Language of document : ECLI:EU:T:2017:4

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Jannar 2017 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti miżmuma mill-ECHA li fihom informazzjoni sottomessa fil-kuntest tal-proċedura dwar it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ użu tas-sustanza ftalat ta’ Bis (2-etilessil) (DEHP) – Deċiżjoni li tiżvela ċerta informazzjoni kkunsidrata bħala kunfidenzjali mir-rikorrenti – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Kunċett ta’ ħajja privata – Dritt għall-proprjetà – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T-189/14,

Deza, a.s., stabbilita f’Valašské Meziříčí (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn P. Dejl, avukat,

ir-rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inizjalment irrappreżentata minn A. Iber, T. Zbihlej u M. Heikkilä, bħala aġenti, sussegwentement minn M. Heikkilä, C. Buchanan u M. W. Broere, bħala aġenti, assistiti minn M. Mašková, avukat,

il-konvenuta,

sostnuta mill-

Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Clotuche-Duvieusart, P. Ondrůšek u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

u minn

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

European Environmental Bureau (EEB), stabbilit fi Brussell(il‑Belġju),

Vereniging Health Care Without Harm Europe, stabbilitaf’Rijswijk(il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn B. Kloostra, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala għan talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għall‑annullament tad-deċiżjonijiet tal-ECHA, tal-24 ta’ Jannar 2014, li jirrigwardaw l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni sottomessa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura relatata mat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ użu tas-sustanza ftalat ta’ Bis (2-etilessil) (DEHP),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, I. Labucka u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Is-sustanza ftalat ta’ Bis (2-etilessil) (DEHP) (iktar ’il quddiem id‑“DEHP”) hija użata sabiex trattab il-plastik abbażi ta’ klorur tal-polivinil (PVC). Id-DEHP ġie inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifika, ĠU 2007, L 136, p. 3). L-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-anness hawn fuq imsemmi kellha l-effett li, mill-21 ta’ Frar 2015, l-użu tagħha kien sar suġġett minn dakinhar ’il quddiem għal awtorizzazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas‑Sustanzi Kimiċi (ECHA).

2        Sabiex tkun tista’ tkompli tipproduċi d-DEHP mingħajr interruzzjoni wara l-21 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti, Deza a.s., ressqet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni quddiem l-ECHA skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan ir-rigward, mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tagħha hija annettiet verżjoni kunfidenzjali u verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti mitluba, fosthom rapport dwar is‑sigurtà kimika, analiżi tal-alternattivi u analiżi soċjo-ekonomika. Arkema France, Grupa Azoty Zaklady Azotowe Kedzierzyn S.A. u Vinyloop Ferrara SpA (iktar ’il quddiem l-“ex rikorrenti”) ippreżentaw ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex ikomplu jipproduċu d-DEHP.

3        Mit-13 ta’ Novembru 2013 sat-8 ta’ Jannar 2014, l-ECHA, bis-saħħa tal‑Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, organizzat konsultazzjoni pubblika dwar l-applikazzjonijiet relatati mad-DEHP. F’dan il-kuntest, hija poġġiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku diversi dokumenti relatati mal-imsemmija is-sustanza.

4        Fil-5 ta’ Diċembru 2013, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l‑aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), ClientEarth u European Environmental Bureau (EEB) ressqu, quddiem l-ECHA, talba għal aċċess għar-rapport dwar is-sigurtà kimika u l-analiżi tal-alternattivi nklużi fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni relatata mal-użu tad-DEHP, peress li kkunsidraw li d-dokumenti żvelati matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika ma kinux kompleti.

5        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2013, l-ECHA informat lir‑rikorrenti dwar it-talba għal aċċess, imressqa minn ClientEarth u EEB, għar-rapport dwar is-sigurtà kimika u l-analiżi tal-alternattivi inklużi fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. L-ECHA informatha wkoll li kienet qed tibgħatilha, b’mod elettroniku, verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti hawn fuq imsemmija u li hija kienet qed tistedinha tidentifika b’mod ċar l-informazzjoni li hija ma xtaqitx tara żvelata u tindika l-motivi li għalihom din l-informazzjoni kienet taqa’ f’waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 1049/2001.

6        Fl-24 ta’ Jannar 2014, l-ECHA bagħtet ittra lir-rikorrenti bir-referenza AFA‑C‑0000004274-77-09/F u ittri lil ex rikorrenti bir-referenzi AFA‑C‑0000004280-84-09/F, AFA-C-0000004275-75-09/F u AFA‑C‑0000004151-87-08/F rispettivament, li permezz tagħhom hija inkludithom bħala parti mid-deċiżjoni tagħha li tiżvela parti mid‑dokumenti mitluba skont ir-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

7        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2014, l-ECHA informat lil ClientEarth u lil EEB li hija kienet iddeċidiet tagħtihom aċċess parzjali għall‑informazzjoni mitluba, iżda li l-iżvelar kien sospiż, peress li kienet inbdiet proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex twaqqaf dan l-iżvelar. Bħala anness ma’ din l-ittra kien hemm waħda mill-ittri tal-24 ta’ Jannar 2014, jiġifieri dik indirizzata lil Arkema France, li kienet simili għal dik indirizzata lir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Fl-24 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti u l-ex rikorrenti ppreżentaw rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati. Permezz ta’ att separat tal-istess jum, huma ressqu talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 278 TFUE sabiex jiksbu s‑sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

9        Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2014, l-ex rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li ma kinux ser ikomplu bir-rikors tagħhom, u dwar dan il‑President tal-Qorti Ġenerali ħa nota permezz ta’ digriet ta’ tħassir parzjali tal-11 ta’ April 2014.

10      Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Lulju 2014, Deza vs ECHA (T‑189/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:686), ġiet sospiża l-eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni bir-referenza AFA-C-0000004274-77-09/F u l-ECHA ġiet ordnata tastjeni milli tiżvela r-rapporti dwar is-sigurtà kimika u l-analiżi tal-alternattivi tad-DEHP ippreżentati mill-ex rikorrenti u li huma s-suġġett tad-deċiżjonijiet bir-referenzi AFA‑C‑0000004280-84-09/F, AFA-C-0000004275-75-09/F u AFA‑C‑0000004151-87-08/F.

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2014, ClientEarth, EEB u Vereniging Health Care Without Harm Europe (iktar ’il quddiem “HCWH Europe”) talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Barra minn hekk, huma talbu sabiex ikunu jistgħu jużaw l-Ingliż, prinċiparjament, fil-kuntest tal‑fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u, sussidjarjament, matul il‑fażi orali tal-proċedura.

12      It-talbiet hawn fuq imsemmija ġew innotifikati lir-rikorrenti u lill-ECHA, skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991.

13      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ECHA.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2014, l-ECHA talbet it-trattament kunfidenzjali tal-anness D1 tal-kontroreplika fir-rigward ta’ ClientEarth, ta’ EEB u ta’ HCWH Europe.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat talba ta’ trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ ClientEarth, ta’ EEB u ta’ HCWH Europe, fir-rigward ta’ ċerta data u informazzjoni fir-rikors.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti rrettifikat it-talba tagħha ta’ trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi fir-rikors u fl-annessi tiegħu kif ukoll fid‑deċiżjonijiet tal-ECHA u l-annessi tagħhom u talbet ukoll il‑kunfidenzjalità tal-anness D1 tal-kontroreplika, fir-rigward ta’ ClientEarth, ta’ EEB u ta’ HCWH Europe.

17      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Jannar 2015, ClientEarth, EEB u HCWH Europe tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA. It-talba ta’ deroga dwar il‑lingwa ppreżentata mill-intervenjenti ġiet miċħuda inkwantu kienet tirrigwarda l-fażi bil-miktub tal-proċedura u d-deċiżjoni dwar it-talba ta’ deroga dwar il-lingwa għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura baqgħet riżervata.

18      Fl-20 ta’ Frar 2015, ClientEarth, EEB u HCWH Europe ilmentaw dwar it-talba ta’ trattament kunfidenzjali tal-anness D1 tal-kontroreplika.

19      Fl-14 ta’ April 2015, il-Qorti Ġenerali adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li permezz tagħha hija għamlet lir-rikorrenti mistoqsijiet dwar it-talba ta’ rettifika tagħha ta’ trattament kunfidenzjali.

20      Fid-29 ta’ April 2015, ir-rikorrenti rrispondiet il-mistoqsijiet li saru mill‑Qorti Ġenerali.

21      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Ġunju 2015, intlaqgħet it-talba ta’ trattament kunfidenzjali, fir‑rigward ta’ ClientEarth, ta’ EEB u ta’ HCWH Europe, f’dak li jirrigwarda, minn naħa waħda, id-data tar-rapport dwar is-sigurtà kimika li kienet tinsab kemm fl-anness 3 tal-verżjoni kunfidenzjali tad‑deċiżjonijiet ikkontestati (fil-paġni 941 sa 1503 tar-rikors) u fil‑paġni 353 sa 915 tal-anness A.4.5 tal-verżjoni kunfidenzjali tar-rikors u, min-naħa l-oħra, id-data tal-analiżi tal-alternattivi li kienu jinsabu kemm fl-anness 4 tal-verżjoni kunfidenzjali tad‑deċiżjonijiet ikkontestati (fil-paġni 1504 sa 1819 tar-rikors) u fil‑paġni 37 sa 352 tal-anness A.4.4 tal-verżjoni kunfidenzjali tar-rikors. Il-kumplament tat-talba ta’ kunfidenzjalità ġie miċħud.

22      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

23      L-ECHA, sostnuta mill-Kummissjoni u minn ClientEarth, EEB u HCWH Europe, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli inkwantu jirrigwarda d‑deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittri li ma humiex direttament indirizzati lir-rikorrenti;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

24      Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l‑ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 118 tar-Regolament Nru 1907/2006, it-tieni, fuq il-ksur tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs), tal-15 ta’ April 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li huwa l-anness 1 C tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82), b’mod partikolari l-Artikolu 39(2) tiegħu, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali tal-KEDB u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea u, ir-raba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar‑Regolament Nru 1049/2001.

25      L-ECHA tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat‑talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors inkwantu jirrigwarda d‑deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittri bir-referenzi AFA‑C‑0000004280‑84‑09/F, AFA-C-0000004275-75-09/F u AFA‑C‑0000004151-87-08/F.

26      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifika li dan ir-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, kif jirriżulta mill-argumenti segwenti, mingħajr ma jiġi deċiż preliminarjament il-motiv ta’ inammissibbiltà mressaq bħala difiża mill-ECHA inkwantu r-rikors jirrigwarda d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 25 hawn fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C 23/00 P, EU:C:2002:118, punti 50 sa 52; tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il‑Kunsill, C‑273/04, EU:C:2007:622, punt 33, u tal-10 ta’ Ottubru 2014, Marchiani vs Il‑Parlament, T‑479/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:866, punt 23).

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1907/2006 jimponi fuq l-applikant li jixtieq juża ċerti sustanzi kimiċi sabiex jagħmel analiżi dwar id-disponibbiltà ta’ sustanzi alternattivi, sabiex jeżamina r-riskji li dawn iġibu magħhom u jivverifika l-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-użu tagħhom. F’dan is-sens, fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għal awtorizzazzjoni ta’ użu tad-DEHP, ir-rikorrenti ppreżentat b’mod partikolari ż-żewġ dokumenti segwenti, f’verżjoni kunfidenzjali u f’verżjoni mhux kunfidenzjali, lill-ECHA: rapport dwar is-sigurtà kimika u analiżi tal-alternattivi. Dawn id-dokumenti, fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom, ġew ippubblikati fuq is-sit internet tal-ECHA. Wara talba ta’ aċċess għad-dokumenti mressqa minn ClientEarth u minn EEB, l-ECHA talbet lir-rikorrenti sabiex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha u sabiex terġa’ tagħmel eżami mill-ġdid tal-informazzjoni li kellha tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali. Ir‑rikorrenti bagħtet verżjoni emendata tad-dokumenti kunfidenzjali. L‑ECHA madankollu kkunsidrat li, fost l-informazzjoni li r-rikorrenti ma riditx tiżvela, uħud ma kinux kunfidenzjali u għalhekk kellhom jintbagħtu lil min talab l-aċċess għad-dokumenti. Kien għalhekk li l‑ECHA ppreparat verżjoni oħra tad-dokumenti, li fihom diversi estratti ġew moħbija sabiex jibqgħu kunfidenzjali u oħrajn inżammu sabiex jiġu żvelati. Ir-rikorrenti kkunsidrat li xi informazzjoni (iktar ’il quddiem l‑“informazzjoni kkontestata”) fostha dik li l-ECHA ħasset li għandha tiżvela kellha tibqa’ kunfidenzjali. Fir-rikors ta’ annullament tagħha, hija elenkat b’mod limitat l-informazzjoni kkontestata li tinsab fl-aħħar verżjoni tad-dokumenti ppreparati mill-ECHA. Għalhekk, hija l‑kwistjoni tal-aċċess għal din l-informazzjoni kkontestata li ġiet elenkata b’mod limitat li hija s-suġġett ta’ din it-tilwima.

28      Madankollu, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tiddefendi pożizzjoni ta’ prinċipju li l-preżunzjonijiet ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti li jikkonċernaw ukoll l-informazzjoni kkontestata ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1907/2006 u li tipprovdi, għalhekk, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti bħala regola jikkawża preġudizzju għall-interessi kummerċjali. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan l-ilment jikkostitwixxi motiv separat kompletament li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok.

1.     Fuq l-ewwel motiv distint, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ta’ informazzjoni ppreżentata fil-kuntest tal‑proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1907/2006

29      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l‑informazzjoni kkontestata kollha kemm hi hija koperta bis-sigriet kummerċjali.

30      L-ECHA ssostni li dan l-approċċ tar-rikorrenti ma jikkorrispondix ma’ dak li hija użat matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni ma’ terzi, peress li, matul din tal-aħħar, hija ma qajmet l-ebda argument li l-informazzjoni inkwistjoni kellha tiġi ttrattata fl-integralità tagħha u għall-kuntrarju ssottomettiet, insostenn tat-talba tagħha ta’ nuqqas ta’ żvelar tal‑informazzjoni kkontestata, xi motivi speċifiċi li ma fihomx rabta bejniethom. Dwar il-mertu, l-ECHA tikkontesta l-fatt li teżisti preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkontestata.

31      B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk dan l-approċċ difiż mir-rikorrenti ma jikkorrispondix, kif tallega l-ECHA, mal-atitudni li hija adottat matul il-proċedura amministrattiva, dan ma jfissirx li l-motiv ma jistax jitqajjem mir-rikorrenti.

32      Fil-fatt, ir-rikorrenti tiddefendi essenzjalment pożizzjoni ta’ prinċipju li l-preżunzjonijiet ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti jikkonċernaw ukoll l-informazzjoni kkontestata ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mir‑Regolament Nru 1907/2006 u li, tipprovdi, għalhekk, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jikkawża, bħala regola, preġudizzju għall-interessi kummerċjali. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 1907/2006, din tista’ titqajjem b’mod leġittimu quddiem il-Qorti Ġenerali anki jekk ma ġietx invokata, u lanqas, a fortiori, eżaminata, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Għalhekk għandha tiġi eżaminata.

33      L-eżami ta’ din il-kwistjoni jimplika li għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-ECHA japplikaw għad-dokumenti kollha miżmuma minn din l-aġenzija, jiġifieri d‑dokumenti kollha mħejjija jew riċevuti minnha u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Jekk l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jikkonferixxi fuq il-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 85).

34      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il‑possibbiltà għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kkonċernati li jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Iżvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 50).

35      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali rrikonoxxew l‑eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti f’diversi każijiet, bħal, b’mod partikolari, il-fajl amministrattiv fi proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, id-dokumenti skambjati fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, id-dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura skont l‑Artikolu 101 TFUE u d-dokumenti mħejjija fil-kuntest ta’ analiżi ta’ impatt li saru mill-Kummissjoni, li jaffettwaw proċess deċiżjonali li jkun għaddej fil-qasam tal-ambjent.

36      Minn naħa waħda, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex preżunzjoni ġenerali tkun validament ikkontestata mill-persuna li titlob l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa neċessarju li d‑dokumenti mitluba jagħmlu parti mill-istess kategorija jew ikunu tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Iżvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 50, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 72).

37      Min-naħa l-oħra, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ preżunzjonijiet ġenerali hija essenzjalment irregolata mill-bżonn superjuri li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-proċeduri inkwistjoni u li jiġi żgurat li l-għanijiet tagħhom ma jkunux kompromessi. B’hekk, ir‑rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali tista’ tkun ibbażata fuq l‑inkompatibbiltà tal-aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti proċeduri mal‑funzjonament tajjeb tagħhom u fuq ir-riskju li jiġi kkawżat preġudizzju lilhom, peress li l-preżunzjonijiet ġenerali jippermettu li tiġi ppreżervata l-integrità tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura filwaqt li tiġi limitata l-interferenza ta’ terzi persuni. (ara, f’dan is-sens, il‑Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-Kawżi magħquda LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C-605/11 P, EU:C:2013:528, punti 66, 68, 74 u 76). L-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi previsti f’att legali marbut ma’ proċedura li ssir quddiem istituzzjoni tal-Unjoni li għaliha jkunu ġew prodotti d-dokumenti mitluba hija waħda mill-kriterji ta’ natura li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, McCullough vs Cedefop, T‑496/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:374, punt 91, u Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:325, punt 75).

38      B’hekk, il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhomx jiġu interpretati mingħajr ma jiġu kkunsidrati r-regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dawn id‑dokumenti, previsti mir-regolamenti kkonċernati. Huwa f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l‑Artikolu 101 TFUE, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it‑tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), jirregolaw b’mod ristrettiv l-użu ta’ dokumenti li jinsabu fil-fajl relatat mal-imsemmija proċedura, peress li dawn kienu jipprevedu li l-partijiet fi proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE ma għandhomx dritt ta’ aċċess illimitat għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni u li t-terzi persuni, bl-eċċezzjoni ta’ min kien qed jagħmel l-ilment, ma għandhomx, fil-kuntest ta’ tali proċedura, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl tal‑Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess ġeneralizzat abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 għad‑dokumenti li kienu jinsabu f’fajl relatat mal-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE huwa ta’ natura li jipperikola l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura fir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ akkordju u tevalwa l‑kompatibbiltà ta’ dan mal-imsemmi artikolu, minn naħa, u l-garanzija ta’ protezzjoni rafforzata relatata, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni hekk trażmessa lill‑Kummissjoni, min-naħa l-oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, kellha d-dritt tippreżumi, mingħajr ma tagħmel eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat ma’ proċedura skont l-Artikolu 101 KE, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippreġudika, bħala regola, il-protezzjoni tal‑interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 86, 87, 90 u 93).

39      Madankollu, bid-differenza tas-sitwazzjonijiet li għalihom il-Qorti tal‑Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali aċċettaw li l-preżunzjonijiet ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kienu japplikaw, ir-Regolament Nru 1907/2006 jirregola b’mod espress ir-rapport bejn dan ir-regolament u r-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-Artikolu 118 tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika għad‑dokumenti miżmuma mill-ECHA. Huwa ma jirregolax b’mod restrittiv l-użu tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl relatat ma’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-użu ta’ sustanza kimika. L-imsemmi regolament effettivament ma jipprevedix il-limitazzjoni tal-aċċess għall-fajl għall‑“partijiet ikkonċernati” jew għal “min għamel l-ilment”. Barra minn hekk, huwa jidentifika, b’mod preċiż, fl-Artikolu 118(2) tiegħu, ċerta informazzjoni li l-iżvelar tagħha tikkawża preġudizzju għall‑interessi kummerċjali tal-persuna kkonċernata. Għall-kuntrarju, l‑Artikolu 119(1) tal-imsemmi regolament jelenka informazzjoni oħra li hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-internet.

40      Preżunzjoni ġenerali għalhekk ma tirriżultax mid-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk ma għandux jiġi ammess li, fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista bir-Regolament Nru 1907/2006, id-dokumenti mibgħuta lill-ECHA jiġu kkunsidrati bħala li kienu, fl-intier tagħhom, manifestament koperti bl-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ dawk li jitolbu l‑awtorizzazzjoni.

41      Jekk din l-eċċezzjoni hija, jekk ikun il-każ, applikabbli għal ċerti dokumenti mibgħuta lill-ECHA, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tad-dokumenti kollha jew ta’ dawn id-dokumenti kollha. Għall-inqas, hija l-ECHA li għandha tiżgura ruħha minn dan permezz ta’ eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument, kif meħtieġ mill-ewwel inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

42      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-ECHA għamlet eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument, skont id-dispożizzjonijiet rispettivi tar‑Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 1907/2006.

43      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq l‑eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ta’ informazzjoni ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura għal awtorizzazzjoni prevista bir‑Regolament Nru 1907/2006 għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

44      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 118 tar‑Regolament Nru 1907/2006, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem erba’ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni kkontestata hija kunfidenzjali, għaliex tkopri l-għarfien u s-sigriet kummerċjali tagħha. Fil-kuntest tat-tieni ilment, ir-rikorrenti użat l-Artikolu 39(2) tal-Ftehim TRIPS, li jorbot lill-Unjoni, sabiex issostni li l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata lil terz twassal sabiex tipperikola l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tagħha u dawk tad‑drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha, jiġifieri l-protezzjoni tas‑sigriet kummerċjali tagħha. It-tielet ilment jistrieħ fuq il-fatt li l‑“interess pubbliku superjuri” li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata ma għandux jiġi kkunsidrat la bħala xi ħaġa importanti u lanqas bħala għan tal-imsemmi żvelar. Fuq kollox, l-ECHA ma indikatx b’mod ċar u konkret liema kien l-interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata. Ir-raba’ ilment huwa bbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 296 TFUE, peress li r-rikorrenti tikkritika lill-ECHA li ma mmotivatx il-fatt dwar jekk l-informazzjoni kkontestata kinitx tikkostitwixxi jew le sigrieti kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 39(2) tal‑Ftehim TRIPS u, a fortiori, li ma semmietx l-eventwali interess pubbliku superjuri li jiġġustifika d-deċiżjoni ta’ żvelar tagħha ta’ din l‑informazzjoni kunfidenzjali.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkontestata minħabba n-natura kummerċjali tagħha u tal-fatt li hija kienet tkopri l-għarfien tar-rikorrenti

45      Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni kkontestata hija kunfidenzjali, għaliex għandha interess kummerċjali fis‑sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

46      Insostenn ta’ dan l-ilment, fl-ewwel lok, hija ssostni li din l-informazzjoni kienet tkopri l-għarfien u s-sigriet kummerċjali tagħha, peress li dawn ma kinux faċilment aċċessibbli, kienu jintużaw fuq il-livell kummerċjali u kienu jinvolvu mezzi finanzjarji u sforzi kunsiderevoli sabiex jinġabru u jiġu organizzati b’mod li jippermetti l-kisba ta’ awtorizzazzjoni għat‑tqegħid fuq is-suq u l-użu ulterjuri tad-DEHP.

47      Fit-tieni lok, hija tikkontesta l-fatt li d-data dwar il-valuri limitu mqabbla mal-valuri ta’ espożizzjoni u ta’ konċentrazzjoni li, sakemm ma humiex affettwati, ma jiskattawx effetti dannużi fuq is-saħħa umana (DNEL) jew fuq l-ambjent (PNEC) (iktar ’il quddiem il-“valuri DNEL u PNEC”) li għalihom hija tirreferi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala pubbliċi fis-sens tal‑Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006.

48      L-ECHA tirrifjuta dawn l-argumenti kollha.

49      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, jikkonferixxi lill‑pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet l-iktar wiesa’ possibbli (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 111; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 53, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 40).

50      Barra minn hekk, il-proċedura ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni hija rregolata mir-Regolament Nru 1907/2006, li jistabbilixxi proċedura tal‑Unjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ użu ta’ sustanzi kimiċi. L‑Artikolu 118 tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li r‑Regolament Nru 1049/2001 japplika għad-dokumenti miżmuma mill‑ECHA. Minn dan isegwi li l-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti għandu, bħala regola, jiġi osservat fir-rigward tad-dokumenti li għandha l-ECHA.

51      Il-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad‑dokumenti xorta huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari, fil-premessa 11 u fl-Artikolu 4 tiegħu, jipprevedi sistema ta’ eċċezzjonijiet li jobbligaw lill-istituzzjonijiet u lill‑organi li ma jiżvelawx dokumenti fil-każ fejn dan l-iżvelar jikkawża preġudizzju għal wieħed minn dawn l-interessi (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 111; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 53, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C-605/11 P, EU:C:2013:738, punt 40).

52      Sa fejn l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Iżvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C-506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75). F’dan ir-rigward, hemm lok li jintwera li l‑aċċess inkwistjoni jista’ jikkawża b’mod konkret u effettiv preġudizzju lill-interess protett bl-eċċezzjoni u li r-riskju ta’ preġudizzju huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenzi tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T-2/03, EU:T:2005:125, punt 69, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Sviluppo Globalevs Il‑Kummissjoni, T‑6/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:245, punt 64).

53      Għandu jiġi nnutat ukoll li s-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari fil‑paragrafu 2 tiegħu, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma protetti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda dwar it-talba ta’ aċċess għal dokumenti tiddependi mill-kwistjoni dwar liema hu l-interess li għandu jipprevalixxi fil-każ inkwistjoni (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42, u tat-23 ta’ Settembru 2015, ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, T‑245/11, EU:T:2015:675, punt 168).

54      Għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut għall-aċċess għal dokument, bħala regola, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività jew interess imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda l-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 116; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 57, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64).

55      Fir-rigward tal-kunċett tal-interessi kummerċjali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li kull informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet tan‑negozju tagħha ma tistax titqies bħala li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata għall-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ħlief biex iżżomm taħt kontroll l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti tal‑aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, lill-pubbliku, għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2011, CDC Hydrogene Peroxide vs Il‑Kummissjoni, T‑437/08, EU:T:2011:752, punt 44, u tad-9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punt 81).

56      B’hekk, sabiex tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa neċessarju li jintwera li d-dokumenti kkontestati għandhom elementi li jistgħu, minħabba l-iżvelar tagħhom, jippreġudikaw l-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika. Dan huwa l-każ meta, b’mod partikolari, id-dokumenti mitluba fihom informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata, b’mod partikolari, mal-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u mar‑relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew meta dawn ikun fihom data tal-impriża stess li turi l-esperjenza professjonali tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punti 82 sa 84).

57      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq il-kwistjoni tal-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001

58      Għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-ECHA kisritx l‑ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, li ppermettew l-iżvelar tal‑informazzjoni kkontestata.

59      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda r-rapport dwar is-sigurtà kimika, jeħtieġ qabelxejn li jiġi rrilevat li l-informazzjoni kkontestata inkluża fih hija s-segwenti:

–        l-isem tal-istudji xjentifiċi u tar-rapport tal-Unjoni – jiġifieri r‑rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskji tas-sena 2008 – kif ukoll il‑kontenut ta’ dawn l-istudji u ta’ dan ir-rapport (punti 5.5.2.2, 5.5.3, 5.6.2, 5.6.3, 5.7.3, 5.8.2, 5.8.3, 5.9.1.2, 5.9.2.2, 5.9.3, 5.10.1.1, 5.10.3 u 9.0.1 tar-rapport dwar is-sigurtà kimika);

–        sempliċement l-isem u d-data ta’ ċerti studji xjentifiċi (punti 5.1.1.2, 5.10.1.2 u tabelli Nri 43, 45, 52 sa 54, 59, 70 u 73 tar‑rapport dwar is-sigurtà kimika);

–        l-isem ta’ studju li jikkonċerna l-valuri “no observed adverse effect level”, jiġifieri l-konċentrazzjoni massima mingħajr effett ta’ ħsara osservata (iktar ’il quddiem il-“valuri ta’ espożizzjoni NOAEL”) (punt 5.11.2 tar-rapport dwar is-sigurtà kimika);

–        ċerta data dwar ix-xenarji ta’ espożizzjoni tad-DEHP u dwar il‑karatterizzazzjoni tar-riskji (punti 9.1.1, 9.2.1, 9.3.1, 10.1.1, 10.1.2, 10.2.1, 10.2.2, 10.3.1, 10.4.2 u t-tabelli Nri 141, 143 sa 154 u 177 sa 179 tar-rapport dwar is-sigurtà kimika).

60      L-ewwel nett, dwar l-informazzjoni kkontestata relatata mal-istudji xjentifiċi u mal-kontenut tagħhom, qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li dawn jirrigwardaw data li kienet ippubblikata u li għalhekk hija aċċessibbli għall-pubbliku. L-istess japplika għall-informazzjoni kkontestata li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskji tas-sena 2008. Fil-fatt, dan huwa dokument tal-Unjoni li kien ukoll ippubblikat. Din l‑informazzjoni kkontestata tirrappreżenta għalhekk ġabra tal-estratti tal‑istudji u tar-rapporti hawn fuq imsemmija u b’dan il-mod jiddeskrivu l-kontenut. Ma jidhirx li l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif miġbur ta’ din id-data deskrittiva, li hija aċċessibbli għall-pubblika, tista’ tkun biżżejjed sabiex tikkawża preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tar‑rikorrenti. Fuq kollox, ir-rikorrenti ma urietx, f’dan il-każ, kif l‑imsemmija ġabra ta’ data xjentifika tikkostitwixxi data kummerċjali sensittiva u li, minħabba l-iżvelar tagħha, ikun hemm preġudizzju għall‑interessi kummerċjali tagħha. Huwa biss li kieku l-evalwazzjonijiet li saru mir-rikorrenti waqt dan ix-xogħol ta’ kompilazzjoni ppreżentaw valur miżjud – jiġifieri li kieku kienu jikkonsistu, pereżempju, f’konklużjonijiet xjentifiċi ġodda jew kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw strateġija innovattiva li tista’ tagħti lill-impriża vantaġġ kummerċjali fuq il-kompetituri tagħha [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-13 ta’ Frar 2014, Luxembourg Pamol (Cyprus) u Luxembourg Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑578/13 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:103, punt 60, u tal-25 ta’ Lulju 2014, Deza vs ECHA, T‑189/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:686, punt 54] – li kieku kienu jirrilevaw interessi kummerċjali li tagħhom l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiżgura l-protezzjoni.

61      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-ECHA indikat, fid-deċiżjoni li tinsab fl-ittra bir-referenza AFA-C-0000004274-77-09/F, li tali informazzjoni setgħet tiġi żvelata “mingħajr evalwazzjoni ddettaljata sottostanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’mod konkret, hija ħbiet preċiżament l-evalwazzjonijiet li saru mir-rikorrenti fid-dawl ta’ dawn l-istudji (ara, b’mod partikolari, l‑informazzjoni moħbija mill-ECHA fil-punti 5.7.3, 5.8.3, 5.9.1.2, 5.9.2.2, 5.9.3, 5.10.1.1 u 5.10.1.2). B’hekk, hija għamlet distinzjoni bejn l-informazzjoni li tirrigwarda l-kontenut ta’ studji ppubblikati u li jippreżentaw b’hekk natura essenzjalment deskrittiva – li jistgħu jkunu żvelati – u dawk li kienu ġejjin minn evalwazzjoni kritika ta’ dawn l‑istudji mir-rikorrenti u li għalhekk ma kinux aċċessibbli bħala tali għall‑pubbliku – li jkopru a priori l-interess kummerċjali u moħbi mill‑ECHA. F’dan il-każ, l-informazzjoni “oġġettiva” ma tistax a priori tkun ikkunsidrata bħala data tal-impriża nnifisha li turi l-esperjenza professjonali tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 hawn fuq.

62      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ressqet biss spjegazzjonijiet vagi u ġeneriċi sabiex turi li l-informazzjoni kkontestata kienet tikkonsisti f’estratti ta’ studji aċċessibbli għall-pubbliku li setgħu jipproduċi l-konsegwenzi allegati li jippreġudikaw l-esperjenza professjonali u s-sigrieti kummerċjali tagħha. Spjegazzjonijiet preċiżi u konkreti huma iktar u iktar meħtieġa, peress li, kif tfakkar fil-punt 52 hawn fuq, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett meta jidderogaw mill-prinċipju tal‑aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti.

63      F’dan il-kuntest, lanqas jista’ jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li din id‑data tippermetti lill-kompetituri li jkunu jafu il-mod li bih tfassal l‑istrateġija futura kummerċjali tagħha għal dak li jirrigwarda l-użu ulterjuri ta’ din is-sustanza u d-deċiżjoni dwar il-manifattura futura ta’ prodotti li huma magħmula mid-DEHP jew tal-alternattivi tagħha. Fil-fatt, il-kompilazzjoni tad-data oġġettiva ma hijiex, bħala tali, biżżejjed sabiex tiżvela il-kontenut tal-istrateġija kummerċjali jew l-għażliet futuri tar-rikorrenti fir-rigward tal‑manifattura tad-DEHP.

64      Barra minn hekk, għandu jiġi wkoll miċħud l-argument tar-rikorrenti li parti mill-informazzjoni kkontestata hija bbażata fuq data kunfidenzjali skambjata bejnha u terzi, b’mod partikolari l-fornituri u x-xerrejja tagħha. Fil-fatt, minn naħa waħda, ir-rikorrenti ma tidentifika l-ebda data, minn fost id-dokumenti kkontestati, li hija r-riżultat ta’ tali skambju. Min‑naħa l-oħra, hija ma ppreżentat l-ebda dokument intiż sabiex juri l‑eżistenza ta’ ftehim fil-passat ma’ terzi li bihom hija kienet intrabtet għall-futur sabiex ma tiżvelax dokumenti.

65      Finalment, fir-rigward tal-argument li l-kompilazzjoni tal-istudji aċċessibbli għall-pubbliku kienu jirrikjedu, min-naħa tar-rikorrenti, xogħol intellettwali ta’ riċerka u ta’ qari li għandu valur kummerċjali u li minn dan il-fatt jirriżulta l-interess kummerċjali, dan ma għandux jintlaqa’. Fil-fatt, in-natura kunfidenzjali jew le tal-informazzjoni ma hijiex stabbilita mix-xogħol li jirriżulta mill-fatt li tiġi kkompilata d-data li tinsab fl-istudji aċċessibbli għall-pubbliku. Hija iktar ir-rikorrenti li għandha turi li d-dokument li kien jirrappreżenta r-riżultat tal-kompilazzjoni tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku kien fih evalwazzjonijiet li jirrappreżentaw valur miżjud fis-sens tal-punt 60 hawn fuq u li din l‑informazzjoni hija koperta wkoll bl-interess kummerċjali msemmi fl‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66      Madankollu, dan ma jfissirx, kuntrarjament għal dak essenzjalment li ssostni r-rikorrenti, li l-iżvelar jagħti dritt lil kompetitur li jkun sodisfatt illi jirreferi, fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu ta’ prodott kimiku, għall-fajl tar-rikorrenti li kien fih il-ġabra tal-istudji u li b’dan il-fatt jibbenefika minn vantaġġ kompetittiv. Fil-fatt, l‑Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jenfasizza li “[j]ekk tkun saret applikazzjoni għall-użu ta’ sustanza, applikant sussegwenti jista’ jirriferi għall-partijiet relevanti ta’ l-applikazzjoni preċedenti […] sakemm l-applikant sussegwenti jkollu l-permess mill-applikant preċedenti sabiex jirriferi għal dawn il-partijiet ta’ l-applikazzjoni”. Din id-dispożizzjoni tipproteġi għalhekk lid-detentur ta’ dokument kontra l‑użu tal-imsemmi dokumenti fil-każ fejn l-informazzjoni li tinsab fih tiġi żvelata wara talba ta’ aċċess għaliha. Huma jimpedixxu li l-informazzjoni kkontestata tkun użata b’mod li toħloq kompetizzjoni żleali kontra d‑detentur tad-dokument u li b’dan tagħti lill-kompetituri tiegħu vantaġġ kompetittiv illegali.

67      Anki jekk għandu jiġi aċċettat li x-xogħol ta’ sistemazzjoni tal‑informazzjoni pubblika magħmul mir-rikorrenti jista’ jkollu ċertu valur kummerċjali, xorta għadu jrid jintwera li s-sistemazzjoni tal‑imsemmija informazzjoni ġiet akkumpanjata minn evalwazzjonijiet li jirriżultaw f’konklużjonijiet xjentifiċi ġodda jew f’kunsiderazzjonijiet dwar strateġija innovattiva ta’ natura li tagħti lill-impriża vantaġġ kummerċjali fuq il-kompetituri tagħha u li huwa, b’dan il-mod, minħabba n-natura kunfidenzjali (ara l-punt 60 hawn fuq), dak li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel. F’dan il-kuntest, minn naħa waħda, għandu jitfakkar li r-rapport dwar is-sigurtà kimika għandu jissodisfa l-format previst fil-punt 7 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006, li huwa intiż sabiex joħloq standard għal mod kif issir is-sistemazzjoni tal‑informazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat l-fatt li l‑metodu ta’ riċerka tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku huwa ffaċilitat bl-għodda tal-informatika bħal muturi ta’ riċerka. Dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet jirrelattivizzaw sa ċertu punt il-valur kummerċjali tal‑kompilazzjoni tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.

68      It-tieni nett, fir-rigward tal-punti 5.1.1.2, 5.10.1.2 u tat-tabelli Nri 43, 45, 52 sa 54, 59, 70 u 73, għandu jitfakkar li dawn isemmu l-isem u d-data ta’ diversi studji li r-rikorrenti tikkunsidra bħala kunfidenzjali u li l‑ECHA tixtieq tiżvela. Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax kif l‑iżvelar tagħhom jippreġudika l-interessi kummerċjali tagħha u jagħtu vantaġġi lill-kompetituri tagħha. Fil-fatt, hija ma tispjegax f’hiex l‑iżvelar ta’ dawn l-istudji huwa problematiku filwaqt li ma tara l‑ebda oġġezzjoni sabiex kważi t-totalità tal-istudji l-oħra ċċitati fl-istess tabelli jiġu żvelati.

69      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni kkontestata li tinsab fil‑punt 5.11.2 tar-rapport dwar is-sigurtà kimika, l-ECHA tenfasizza, fid‑deċiżjonijiet ikkontestati, li l-valuri ta’ espożizzjoni NOAEL, li jinsabu fl-approċċi, il-metodi u r-riflessjonijiet ma jistgħux jippreġudikaw l-interess kummerċjali tagħha. Hija indikat li dan it-tip ta’ informazzjoni kien essenzjali sabiex il-pubbliku jkollu indikazzjoni fuq ir-riskji assoċjati mal-użu tad-DEHP u li għalhekk kien hemm interess kbir għall-pubbliku sabiex din l-informazzjoni tiġi żvelata. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestatx din il-kunsiderazzjoni u lanqas, a fortiori, tispjega kif ir-riferiment għall-informazzjoni hawn fuq imsemmija, li tinsab fir-rapport dwar is-sigurtà kimika, tippreġudika l‑interess kummerċjali tagħha.

70      Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda d-data dwar ix-xenarji ta’ espożizzjoni tad-DEHP u dwar il-karatterizzazzjoni tar-riskji msemmija fl-aħħar inċiż tal-punt 59 hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet l‑ebda argument li juri n-natura kunfidenzjali tagħha.

71      Fuq kollox, mill-fajl jirriżulta li l-ECHA neħħiet il-maġġoranza kbira ta’ informazzjoni relatata max-xenarji ta’ espożizzjoni u li kienet biss id-data introduttorja fuq l-imsemmija xenarji li ssemmiet. Hija r-rikorrenti li għandha tindika kif tali data għandha natura kunfidenzjali.

72      Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-karatterizzazzjoni tar-riskji, il-fajl juri li din l-informazzjoni tirrigwarda d-data dwar il-valur DNEL u dik relatata mar-ratio ta’ karatterizzazzjoni tar-riskji (RCR). Issa, kif tenfasizza l-ECHA fid-deċiżjonijiet ikkontestati, id-data dwar il-valur DNEL għandha tkun ippubblikata skont l-Artikolu 119(1) tar‑Regolament Nru 1907/2006 u d-data dwar ir-RCR – li tikkostitwixxi flimkien valuri DNEL u PNEC u tal-espożizzjoni – ma għandhiex tippreġudika l-interess kummerċjali tar-rikorrenti u huma essenzjali sabiex il-pubbliku jkollu konoxxenza tar-riskju assoċjat mal-użu tad‑DEHP.

73      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-alternattivi, qabelxejn għandu jiġi kkonstatat is-segwenti:

–        l-informazzjoni kkontestata li tinsab fit-tabelli Nri 4.6, 4.7, 4.12, 4.13, 4.18, 4.19, 4.23, 4.24, 4.27, 4.28, 4.33, 4.34, 4.37, 4.38, 4.41, 4.42, 4.46, 4.47, 4.51, 4.52, 4.56 u 4.57 hija data numerika fil‑kuntest tal-paraguni tal-valuri DNEL u PNEC, li saru bejn id‑DEHP u sustanzi oħra kimiċi;

–        it-tabelli Nri 25 u 26 tad-dokument intitolat “Evalwazzjoni tal‑perikoli u tar-riskji ppreżentati mill-alternattivi tad-DEHP” (Hazard and Risk Evaluation for DEHP Alternatives) fihom evalwazzjoni komparattiva, rispettivament, tal-perikoli għas-saħħa umana u tal-perikoli għall-ambjent. L-informazzjoni kkontestata li tinsab fit-tabelli jikkonċernaw l-isem tas-sustanzi alternattivi, il‑valuri DNEL u PNEC ta’ kull waħda minnhom kif ukoll kummenti fil-qosor dwar uħud minn dawn is-sustanzi;

–        l-informazzjoni kkontestata tat-tabella Nru 27 tad-dokument hawn fuq imsemmi tikkonċerna tliet data numerika li jirrappreżentaw ir‑rata ta’ migrazzjoni, fis-saliva, tad-DEHP u ta’ sustanza oħra u l‑informazzjoni kkontestata fit-tabella Nru 28 hija ta’ data numerika li tirrappreżenta r-rata ta’ migrazzjoni, fl-għaraq, tad‑DEHP;

–        l-informazzjoni kkontestata li tinsab fil-punt 5.5 tad-dokument hawn fuq imsemmi dwar il-konklużjonijiet ġenerali hija kunsiderazzjonijiet dwar il-valur PNEC relatati ma’ sustanza oħra.

74      Sussegwentement, għandu jiġi spjegat li, fl-osservazzjonijiet tagħha magħmula waqt il-proċedura ta’ konsultazzjoni ta’ terzi, ir-rikorrenti sostniet, fir‑rigward tat-tabelli msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 73 hawn fuq imsemmi, li kien fihom informazzjoni analoga ma’ dik li tinsab fir‑rapport dwar is-sigurtà kimika, jiġifieri b’mod partikolari valuri DNEL u PNEC, u li din l-informazzjoni kienet parti mill-proprjetà intellettwali tal-applikant għall-awtorizzazzjoni. Ir-rikorrenti enfasizzat li l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jikkawżalha preġudizzju kummerċjali tant li tista’ tingħata kumpens finanzjarju. Hija rrilevat li l‑aċċess għall-analiżi tal-alternattivi kellu jkun suġġett għal kumpens finanzjarju u kellu għalhekk jiġi nnegozjat sabiex jiġi żgurat li l‑ispejjeż jinqasmu.

75      Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, l-ECHA kkunsidrat li l-valuri DNEL u PNEC, ir-riżultati tal-istudji u l-klassifikazzjoni tal‑konklużjonijiet li jinsabu fl-analiżi tal-alternattivi ma kinux ikkunsidrati bħala kunfidenzjali, peress li dawn ir-riżultati u dawn il‑konklużjonijiet bħala tali, mingħajr l-evalwazzjoni ddettaljata sottostanti, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jippreġudikaw b’mod serju l-interess kummerċjali tar-rikorrenti jew tal-ex rikorrenti jew ta’ terza persuna. L-ECHA tenfasizza wkoll li dan it-tip ta’ informazzjoni għandu jkun ippubblikat mill-ECHA, skont l-Artikolu 119(1)(c), (e) u (f) tar-Regolament Nru 1907/2006.

76      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma urietx kif l-iżvelar tad-data li tinsab fl-analiżi tal-alternattivi, li kienet speċifikament imsemmija fit‑talba tagħha biex ma jiġux żvelati, jippreġudika l-interess kummerċjali tagħha. Fil-fatt, din hija data numerika oġġettiva, stabbilita fil-kuntest tal‑paraguni tal-valuri DNEL u PNEC magħmula bejn id-DEHP u sustanzi kimiċi oħra, li essenzjalment jirriżultaw minn studji pubbliċi. Issa, ma għandux jiġi kkunsidrat li din id-data numerika li tinsab fl-istudji ppubblikati tkopri l-interess kummerċjali tar-rikorrenti. Kif ġie enfasizzat fil-punt 61 hawn fuq, l-ECHA ħbiet il-kummenti “suġġettivi” tar‑rikorrenti fuq din id-data, li joħorġu barra minn hekk mid‑deċiżjonijiet ikkontestati, billi spjegat li r-riżultati u l-konklużjonijiet bħala tali, “mingħajr l-evalwazzjoni ddetaljata sottostanti”, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jippreġudikaw b’mod serju l-interess kummerċjali tar-rikorrenti jew tal-ex rikorrenti.

77      F’dan il-kuntest, bħal kif ġie enfasizzat fil-punt 63 hawn fuq, il‑kompilazzjoni tad-data oġġettiva ma għandhiex, bħala tali, tiżvela l‑kontenut tal-istrateġija kummerċjali u lanqas l-għażliet futuri tar‑rikorrenti fir-rigward tal-produzzjoni tad-DEHP u ma għandhiex tkun ikkunsidrata iktar bħala li tirrigwarda d-data proprja tal-impriża li turi l‑esperjenza professjonali tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-punt 56 hawn fuq.

78      L-istess kunsiderazzjonijiet jistgħu isiru għall-informazzjoni kkontestata li tinsab fit-tabelli Nri 25 sa 28 tad-dokument intitolat “Evalwazzjoni tal‑perikoli u tar-riskji ppreżentati mill-alternattivi tad-DEHP”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tat l-ebda spjegazzjoni intiża sabiex tiġġustifika r-raġuni li għaliha, mill-ħdax-il data numerika li tinsab fit‑tabelli Nri 27 u 28, erba’ ma kellhomx jiġu żvelati.

79      Għandu jiġi spjegat, fir-rigward tat-tabella Nru 25, li l-ECHA inkludiet il-kolonna intitolata “Rimarki” fl-informazzjoni li għandha tiġi żvelata. Għandu jiġi kkonstatat li dawn ir-rimarki huma deskrittivi. Fir-rigward tal-informazzjoni inkluża fil-kolonna intitolata “Rimarki” li tinsab fit‑tabella Nru 26, l-ebda punt li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn huma evalwazzjonijiet li jippreżentaw valur miżjud fis-sens maħsub fil‑punt 60 hawn fuq ma tressaq mir-rikorrenti.

80      Fir-rigward tal-informazzjoni kkontestata fit-Taqsima 5.5 tal-analiżi tal‑alternattivi, ir-rikorrenti lanqas ma ppreżentat xi ġustifikazzjoni li tista’ tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-iżvelar tagħhom jippreġudika l‑interess kummerċjali tagħha. In-natura kunfidenzjali ta’ din l‑informazzjoni hija wara kollox iktar diffiċilment konċepibbli mill‑identifikazzjoni ta’ sustanzi oħra li għandhom effetti fuq l-ambjent ekwivalenti għad-DEHP jew iktar preokkupanti minnha. Ma jidhirx li tali informazzjoni hija biżżejjed sabiex tiżvela l-kontenut tal-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti u d-direzzjoni tar-riċerki u l-iżviluppi tagħha fil-qasam tas-sustanzi kimiċi jew li hija koperta bl-esperjenza professjonali tagħha jew li turiha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 56 hawn fuq.

81      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ppreżentat numru ta’ informazzjoni li ma kinitx obbligata tippreżenta mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. B’mod iktar preċiż, hija tenfasizza li, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1907/2006 ma kienx ikklassifika lid-DEHP bħala li huwa sustanza li għandha effett fuq l-ambjent, iżda bħala sustanza li għandha effetti tossiċi potenzjali fuq il-bniedem, hija ma kellhiex l‑obbligu li tissottometti d-data relatata mal-valuri PNEC. Filwaqt li aċċettat il-fatt li l-valuri PNEC ma kellhomx għalfejn jiġu sottomessi f’dan il-każ, l-ECHA tenfasizza li dan ma għandux ikollu effett fuq l‑obbligu tagħha li tiżvela d-data fil-pussess tagħha.

82      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 118(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 jestendi għad-dokumenti kollha miżmuma mill‑istituzzjonijiet u l-aġenziji, jiġifieri mħejjija jew riċevuti minnhom jew fil-pussess tagħhom, fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni.

83      Għalhekk, informazzjoni ppreżentata lil istituzzjoni jew aġenzija tal‑Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva bħal proċedura għal awtorizzazzjoni għall-użu ta’ sustanza kimika jew għat-tqegħid fis-suq ta’ mediċina tista’, bħala regola, tiġi żvelata anki jekk din l-informazzjoni ma kellhiex tkun obbligatorjament ippreżentata fil-kuntest tal-proċedura kkonċernata iżda ġiet mibgħuta b’mod volontarju mid-detentur tagħha. L-uniċi eċċezzjonijiet għal dan l-iżvelar huma dawk previsti fl‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, l-ebda waħda minnhom ma tikkonċerna l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti ippreżentati volontarjament lill-ECHA mir-rikorrenti.

84      Minn dan isegwi li kien korrett li l-ECHA ttrattat b’mod identiku l‑informazzjoni kkontestata mhux obbligatorja li ġiet ippreżentata b’mod volontarju mir-rikorrenti u dik mitluba bir-Regolament Nru 1907/2006 għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u li, għalhekk, hija kkunsidrat li għandha obbligu li tiżvelaha.

85      Sussegwentement, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ddefinit b’mod ċar, il-persuna fiżika jew ġuridika li tissottometti informazzjoni ma għandhiex dritt tinvoka prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattiva leġittima fis-sens li dokument sottomess b’mod volontarju ma jkunx jista’ jiġi żvelat skont ir-Regolament Nru 1049/2001. L-argument tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġi miċħud fuq dan il-punt.

86      Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti indikat li kienet issottomettiet din l-informazzjoni bil-għan li tippreżenta fajl komplet ta’ alternattivi li ma kellhomx effett la fuq il-bniedem u lanqas fuq l-ambjent. B’hekk, anki jekk din l-informazzjoni ma kinitx obbligatorja, kienet ġiet sottomessa bil-għan li ssostni l-fajl tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u żżid b’hekk l-opportunitajiet li tikseb awtorizzazzjoni mingħand il‑Kummissjoni u l-ECHA.

87      Finalment, ir-rikorrenti ma tispjegax kif il-valuri PNEC oġġettivi msemmija fl-analiżi tal-alternattivi jippreġudikaw l-interess kummerċjali tagħha. Fuq kollox, peress li d-DEHP ma kienx ikkunsidrat bħala sustanza perikoluża għall-ambjent, ir-rikorrenti ma kellhiex a priori xi interess kummerċjali sabiex taħbi din l-informazzjoni li turi dan in‑nuqqas ta’ effett tad-DEHP fuq l-ambjent u li kienet għalhekk favorevoli għaliha.

88      Minn dan isegwi li l-ECHA ma kisritx l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

 Fuq il-kwistjoni tal-obbligu ta’ żvelar tal-informazzjoni skont l‑Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 jew tan-natura diġà pubblika tagħha

89      Għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-ECHA li l‑eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistgħux japplikaw għall-informazzjoni kkunsidrata bħala pubblika skont l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006, minn naħa, u lanqas dik diġà aċċessibbli għall-pubbliku, min-naħa l-oħra.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-kontestazzjoni bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006

90      Għandu jitfakkar li, bħala risposta għall-ewwel motiv, l-ECHA ssostni li ċerta informazzjoni relatata mal-valuri DNEL u PNEC kienet pubblika skont l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-kuntest tar-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-ECHA kkommettiet żball ta’ evalwazzjoni billi applikat din id-dispożizzjoni għad-data li tirrifletti l‑valuri DNEL u PNEC li huma s-suġġett tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. L-ECHA ssostni li dan l-ilment huwa ġdid u tardiv u, għalhekk, inammissibbli. Hija ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu urew b’mod ċar li, fir-rigward tal-valuri DNEL u PNEC u r-riżultati tal‑istudji, tali informazzjoni kellha tiġi żvelata, skont l‑Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006, u li, għalhekk, il‑preżunzjonijiet legali previsti minn din id-dispożizzjoni kienu applikabbli għalihom.

91      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il‑preżentazzjoni ta’ raġunijiet ġodda matul il-kawża hija pprojbita, sakemm dawn ir-raġunijiet ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Motiv li jikkostitwixxi elaborazzjoni ta’ argument diġà mressaq, b’mod dirett jew impliċitu, u li għandu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il‑Kummissjoni, T‑195/00, EU:T:2003:111, punti 33 u 34, u tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑151/01, EU:T:2007:154, punt 71). Barra minn hekk, il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991 tikkonċerna biss il-motivi ġodda u ma tipprekludix lir-rikorrenti milli jsostnu argumenti ġodda insostenn ta’ motivi li diġà jinsabu fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2001, Wirtschaftsvereinigung Stahl et vs Il‑Kummissjoni, T‑16/98, EU:T:2001:117, punt 49).

92      F’dan il-każ, mill-paragrafu 6 tal-ittri li kien fihom id-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li, skont l-ECHA, l-informazzjoni (valuri, studji, riżultati u konklużjonijiet tal-klassifikazzjoni ) li tirrifletti l-valuri DNEL u PNEC ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tippreġudika l-interess kummerċjali tar-rikorrenti u li, għalhekk, l-eċċezzjoni prevista fl‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli għal dan it-tip ta’ informazzjoni. Id-deċiżjonijiet ikkontestati jispjegaw li din il-konklużjoni kienet ukoll ikkorroborata bil-fatt li tali informazzjoni għandha tkun ippubblikata skont l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006.

93      Mid-deċiżjonijiet ikkontestati għalhekk jirriżulta b’mod ċar li l‑kunsiderazzjonijiet li l-Artikolu 119(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 kien jistipula li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li tirrifletti l-valuri DNEL u PNEC kienu jsostnu l-premessa prinċipali li din l‑informazzjoni ma setgħetx tikkomprometti b’mod serju l-interess kummerċjali tar‑rikorrenti. Minn dan kien jidher li, billi sostniet li tali informazzjoni kienet taqa’ fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti impliċitament iżda b’mod ċert ikkontestat il‑kunsiderazzjonijiet li tali informazzjoni kellha tkun ippubblikata skont l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006.

94      Fil-kuntest tar-replika, ir-rikorrenti tat biss risposta għall-argument tal‑ECHA li kien ifakkar fl-obbligu li tiġi ppubblikata l-informazzjoni li tirrifletti l-valuri DNEL u PNEC skont l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jikkorrobora l-premessa prinċipali relatata man-nuqqas ta’ interess kummerċjali.

95      Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

–       Fuq l-eżistenza tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni skont l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 u fuq il‑kwistjoni tan-natura diġà pubblika ta’ informazzjoni oħra

96      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, l‑Artikolu 118 u l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirrigwardawx biss id-data li tirrifletti l-valuri DNEL u PNEC li huma s‑suġġett tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fit-Titolu II tar‑regolament imsemmi hawn fuq u mhux tad-data relatata mal‑applikazzjoni konkreta tal-valuri DNEL u PNEC fil-kuntest tal‑proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006.

97      Kif tfakkar fil-punt 50 hawn fuq, l-Artikolu 118 tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika għad‑dokumenti miżmuma mill-ECHA. Minn dan jirriżulta li l-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti japplika bħala regola għad-dokumenti li jikkostitwixxu l-fajl ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ sustanza kimika. Għalhekk ma tagħmilx differenza li l-informazzjoni tkun ġiet ippreżentata matul il-proċedura mill-applikant tal-awtorizzazzjoni jew jekk tkunx diġà ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura oħra – bħal dik tar-reġistrazzjoni – prevista bl‑istess Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk, l-ebda punt ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ aċċess għad-dokumenti previsti fl-Artikolu 118 tar-Regolament Nru 1907/2006 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 flimkien ma jistax jiġi applikat fiż-żewġ każijiet.

98      L-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi dan li ġej:

“L-informazzjoni li ġejja miżmuma mill-[ECHA] dwar sustanzi kemm jekk waħidhom, fi preparat jew f’oġġetti, għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, mingħajr ħlas, fuq l-Internet skond l-Artikolu 77(2)(e): […] f) kwalunkwe livell ta’ l-ebda effett derivat (DNEL) jew konċentrazzjoni ta’ bla effett previst (PNEC) stabbiliti skond l-Anness I”.

99      B’hekk, l-Artikolu 119(1) jipprevedi deroga speċifika għas-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti prevista fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, moqrija flimkien. F’termini imperattivi, l-Artikolu 119(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jindika li diversi tipi ta’ informazzjoni għandhom jitpoġġew għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tintbagħat l-informazzjoni minima indispensabbli sabiex sustanza tiġi mistħarrġa b’mod adegwat, jiġifieri l-informazzjoni essenzjali dwar il‑perikoli tas-sustanza, il-pariri għall-użu, l-elementi tal-fajl ta’ data ta’ sigurtà li ma humiex kunfidenzjali u d-data meħtieġa sabiex tiġi identifikata s-sustanza [ara d-dokument COM(2003) 644 finali tal‑Kummissjoni, tat-23 ta’ Ottubru 2003]. Fost l-informazzjoni li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huma msemmija fl‑Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 il-valuri DNEL u PNEC.

100    Għandu jiġi spjegat li l-valur DNEL jirrifletti l-livell ta’ espożizzjoni tas‑sustanzi – ikkalkolat b’mod normali abbażi tad-deskrizzjonijiet ta’ doża disponibbli mill-istudji fuq l-annimali – li inqas minnu ma hu mistenni l-ebda effett noċiv fuq il-bniedem. Fir-rigward tal-valur PNEC, huwa jirrifletti l-konċentrazzjoni tas-sustanzi inqas minn dak li ma għandux ikollu effett noċiv fl-ambjent inkwistjoni. B’hekk kull applikant għal awtorizzazzjoni li huwa f’pożizzjoni li jipprova li l-jipprova li espożizzjoni għall-effetti tas-sustanzi estremament inkwetanti fuq is-saħħa tal‑bniedem jew fuq l-ambjent hija inqas mill-valuri DNEL u PNEC rikjesti, fl-istess ħin jipprova li ma huwa mistenni l-ebda effett noċiv fuq il-bniedem bl-użu ta’ dawn is-sustanzi, li ma għandux ikun hemm effett noċiv bihom fl-ambjent inkwistjoni u li r-riskju li tirrappreżenta s‑sustanza għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent huwa validament ikkontrollat, skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

101    Qabelxejn, l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jipprevedix espliċitament li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni tal‑informazzjoni fuq l-internet jillimita ruħu biss għall-valuri DNEL u PNEC ippreżentati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u li ma jirrigwardax għalhekk il-valuri li għalihom jirreferi l-applikant fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

102    Imbagħad, l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 1907/2006, li jirrigwarda l‑proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, jipprevedi espliċitament, fil-paragrafi 2 u 6 tiegħu, li l-pubblikazzjoni tal‑informazzjoni fuq is-sit internet tal-ECHA issir fid-dawl tal‑Artikoli 118 u 119 tal-istess regolament.

103    Barra minn hekk, l-anness I li għalih jirreferi l-Artikolu 119(1)(f) tar‑Regolament Nru 1907/2006 jindika li l-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika tirrigwarda l-produzzjoni ta’ sustanza u l-użi kollha identifikati. Huwa jipprevedi wkoll li l-evalwazzjoni tkopri l-fażijiet kollha tal-ħajja tas-sustanza, li jirriżultaw mill-produzzjoni u l-użi identifikati (ara l‑punt 0.3 tal-imsemmi anness). Sabiex jiġi stabbilit il-valur DNEL, huwa spjegat li, skont ix-xenarju jew xenarji ta’ espożizzjoni, valur DNEL wieħed jista’ jkun suffiċjenti fejn tkun mitluba l-identifikazzjoni tal‑valuri DNEL differenti għal kull popolazzjoni umana kkonċernata (pereżempju l-ħaddiema, il-konsumaturi, il-popolazzjonijiet vulnerabbli) u għal mezzi differenti ta’ espożizzjoni. L-anness I tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi għalhekk, li jekk ikun probabbli li jkun hemm diversi mezzi ta’ espożizzjoni, għandu jiġi stabbilit valur DNEL għal kull wieħed minnhom u għall-mezzi kollha ta’ espożizzjoni kkunsidrati flimkien (ara l-punt 1.4.1 tal-imsemmi anness). L-anness I tar-Regolament Nru 1907/2006 jindika wkoll li l-valur PNEC huwa stabbilit għal kull sfera ambjentali (ara l-punt 3.3.1 tal-imsemmi anness).

104    L-anness I tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi wkoll parti ddedikata għall-karatterizzazzjoni tar-riskji, li tikkonsisti b’mod partikolari f’paragun bejn l-espożizzjoni tal-popolazzjonijiet ikkonċernati u l-valuri DNEL rilevanti u f’paragun tal‑konċentrazzjonijiet ambjentali previsti f’kull sfera ambjentali u l‑valuri PNEC (ara l-punti 6.2 u 6.3 tal-imsemmi anness). Il-punt 6.4 tal‑imsemmi anness jindika li, għal kull xenarju ta’ espożizzjoni, ir-riskju għall-persuni u l-ambjent jista’ jiġi kkunsidrat bħala validament ikkontrollat matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza li tirriżulta mill‑produzzjoni u l-użi identifikati jekk, b’mod partikolari, il-livelli ta’ espożizzjoni stmati matul il-karatterizzazzjoni tar-riskji ma jaqbżux il‑valuri DNEL u PNEC rilevanti.

105    Mill-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li l‑anness I tiegħu, fid-dawl tal-importanza tad-data li tikkorrispondi mal‑valuri DNEL u PNEC sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika u l‑ambjent, l-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika ta’ sustanza u tad-data li jirriżultaw minnha għandhom jikkonċernaw l-użi kollha identifikati u tkopri l-fażijiet kollha taċ-ċiklu ta’ ħajja tal-imsemmija sustanza u li din id-data għandha tiġi ppubblikata. B’hekk, id-distinzjoni magħmula mir‑rikorrenti bejn id-data li tirrifletti l-valuri DNEL u PNEC relatata mas-“sustanza reġistrata” u l-applikazzjoni konkreta tad-data li tirrifletti l-valuri DNEL u PNEC fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006 tidher bħala artifiċjali. L-obbligu ta’ pubblikazzjoni previst mid‑dispożizzjoni hawn fuq imsemmija japplika wkoll għall-valuri DNEL u PNEC li jinsabu fir-rapport dwar is-sigurtà kimika anness mal‑applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Hemm lok li jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li r-rikorrenti ma kkontestatx il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA, ta’ ClientEarth, ta’ EEB u ta’ HCWH Europe li jipprovdu li l-valuri DNEL u PNEC baqgħu bħala regola mhux mibdula għal sustanza partikolari u li l-mument li fih dan jissemma (proċedura ta’ reġistrazzjoni jew proċedura ta’ awtorizzazzjoni) u l-identità tal-applikant li għamel is‑sommarju tal-valuri fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ftit kellhom rilevanza. Fil-fatt, hija llimitat ruħha sabiex tindika, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, li l-valuri DNEL u PNEC imsemmija fir-rapport dwar is-sigurtà kimika kienu oħrajn u kienu ġew maħluqa b’metodu ieħor u għal għan ieħor.

106    Finalment, l-ECHA tispjega li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, hija tista’ ssib ruħha fil-preżenza ta’ valuri DNEL u PNEC differenti minn dawk ta’ referenza ppubblikati minnha stess. Hija tindika li, wara li ġew eżaminati mill-Kumitat għall-istima tar‑riskji u approvati minnha, dawn il-valuri jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala valuri ġodda ta’ referenza u minn issa ’il quddiem applikabbli għall-applikanti ta’ awtorizzazzjoni futuri kollha. B’hekk jidher li dawn il-valuri għandhom bilfors jiġu ppubblikati.

107    F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti li l-ECHA diġà ssodisfatt l‑obbligu ta’ informazzjoni tagħha billi ppubblikat fuq il-portal ta’ informazzjoni d-data li tirrifletti l-valuri DNEL u PNEC rilevanti, fir-rigward tas-“sustanza reġistrata”, jew inkella f’dokument tat-12 ta’ April 2013 intitolat “Awtorizzazzjoni, iffissar tad-DNEL ta’ referenza tad-DEHP” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jistax jintlaqa’. Kif tenfasizza korrettament l-ECHA, hija ma kellha l-ebda obbligu li tipproċedi bil-pubblikazzjoni tal-valuri DNEL jew PNEC ta’ referenza għas-sustanzi fil-limiti preskritti. Madankollu, peress li dawn il-valuri DNEL u PNEC għandhom jintużaw bl-istess mod għall‑applikanti ta’ awtorizzazzjoni kollha, l-ECHA kkunsidrat bħala neċessarju, sabiex ikun hemm trasparenza u ugwaljanza fit-trattament, li tippubblikahom sabiex tippermetti lill-imsemmija applikanti jifhmu l‑kriterji ta’ evalwazzjoni. Tali approċċ ma jistax jiġi kkritikat u ma għandux jiġi kkunsidrat bħala obbligatorju. Fi kwalunkwe każ, tali pubblikazzjoni tal-valuri ta’ referenza ma teżentax lill-ECHA milli tippubblika, skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 u fid‑dawl tal-Artikoli 118 u 119 tal-istess regolament, l-informazzjoni ġenerali, mibgħuta mir-rikorrenti, dwar l-użi li kienet issemmi l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tad-DEHP.

108    Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006, hemm lok li tiġi approvata l-kunsiderazzjoni tal-ECHA li dan l-obbligu jestendi għal informazzjoni minima dwar il-metodu ta’ derivazzjoni jew ta’ tbassir tal‑valuri DNEL u PNEC u dwar il-korrelazzjoni tagħhom ma’ valuri oħra. Fil-fatt, din l-informazzjoni minima hija indispensabbli sabiex jinftiehem dak li jirrappreżentaw il-valuri DNEL u PNEC u jiġi stabbilit ma’ x’hiex jirrelataw. Għandu għalhekk jiġi ammess, kif tenfasizza l‑ECHA, li, kieku ġew ippubblikati biss il-valuri mingħajr spjegazzjoni dwar is-sinjifikat tagħhom, id-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija titlef l‑effett utli tagħha.

109    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni li ċerta informazzjoni kienet diġà aċċessibbli għall-pubbliku, huwa evidenti u, qabelxejn, mhux ikkontestat mill-partijiet li l-parti tal-informazzjoni li kienet diġà aċċessibbli għall-pubbliku setgħet tiġi żvelata. Il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija fir-realtà jekk il-ġabra tad-data xjentifika magħrufa –u, għalhekk, li hija diġà aċċessibbli għall-pubbliku – u data xjentifika sigrieta għandhiex tiġi żvelata. Ir-rikorrenti ssostni li tali kumbinazzjoni tipproduċi ġabra ta’ informazzjoni kumplessa li, bħala tali, ma hijiex faċilment aċċessibbli u li għalhekk għandha tingħata trattament kunfidenzjali.

110    Għandu jiġi kkonstatat li fil-lista ta’ informazzjoni kkontestata, ir‑rikorrenti ma identifikatx dik li hija data xjentifika sigrieta miġbura ma’ informazzjoni diġà aċċessibbli għall-pubbliku. Fuq kollox, mill-analiżi li tinsab fil-punti 58 et seq. hawn fuq jirriżulta li dawn ma humiex koperti bis-sigriet kummerċjali.

111    Minn dan isegwi li l-ECHA ma kkommettietx żball meta kkunsidrat, fid‑deċiżjonijiet ikkontestati, li parti mill-informazzjoni kkonstata kienet diġà aċċessibbli għall-pubbliku inkwantu hija kienet diġà ġiet ippubblikata u li parti oħra kellha tkun aċċessibbli għall-pubbliku skont l-Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1907/2006.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001

113    Ir-rikorrenti ssostni li l-ECHA tippreġudika b’mod mhux iġġustifikat id‑dritt tagħha għal trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li tikkostitwixxi l-proprjetà intellettwali tagħha, li hija koperta bis-sigriet kummerċjali tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għad-definizzjoni tas‑sigriet kummerċjali li tinsab fl-Artikolu 39(2) tal-Ftehim TRIPS.

114    L-ECHA tiċħad dan l-ilment.

115    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 39(2) tal-Ftehim TRIPS jipprevedi dan li ġej:

“Persuni naturali u legali għandhom jkollhon il-possibbilità li jipprevjenu l-iżvelar ta’ informazzjoni li hi legalment fil-kontroll tagħhom, akwiżit minn, jew użat minn oħrajn mingħajr il-kunsens tagħhom b’mod mhux skont il-prattika kummerċjali onesta sakemm din l-informazzjoni hi:

a)      sigriet fis-sens li mhix, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u t-tagħqid tal-komponenti tiegħu, magħrufa ġeneralment jew aċċessibbli b’mod faċli lill-persuni li ġeneralment jitrattaw din it-tip ta’ informazzjoni;

b)      għandha valur kummerċjali minħabba li hi sigriet […]”

116    Qabel xejn għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, li jagħmel parti mill-ftehimiet tad-WTO, iffirmati mill-Komunità Ewropea u sussegwentement approvati bid-Deċiżjoni Komunità Ewropea u wara approvati permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil‑kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), jikkostitwixxu parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni teżisti f’qasam ikkonċernat mill-Ftehim TRIPs, huwa d-dritt tal-Unjoni li japplika, u dan jimplika, sa fejn huwa possibbli, l-obbligu li tingħata interpretazzjoni konformi ma’ dan il-ftehim, mingħajr madankollu ma jingħata effett dirett lid-dispożizzjoni inkwistjoni ta’ dan il-ftehim (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos, C‑431/05, EU:C:2007:496, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-Artikolu 39(2) tal-Ftehim TRIPs ma jistax bħala tali jiġi invokat sabiex jinvalida d-deċiżjonijiet ikkontestati.

117    Sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li jeżisti prinċipju, ispirat mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 39(2) tal-Ftehim TRIPs, li s-sempliċi fatt li persuna tkun ippreżentat dokument għandha dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq dan id-dokument ikun biżżejjed sabiex tapplika l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan għandu jiġi miċħud.

118    Fil-fatt, tali approċċ ma huwiex konformi mal-kontenut tal‑Artikolu 39(2) tal-Ftehim TRIPs li minnu hija ispirata r-rikorrenti. Din id-dispożizzjoni tipprevedi fil-fatt li, sabiex ma tkunx żvelata, l‑informazzjoni kkonċernata għandha tkun “sigrieta”. Il-fatt li għandha valur kummerċjali ma jagħmilx lil din l-informazzjoni sigrieta.

119    Bl-istess mod, l-approċċ użat mir-rikorrenti jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni mogħtija lid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tieħu prijorità b’mod sistematiku fuq il-preżunzjoni favur l-iżvelar tal‑informazzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001 u bl‑Artikolu 118(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Kif tenfasizza l‑ECHA, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li dritt ta’ awtur jipproteġi dokument jimplika li dan tal-aħħar għandu sigriet kummerċjali jew li d-detentur tiegħu jista’ b’hekk juża l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

120    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16 du Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li “[d]an ir-regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli fis-seħħ li jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ parti terza li tirriproduċi jew li tisfrutta dokumenti żvelati”. Bl-istess mod, kif tfakkar fil-punt 66 hawn fuq, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li applikant sussegwenti tal-użu ta’ sustanza għandu jitlob l-awtorizzazzjoni tal-applikant preċedenti sabiex ikun jista’ jirreferi għall-partijiet relevanti tal-applikazzjoni preċedenti. Dawn id-dispożizzjonijiet jipproteġu b’hekk lid-detentur ta’ dokument kontra l-preġudizzju għad-dritt tal-awtur u għall-valur kummerċjali tal-imsemmi dokument f’każ fejn l-informazzjoni li tinsab fih tiġi żvelata wara talba ta’ aċċess għaliha. Fil-fatt dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li l-informazzjoni kkontestata tiġi użata għal finijiet kummerċjali mill-kompetituri u milli jagħtuhom b’dan il-fatt vantaġġ kompetittiv.

121    Minn dan jirriżulta li t-tieni ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ indikazzjoni ċara fir-rigward tal-interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata

122    Fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-“interess pubbliku superjuri” li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata ma jistax jiġi kkunsidrat la bħala kawża u lanqas bħala riżultat tal-imsemmi żvelar. Hija tikkunsidra li l-interess li huwa relatat mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (jew tal-interessi kummerċjali tagħha) jaffettwa l-interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata u żżid li l‑ECHA ma spjegatx f’hiex kien jikkonsisti l-interess pubbliku għall‑iżvelar tal-informazzjoni kkontestata.

123    Għandu jitfakkar li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tipprevedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jirrifjutawx l‑aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu huwa ġġustifikat minn interess pubbliku superjuri, anki jekk dan jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari jew il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑534/11, EU:T:2014:854, punt 74). F’dan il-kuntest, għandu jkun ibbilanċjat, minn naħa, l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad‑dokument ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, l‑interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal‑vantaġġi li jirriżultaw, kif huwa ppreċiżat fil-premessa 2 tar‑Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll leġittimità ikbar, effiċjenza ikbar u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni taċ-ċittadini f’sistema demokratika (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:442, punt 136).

124    Jekk l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 92), madankollu mill-ġurisprudenza jirriżulta li kunsiderazzjonijiet ġenerali waħedhom ma jistgħux jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza għandu rilevanza partikolari li tista’ tipprevalixxi fuq ir-raġunijiet tar-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni u li huwa l-applikant li għandu jinvoka b’mod konkret iċ‑ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat interess pubbliku superjuri għall‑iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 93 u 94, u tat-23 ta’ Settembru 2015, ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, T‑245/11, EU:T:2015:675, punt 193).

125    F’dan il-każ, kif tenfasizza l-ECHA, din ma kkonkludietx li l‑informazzjoni inkwistjoni għandha tkun protetta minn skema ta’ eċċezzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’hekk, hija ma kellhiex obbligu li tistabbilixxi jew tevalwa l-interess pubbliku għall-iżvelar tal-informazzjoni, u lanqas li jkun hemm l-ibbilanċjar mal-interess tar-rikorrenti sabiex tissalvagwardja l-imsemmija informazzjoni kunfidenzjali.

126    Minn dan isegwi li dan l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv.

127    Fuq kollox, f’dak li jirrigwarda l-valuri DNEL u PNEC li jinsabu fir‑rapport dwar is-sigurtà kimika u l-analiżi tas-soluzzjoni tal-alternattivi, għandu jitfakkar li, anki jekk dawn il-valuri jirriżultaw mill-interess kummerċjali tar-rikorrenti, l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li jkunu ex officio aċċessibbli għall-pubbliku. Dan l-obbligu ta’ aċċess għal din l-informazzjoni huwa ġġustifikat, fil-premessa 117 tal‑istess regolament, bil-ħtieġa li ċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw informazzjoni dwar is-sustanzi li għalihom jirriskjaw li jkunu esposti sabiex ikunu jistgħu jieħdu, b’għarfien tal-kawża, deċiżjonijiet dwar l‑użu li jixtiequ jagħmlu ta’ dawn is-sustanzi.

128    Kif essenzjalment u korrettament tenfasizza l-ECHA, mill‑Artikolu 119(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 u mill-premessa 117 tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-iżvelar tal‑informazzjoni li kien hemm imsemmija kienet kwistjoni ta’ interess maġġuri. L-imsemmi leġiżlatur stess ibbilanċja l-interessi sabiex minnu jikkonkludi li l-interess tal-iżvelar tal-informazzjoni relatata mal-valuri DNEL u PNEC kien ikbar meta mqabbel mal-interess tar-rikorrenti sabiex ma jiġux żvelati, peress li din l-informazzjoni kienet tikkonċerna interessi fost l-iktar sinjifikattivi eżistenti, jiġifieri dawk li jirrigwardaw is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma tali li jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza jippreżenta element partikolari li jista’ jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tal‑iżvelar tal-imsemmija informazzjoni kkontestata.

129    L-istess jgħodd fir-rigward tal-valuri ta’ espożizzjoni NOAEL – jiġifieri dawk intiżi sabiex jindikaw il-konċentrazzjoni massima mingħajr effett noċiv osservat – li jinsab fl-approċċi, fil-metodi u fir-riflessjonijiet. Fil‑fatt, anki jekk l-iżvelar tagħhom jista’ jikkawża preġudizzju għall‑interessi kummerċjali tar-rikorrenti – ħaġa li din madankollu lanqas irnexxielha turi –, din l-informazzjoni hija fi kwalunkwe każ essenzjali sabiex il-pubbliku jkollu indikazzjoni dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tad-DEHP. B’hekk, l-ECHA ma kkommettietx żball meta kkunsidrat li kien jeżisti interess kbir għall-pubbliku sabiex din l-informazzjoni tiġi żvelata.

130    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-ECHA ma indikatx b’mod ċar u konkret liema interess pubbliku jiġġustifika l-iżvelar tal‑informazzjoni kkontestata, din għandha tiġi miċħuda. Kif jirriżulta mill-punti 69, 92, 128 u 129 hawn fuq, l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni kkontestata ġiet immotivata bir-riferiment għall-Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1907/2006 – li jsib il-ġustifikazzjoni tiegħu fil-premessa 117 tal‑istess regolament – għal dak li jirrigwarda r-riferimenti għall-valuri DNEL u PNEC, minn naħa, u bil-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati stess fir-rigward tal-valuri ta’ espożizzjoni NOAEL, min-naħa l-oħra.

131    Għaldaqstant, it-tielet ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ indikazzjoni ċara fir‑rigward tal-interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

132    Ir-rikorrenti ssostni li l-ECHA kisret l-Artikolu 296 TFUE billi ma indikatx il-motivi li jistgħu jistabbilixxu jekk l-informazzjoni kkontestata kinitx tikkostitwixxi jew le sigrieti kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 39(2) tal‑Ftehim TRIPs u, a fortiori, billi ma semmietx l-eventwali interess pubbliku superjuri li jiġġustifika d-deċiżjoni ta’ żvelar ta’ din l‑informazzjoni kunfidenzjali.

133    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l‑Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal‑istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill‑qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l‑interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal‑kuntest tiegħu u tat-totalità tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Valero Jordana vs Il‑Kummissjoni, T‑161/04, mhux ippubblikata, EU:T:2011:337, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    F’dan il-każ, qabelxejn, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, l-ECHA issemmi li, xi informazzjoni li tinsab fir-rapport dwar is-sigurtà kimika għandha tiġi żvelata minħabba li diġà hija aċċessibbli għall-pubbliku: din hija informazzjoni diġà disponibbli fuq l-internet (pereżempju, fil‑Kapitolu 9.0.1, tabella sommarja tal-użi li huma s-suġġett tad‑deskrizzjonijiet, diġà ppubblikata fuq is-sit tal-ECHA, bħala informazzjoni ġenerali fuq l-użi mitluba għall-konsultazzjoni tal‑pubbliku dwar l-alternattivi), informazzjoni dwar il‑pubblikazzjonijiet evalwati bejn il-pari (pereżempju, Kapitolu 5.10.1.2), sunti ta’ studji u ta’ evalwazzjonijiet ekotossikoliġiċi esperimentali ppubblikati fir-rivisti approvati bejn il-pari jew anki kapitoli li ġew adottati jew ikkuppjati direttament tal-evalwazzjoni tar‑riskji ppreżentata fl-2008 mill-Unjoni, aċċessibbli għall-pubbliku (pereżempju, Kapitoli 5.6.3, 5.7.3, 5.10.3 u p. 141 sa 142 u 168 sa 175).

135    Għandu jiġi kkonstatat li l-motivi li għalihom l-informazzjoni hawn fuq imsemmija ma għandiex taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 joħorġu b’mod ċar mid‑deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri li din l-informazzjoni hija diġà aċċessibbli għall-pubbliku.

136    Imbagħad L-ECHA tenfasizza, fir-rigward tal-analiżi tal-alternattivi u tar-rapport tas-sigurtà kimika, li l-valuri DNEL u PNEC, ir-riżultati tal‑istudji u l-konklużjonijiet tal-klassifikazzjoni ma humiex ikkunsidrati bħala kunfidenzjali, għaliex dawn ir-riżultati u dawn il-konklużjonijiet bħala tali, mingħajr l-evalwazzjoni ddettaljata sottostanti, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jippreġudikaw b’mod serju l-interess kummerċjali tar-rikorrent jew ta’ parti terza. Minn naħa waħda, minn din il‑motivazzjoni jirriżulta li l-ECHA għamlet distinzjoni bejn, minn naħa waħda, id-data “oġġettiva” u l-konklużjonijiet sempliċi li jistgħu faċilment jiġu misluta minnha – ikkunsidrati bħala mhux kunfidenzjali – u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet iddettaljati magħmula mir‑rikorrenti abbażi ta’ din id-data – ikkunsidrati bħala kunfidenzjali. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ikkontestati jsemmu wkoll li din it-tip ta’ informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-ECHA skont l‑Artikolu 119(1)(c), (e) u (f) tar-Regolament Nru 1907/2006.

137    Għalhekk, fir-rigward tal-informazzjoni relatata mal-valuri DNEL u PNEC, għandu jiġi kkonstatat li l-ECHA mmotivat b’mod suffiċjenti r‑raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-iżvelar tagħha ma għandux jippreġudika l-interess kummerċjali tar-rikorrenti kif ukoll li r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat ruħha obbligata tiżvela l-informazzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ obbligu previst fl-Artikolu 119(1)(c), (e) u (f) tar-Regolament Nru 1907/2006.

138    Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jindikaw li l-valuri ta’ espożizzjoni NOAEL li jinsabu fl-approċċi, fil-metodi u fir-riflessjonijiet ma setgħux jippreġudikaw l-interess kummerċjali tar-rikorrenti u li, konsegwentement, l-iżvelar tar-raġunijiet ta’ karatterizzazzjoni tar-riskji (RCR) – li jirrappreżentaw kumbinazzjoni ta’ data li jirriflettu l‑valuri DNEL u PNEC u valuri ta’ espożizzjoni – lanqas kien jippreġudika l‑imsemmi interess kummerċjali. L-ECHA tenfasizza li din it-tip ta’ informazzjoni ma tistax tiġi applikata għall-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tirrileva li din it-tip ta’ informazzjoni hija essenzjali sabiex il-pubbliku jkollu indikazzjoni dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tad-DEHP u li għalhekk jeżisti interess kbir għall-pubbliku sabiex din l-informazzjoni tiġi żvelata.

139    Minn dan jirriżulta li l-ECHA semmiet b’mod ċar il-motivi li għalihom l-informazzjoni inkwistjoni għandha, fl-opinjoni tagħha, tkun ippubblikata, dawk li għalihom ġew miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jiġu applikati l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 u dawk li għalihom hija kkunsidrat li ċerta informazzjoni ma setgħetx tiġi żvelata.

140    Finalment, id-deċiżjonijiet ikkontestati jindikaw li l-ismijiet tal-awturi tar-rapporti ta’ studji mhux ippubblikati ma ġewx żvelati, skont l‑Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda li l-ebda eċċezzjoni ma kienet applikabbli għad-data u għat-titolu tal-istudji.

141    Anki hawn, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet ikkontestati fihom il-motivi li għalihom huma biss id-dati u t-titolu tal-istudji li għadhom ma ġewx ippubblikati li jistgħu jiġu żvelati.

142    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud, peress li l-ECHA mmotivat b’mod suffiċjenti fid‑dritt id-deċiżjonijiet ikkontestati.

143    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati, minn naħa waħda, fir-rigward tat-tieni, fuq il-ksur tal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Ftehim TRIPs u fuq il-preġudizzju għad-dritt ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tielet, fuq il-ksur tal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tal-KEDB u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-preġudizzju għad-dritt ta’ proprjetà u tal-protezzjoni tal-proprjetà

144    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandha tanalizza flimkien it-tieni u t‑tielet motivi, ibbażati, minn naħa, fir-rigward tat-tieni, fuq il-ksur tal‑obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Ftehim TRIPs u fuq il‑preġudizzju riżultanti għad-dritt tal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat‑tielet, fuq il-ksur tal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tal-KEDB u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal‑preġudizzju għad-dritt ta’ proprjetà u tal-protezzjoni tal-proprjetà.

145    Preliminarjament, kif tfakkar fil-punt 116 hawn fuq, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs huma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni, iżda ma jista’ jingħatalhom l-ebda effett dirett. Minn dan isegwi l-Artikolu 39(2) tal-Ftehim TRIPs ma jistax bħala tali jiġi invokat sabiex jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati.

146    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-ECHA li, sabiex ikun sostnut li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-KEDB, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Ftehim TRIPs, ir-rikorrenti kellha tinvoka l‑inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament Nru 1907/2006 – jiġifieri l-Artikolu 119(1)(c), (e) u (f) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi preżunzjonijiet legali mhux kunfidenzjali – mad-dritt primarju tal-Unjoni jew mad- dispożizzjonijiet ġuridiċi superjuri tal‑imsemmi ftehim.

147    Fir-rigward id-dikjarazzjoni bbażata fuq ksur tal-KEDB u tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti tinvoka dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ informazzjoni, li huwa stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE. Għandu jitfakkar ukoll, skont il-ġurisprudenza, li l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali hija rikonoxxuta bħala prinċipju ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 28; tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il‑Kummissjoni, C‑36/92 P, EU:C:1994:205, punt 37, u tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 49). Il-kwistjoni tqum għalhekk dwar jekk l‑Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1907/2006 ġiex interpretat b’mod li, meta ġie applikat, l-ECHA kkawżat preġudizzju għad-dritt fundamentali ta’ protezzjoni tal-informazzjoni. B’hekk, kif essenzjalment issostni r‑rikorrenti, l-argument tagħha ma huwiex indirizzat kontra din id‑dispożizzjoni partikolari tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda kontra l-mod li bih l-ECHA interpretat din id-dispożizzjoni u, b’hekk, il-mod kif hija applikatha. Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata illi ma invokatx, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-inapplikabbiltà tar-regolament minħabba l-allegata kontradizzjoni tagħha mad-dritt primarju tal-Unjoni.

148    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-Ftehim TRIPs, għar‑raġunijiet imfakkra fil-punt 145 hawn fuq, huwa irrilevanti l‑argument tal-ECHA li r-rikorrenti kellha tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti kkonċernati meta mqabbla mal-Ftehim TRIPs.

149    Fit-tieni lok, għandu jiġi analizzat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal‑obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Ftehim TRIPs u mill-preġudizzju li jirriżulta minnu għad-dritt tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Ir‑rikorrenti ssostni li l-informazzjoni kkontestata tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali (informazzjoni kunfidenzjali) fis-sens tal-Artikolu 39(2) tal-Ftehim TRIPs fis-sens li, fit-totalità tagħhom jew fil-konfigurazzjoni jew fil-ġabra eżatta tal-punti tagħhom, huma mhumiex ġeneralment irrikonoxxuti bħala persuni li normalment jużaw dan it-tip ta’ informazzjoni inkwistjoni jew ma hijiex faċilment aċċessibbli għalihom.

150    Kif tfakkar fil-punt 116 hawn fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni teżisti f’qasam kopert bil-Ftehim TRIPs, għandu japplika d-dritt tal-Unjoni, li jimplika l-obbligu, sa fejn hu possibbli, li ssir interpretazzjoni konformi ma’ dan il-ftehim.

151    Ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1907/2006 għandhom għalhekk ikunu interpretati b’mod li jiżgura l-konformità tagħhom mal-kontenut tal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs. Din l-aħħar dispożizzjoni ma għandhiex madankollu timplika li l-protezzjoni mogħtija lid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tipprevalixxi b’mod assolut fuq il-preżunzjoni favur l-iżvelar tal-informazzjoni ppreżentata fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-użu ta’ sustanza kimika. F’dan is-sens, l-approċċ difiż mir-rikorrenti jwassal sabiex l-Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1907/2006 jibqa’ mhux applikat. Issa, tali approċċ ma għandux jintuża, peress li jwassal, fir-realtà, sabiex jikkontesta l-legalità ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 800).

152    F’dan il-każ, ma jidhirx li l-ECHA applikat ir-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1907/2006 b’mod li ma huwiex koerenti mal‑Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs.

153    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 60 sa 67 hawn fuq, l-istudji ppubblikati – u, għalhekk, diġà aċċessibbli għall-pubbliku – setgħu jiġu żvelati. Dan huwa iktar kredibbli milli li l-ECHA ħbiet il-konklużjonijiet – misluta mir-rikorrenti fid-dawl ta’ dawn l-istudji – li ma humiex aċċessibbli għall-pubbliku u li dwarhom hija kkunsidrat essenzjalment li kienu jirrappreżentaw valur miżjud fis-sens imsemmi fil-punt 60 hawn fuq. Dawn il-konklużjonijiet huma għalhekk differenti mill-kontenut oġġettiv tal-istudji kif ukoll mill-konklużjonijiet sempliċi li jistgħu jissieltu, minn dawn l-istudji, irrispettivament minn liema qasam kompetenti huwa kkonċernat.

154    Id-distinzjoni hekk magħmula mill-ECHA bejn il-kontenut oġġettiv tal‑istudji u l-konklużjonijiet sempliċi li jistgħu jiġu misluta minnhom, minn naħa waħda, u l-evalwazzjonijiet uniċi u personali li għandhom valur miżjud, min-naħa l-oħra, jirriżultaw minn applikazzjoni tar‑Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1907/2006 li hija koerenti mal‑Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs.

155    F’dak li jirrigwarda l-istudji msemmija fil-punt 68 hawn fuq, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti ma ppreżentatx elementi li jippermettu li jiġi mifhum f’hiex l-iżvelar tagħhom huwa illegali. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li hija lanqas uriet f’hiex l-ECHA ma applikatx id-dritt tal‑Unjoni b’mod koerenti mal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs.

156    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-valuri DNEL u PNEC u tal-valuri ta’ espożizzjoni NOAEL, ġie enfasizzat, b’mod partikolari fil-punti 129 u 151 hawn fuq, li l-applikazzjoni koerenti tar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1907/2006 u tal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs ma tistax twassal sabiex l-Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1907/2006 jitħalla mhux applikat u lanqas li jiġi injorat l-interess tas‑saħħa pubblika. Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 39 tal-Ftehim TRIPs stess jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, il-possibbiltà ta’ żvelar jekk ikun neċessarju sabiex jiġi protett il-pubbliku.

157    Minn dan isegwi li t-tieni motiv ma huwiex fondat.

158    Fir-rigward tat-tielet motiv, għandu jiġi enfasizzat, kif tfakkar fil‑punt 147 hawn fuq, li r-rikorrenti ma invokatx l-inkompatibbiltà tad‑dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament Nru 1907/2006 – jiġifieri l-Artikolu 119(1)(c), (e) u (f) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi preżunzjonijiet legali ta’ nuqqas ta’ kunfidenzjalità – mad-dritt primarju tal-Unjoni jew mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi superjuri tal‑ftehim, iżda li hija ssostni li l-mod li bih l-ECHA interpretat dawn id‑dispożizzjonijiet u, għalhekk, il-mod li bih hija applikathom ma kienx konformi mal-Artikolu 8 tal-KEDB, mal-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali tal‑KEDB u mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

159    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8 tal-KEDB, filwaqt li, fil-paragrafu 1, jistabbilixxi l-prinċipju li m’għandux ikun hemm indħil minn awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tad-dritt għall-ħajja privata, jipprovdi, fil‑paragrafu 2, li tali indħil huwa possibbli sakemm “jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat d-diżordni jew l-għemil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u [tal-] libertajiet ta’ ħaddieħor”.

160    Għandu jiġi kkonstatat li, fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tinterpreta b’mod żbaljat il-portata tal-Artikolu 8 tal-KEDB billi tenfasizza li din id-dispożizzjoni tipproteġi d-dritt ta’ proprjetà tagħha. Hija ma tippreżenta l-ebda argument speċifiku sabiex turi li kien hemm preġudizzju għall-prinċipju ta’ indħil ta’ awtoritajiet pubbliċi fl‑eżerċizzju tad-dritt għal ħajja privata kif stabbilit minn din id-dispożizzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja din l-interpretazzjoni żbaljata u n-nuqqas ta’ argumenti li jirriżultaw minnha, l-ilment tagħha jibqa’ komprensibbli. F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 47 u 48), billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jista’ jkun meħtieġ li jiġi pprojbit l-iżvelar ta’ informazzjoni kklassifikata bħala kunfidenzjali, sabiex jiġi ppreżervat id-dritt fundamentali ta’ impriżi għar-rispett tal‑ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u fl-Artikolu 7 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “ħajja privata” ma għandux ikun interpretat bħala li jeskludi l-attività kummerċjali ta’ persuna ġuridika.

161    Fir-rigward tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dan jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill‑proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il‑kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku. Skont il-ġurisprudenza, il‑protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni tirrigwarda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal‑ordinament ġuridiku, pożizzjoni ġuridika miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il‑proprjetarju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 34).

162    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-dritt għal protezzjoni tal-ħajja privata kif stabbilit bl-Artikolu 8 tal-KEDB huwa parti integrali mill‑prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tagħhom. Madankollu dan il-prinċipju ma huwiex wieħed assolut iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar-rwol tiegħu fis-soċjetà. Jista’ jkollu xi restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw b’mod effettiv għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-Unjoni u li ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, miżura sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza tiegħu stess (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il‑Kummissjoni, C‑404/92 P, EU:C:1994:361, punti 17 u 18, u tal-24 ta’ Settembru 2008, M vs L‑Ombudsman, T‑412/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:397, punt 126). Skont il-ġurisprudenza, l-istess japplika fir-rigward tad-dritt ta’ proprjetà kif stabbilit bl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 126).

163    Minn dan isegwi li l-Artikolu 8 tal-KEDB u l-Artikolu 17 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jippreskrivu eċċezzjoni awtomatika għall-prinċipju tal-iżvelar għad‑dokumenti mħejjija fil-kuntest tal-attività kummerċjali ta’ entità privata. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ talba ta’ aċċess magħmula minn parti terza għal dan it-tip ta’ dokumenti, huwa mitlub eżami konkret u effettiv tagħhom, ħlief fil-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali aċċettaw l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Kif ġie konkluż fil-punti 33 sa 42 hawn fuq, ma teżistix preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti ppreżentati fil‑kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista bir-Regolament Nru 1907/2006.

164    F’dan il-każ, l-ECHA għalhekk ipproċediet b’eżami konkret tad-data differenti kkonċernata bit-talba għal aċċess għal dokumenti. Għandu jiġi rrilevat li dan l-eżami sar b’mod konformi mad-dritt ta’ proprjetà u tad‑dritt tal-ħajja privata.

165    Qabelxejn, kif essenzjalment jirriżulta mill-punti 60 et seq. hawn fuq, għandu jiġi nnotat li xi informazzjoni kkontestata tikkostitwixxi kompilazzjoni ta’ studji aċċessibbli għall-pubbliku, iżda l-fatt li r-rapport li jiġbor dan ix-xogħol intellettwali għandu valur patrimonjali ma jfissirx li għaldaqstant l-informazzjoni kollha li fih għandha interess kummerċjali u li l-iżvelar tagħha tikkawża ex officio preġudizzju għal dan tal-aħħar. Il-preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, kif imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mhux neċessarjament stabbilit fir-rigward tal-valur patrimonjali tal-informazzjoni li hija s-suġġett tal-iżvelar.

166    Imbagħad, fir-rigward tal-informazzjoni relatata mal-valuri DNEL u PNEC, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-iżvelar tagħhom ma jikkawżax preġudizzju għad-dritt tal-ħajja privata u għad-dritt tal-proprjetà. Fil-fatt, l-indħil tal-ECHA fl-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet huwa permissibbli peress li dan huwa previst bl-Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa u tal‑ambjent.

167    Finalment, fir-rigward tal-valuri ta’ espożizzjoni NOAEL, l-iżvelar tagħhom huwa, wkoll, essenzjali sabiex il-pubbliku jkollu indikazzjoni dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tad-DEHP. Jeżisti għalhekk interess kbir għall-pubbliku sabiex din l-informazzjoni tiġi żvelata. Anki jekk l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt tal-ħajja privata u dak tal-proprjetà – ħaġa li madankollu ma ġietx ipprovata mir‑rikorrenti f’dan il-każ –, dan l-iżvelar jissodisfa fi kwalunkwe każ għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jiġu segwiti mill-Unjoni u bl‑ebda mod ma jikkostitwixxi, fir-rigward ta’ dan l-għan segwit, intervent sproporzjonat u mhux aċċettabbli li jippreġudika s-sustanza tagħhom stess.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar‑Regolament Nru 1049/2001

169    Ir-rikorrenti tqajjem ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipproteġi l-proċess deċiżjonali tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni kontra l-preġudizzji u l-influwenzi esterni, mhux iġġustifikati u illegali. Qabelxejn, hija ssostni li n-nuqqas ta’ żvelar tal-informazzjoni relatata mal-proċeduri li għadhom ma tawx lok għal deċiżjoni tal-istituzzjoni kkonċernata huwa l-prinċipju u jidħol fil-loġika tar-Regolament Nru 1049/2001. Billi tiżvela d-dokumenti, l-ECHA tikkawża preġudizzju b’mod serju għal dan il-proċess. Imbagħad, hija tenfasizza li, meta jagħti l-parir tiegħu, il-Kumitat għall-istima tar‑riskji u l-Kumitat ta’ analiżi soċjo-ekonomika jistgħu jkunu influwenzati bl-eventwali żvelar tal-informazzjoni kkontestata, għaliex dawn jippermettu wkoll lil min jitlob l-aċċess għal informazzjoni sabiex jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tagħhom. Għall-kuntrarju, min jitlob l‑awtorizzazzjoni ma jkollux aċċess għal-laqgħat tal-imsemmija kumitati u ma għandux dritt għal smigħ fl-istadji kollha tal-proċedura. Finalment, ir-rikorrenti tenfasizza li l-ebda interess pubbliku superjuri ma jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.

170    L-ECHA tikkontesta dawn l-argumenti.

171    Għandu jitfakkar li l-premessa 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 tenfasizza li għandu jkun permess lill-istituzzjonijiet li jipproteġu l‑konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni tagħhom meta dan huwa neċessarju sabiex jipproteġi l-kapaċità tagħhom li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom. F’dan is-sens, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament jipprevedi li “[a]ċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat‑teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

172    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni timplika li għandu jintwera li l-aċċess għad-dokument redatt mill‑istituzzjoni għall-użu intern tagħha inkwistjoni seta’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal‑istituzzjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 74).

173    Barra minn hekk, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il‑preġudizzju għall-proċess deċiżjonali jrid ikun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokument imsemmi jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. L-evalwazzjoni tal-gravità tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari mill-effetti negattivi ta’ dan l-iżvelar fuq il-proċess deċiżjonali invokati mill‑istituzzjoni (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 75, u tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 71).

174    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat ir‑raba’ motiv.

175    Qabelxejn, għandu jiġi miċħud l-approċċ tar-rikorrenti intiż sabiex l‑eċċezzjoni għall-iżvelar previst fl-Artikolu 4(3) Regolament Nru 1049/2001 issir prinċipju. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti stabbilit fl-Artikolu 2 tal-istess regolament jibqa’ dak applikabbli għall-informazzjoni relatata mal-proċeduri li ma waslux għal deċiżjoni tal-istituzzjoni kkonċernata. L-eċċezzjonijiet għal dan il‑prinċipju huma ddefiniti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, kif interpretat mill-ġurisprudenza. Għalhekk ma għandux ikun hemm eċċezzjoni għall-prinċipju tal-aċċess għal dokumenti skont l‑Artikolu 4(3) hawn fuq imsemmi ħlief skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 172 u 173 hawn fuq.

176    Imbagħad, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għall‑informazzjoni kkontestata setax jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-ECHA. Ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li min jitlob l‑awtorizzazzjoni ma għandux garanzija ta’ dritt għal smigħ matul l‑istadji kollha tal-proċess deċiżjonali u ma għandux il-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet dwar irregolaritajiet jew żbalji. Barra minn hekk, il-Kumitat għall-istima tar‑riskji u l-Kumitat ta’ analiżi soċjo‑ekonomika jippermettu lil min jitlob l-aċċess għall-informazzjoni sabiex jipparteċipa għad-deliberazzjonijiet tagħhom. Għall-kuntrarju min jitlob awtorizzazzjoni ma għandux dritt jipparteċipa għall-imsemmija deliberazzjonijiet.

177    Minn naħa waħda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 64(5) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li l-ECHA tibgħat l-abbozzi tal-opinjonijiet tal-Kumitat għall-istima tar‑riskji u tal-Kumitat ta’ analiżi soċjo‑ekonomika lil applikant għal awtorizzazzjoni u li dan jista’ jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub jekk jixtieq fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-abbozz tal-opinjonijiet. Din id-dispożizzjoni b’hekk tiżgura lill-applikant għal awtorizzazzjoni d-dritt li jippreżenta argument bil-miktub lill-kumitati qabel ma dawn jadottaw opinjoni finali dwar l‑applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

178    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma turix kif il-fatt li dawk li jitolbu aċċess għal informazzjoni jingħataw il-possibbiltà li jkunu osservaturi jista’ jippreġudika b’mod serju il-proċess deċiżjonali tal-ECHA.

179    Fil-fatt, l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat għall-istima tar‑riskji u tal-Kumitat ta’ analiżi soċjo-ekonomika (bir-referenza MB/09/2009 finali, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal‑kumitati”), redatti f’termini identiċi, jipprevedu li l-osservaturi (stakeholder representatives) “jistgħu” jitħallew jassistu għal-laqgħat tal‑kumitati, biex l-ECHA jkollha b’hekk marġni diskrezzjonali f’dan ir‑rigward. Fuq kollox, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-ECHA hija f’kuntest strett. Skont l-Artikolu 6(6) ta’ dawn ir-Regoli tal‑Proċedura, l-osservaturi għandhom ikunu konformi ma’ “Kodiċi ta’ Kondotta tal-osservaturi ta’ organizzazzjonijiet ikkonċernati fil-laqgħat tal-ECHA” (bir-referenza ED/62/2008, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta”), adottat b’deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA tad‑9 ta’ Ottubru 2008.

180    Dan il-Kodiċi ta’ Kondotta jipprevedi li l-organizzazzjonijiet ikkonċernati għandhom jevitaw li jinnominaw, bħala osservaturi, persuni li għandhom interess dirett fil-każ li huwa evalwat mill-kumitati u li, jekk ikun hemm tali interess, għandhom jiddikjarawh fil-bidu tal-laqgħa (punt 6). Huwa jenfasizza wkoll li l-osservaturi ma jistgħux jinterferixxu fil-laqgħat b’tali mod li jintimidaw jew itellfu x-xogħol tal-korp (punt 7) u li l‑parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat hija fid-diskrezzjoni tal-President (punt 8). Il-Kodiċi ta’ Kondotta jsemmi wkoll li l-osservaturi normalment għandhom jinformaw minn qabel – sa mhux iktar tard mill-bidu tal‑laqgħa – lill-president bil-punti li dwarhom huma jixtiequ jintervjenu u li l-interventi tagħhom għandhom ikunu qosra u fil-ħin mogħti lilhom (punt 9). Finalment, il-Kodiċi ta’ Kondotta jispjega li l-osservaturi jistgħu jippreżentaw dokumenti, iżda l-fatt li dawn jitqassmu ma jfissirx li l‑ECHA tivvalida jew tapprova l-kontenut tagħhom (punt 15).

181    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti tinterpreta b’mod żbaljat ir-rwol tal-osservaturi matul il-laqgħat tal-kumitati u li r‑rwol tagħhom huwa rregolat strettament sabiex jiġu preklużi milli jippreġudikaw b’mod serju l-proċess deċiżjonali.

182    Jekk ma huwiex ikkontestat mill-ECHA li persuna li titlob awtorizzazzjoni ma għandhiex il-possibbiltà, bħala regola, li tipparteċipa, bl-istess mod bħall-osservaturi, fil-laqgħat tal-kumitati u li ma għandiex għalhekk id-dritt li tesprimi lilha nnifisha matulhom, madankollu għandu jiġi kkonstatat, kif ġie enfasizzat fil-punt 177 hawn fuq, li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament Nru 1907/2006 jawtorizzaha sabiex tippreżenta argument bil-miktub ibbażat fuq il-fatti u jagħtiha terminu ta’ xahrejn mid-data li fih tirċievi l‑abbozz tal-opinjoni sabiex tagħmel dan. F’din l-okkażjoni, ikun possibbli għaliha li tirrispondi għall-eventwali rimarki tal-osservaturi.

183    Għandu jiġi nnotat ukoll li, bħala risposta għad-domanda bil-miktub tal‑Qorti Ġenerali lill-partijiet, dwar ir-rwol tal-osservaturi kif previst mill-Kodiċi ta’ Kondotta, l-ECHA tirreferi għal dokument ta’ gwida tal‑14 ta’ Diċembru 2012 li fih huwa deskritt l-approċċ segwit minnha fil-kuntest tal-proċedura ta’ applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ gwida”). L-ECHA tirrileva li l-preżenza ta’ osservaturi u n-nuqqas tal-partijiet rikorrenti jista’ jwassal għal seduta li ma hijiex ġusta, peress li huma biss dawk li tal-ewwel li huma awtorizzati jissottomettu osservazzjonijiet dwar il-kawża kkonċernata. Kien għalhekk li hija spjegat fid-dokument ta’ gwida li, f’dan it-tip ta’ proċedura, l-osservaturi ma għandhomx dritt jitkellmu waqt il-laqgħat tal-kumitati. Għandu jiġi rrilevat li din il-gwida hija konformi mal-Kodiċi ta’ Kondotta, li jagħti marġni diskrezzjonali lill-ECHA filwaqt li jindika li l-osservaturi “jistgħu” jiġu aċċettati jipparteċipaw fil-laqgħat tal‑kumitati u li jagħti lill-president setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat‑tmexxija tal-laqgħat. Bl-istess mod, l-ECHA ipprevediet li, sabiex tiżgura l-koerenza mal-Kodiċi ta’ Kondotta u mar-Regoli tal-Proċedura tal-kumitati, l-osservaturi ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni kummerċjali ta’ natura kunfidenzjali u ma jistgħux ikunu preżenti għall‑partijiet tal-laqgħat li fihom din l-informazzjoni tkun is-suġġett ta’ diskussjonijiet.

184    Finalment, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda prova konkreta li tippermetti li jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, l-aċċess għall‑informazzjoni kkontestata fir-rigward tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-użu tad-DEHP għandu impatt sostanzjali fuq il‑proċess deċiżjonali tal-ECHA u tal-Kummissjoni u b’hekk jippreġudikah b’mod serju.

185    Fid-dawl tal-mekkaniżmu previst bir-Regolament Nru 1907/2006 u konkretizzat bir-Regoli tal-Proċedura tal-kumitati, il-Kodiċi ta’ Kondotta u d-dokument ta’ gwida, minn naħa waħda, u n-nuqqas ta’ xi prova konkreta li tippermetti suspett li, f’dan il-każ, l-aċċess għall‑informazzjoni kkontestata seta’ poġġa f’perikolu l-proċess deċiżjonali tal-ECHA, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata ma għandux ikollu effetti negattivi fuq il‑proċess deċiżjonali sal-punt li jqiegħed lil dan tal-aħħar fil-perikolu.

186    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi miċħud.

187    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv ta’ inammissibbiltà invokata bħala difiża mill-ECHA.

 Fuq l-ispejjeż

188    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-ECHA, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura għal miżuri provviżorji.

189    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

190    ClientEarth, EEB et HCWH Europe għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Deza, a.s. għandha tbati, apparti l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inkluż l-ispejjeż relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

4)      ClientEarth, European Environmental Bureau (EEB) u Vereniging Health Care Without Harm Europe għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Jannar 2017 *.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv distint, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ta’ informazzjoni ppreżentata fil-kuntest tal proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1907/2006

2.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkontestata minħabba n-natura kummerċjali tagħha u tal-fatt li hija kienet tkopri l-għarfien tar-rikorrenti

Fuq il-kwistjoni tal-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar Regolament Nru 1049/2001

Fuq il-kwistjoni tal-obbligu ta’ żvelar tal-informazzjoni skont l Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 jew tan-natura diġà pubblika tagħha

–  Fuq l-ammissibbiltà tal-kontestazzjoni bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006

–  Fuq l-eżistenza tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni skont l-Artikolu 119(1)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 u fuq ilkwistjoni tan-natura diġà pubblika ta’ informazzjoni oħra

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar Regolament Nru 1049/2001

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ indikazzjoni ċara fir-rigward tal-interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata

Fuq ir-raba’ ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

3.  Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati, minn naħa waħda, fir-rigward tat-tieni, fuq il-ksur tal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Ftehim TRIPs u fuq il-preġudizzju għad-dritt ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tielet, fuq il-ksur tal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tal-KEDB u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-preġudizzju għad-dritt ta’ proprjetà u tal-protezzjoni tal-proprjetà

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tarRegolament Nru 1049/2001

Fuq l-ispejjeż


* Lingwi tal-kawża: iċ-Ċek.