Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-14 ta’ Ottubru 2016 – Salzburger Gebietskrankenkasse, Bundesminister für Arbeit, Soziales und Konsumentenschutz

(Kawża C-527/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Salzburger Gebietskrankenkasse, Bundesminister für Arbeit, Soziales und Konsumentenschutz

Partijiet oħra: Alpenrind GmbH, Martin-Meat Szolgáltató és Kereskedelmi Kft, Martimpex-Meat Kft, Pensionsversicherungsanstalt, Allgemeine Unfallversicherungs-anstalt

Domandi preliminari

L-effett vinkolanti tad-dokumenti fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali 1 , iddefinit mill-Artikolu 5 tal-istess regolament, japplika wkoll fi proċedura quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE?

Jekk l-ewwel domanda ma tingħatax risposta fin-negattiv:

a)    dan l-effett vinkolanti japplika wkoll meta proċedura preċedenti quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali la wasslet għal ftehim u lanqas għal irtirar tad-dokumenti kontenzjużi?

b)    dan l-effett vinkolanti japplika wkoll meta dokument “A 1” ikun inħareġ biss wara li l-Istat Membru ospitanti jkun stabbilixxa uffiċjalment l-issuġġettar għall-assigurazzjoni obbligatorja taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu? F’dawn il-każijiet, l-effett vinkolanti japplika wkoll b’mod retroattiv?

Jekk, f’ċirkustanzi partikolari, l-effett vinkolanti ta’ dokumenti previsti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 huwa limitat:

Il-projbizzjoni ta’ sostituzzjoni stabbilita fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 hija miksura meta s-sostituzzjoni ssir fil-forma ta’ kollokament magħmul mhux mill-istess persuna li timpjega iżda minn persuna oħra li timpjega? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti:

a)    jekk din il-persuna li timpjega għandha s-sede tagħha fl-istess Stat Membru bħall-ewwel persuna li timpjga, jew

b)    jekk, bejn l-ewwel u t-tieni persuna li timpjega li tagħmel il-kollokament, jeżisti rbit personali jew irbit ta’ organizzazzjoni?

____________

1     ĠU L 284, p. 1.