Language of document : ECLI:EU:C:2010:160

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2010 (1)

Kawża C-399/08 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Deutsche Post AG

“Appell – Artikolu 87(1) KE – Għajnuna mill-Istat – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Oneru tal-prova – Metodu ta’ verifika adottat mill-Kummissjoni għall-eżistenza ta’ vantaġġ – Setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali”





1.        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tal-1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T-266/02, Ġabra, p. II-1233, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/753/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG (2).

2.        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li fil-kuntest tal-proċess tar-ristrutturar tal-amministrazzjoni preċedenti tal-posta u telekomunikazzjoni Ġermaniża, Deutsche Post AG ibbenefikat minn ħlasijiet kumpensatorji sinjifikattivi mir-riżorsi tal-Istat. Fid-dawl, minn naħa, tal-politika ta’ bejgħ b’telf fis-settur tas-suq tal-pakketti postali, sanzjonata mill-Kummissjoni b’deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2001 (3) li tiddikjara li Deutsche Post AG abbużat minn pożizzjoni dominanti, u min-naħa l-oħra, it-telf irreġistrat minn Deutsche Post AG matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-politika ta’ prezzijiet aggressivi setgħet ġiet iffinanzjata biss permezz ta’ riżorsi mogħtija lil Deutsche Post AG bħala kumpens għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti għajnuna illegali mill-Istat.

3.        Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 87(1) KE (4) meta kkunsidrat li l-għotjiet mill-Istat kienu taw vantaġġ lil Deutsche Post AG.

4.        Għalhekk, il-kwistjoni prinċipali fil-kuntest tal-appell preżenti, tirrigwarda l-metodu li bih jiġi deċiż jekk il-kumpens li rċeviet impriża inkarigata b’funzjonijiet ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jistax jikkostitwixxi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta dan jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa għall-fornitura tal-imsemmi servizz. Din il-kwistjoni taqa’ fil-kuntest ta’ dibattitu iktar wiesa’ li jirrigwarda l-identifikazzjoni tan-natura ġuridika tal-kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

I –    Il-fatti, il-proċedura u s-sentenza appellata

5.        Deutsche Post AG hija impriża kbira li topera kemm fis-settur tat-trasport ta’ posta, li fih hija tgawdi minn monopolju, kif ukoll f’żewġ setturi postali oħra, jiġifieri, it-trasport ta’ pakketti u t-trasport ta’ perjodiċi u ta’ gazzetti li, it-tnejn li huma, miftuħin għall-kompetizzjoni.

6.        Fis-settur tat-trasport ta’ pakketti, Deutsche Post AG tiżgura, minn naħa, servizzi ta’ trasport ta’ pakketti ddepożitati direttament fl-uffiċċji tal-posta u, min-naħa l-oħra, servizzi ta’ trasport ta’ kwantitajiet ikbar ta’ pakketti li ma humiex ipproċessati direttament fl-uffiċċji tal-posta (iktar ’il quddiem is-“settur tal-pakketti bieb bieb”).

7.        Fir-rigward tas-settur tal-pakketti bieb bieb, Deutsche Post AG tiżgura żewġ servizzi prinċipali, jiġifieri, minn naħa, it-trasport ta’ pakketti bieb bieb li huwa mmirat lejn il-klijentela professjonali li tagħmel l-issortjar hija stess jew tiddepożita kwantità minima ta’ pakketti (iktar ’il quddiem il-“parti tal-klijentela professjonali”) u, min-naħa l-oħra, it-trasport ta’ pakketti għall-impriżi li jibagħtu bil-posta merkanzija ordnata minn fuq katalgu jew elettronikament (iktar ’il quddiem il-“parti tal-BBP”).

8.        Fil-kuntest tal-proċess tal-liberalizzazzjoni u tar-ristrutturar tal-amministrazzjoni postali, skont il-liġi fuq l-organizzazzjoni tal-posta (Postverfassungsgesetz), Deutsche Post AG irċeviet trasferimenti mingħand Deutsche Bundespost Telekom (iktar ’il quddiem “DB Telekom”) sabiex tikkumpensa għat-telf li sofriet bejn l-1990 u 1995 (iktar ’il quddiem “trasferimenti magħmula minn DB Telekom”).

9.        Fl-20 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/354/KE li fiha kkonkludiet, essenzjalment, li Deutsche Post AG kienet kisret l-Artikolu 82 KE peress li abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fil-parti tal-BBP biss, b’mod partikolari billi pprattikat politika ta’ bejgħ b’telf meta offriet prezzijiet orħos mill-ispejjeż li jogħlew tagħha.

10.      Peress li ma sarx appell minn din id-deċiżjoni, hija saret definittiva. Madankollu, il-fatt li ġew ipprattikati prezzijiet predatorji u l-kwistjoni dwar il-kisba ta’ għajnuna illegali mill-Istat huma żewġ kwistjonijiet distinti.

11.      Fid-19 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha hija eżaminat, b’mod partikolari, l-għajnuna finanzjarja mill-Istat lil Deutsche Post AG. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna pubblika mogħtija lil Deutsche Post AG, li kienet tammonta għal EUR 572 miljun (DEM 1 118.7 miljun), kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna li ngħatat illegalment.

12.      Wara rikors għal annullament imressaq minn Deutsche Post AG, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ilment ta’ Deutsche Post AG li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat li Deutsche Post AG ibbenefikat minn vantaġġ b’riżultat tat-trasferimenti magħmula minn DB-Telekom. Minbarra dan, wara li ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 87(1) KE, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet in subsidium, fuq l-ilment li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet żbajata meta kkonkludiet li t-trasferimenti magħmula minn DB-Telekom ippermettew lil Deutsche Post AG li tkopri l-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf. Wara li analizzat id-data numerika dwar l-ispejjeż addizzjonali netti msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll l-ilment inkwistjoni.

II – Fuq l-appell

13.      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem l-aggravji li ġejjin.

14.      Qiegħed isir ilment li s-sentenza appellata kisret l-Artikoli 87(1) u 86(2) KE. Il-Kummissjoni ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali, peress li din iddeċidiet li huma jeskludu metodu li, abbażi ta’ argumentazzjoni loġika u rilevanti, jippermetti li tiġi ddikjarata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, għalkemm tali metodu ma ġiex ikkritikat f’postijiet oħra fis-sentenza. Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex ġurisdizzjoni u tinvoka ksur tal-Artikolu 230 KE sa fejn il-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha u s-setgħa ta’ stħarriġ li hija għandha skont l-Artikolu 230 KE. Il-Kummissjoni tqajjem ukoll ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti motivazzjoni għall-konklużjoni tagħha dwar in-natura mhux idonea tal-metodu adottat fid-deċiżjoni kkontestata.

15.      Minbarra dan, permezz ta’ ittra li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2008, il-Bundesverband Internationaler Express‑ und Kurierdienste eV (iktar ’il quddiem “BIEK”) ippreżentat risposta insostenn tal-appellanta. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2008, UPS Deutschland Inc. u UPS Europe NV (iktar ’il quddiem “UPS”) ippreżentaw risposta konġunta u appell inċidentali.

16.      Fir-rigward tal-kwistjoni prinċipali, jiġifieri l-metodu li Kummissjoni setgħet tapplika fil-każ preżenti, din tal-aħħar tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-aggravji kollha jiġu trattati konġuntament.

17.      Madankollu, naħseb li l-aggravji għandhom jiġu diviżi skont jekk jirrigwardawx il-motivazzjoni prinċipali tas-sentenza appellata jew il-motivazzjoni sussidjarja tagħha.

III – Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

18.      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, hekk kif iddefinit fit-Trattat, għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti Komunitarja għandha, bħala prinċipju u b’kunsiderazzjoni tal-elementi konkreti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk miżura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat (5).

19.      Hekk kif jenfassizza l-Avukat Ġenerali Cosmas fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Franza vs Ladbroke Racing u l-Kummissjoni (6), kemm il-Qorti tal-Ġustizza kif ukoll il-Qorti Ġenerali u l-qrati nazzjonali, għandhom – bħala regola u sa fejn dan huwa possibbli – jeżerċitaw stħarriġ eżawrjenti tal-mertu meta jissejħu biex jeżaminaw jekk mizura nazzjonali għandha jew ma għandhiex titqies li hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 92(1) KE [li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 87(1) KE]. Din ir-regola tista’ titwarrab biss jekk il-qorti tikkonstata li l-kundizzjonijiet speċifiċi kollha li jeskludu stħarriġ ġudizzjarju estensiv ikunu sodisfatti. Skont l-Avukat Ġenerali Cosmas, wieħed ma jistax jgħid li kull meta titqajjem kwistjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat dawn il-kundizzjonijiet partikolari, li jillimitaw il-possibilitajiet ta’ intervent ġudizzjarju dwar il-mertu tal-kawża, ikunu sodisfatti a priori.

20.      Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ miżuri fir-rigward tal-Artikolu 87(1) KE, l-istħarriġ sħiħ huwa r-regola, filwaqt li l-istħarriġ limitat huwa l-eċċezzjoni (7).

21.      It-tieni nett, fir-rigward ta’ evalwazzjoni ekonomika kumplessa, skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ att tal-Kummissjoni li jimplika tali evalwazzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (8).

22.      Madankollu, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi, dan ma jfissirx illi l-qorti Komunitarja għandha żżomm lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika (9).

23.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika mhux biss li l-provi invokati jkunu fattwalment korretti, affidabbli u konsistenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex biżżejjed biex jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa (10). Fil-fehma tiegħi, dawn il-provi jinkludu wkoll il-metodi użati.

24.      Madankollu, huwa paċifiku li fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissioni (11).

25.       Għaldaqstant, l-aggravji invokati fil-kuntest tal-appell preżenti għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

IV – Fuq l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

A –    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

26.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn BIEK u UPS tirrileva li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi peress li s-sentenza kkonstesta ma tindika ebda nuqqas fil-metodu użat fid-deċiżjoni kkontestata.

27.      Skont il-Kummissjoni, din id-deċiżjoni ma tistrieħx biss fuq sempliċi “ipoteżi”. Għall-kuntrarju, hija tadotta konklużjoni sostanzjata, li jfisser li l-imsemmija deċiżjoni tadotta konklużjoni minn fatti diġà magħrufa permezz ta’ raġunament loġiku. Fil-fehma tagħha, dan jinvolvi proċess ta’ deduzzjoni, li jifforma parti integrali ta’ kull deċiżjoni ta’ dan it-tip meħuda minnha, li jippermetti li minn fatti A u B tittieħed il-konklużjoni Ċ. Sabiex turi r-raġunament tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq eżempju li jipprovdi li jekk jiġi pprovat li ferrovija telqet minn stazzjon A fuq binarju waħdieni u li, kif mistenni, waslet fl-istazzjon B, minn dan jista’ jiġi dedott li hija għaddiet mill-istazzjon Ċ, li jinsab bejn l-istazzjon A u l-istazzjon B fuq dan il-binarju waħdieni.

28.      Il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat din id-deduzzjoni bħala “ipoteżi” u li annullat id-deċiżjoni tagħha mingħajr ma kkunsidrat l-iżbalji li jirriżultaw mill-att inkwistjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni fattwali tal-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-premessa li “l-flus iridu jiġu minn xi mkien”.

29.      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tenfasizza li, sa fejn ġie stabbilit, minn naħa, li s-servizz ta’ pakketti kien operat b’telf u, min-naħa l-oħra, li l-impriża li tipprovdi s-servizz ta’ trasport ta’ pakketti ma kinitx tagħmel qligħ ieħor li hija setgħet tattribwixxi għas-servizz tal-pakketti, l-unika konklużjoni li tista’ tintlaħaq, fl-opinjoni tagħha, hi li l-politika żleali tal-prezzijiet ta’ Deutsche Post AG għandha tiġi kkunsidrata li ġiet iffinanzjata permezz tal-għajnuna mill-Istat li hija rċeviet.

30.      B’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, Deutsche Post AG issostni li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tindika r-raġunijiet li minħabba fihom il-metodu magħżul mill-Kummissjoni ma kienx korrett, peress li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv. Fil-fatt, Deutsche Post AG issostni li fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali biex tiddeċiedi jekk miżura hijiex għajnuna mill-Istat jew le.

31.      Skont il-Gvern Ġermaniż li intervjena insostenn ta’ Deutsche Post AG, dan ma huwiex sempliċi ilment dwar metodu li jippermetti li jintlaħaq l-istess riżultat. Fil-fatt, mill-perspettiva tar-riżultat tiegħu, il-metodu tal-Kummissjoni huwa differenti mill-metodu l-ieħor, li jippermetti li tiġi analizzata direttament, jiġifieri mingħajr ebda deduzzjoni allegatament obbligatorja, l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

32.      Filwaqt li jirreferi għas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (12), il-Gvern Ġermaniż jirrileva li, minn naħa, l-ispejjeż addizzjonali netti relatati mal-obbligi ta’ interess ġenerali imposti fuq is-servizzi postali għandhom jiġu kkalkolati fid-dawl ta’ ċerti parametri u li, min-naħa l-oħra, huma għandhom jitqabblu mar-riżorsi trasferiti bħala kumpens.

33.      Fl-aħħar nett, skont il-Gvern Ġermaniż, dan ma huwiex każ ta’ evalwazzjoni ta’ relazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

2.      Analiżi

a)      Il-klassifikazzjoni ta’ kumpens finanzjarju fil-kuntest ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali

34.      Fir-rigward tal-identifikazzjoni tan-natura ġuridika tal-kumpens finanzjarju, għal diversi snin ilhom jeżistu żewġ teoriji ġuridiċi differenti fil-ġurisprudenza. Dawn huma, minn naħa, l-approċċ imsejjaħ “għajnuna mill-Istat” u min-naħa l-oħra, l-approċċ imsejjaħ “kumpensatorju” (13).

35.      Skont l-approċċ “għajnuna mill-Istat”, kwalunkwe finanzjament pubbliku ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

36.      Madankollu, dan it-tip ta’ finanzjament jista’ jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq komuni, permezz ta’ eżami magħmul mill-Kummissjoni, li jista’ jissejjes kemm fuq l-Artikolu 87(2) u (3) KE, kif ukoll fuq id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 86(2) KE. Dan l-approċċ jidher speċjalment mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali FFSA et vs Il-Kummissjoni (14) u SIC vs Il-Kummissjoni (15). Wara li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kumpens finanzjarju taħt il-forma ta’ vantaġġ fiskali jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fl-imsemmija sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni hija ddeċidiet li bis-saħħa tal-Artikolu 86(2) KE, l-għotja ta’ għajnuna mill-Istat tista’ taqa’ barra mill-projbizzjoni tal-Artikolu 87 KE, meta din hija intiża biss biex tagħti kumpens għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mit-twettiq tal-funzjoni partikolari imposta fuq l-impriża inkarigata biex tamministra s-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u meta l-għotja ta’ tali għajnuna hija meħtieġa biex l-impriża tkun tista’ timplementa l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku f’kundizzjonijiet ta’ bilanċ ekonomiku (16).

37.      Skont l-approċċ “kumpensatorju” li għandu l-oriġini tiegħu fis-sentenzi ABDHU (17) u speċjalment Ferring (18), il-kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku ma huwiex għajnuna mill-Istat.

38.      Huwa biss meta l-kumpens jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku li tkun teżisti l-għajnuna mill-Istat. Fl-imsemmija kawża ADBHU, l-Avukat Ġenerali Lenz ikkunsidra li, meta l-kumpens ma jaqbiżx l-ispejjeż annwali mhux moħbija u verament ipprovati tal-impriżi, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni profitt raġonevoli, ma jista’ jkun hemm ebda vantaġġ skont it-Trattat (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja segwietu filwaqt li enfasizzat li “fil-każ preżenti, dan ma huwiex għajnuna fis-sens tal-Artikolu 92 KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 87 KE) iżda l-prezz li jirrapreżenta l-korrispettiv tal-prestazzjonijiet forniti mill-impriża ta’ ġbir jew ta’ rimi” (20).

39.      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Ferring iċċitata iktar ’il fuq, jekk l-Istat jimponi obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku fuq impriża, il-ħlas għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mit-twettiq ta’ dawn l-obbligi ma jagħti ebda vantaġġ lill-impriża inkwistjoni, iżda jservi biex tiġi evitata sitwazzjoni mhux ġustifikata ta’ żvantaġġ meta din titqabbel mal-kompetituri tagħha (21).

40.      Għalhekk, skont l-Avukat Ġenerali Tizzano, tibdil fil-kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni huwa possibbli biss fil-każ li l-kumpens jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali netti li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (22). Meta l-iffinanzjar mill-Istat ikun limitat li jikkumpensa żvantaġġ oġġettiv impost mill-Istat fuq l-entità li tingħata l-kumpens, ma jkun hemm ebda vantaġġ ekonomiku li jista’ jwassal għal distorzjoni tal-kompetizzjoni (23).

41.      L-approċċ “kumpensatorju” adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ferring, iċċitata iktar ’il fuq, ġie kkritikat mill-Avukat Ġenerali Léger fil-konkluzjonijiet tiegħu fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (24). Fl-opinjoni tiegħu, l-approċċ kumpensatorju jikkontribwixxi biex jinqaleb ta’ taħt fuq it-tagħlim Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat meta tkun qed tiġi eżaminata l-kompatibbilità tal-għajnuna fil-kuntest tal-Artikolu 87(1) KE (25).

42.      Madankollu, fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta sussidji pubbliċi, li jingħataw lill-impriżi li jkunu espliċitament inkarigati b’obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta’ tali obbligi, jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza, dawn is-sussidji ma jaqgħux taħt l-Artikolu 87(1) KE. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kumpens għall-obbligu ta’ servizz pubbliku ma huwiex vantaġġ, peress li ma għandux  “l-effett li jpoġġi l-impriżi f’pozizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi li jikkompetu magħhom”. Għall-kuntrarju, skont din id-dispożizzjoni, l-intervent mill-Istat li ma jissodisfax wieħed jew iżjed mill-imsemmija kundizzjonijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat (26).

43.      Fl-aħħar nett, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza GEMO iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Jacobs ippropona li japplika l-analiżi tal-iffinanzjar mill-Istat ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li jiddependi, minn naħa, min-natura tar-rabta bejn l-iffinanzjar mogħti u l-obbligi ta’ interess ġenerali imposti u, min-naħa l-oħra, taċ-ċarezza li dawn l-obbligi huma definiti biha (27). B’mod partikolari, huwa enfasizza li l-għazla bejn l-approċċ “għajnuna mill-Istat” u l-approċċ “kumpensatorju” ma kinitx sempliċi kwistjoni teoretika, imma kienet tinvolvi konsegwenzi prattiċi kif ukoll konsegwenzi proċedurali importanti (28).

44.      Ċertament, għall-finijiet tal-kawża preżenti, il-kwistjoni kruċjali tibqa’ dik dwar jekk il-metodu magħzul mill-Kummissjoni huwiex xieraq biex jidentifika sitwazzjoni li fiha l-kumpens jaqbeż dak li huwa neċessarju biex iservi bħala remunerazzjoni adegwata għall-ispejjeż supplimentari li jirriżultaw mill-obbligi ta’ interess ġenerali u, għaldaqstant, vantaġġ eventwali għall-impriża.

45.      Madankollu, inqis li l-għażla tal-metodu hija strettament marbuta mal-għażla magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ kumpens għas-servizz pubbliku. Fil-fatt, jiena tal-fehma li l-ħtieġa tal-identifikazzjoni tal-ispejjeż addizzjonali netti tmur kontra l-approċċ li qiegħed jiġi difiż mill-Kummissjoni li jipprovdi li kalkolu in concreto jista’ jiġi evitat u li jkun ibbażat fuq preżunzjoni. L-osservazzjonijiet li ġejjin juru dan il-punt.

b)      Il-problemi fl-identifikazzjoni tal-ispejjez ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali

46.      Infakkar li, fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, fis-sentenza SFEI et il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku sinjifikattiv jimplika li tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni normali għall-provvisti inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni tippresupponi analiżi ekonomika li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li impriża, li taġixxi f’kundizzjonijiet normali tas-suq, imissha ħadet inkunsiderazzjoni meta ffissat r-remunerazzjoni għas-servizzi mogħtija. Il-vantaġġ jeżisti meta impriża tibbenefika minn miżura statali li ma kinitix tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (29).

47.      Id-diffikultà biex jiġu identifikati l-ispejjeż kienet diġà ġiet indikata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża FFSA et vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, meta din irreferiet għall-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema analitika taż-żamma tal-kotba għall-impriżi li għandhom funzjonijiet ta’ servizz pubbliku iżda li jwettqu wkoll attivitajiet f’setturi kompetittivi (30).

48.      Fl-imsemmija kawża FFSA et vs Il-Kummissjoni, il-possibilità ta’ sussidju trasversali ġiet eskluża sa fejn l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni baqa’ inqas mill-ispejjeż addizzjonali li rriżultaw mit-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għaldaqstant, il-metodu użat mill-Kummissjoni kien ikkunsidrat xieraq biex jiżgura, b’mod legalment sodisfaċenti, li l-għotja tal-għajnuna mill-Istat ma kinitx tinvolvi sussidju trasversali kuntrarju għal-liġi Komunitarja (31).

49.      Ninnota li, sussegwentement, fil-kawża Chronopost I, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-analiżi tal-elementi disponibbli li jkunu oġġettivi u li jistgħu jiġu pprovati (32), filwaqt li rrilevat li l-identifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat favur SFMI‑Chronopost “tista’ tiġi eskluża jekk, minn naħa, jiġi stabbilit li l-korrispettiv mitlub ikopri adegwatament l-ispejjez varjabbli supplementarji kollha li jirriżultaw mill-fornitura tal-għajnuna loġistika u kummerċjali, kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjez fissi li jirriżultaw mill-użu tas-sistema postali, kif ukoll remunerazzjoni adegwata fuq il-kapital investit sa fejn dan ikun użat għall-attività kompetittiva ta’ SFMI‑Chronopost, u jekk, min-naħa l-oħra, ma hemm ebda evidenza li timplika li dawn l-elementi ġew sottovalutati jew iffissati b’mod arbitrarju” (33).

50.      Minbarra dan, kemm l-approċċ kumpensatorju fis-sentenza Ferrino iċċitata iktar ’il fuq (34), kif ukoll ir-rimarki dwar il-kumpens li jinsabu fit-tielet u r-raba’ kundizzjoni tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, jippuntaw favur il-ħtieġa ta’ kalkolu preċiż u ta’ kontroll tal-allokazzjoni tal-ispejjeż (35). Il-ġurisprudenza li ġiet wara l-imsemmija sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg għandha t-tendenza li tiċċara l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (36).

51.      Infakkar li fid-deċiżjoni tagħha 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (37), il-Kummissjoni indikat li l-ammont ta’ kumpens ma kienx jaqbeż dak li hu meħtieġ biex l-ispejjjeż li jirriżultaw mill-implementazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jiġu koperti wara li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv għal tali obbligi kif ukoll profitt raġonevoli fuq il-kapital investit meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi. Skont il-Kummissjoni l-kumpens għandu effettivament jintuża biex jiżgura l-funzjonament tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali kkonċernat, filwaqt li l-impriża titħalla tagħmel profitt raġonevoli (38). Bl-istess mod, minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jinkludu l-ispejjeż kollha involuti fit-tħaddim tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (39).

52.      Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi applikat fil-każ preżenti, mill-punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Gvern Ġermaniż kien ippropona li jiddefinixxi u jikkalkula l-ispejjeż speċifiċi addizzjonali marbuta mat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku billi jiddetermina d-differenza bejn l-ispejjeż eċċezzjonali sostnuti minn Deutsche Post AG fil-kwalità tagħha ta’ amminstrazzjoni pubblika preċedenti biex teżegwixxi dawn l-obbligi u l-ispejjeż normali li jirriżultaw minn prestazzjonijiet komparabbli proposti f’kuntest kompetittiv. Din il-proposta tirreferi għal kalkolu in concreto u tidher aċċettabbli.

53.      Madankollu, skont ċerti awturi, tali approċċ jista’ jwassal għal abbuż tal-kunċett ta’ “spejjeż addizzjonali netti” fis-sens tas-sentenza Ferring, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-ispejjeż li jirriżultaw minn nuqqas ta’ effiċjenza tal-impriża kkonċernata jistgħu jitħallsu mill-Istat Membru (40).

54.      F’dan ir-rigward nirrileva li l-kwistjoni tal-ineffiċjenza li titqajjem f’dan ir-rigward tifforma parti minn dibattitu iktar wiesa’ li jirrigwarda s-sistemi ta’ kontroll tal-prezzijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ kumpens għall-ispejjeż. Fil-fatt, ċertu livell ta’ ineffiċjenza huwa inerenti għal kwalunkwe sistema ta’ dan it-tip peress li l-impriża ma hijiex adegwatament motivata biex tnaqqas dawk l-ispejjeż li jidhrilha li ser tingħata kumpens għalihom (41).

55.      Is-soluzzjoni jista’ jkun li tinstab fl-introduzzjoni ta’ għan li tiżdied l-effiċjenza fil-kuntest tal-kumpens għall-ispejjeż ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Nirrileva li l-interpretazzjoni tar-raba’ kundizzjoni tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, twassal għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju ta’ effiċjenza u ta’ użu aħjar tal-ispejjeż. Fil-fehma tiegħi, dan il-kriterju jaqbel mal-prinċipju ta’ appoġġ għal kompetizzjoni b’saħħitha fis-suq tal-Unjoni.

c)      Il-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni fil-każ preżenti

56.      Għandu jiġi kkonstatat immedjatament li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma għamlitx kalkolu effettiv tal-ispejjeż. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiġġustifika l-approċċ tagħha bl-organizzazzjoni tal-proċedura. Skont din l-istituzzjoni, peress li prattika amministrattiva interna tajba tiffavorixxi metodu li jippermettilha li titratta malajr u b’mod effiċjenti l-oġġezzjonijiet ippreżentati mill-persuni li jilmentaw, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiddeċiedi minflokha l-metodu li għandu jiġi applikat.

57.      Fil-qosor, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti għajnuna mill-Istat wara li kkonstatat trasferimenti minn DB‑Telekom u spejjeż addizzjonali netti ġejjin mis-settur miftuħ għall-kompetizzjoni tas-servizzi ta’ pakketti bieb bieb, kif ukoll it-telf irreġistrat minn Deutsche Post AG. B’hekk, il-Kummissjoni ma pprovatx tiddetermina d-differenza bejn l-ammonti li minnhom ibbenefikat Deutsche Post AG u l-ispejjeż verament sostnuti minn Deutsche Post AG fil-kuntest tal-fornitura ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, sabiex tidentifika l-ispejjeż addizzjonali netti li kienu għalhekk jikkostitwixxu vantaġġ.

58.      Fir-rigward tad-dettalji tal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha raġun li tiddeċiedi li kienu jeżistu dubji dwar ir-rabta bejn il-politika aggressiva ta’ prezzijiet u l-għoti ta’ trasferimenti mill-Istati.

59.      Fil-fatt, il-Kummissjoni ma pprovat imkien l-allokazzjoni tal-ammonti inkwistjoni għas-settur li ħalla t-telf. Filwaqt li skont id-dokumenti f’idejn il-Kummissjoni, dik li qabel kienet il-Bundespost beżgħet minn staġnar fil-volum tal-pakketti postali mibgħuta minnha u minn telf ta’ partijiet tas-suq u kkunsidrat li l-post ewlieni tagħha fis-suq kien mhedded, dawn l-aspetti, minnhom infushom, ma jipprovaw bl-ebda mod l-użu tat-trasferimenti inkwistjoni għall-finijiet ta’ finanzjar tal-politika aggressiva ta’ prezzijiet.

60.      Jiena tal-fehma li ma jistax jiġi eskluż li Deutsche Post AG seta’ kellha aċċess għall-profitti fis-setturi li ma kinux miftuħa għall-kompetizzjoni, bħal dak tal-monopolju fit-trasport tal-posta, sabiex tiffinanzja din il-politika ta’ skont li, minbarra dan, ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni. Minbarra dan, xejn ma jipprova lanqas li hija ma setgħetx iżżid id-dejn tagħha.

61.      Minbarra dan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Deutsche Post AG issostni li hija kellha dritt għar-rimbors tal-ispejjeż netti ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għall-perijodu li jestendi mill-1990 sal-1994, indipendentament mill-kwistjoni dwar jekk, matul is-snin ta’ wara l-1994, hija kinitx għamlet profitti jew telf. Hija indikat ukoll li kienet diġà użat ir-riżorsi li rriżultaw mit-trasferimenti mill-Istat fl-1 ta’ Jannar 1995, b’tali mod li t-telf sostnut minnha stess mill-1995 sal-1998 ma setax jiġi, bl-ebda mod, kopert permezz tal-kumpens.

62.      F’dan ir-rigward, id-dgħufija tal-metodu applikat mill-Kummissjoni huwa partikolarment allarmanti. Fil-fatt, il-kalkolu li għamlet imissu kien imqassam skont iż-żmien, billi jiġi definit perijodu li matulu l-allokazzjoni tal-kumpens tiġi analizzata. Idealment, kellu jsir kalkolu distint dwar il-profittabilità ta’ aspett partikolari tal-attivitajiet imsemmija fil-kontijiet tal-impriża.

63.      Il-metodu magħżul mill-Kummissjoni ma jispjegax għal liema raġuni kellu jiġi preżunt li, filwaqt li l-qagħda ta’ Deutsche Post AG kienet ikkaratterizzata, b’mod parallel, minn naħa, bl-ispejjeż addizzjonali netti li rriżultaw minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u, min-naħa l-oħra, b’telf li kien jirriżulta minn politika aggressiva ta’ prezzijiet, ir-riżorsi statali inkwistjoni kienu ffinanzjaw it-telf, filwaqt li fl-istess ħin il-kwalità ta’ għajnuna tagħhom tiddependi mill-allokazzjoni tagħhom għall-imsemmi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali kif ukoll fuq il-korrelazzjoni tagħhom mal-ispejjeż ta’ dan is-servizz.

64.      Minbarra dan, minkejja t-telf globali tar-rikorrenti li l-Kummissjoni talloka għas-snin inklużi fil-metodu ta’ kalkolu tagħha, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx dubju li Deutsche Post AG kellha xi dħul, għalkemm dan kien inqas mill-ħruġ.

65.      Hekk kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż, il-ħruġ jinkludi kemm l-ispejjeż addizzjonali netti ġustifikati mill-obbligi ta’ interess ġenerali imposti fuq is-servizzi postali, li jistgħu, f’din il-kwalità, jkunu s-suġġett ta’ kumpens mill-Istat, kif ukoll spejjeż oħra li, min-naħa tagħhom, ma jistgħu jkunu s-suġġett għall-ebda kumpens.

66.      Għalhekk, meta l-argument tal-Kummissjoni li l-politika ta’ telf kienet neċessarjament iffinanzjata minn trasferimenti pubbliċi jiġi applikat fir-rigward ta’ spejjeż oħra ta’ Deutsche Post AG, dan iwassal għal riżultat paradossali. Hekk kif irrileva l-Gvern Ġermaniż, jekk wieħed isegwi dan ir-raġunament, ebda ħruġ ma seta’ jkun kopert minn dħul ieħor proprju ta’ Deutsche Post AG, peress li din tal-aħħar sostniet telf matul il-perijodu inkwistjoni. Għaldaqstant, kull ħruġ kellu jiġi ffinanzjat minn riżorsi pubbliċi.

67.      Minbarra dan, hekk kif issostni Deutsche Post AG fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-realtà ekonomika, meta t-telf attribwit lil sena partikolari ma jistax jiġi kkumpensat minn riżorsi proprji, huwa jiġi rreġistrat bħala telf rifless fil-kontijiet tas-sena ta’ wara. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li t-telf mis-servizz ta’ provvista ta’ pakketti bieb bieb kien “bilfors” iffinanzjat mit-trasferimenti magħmula minn DB Telekom (42).

68.      Fl-istess sens, jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, inkwantu din iddeċidiet li l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ispejjeż tal-passat li wirtet Deutsche Post AG ma kienx sodisfaċenti. Fid-dawl tal-portata wiesgħa tal-attivitajiet ta’ Deutsche Post AG u speċjalment ir-rwol tagħha bħala impriża inkarigata b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jidher li wieħed ma jistax jinjora l-impatt ta’ dawn l-ispejjeż tal-passat li intirtu. Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 84 tas-sentenza appellata, minkejja l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni ma waslet għal ebda konlużjonijiet f’dan ir-rigward.

69.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-problemi inkontestabbli li tista’ taffaċċja l-Kummissjoni meta teżerċita kontoll tal-iffinanzjar ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, nirrileva li teżisti differenza bejn, minn naħa, il-problemi relattivi għall-informazzjoni ekonomika u l-evalwazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-problemi ta’ natura amministrattiva.

70.      Fir-rigward tal-problemi relattivi għall-informazzjoni ekonomika, mhux eskluż li f’ċerti każijiet, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jagħti lill-Kummissjoni informazzjoni preċiża dwar, pereżempju, l-allokazzjoni interna tal-ispejjeż ġenerali jew ir-remunerazzjoni xierqa fuq il-kapital proprju, sa fejn din tiġi attribwita għal attivitajiet differenti. F’din l-ipoteżi, jiena tal-fehma li tista’ tintuża preżunzjoni bbażata fuq l-esperjenza jew is-sens komun.

71.      Fir-rigward tal-problemi amministrattivi, hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tobbliga lil Stat Membru li jagħtiha d-dokumenti, l-informazzjoni u d-data kollha meħtieġa biex teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni (43). Huwa biss jekk, minkejja l-ordni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru jonqos li jipprovdi l-informazzjoni mitluba li din tal-ewwel għandha l-jedd li ttemm il-proċedura u li tieħu d-deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-provi li hija jkollha (44).

72.      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ ordni, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata li tagħlaq il-proċedura u li tiddeċiedi abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

d)      Fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali

73.      B’risposta għall-aggravju li l-Kummissjoni ma pprovatx li Deutsche Post AG ibbenefikat minn vantaġġ, fil-punt 78 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fakkret l-istadji differenti tar-raġunament tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-istess punt, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, sostnuta waqt is-seduta (45).

74.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-appell tagħha, jiena tal-fehma li fil-kuntest tar-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Qorti Ġenerali ma ffavorietx il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammont tal-kumpens. Fil-fatt, hija indikat nuqqasijiet relatati mal-kwistjoni tal-portata tal-oneru tal-prova impost fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat.

75.      Il-Qorti Ġenerali vverifikat il-mod li bih ipproċediet il-Kummissjoni fil-każ preżenti u kkonstatat li din kienet naqset milli tivverifika jekk l-ammont ta’ trasferimenti magħmula minn DB-Telekom kienx jaqbeż l-ammont ta’ spejjeż addizzjonali netti kkonstatati minn Deutsche Post AG.

76.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, konformamanent mal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (46), spjegat ir-raġunijiet li minħabba fihom kienet tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ivvizjata b’insuffiċjenza u b’ineżattezza.

77.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ li tista’ tagħmel il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 18 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 90 tas-sentenza kkonstestata, li, bħala regola, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mogħtija mill-Istat ma tistax tiġġustifika l-għarfien ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari li jirrigwardaw speċjalment in-natura kumplessa tal-intervent mill-Istat inkwistjoni.

78.      Għalhekk, fil-punt 91 tas-sentenza kkonstestata, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li minkejja li l-ġurisprudenza kienet aċċettat li l-Kummissjoni kellha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-iktar metodu xieraq sabiex jiżgura li attivitajiet kompetittivi ma jirċevux sussidji trasversali, xorta waħda kien jibqa’ l-fatt li skont is-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat riżorsi tal-Istat mogħtija bħala kumpens għal spejjeż addizzjonali marbuta mat-twettiq ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

79.      B’hekk, mill-ewwel sentenza tal-punt 91 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-kritika tal-Qorti Ġenerali tirrigwarda l-klassifikazzjoni ġuridika u mhux l-analiżi tal-fatti li għamlet il‑Kummissjoni.

80.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tikkonstata x’kienet il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, il-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-konstatazzjonijiet fattwali inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, mingħajr ma ddikjarat ruħha espliċitament dwar il-kwistjoni jekk, fil-każ preżenti, kienx hemm evalwazzjoni ekonomika kumplessa jew le, fit-tieni sentenza tal-punt 91 tas-sentenza kkonstestata, hija kkritikat lill-Kummissjoni talli bbażat ruħha fuq preżunzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

81.      B’hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jibqa’ fil-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju li hija għandha fil-kuntest tal-kontroll ta’ legalità.

82.      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kisret bl-ebda mod id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 87(1) KE, 86(2) KE u 230 KE. Lanqas ma hemm kwistjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad dan l-aggravju bħala infondat.

B –    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

83.      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta minn UPS, issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta akkużatha li ma kinitx eżaminat l-evidenza kollha. B’hekk, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 78, 85, 86, 87 u 88 tas-sentenza appellata.

84.      F’ dan il-kuntest, il-Kummissjoni titratta l-kwistjoni tal-oneru tal-prova. Hija ssostni li, l-ewwel nett, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, kienet ir-rikorrenti li kellha tipprova l-illegalità tal-metodu użat mill-Kummissjoni u li hi stess ma kinitx marbuta li tistabilixxi li l-metodu adottat mill-Qorti Ġenerali kien “impossibbli”.

2.      Analiżi

85.      Permezz ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni kulma tagħmel huwa li tirrepeti l-argument tagħha dwar il-fondatezza tal-metodu li applikat biex tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna illegali.

86.      Għalhekk, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tal-ewwel aggravju, nikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni jista’ jitwarrab immedjatament.

87.      Fi kwalunkwe każ, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju jagħtu lok għall-osservazzjonijiet li ġejjin min-naħa tiegħi.

88.      L-ewwel nett, infakkar li skont prinċipju ġenerali tal-liġi, hija l-persuna li qed issostni d-drittijiet tagħha li għandha l-kompitu li tipprova l-fatti li fuqhom hija tibbaża l-pretensjoni tagħha, liema regola hija ta’ spiss espressa permezz tal-massima famuża Latina “ei incumbit probatio qui dicit, non qui negat” (47).

89.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett ir-regoli dwar l-oneru tal-prova meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha tipprova li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna illegali mogħtija mill-Istat.

90.      Inkwantu għall-bqija, nirrileva li fid-dawl tal-elementi tal-proċess il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet naqset milli tivverifika jekk l-ammont totali tat-trasferimenti magħmula minn DB Telekom kienx inqas mill-ammont totali tal-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

91.      B’hekk, hija għamlet evalwazzjoni tal-fatti li wasslitha sabiex tikkonstata li ma kinitx ġiet ipprovata l-eżistenza ta’ għajnuna illegali mill-Istat. Tali analiżi ma tikkostitwixxix, ħlief f’każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja (48).

92.      Għalhekk, peress li l-Kummissjoni ma allegat l-ebda żnaturament tal-provi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-tieni parti tal-ewwel aggravju bħala infondat.

C –    Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

93.      Wara li l-Kummissjoni indikat li r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kien żbaljat inkwantu ma kienx jispjega dwar x’hiex id-deċiżjoni kkontestata kienet irregolari, il-Kummissjoni tallega li l-argument tal-Qorti Ġenerali ma kien jistrieħ la fuq l-ilmenti mressqa, u lanqas fuq id-deċiżjoni kkontestata. Skont il-Kummissjoni, l-eżami tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat bi żball ta’ metodoloġija kif juri l-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq stqarrija tal-aġent tal-Kummissjoni matul is-seduta. Hija ssostni li l-bidu tal-punt 79 tas-sentenza appellata, fejn tinstab il-kelma “Għaldaqstant”, juri li l-Qorti Ġenerali tat importanza determinanti lil din l-istqarrija.

94.      Minbarra dan, minn naħa, il-Kummissjoni, sostnuta minn BIEK u UPS tirrileva li l-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet kuntrarji għall-proċess. Skont il-Kummissjoni “kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni tikkonstata b’mod ċar li ‘l-informazzjoni li pprovdiet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li turi li s-settur tal-pakketti bieb biex kien servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma kinitx fondata’”. Għalhekk, il-Kummissjoni tenfasizza li fil-punt 76 tad-deċiżjoni kkontestata hija kienet ikkonstatat li s-servizzi ta’ pakketti bieb bieb ma kinux koperti mill-obbligu ta’ provvista u, għaldaqstant, mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

95.      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fit-tieni parti tal-punt 82 tas-sentenza appellata kien żbaljat, peress li dan jikkonstata li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, tal-inqas b’mod impliċitu, li Deutsche Post AG kienet irreġistrat ukoll, apparti l-ispejjeż addizzjonali netti li ġew iġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf, l-ispejjeż addizzjonali netti li kienu, min-naħa tagħhom, marbuta mat-twettiq ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

2.      Analiżi

96.      Fir-rigward tal-allegazzjoni preliminari tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali, fit-tmiem tal-punt 78 tas-sentenza appellata, tat importanza determinanti lill-pożizzjoni sostnuta waqt is-seduta minn aġent tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jingħad li din il-pożizzjoni hija indikata mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonferma l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, indikata fil-bidu ta’ dan l-istess punt tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma sostnietx li din il-konstatazzjoni kienet żbaljata.

97.      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel mottiv, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, li żnaturat il-provi tal-proċess fil-kuntest tar-rikors għal annullament, li jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, din għandha tiġi eżaminata.

98.      L-ewwel nett, sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali żnaturatx l-informazzjoni fil-proċess, il-kliem tal-punt 82 tas-sentenza kkonstestata għandu jitqabbel ma’ dak tas-silta rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata.

99.      L-ewwel nett, mill-proċess jirriżulta li s-settur tal-pakketti bieb bieb jinkludi żewġ aspetti, jiġifieri, il-parti tal-klijentela professjonali li tagħmel l-issortjar jew tiddepożita kwantità minima ta’ pakketti, u dik tal-BBP.

100. Fil-punt 76 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li Artikolu 2(2)(3) tar-Regolament dwar is-servizzi obbligatorji (Postdienst-Pflichtleistungsverordnung) jeskludi mill-obbligu ġenerali ta’ provvista l-pakketti żgħar li fir-rigward tagħhom ikunu ġew konklużi dispożizzjonijiet speċjali fil-kuntest ta’ kuntratti partikolari ma’ klijienti li jissortjaw minn qabel il-posta tagħhom jew dawk li jikkonkludu kuntratti ta’ kooperazzjoni (49).

101. Għalkemm huwa possibbli li wieħed jikkunsidra li b’hekk il-Kummissjoni tikkonstata l-esklużjoni ta’ ċerti prestazzjonijiet li jiffurmaw parti mill-ewwel aspett tas-settur tal-pakketti bieb bieb mill-portata ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, nikkunsidra li fl-ewwel parti tal-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha li tirrileva li l-Kummissjoni ma għamlet ebda kritika fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Ġermaniż (50).

102. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma tat lok għal distorsjoni tal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

103. It-tieni nett, fir-rigward tat-tieni parti tal-punt 82 tas-sentenza appellata, huwa żgur li l-formulazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tista’ tidher impreċiża.

104. Madankollu, mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod ċar li l-konstatazzjoni kkritikata hija marbuta mal-kwotazzjoni tal-punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata (51), li fih il-Kummissjoni rrilevat li Deutsche Post AG kienet tbati spejjeż addizzjonali netti li parti żgħira minnhom ma kinux dovuti għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

105. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali minn dan setgħet tiddeduċi li l-Kummissjoni ma eskludietx il-fatt li Deutsche Post AG kienet tbati spejjeż addizzjonali netti dovuti għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad ukoll bħala infondata din il-parti tal-ewwel mottiv.

V –    Fuq it-tieni aggravju mqajjem mill-Kummissjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

106. Permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni sostnuta minn BIEK u UPS tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ssostitwiet ruħha għaliha meta minflokha għamlet eżami li hija qatt ma kienet għamlet. Skont din, fil-punti 97 sa 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat informazzjoni li qatt ma kienet ġiet eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata u li l-eżattezza tagħha ma kinitx ikkonfermata.

107. Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt b’mod partikolari minn BIEK, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qabblet ir-riżultati kontabbli mal-ħlasijiet kumpensatorji pubbliċi u l-ammonti li ntraddu lura. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-prezzijiet predatorji ma setgħux ġew iffinanzjati minn riżorsi pubbliċi, peress li kumpens finanzjarju li jammonta sa DEM 11 081 miljun kien inqas mill-ammont ta’ telf li jidher fil-kontijiet, li jammonta għal DEM 4 945 miljun, u r-radd lura ta’ DEM 10 104 miljun.

108. Skont il-Kummissjoni dan ir-raġunament huwa żbaljat għal diversi raġunijiet.

109. L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ma pprovatx li Deutsche Post AG setgħet tibqa’ finanzjarjament vijabbli mingħajr kumpens finanzjarju. Madankollu, tali prova kienet indispensabbli sabiex hija tkun tista’ tikkunsidra li Deutsche Post AG setgħet tiffinanzja l-ispejjeż tal-prezzijiet predatorji mir-riżorsi proprji tagħha mingħajr il-kontribuzzjoni ta’ fondi pubbliċi.

110. Sussegwentement, l-analiżi ta’ kontabbilità finanzjarja magħmula mill-Qorti Ġenerali ma kinitx tippermetti li tingħata risposta għal din id-domanda. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, biex jiġi deċiż b’liema mod ġew iffinanzjati l-prezzijiet predatorji, l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat, il-livell ta’ fondi disponibbli. Għalhekk, il-kwistjoni ma hijiex jekk il-ħlasijiet kumpensatorji kinux superjuri jew inferjuri għat-telf kontabbli, iżda jekk il-ħlasijiet kumpensatorji ipprovdewx lil Deutsche Post AG likwidità suffiċjenti biex ikollha dħul finanzjarju li jippermettilha tiffinanzja l-politika żleali tal-prezzijiet.

111. Minbarra dan, filwaqt li rrilevat li l-analiżi ta’ dħul finanzjarju kellha jmur lil hinn mill-1995, il-Kummissjoni ssostni li jidher li l-Qorti Ġenerali żiedet l-ammonti li ntraddu lura mal-ispejjeż, liema fatt jagħti lok għal żieda fit-telf kontabbli. Madankollu, hija kienet tal-fehma li l-ammonti li ntraddu lura ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż ordinarji għaliex bis-sostituzzjoni ta’ taxxi u ta’ dividendi, ikollhom funzjoni doppja (52).

112. Finalment, il-Kummissjoni tirrivela l-ħtieġa li d-dħul u l-infiq jiġi ddefinit abbażi tal-istess sena biex b’hekk il-prodotti jew id-dħul finanzjarju jkunu jistgħu jitqabblu fuq diversi snin.

2.      Analiżi

113. Fil-kuntest tat-tieni aggravju li, fid-dawl tal-għan tiegħu, għandu jiġi kklassifikat bħala aggravju separat, il-Kummissjoni tikkritika l-motivazzjoni żviluppata in subsidium mill-Qorti Ġenerali, peress li din eżaminat il-kwistjoni dwar jekk it-trasferimenti magħmula minn DB-Telekom ippermettewx lil Deutsche Post AG, fid-dawl tat-telf li hija kienet għamlet mill-1990 sa 1995, li tkopri l-ispejjeż addizzjonali netti mitluba li ġew iġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf bejn l-1994 u l-1999.

114. F’dan ir-rigward, infakkar li l-aggravju dirett kontra motiv in subsidium għandu jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv, peress li ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza (53). Għandhom jiġu miċħuda wkoll l-aggravji intiżi li jikkontestaw motivi addizzjonali li ma humiex il-bażi meħtieġa għad-deċiżjoni (54).

115. Madankollu, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ma huwiex mingħajr dubju li dan l-element tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandu natura in subsidium, minkejja l-konstatazzjoni f’dan is-sens fil-punt 97 tas-sentenza appellata, nipproponi li jiġi adottat raġunament alternattiv.

116. Fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ tad-deċiżjoni kkontestata billi użat informazzjoni ta’ natura ekonomika misjuba fil-proċess sabiex tippreżenta l-kalkolu tagħha.

117. Jiena nikkunsidra li, bħala regola, dan it-tip ta’ eżerċizzju ma huwiex kompitu ta’ qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-legalità. Jidhirli li dan joħloq riskju partikolarment sinjifikattiv li l-Qorti Ġenerali tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, korrelattivament, tinterferixxi b’mod illegali fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni (55).

118. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li billi, fil-punti 103 sa 108 tas-sentenza kkontestata, pproċediet għall-evalwazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja relattiva għall-kwistjoni dwar jekk it-trasferimenti magħmula minn DB-Telekom setgħux ikopru l-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika ta’ begħ b’telf adottata minn Deutsche Post AG bejn l-1994 u l-1999, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi li kien jikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni.

119. Mandankollu, jiena nikkunsidra li l-motivazzjoni ta’ qabel il-punt 97 tas-sentenza appellata tikkostitwixxi bażi ġuridika awtonoma u determinanti li fuqha huwa bbażat, b’mod sodisfaċenti, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

120. Għalhekk, għalkemm it-tieni aggravju huwa fondat, madankollu dan ma jistax jimmina s-sentenza kkontestata inkwantu din annulat id-deċiżjoni kontenzjuża, peress li dan l-annullament huwa bbażat fuq evalwazzjoni li tipprovdi li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod sodisfaċjenti fil-liġi li t-trasferimenti magħmula minn DB-Telekom kienu taw vantaġġ lil Deutsche Post AG fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (56).

VI – L-aggravji mressqa mill-partijiet l-oħra fil-kawża

A –    In-noti tal-partijiet li intervjenew insostnen tal-Kummissjoni

121. Minbarra l-appoġġ tagħhom, kemm UPS kif ukoll BIEK, jiżviluppaw l-argumenti tagħhom, għalkemm il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-argumenti jikkoinċidu mal-aggravji mressqa mill-Kummissjoni.

122. Dawn l-argumenti jirrigwardaw essenzjalment il-ksur allegat mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, peress li din naqset allegatament milli tikkonstata li ma ġie sodisfatt l-ebda wieħed mir-rekwiżiti imposti f’din is-sentenza biex ħlasijiet mogħtija għall-fornitura ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jkunu jistgħu jaqgħu barra r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. BIEK tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali kisret il-kundizzjonijiet imposti fis-sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

123. B’mod iktar speċifiku, BIEK issostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova meta, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, ilmentat li l-Kummissjoni ma kinitx żġurat ruħha li l-ammont tat-trasferimenti magħmula ma kienx jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

124. Min-naħa tagħha, UPS issostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi peress li qieset li l-appoġġ mogħti lil Deutsche Post AG kien jikkostitwixxi “kumpens” għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (punt 73 tas-sentenza appellata), mingħajr ma kienet ivverifikat li dawn il-prestazzjonijiet ta’ servizzi kienu effettivament prestazzjonijiet ta’  servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. UPS tirrileva wkoll li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikorri għall-kundizzjonijiet tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq meta din ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat b’mod legalment sodisfaċjenti li t-trasferimenti magħmula minn DB-Telekom kienu taw vantaġġ lil Deutsche Post AG (punt 88 tas-sentenza appellata).

B –    Analizi

125. L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur allegat tal-ġurisprudenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, nikkonstata li, fil-punti 68 sa 74 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fakkret b’mod korrett il-ġurisprudenza applikabbli, relattiva għad-deskrizzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, u wara, dik relattiva għall-kwistjoni dwar il-kumpens intiż li jiffinanzja obbligi ta’ servizz pubbliku. B’mod partikolari, hija ċċitat il-kundizzjonijiet definiti fl-imsemmija sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg.

126. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

127. Fil-fatt, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kienet ikkuntentat ruħha li tikkonstata li l-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf ta’ Deutsche Post AG ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens. Min-naħa l-oħra, hija la kienet vverifikat u lanqas stabbiliet li Deutsche Post AG ma kinitx irreġistrat spejjeż addizzjonali netti oħra marbuta mat-twettiq ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li fir-rigward tagħhom hija kienet intitolata titlob kumpens permezz tat-trasferimenti totali magħmula minn DB-Telekom taħt il-kundizzjonijiet previsti fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg.

128. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun li fil-punt 95 tas-sentenza appellata, tikkonstata li sa fejn il-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda eżami jew evalwazzjoni f’dan ir-rigward, il-qorti Komunitarja ma kellhiex tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni billi twettaq minflokha eżami li hija ma wettqet fl-ebda mument u billi tressaq il-konklużjonijiet li kienet tasal għalihom fi tmiem dan l-eżami.

129. Finalment, inkwantu l-kwistjoni dwar il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova u n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tiddetermina n-natura tal-prestazzjonijiet ta’ servizzi pprovduti minn Deutsche Post AG, dawn l-aggravji huma simili għat-tieni u għat-tielet partijiet tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni. Għaldaqstatant, ma għadx hemm lok li jiġu eżaminati mill-ġdid.

VII – Konklużjoni

130. Jiena tal-fehma li fil-kuntest tal-iffinanzjar ta’ servizz pubbliku ta’ interess ġenerali, l-applikazzjoni ta’ approċċ kumpensatorju bħal dak adottat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, teskludi kwalunkwe metodu li jipprovdi li ma għandux isir kalkolu li jippermetti li jiġu kkalkolati l-ispejjeż tas-servizz u li dawn jitqabblu mal-ammonti mħallsa bħala kumpens. Mandankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li tagħżel xi wieħed miż-żewġ varjanti tal-approċċ imsejjaħ “għajnuna mill-Istat”, ma jistax jiġi eskluż li l-għajnuna inkwistjoni tiġi kkunsidrata inkompatibbli mas-suq komuni, fid-dawl tal-aġir anti-kompetittiv tal-impriża li tibbenefika minnha. Madankollu, jiena nikkunsidra li l-approċċ ta’ tip kumpensatorju huwa diġà stabbilit b’mod adegwat fil-ġurisprudenza u, sussegwentement għas-sentenza ta’ 24 ta’ Lulju 2003 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00), huwa iktar iġġustifikat minn dawn l-alternattivi.

131. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tiċħad l-appell tal-Kummissjoni kif ukoll l-appell inċidentali fit-totalità tiegħu u li tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 247, p. 27 (iktar ’il quddiem id-deċiżjoni kkontestata).


3 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/354/KE, tal-20 ta’ Marzu 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (Każ COMP/35.141 – Deutsche Post AG) (ĠU L 125, p. 27).


4 – Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sentenza appellata ngħatat fl-1 ta’ Lulju 2008, ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jsegwu n-numerazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


5 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, (C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25), u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et, (C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 141 iktar ’il quddiem “Chronopost II”).


6 – Ara l-punt 15 tal-imsemmija konklużjonijiet.


7 – Din hija sitwazzjoni differenti minn dik li tipprevali waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, jiġifieri meta l-Kummissjoni hija adita biex tiddeċiedi dwar il-kompatibbilità ta’ miżura li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Ara, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ara s-sentenza Chronopost II (punt 143).


9 – Fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, (C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39), u tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 56). Ara, T. von Danwitz, Europäisches Verwaltungsrecht, Springer, Berlin, 2008, p. 361. Skont l-awtur, għall-kuntrarju tal-liġi Ġermaniża, il-liġi tal-Unjoni, bħala regola, ma tagħmilx distinzjoni bejn, minn naħa, margini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-fatti (“Beurteilungsspielraum auf Tatbestandsseite”) u, min-naħa l-oħra, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi (“Ermessen auf Rechtsfolgenseite”).


10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1979, Racke (98/78, Ġabra p. 69, punt 5); tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle (C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 12); Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 76).


11 – Digriet tal-25 ta’ April 2002, DSG vs Il-Kummissjoni, (C‑323/00 P, Ġabra p. I‑3919, punt 43), u s-sentenza Spanja vs Lenzing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57.


12 – Sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747).


13 – M. Nettesheim, “Europäische Beihilfeaufsicht und mitgliedstaatliche Daseinsvorsorge», Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht, 2002, Heft 6, p. 253. L-awtur jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, metodu li japplika fil-livell tal-evalwazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (“Tatbestandslösung”) li fil-kuntest tiegħu l-għoti ta’ kumpens mhuwiex ikkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u min-naħa l-oħra, żewġ metodi oħra fejn kull għoti ta’ kumpens mill-Istat jikkwalifika, fuq livell kunċettwali, bħala għajnuna, fejn il-kompatibbiltà tista’ tiġi bbażata kemm fuq l-Artikolu 86 KE (“Spezialitätslösung”) jew fuq l-Artikolu 87 KE (“Rechtfertigungslösung”), C. Quigley, European State aid law and policy, Hart, Oxford, 2009, p. 158 et seq. Ara, ukoll, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, Ġabra p. I‑13769, punti 94 u 95).


14 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni (T‑106/95, Ġabra p. II‑229).


15 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2000, (T‑46/97, Ġabra p. II‑2125, punt 82). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, Ġabra p. I‑877) tista’ tintrabat ukoll ma’ dan l-approċċ. Ara, l-Konklużjonijiet fil-kawża GEMO, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99.


16 – Punt 178.


17 – Sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU (240/83, Ġabra p. 531).


18 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring (C‑53/00, Ġabra p. I‑9067).


19 – Ara l-Konklużjonijiet ippreżentati fit-22 ta’ Novembru.


20 – Sentenza ADBHU, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).


21 – Ara punt 61 tal-Konklużjonijiet.


22 – Ibidem, (punt 62).


23 Ibidem (punt 63). Fis-sentenza Ferring, il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx l-analiżi tal-kunċett ta’ vantaġġ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


24 – Hekk kif isostni l-Avukat Ġenerali Léger, fit-tieni Konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2003 fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ vantaġġ li jirriżulta mit-Trattati huwa kunċett “gross” tal-għajnuna jew teorija ta’ vantaġġ “evidenti”. F’dan l-approċċ, il-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi u l-korrispettiv mogħti lill-intrapriża li tibbenefika minnu għandhom ikunu eżaminati separatament. L-eżistenza ta’ dan il-korrispettiv mhijiex rilevanti biex jiġi determinat jekk il-miżura Statali hijiex għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Hija rilevanti biss fi stadju ulterjuri tal-analiżi, biex jiġi eżaminat jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni (ara punti 33 u 34).


25 – Tieni Konklużjonijiet fis-sentenza, Altmark, punt 46.


26 – Sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg iċċitata iktar ’il fuq, (punt 94). Għall-finijiet kollha, infakkar li skont il-kriterji tal-imsemmija sentenza: (1) l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbliġi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar; (2) il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti; (3) il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul relatat kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi; u (4) meta l-impriza li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku mhijiex magħżula permezz ta’ proċedura għal kuntratt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul relatat kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.


27 – Punt 118. Minbarra dan ara, il-konklużjonijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse (C‑34/01 sa C‑38/01, Ġabra p. I‑14243) li fihom l-Avukat Ġenerali Stix‑Hackl esprima dubji dwar il-possibbiltà li tiġi applikata s-soluzzjoni Ferring fil-każ li l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma jkunux ġew iddefiniti b’mod ċar.


28 – Konklużjonijiet fil-kawża GEMO, iċċitata iktar ’il fuq, punti 110 sa 114.


29 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju (C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punti 60, 61).


30 – Punt 186. F’dan ir-rigward nirrileva li l-att li kien applikabbli fil-każ inkwistjoni kien id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1980, fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 20).


31 – Digriet tal-25 ta’ Marzu 1998, FFSA et vs Il-Kummissjoni (C‑174/97 P, Ġabra p. I‑1303, punt 33).


32 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et, iktar ’il quddiem “Chronopost I” (C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, Ġabra p. I‑6993, iktar ’il quddiem “Chronopost I”). Fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “fin-nuqqas ta’ kwalunkwe possibilità li titqabbel is-sitwazzjoni ta’ La Poste ma’ dik ta’ grupp ta’ impriżi privati li ma joperawx f’settur riżervat, ‘il-kundizzjonijiet normali tas-suq’, li huma neċessarjament ipotetiċi, għandhom ikunu analizzati b’referenza għall-elementi oġġettivi u li jistgħu jiġu ppruvati li jkunu disponibbli”.


33 – Ibidem (punt 40).


34 – Punt 33.


35 – Għal referenza għall-kundizzjonijiet Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.


36 – Ara s-sentenzi Enirisorse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, kif ukoll tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 160) li fiha l-Qorti Ġenerali, filwaqt li rreferiet għall-ispirtu u għall-għan tal-kundizzjoniet tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iddeċidiet li kellha ssir applikazzjoni flessibbli ta’ dawn il-kriterji.


37 – ĠU L 327M, p. 488.


38 – “L-ammont ta’ kumpens jinkludi l-vantaġġi kollha mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, tkun xi tkun il-forma tagħhom. Il-profitt raġonevoli jieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda totali jew parzjali fil-produttività magħmula mill-impriżi inkwistjoni matul perijodu maqbul u limitat, mingħajr tnaqqis fil-livell ta’ kwalità tas-servizzi miftehma mill-Istat lill-intrapriża [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.


39 – Il-proposta ta’ kalkolu abbażi tal-prinċipji ta’ kontabbilità analitika tinsab fl-imsemmija deċiżjoni.


40 – Ara, M. Nettesheim, “Europäische Beihilfeaufsicht und mitgliedstaatliche Daseinsvorsorge”, Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht, 2002, Heft 6, p. 253; A. Bartosch, “The ‘Net Additional Costs’ of Discharging Public Service Obligations: The Commission’s Deutsche Post Decision of 19 June 2002”, European State Aid Law Quarterly, Vol. 1 2002, Nru 2, p. 189.


41 – Fid-duttrina ekonomika jintuża t-terminu “allocative efficiency”, ara, J.S. Netz, Price regulation, a non technical overview, 1999; ara wkoll, D.F. Spulber, Regulation and markets, MIT, 1989, p. 134.


42 – B’hekk, jiena tal-fehma li l-eżempju ta’ binarju ta’ ferrovija waħdieni li għalih tagħmel referenza l-Kummissjoni ma huwiex rilevanti, peress lis-sistema tal-iffinanzjar tal-intrapriża ma hijiex sistema magħluqa, iżda sistema miftuħa fornita minn diversi sorsi ta’ finanzjar, inklużi d-djun.


43 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 19 u 20, iktar ’il quddiem “sentenza Boussac”). Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 75 tas-sentenza appellata, dawn ir-rekwiżiti ġew adottatati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


44 – Ara, is-sentenzi (punt 22), u tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Marzu 2007, Scott vs Il-Kummissjoni (T‑366/00, Ġabra p. II‑797, punt 144).


45 – Skont din il-pożizzjoni, billi r-rikorrenti ma kinitx ġabet il-prova li hija kienet kopriet l-allegati spejjeż addizzjonali tagħha ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf permezz ta’ riżorsi oħra apparti t-trasferimenti magħmula minn DB‑Telekom, il-Kummissjoni kellha raġun li tippreżumi li Deutsche Post AG kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat ta’ DEM 1 118.7 miljun.


46 – Applikabbli fir-rigward tal-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.


47 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Laboratoires Boiron (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, C‑526/04, Ġabra p. I‑7529, punt 68). Għal dikjarazzjoni espliċita, tal-validità ta’ dan il-prinċipju, ukoll fil-kontenzjuż Kommunitarju, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 1990, Sens vs Il-Kummissjoni (T‑117/89, Ġabra p. II‑185, punt 20). Ara wkoll is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja (3/86, Ġabra p. 3369, punt 13), kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (290/87, Ġabra p. 3083, punti 11 u 20).


48 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il-Kummissjoni (C‑186/02 P u 188/02 P, Ġabra p. I-10653, punt 46).


49 – Punt 76: “Skont l-espożizzjoni tal-motivi li tirrigwarda r-regolament PPfLV, l-Artikolu 2(2)(3) jeskludi mill-obbligu ġenerali ta’ routing il-pakketti żgħar li fir-rigward tagħhom ikunu ġew konklużi dispożizzjonijiet speċjali fil-kuntest ta’ kuntratti partikolari ma’ klijienti speċifiċi – pereżempju dawk li jissortjaw il-posta tagħhom jew dawk li jikkonkludu kuntratti ta’ koperazzjoni. Skont din l-espożizzjoni tal-motivi, dawn il-klijenti professjonali jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu ta’ routing, peress li l-kompetizzjoni li topera f’dan is-settur trendih superfluwu [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.


50 – Punt 82: “Għalhekk għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonfermat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, minn naħa, hija ma kkonstatatx fid-deċiżjoni kkontestata li l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skontha s-settur tal-pakketti bieb bieb kien jikkostitwixxi SIEG ma kinitx fondata u, min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet, almenu b’mod impliċitu, li Deutsche Post AG kienet irreġistrat ukoll, barra mill-ispejjeż addizzjonali netti li ġew iġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf, spejjeż addizzjonali netti li minn naħa tagħhom kienu marbuta mat-twettiq ta’ SIEG (iktar ’il quddiem l-‘ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati’).”


51 – Kwotazzjoni li tinsab fil-punt 81 tas-sentenza appellata.


52 – F’dan ir-rigward, nirrileva li fil-kuntest tal-kawża preżenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-allegata eżistenza ta’ telf kostanti matul il-perijodu kkonċernat. Madankollu, it-taxxi dovuti, kif ukoll id-dividendi, normalment jitħallsu mill-profitti tas-sena kurrenti.


53 – Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 148), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni (C‑443/05 P, Ġabra p. I‑7209, punt 137). Ara wkoll, inkwantu s-suffiċjenza ta’ wieħed mill-motivi biex jiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza appellata, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2004, van den Berg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑164/01 P, Ġabra p. I‑10225, punt 60), kif ukoll id-digrieti tat-28 ta’ Settembru 2006, Unilever Bestfoods vs Il-Kummissjoni (C‑552/03 P, Ġabra p. I‑9091, punt 148), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni (C‑150/06 P, punt 47).


54 – Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, de Compte vs Il-Parlament (C‑326/91 P, Ġabra p. I‑2091, punti 107 u 123).


55 – Ara, f’dan ir-rigward il-punti 89 u 90 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott mogħtija fis-17 ta’ Settembru 2009 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P).


56 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra‑Laval, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 89).