-affarijiet tiegħu mingħajr indħil estern u jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza sovrana tal-Istati.

173    Bħalma jirrileva l-Kunsill, dan il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali huwa stabbilit għall-benefiċċju tal-Istati sovrani, u mhux għall-benefiċċju ta’ gruppi jew ta’ movimenti (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Peress li l-Hamas la jikkostitwixxi Stat u lanqas Gvern ta’ Stat, huwa ma jistax igawdi mill-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil.

175    Ir-raba’ motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva matul il-proċeduri nazzjonali

176    Ir-rikorrent jargumenta li, f’dan il-każ, id-drittijiet proċedurali tiegħu ma ġewx irrispettati matul il-proċeduri nazzjonali, għaliex huwa ma ġiex infurmat bid-deċiżjonijiet Amerikani u bid-deċiżjoni tal-Home Secretary, minkejja li l-Hamas hija bbażata f’Doha (il-Qatar) u f’Gaża. Din l-assenza ta’ notifika u ta’ motivazzjoni kif ukoll l-impossibbiltà li kien jinsab fiha sabiex jippreżenta osservazzjonijiet neħħew l-effettività tal-azzjonijiet potenzjalment possibbli.

177    Ir-rikorrent jikkonkludi li, jekk il-Kunsill ma jipprovax li l-Gvernijiet tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit ippruvaw jinfurmaw lill-Hamas iżda li t-tentattiv falla minħabba raġunijiet indipendenti mir-rhieda tagħhom, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati għal ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

178    Fid-dawl tal-konklużjoni mogħtija fil-punt 66 iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Home Secretary.

179    Issa, matul is-seduta, ir-rikorrent iddikjara li kien qiegħed jirtira s-sitt motiv tiegħu, sa fejn dan kien jirrigwarda din id-deċiżjoni.

180    Għalhekk ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tas-sitt motiv.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà

181    Ir-rikorrent jargumenta li l-iffriżar ta’ fondi jikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà tiegħu li ma huwiex iġġustifikat, peress li l-atti kkontestati huma illegali għar-raġunijiet spjegati fil-motivi preċedenti.

182    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-motiv huwa infondat.

183    Peress li l-motivi preċedenti ġew miċħuda, dan il-motiv huwa infondat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

184    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà, ma jgawdux, fid-dritt tal-Unjoni, minn protezzjoni assoluta. Jistgħu jitpoġġew xi restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ dawn id-drittijiet, bil-kundizzjoni, l-ewwel nett, li dawn ikunu debitament iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mħaddna mill-Unjoni u, it-tieni nett, li dawn ma jikkostitwixxux, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, intervent sproporzjonat jew intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

185    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jitfakkar li l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni jew tal-entitajiet identifikati, skont ir-regoli previsti bir-Regolament Nru 2580/2001 u bil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, bħala involuti fil-finanzjament tat-terroriżmu, ifittex għan ta’ interess ġenerali, peress li huwa jidħol fil-ġlieda kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li jikkawżaw l-atti terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri li jwasslu għall-iffriżar ta’ fondi u, b’mod partikolari, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi ma jidhrux li huma sproporzjonati, intollerabbli jew ta’ ħsara għas-sustanza tad-drittijiet fundamentali jew ta’ uħud minnhom.

187    Fil-fatt, dan it-tip ta’ miżuri huwa meħtieġ, f’soċjetà demokratika, sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Barra minn hekk, il-miżuri li jwasslu għall-iffriżar ta’ fondi ma humiex assoluti, iżda jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali jew jiġu ssodisfatti ċerti obbligi u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu, f’kundizzjonijiet speċifiċi, li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    Barra minn hekk, iż-żamma tal-isem ta’ persuni u ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi hija s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid perjodiku sabiex jiġi żgurat li jitħassar l-isem ta’ dawk li ma jissodisfawx iktar il-kriterji mil-lista (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 129).

190    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

191    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

192    Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

193    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

194    Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Hamas għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Marzu 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.