Language of document : ECLI:EU:F:2012:23

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

tat-28 ta’ Frar 2012

Kawża F-140/11 R

BK

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Stedina għal smigħ — Rapport finali tal-investigazzjoni — Att li jikkawża preġudizzju — Inammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali”

Suġġett:      Talba mressqa skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħha BK jitlob, b’mod partikolari, is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tat-28 ta’ Ottubru 2011, li tistiednu għal smigħ fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna, inkwantu din id-deċiżjoni tħabbar l-għeluq tal-investigazzjonijiet u r-redazzjoni ta’ rapport finali li jikkonċerna din l-investigazzjoni.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Deċiżjoni kontenzjuża li parzjalment temmet l-effetti tagħha fid-data tat-tressiq tat-talba għal miżuri provviżorji — Talba parzjalment inammissibbli

(Artikolu 278 TFUE)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Ġurisdizzjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji — Għoti ta’ ordnijiet ta’ natura provviżorja

(Artikolu 279 TFUE)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Ammissibbiltà tar-rikors prinċipali — Nuqqas ta’ rilevanza — Limiti

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

4.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jagħlaq investigazzjoni — Tħabbir tal-egħluq tal-investigazzjoni u tar-redazzjoni tar-rapport finali — Deċiżjoni li tistieden lil uffiċjal sabiex jattendi smigħ u li tinformah dwar is-suġġett u l-modalitajiet ta’ dan is-smigħ — Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikoli 4(1) u (2), u 9)

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

6.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Meta parti minn deċiżjoni kontenzjuża ttemm l-effetti tagħha fid-data tat-tressiq tat-talba għal miżuri provviżorji, it-talbiet relatati magħha huma inammissibbli.

(ara l-punt 29)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Mejju 2011, Mariën vs Il‑Kummissjoni u SEAE, F‑5/11 R u F‑15/11 R, punti 39 u 42

2.      L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu s-setgħa li joħroġ ordnijiet ta’ natura provviżorja u li ma jippreġudikaw bl-ebda mod id-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi fil-kawża prinċipali.

(ara l-punt 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Awwissu 1983, CMC et vs Il‑Kummissjoni, 118/83 R, punt 53

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑203/95 R, punt 25

3.      Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun irriżervata għall-analiżi tal-imsemmi rikors. Il-fatt li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, meta din l-ammissibbiltà ma tkunx, prima facie, eskluża, effettivament jippreġudika d-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi fil-kawża prinċipali.

Madankollu, jista’ jirriżulta neċessarju għall-qorti, b’mod partikolari meta jitqajjem il-motiv tal-inammissibbiltà manifesta tar-rikors fil-kawża prinċipali li fuqu hija bbażata t-talba għal miżuri provviżorji, li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ċerti elementi li jippermettu li jiġi konkluż, prima facie, li tali rikors huwa ammissibbli.

(ara l-punti 32 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Gustizzja: 27 ta’ Ġunju 1991, Bosman vs Il‑Kummissjoni, C-117/91 R, punt 7

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ Frar 1999, Peña Abizanda et vs Il‑Kummissjoni, T-196/98 R, punt 10, u l-ġurisprudenza ċċitata; 30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑125/03 R u T-253/03 R, punt 56

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Diċembru 2006, Dálnoky vs Il‑Kummissjoni, F‑120/06 R, punt 41

4.      Kemm fil-kuntest tal-kontenzjuż speċifiku tas-servizz pubbliku Ewropew kif ukoll fil-kuntest tal-kontenzjuż ġenerali, is-sempliċi miżuri li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod speċifiku, is-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju, u, konsegwentement, jistgħu jiġu kkontestati.

F’dan ir-rigward, rapport finali ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ma jbiddilx is-sitwazzjoni legali tal-persuni msemmija fih. A fortiori, it-tħabbir tal-egħluq tal-investigazzjoni u tar-redazzjoni tar-rapport finali ma jistax jitqies bħala att li jikkawża preġudizzju.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-OLAF li tistieden lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal sabiex jattendi smigħ u, barra minn hekk, li tinformah dwar is-suġġett u l-modalitajiet ta’ dan is-smigħ lanqas ma tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu b’mod suffiċjentement speċifiku sabiex tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Fil-fatt, din hija kjarament miżura preparatorja li sseħħ fit-tmexxija ta’ investigazzjoni li tista’ tagħti lok għal deċiżjoni finali li l-istituzzjoni kkonċernata jew l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti jistgħu jadottaw fir-rigward tar-rapport tal-OLAF li jagħlaq din l-investigazzjoni.

(ara l-punti 39, 41 u 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T-309/03, punti 48 u 49;

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 20 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Violetti et, T‑261/09 P, punt 46

5.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet dwar miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris) l-għoti tal-miżuri mitluba minnhom.

Iċ-ċirkustanzi dwar l-urġenza u l-fumus boni juris huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi tkun nieqsa. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi preżenti quddiemu.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami sħiħ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa’ liberu li jiddetermina, fir-rigward tal-aspetti partikolari tal-każ, il-mod kif dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll in-natura ta’ dan l-eżami, ġaladarba ebda dispożizzjoni legali ma timponilu sistema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa l-ħtieġa li jiddeċiedi prima facie.

(ara l-punti 56 sa 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, punt 18; 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, punti 12 u 13

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, punti 20 u 22

6.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi żgurat il-kumpens għal dannu mġarrab, iżda li tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jinkiseb dan l-aħħar għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu deċiżi u jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna tmiem il-proċeduri fil-kawża prinċipali mingħajr ma tkun ġarrbet dannu ta’ din in-natura.

(ara l-punt 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27