Language of document : ECLI:EU:F:2008:86

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

26 ta’ Ġunju 2008

Kawża F-108/07

Bart Nijs

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Sunt tal-motivi fir-rikors – Nuqqas ta’ lment li għandu jitressaq qabel – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B. Nijs jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri li ġġedded il-mandat tas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għal perijodu ta’ sitt snin b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007, u, sussidjarjament, tad-deċiżjoni tal-imsemmi Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu bħala l-Awtorità tal-Ħatra, tat-8 ta’ Diċembru 2006, li ma tippromwovihx bħala parti mill-proċedura ta’ promozzjoni tal-2004, deċiżjoni meħuda wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri (T-171/05, ĠabraSP p. I-A-2-195 u II-A-2-999), kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tat-12 ta’ Lulju 2007, li tiċħad l-ilment tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħuda bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.       Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1) u (3); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))

1.      Għalkemm ir-regola stabbilita fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors li manifestament għandu jiġi miċħud, hija regola proċedurali li tapplika, bħala tali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għall-kawżi kollha pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan ma jgħoddx ukoll għar-regoli li abbażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, skont dan l-artikolu, jikkunsidra rikors bħala manifestament inammissibbli, liema regoli jistgħu jkunu biss dawk applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.

(ara l-punt 25)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Diċembru 2007, Martin Bermejo vs Il‑Kummissjoni, F‑60/07, Ġabra p. I‑0000, punt 25

2.      Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors promotur għandu, fost affarijiet oħra, jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa. Dawn għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex abbażi tagħhom il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom dan ir-rikors ikun ibbażat, joħorġu, għall-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi biss, bħala prinċipju, skambju wieħed ta’ noti, sakemm ma l-istess Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jiddeċidix mod ieħor. Barra minn hekk, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-imsemmi Statut, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess Statut, uffiċjal għandu jkun rappreżentat minn avukat. Ir-rwol essenzjali ta’ dan tal-aħħar, bħala aġent tal-ġustizzja, huwa preċiżament li jibbaża t-talbiet tar-rikors fuq argumenti legali li jkunu komprensibbli u koerenti biżżejjed, fid-dawl preċiżament tal-fatt li l-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi biss, bħala prinċipju, skambju wieħed ta’ noti.

Rikors li fih il-fatti jkunu esposti b’mod imħawwad u mingħajr ordni, mingħajr ma l-qarrej ikun jista’ jorbothom b’mod li jagħmel sens ma’ talba tar-rikors jew ma’ wieħed mill-motivi mqajma insostenn tiegħu ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa.

(ara l-punti 28 sa 31)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; 21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 42; 15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punt 29