Language of document : ECLI:EU:F:2014:38

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Marzu 2014 (*)

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Intenzjoni li wieħed iqarraq bl-amministrazzjoni — Prova — Nuqqas ta’ infurzabbiltà fir-rigward tal-amministrazzjoni tat-terminu ta’ ħames snin sabiex titressaq it-talba għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Proċedura prekontenzjuża — Regola ta’ konkordanza — Eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba fir-rikors — Ammissibbiltà”

Fil-Kawża F‑128/12,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

CR, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, residenti f’M. (Franza), irrappreżentat minn A. Salerno u B. Cortese, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn V. Montebello-Demogeot u E. Taneva, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnut minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u A. Bisch, bħala aġenti,

intervenjent,

IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Van Raepenbusch, President, R. Barents u K. Bradley (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Ottubru 2012, CR ressaq il-kawża ineżami intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirkupra, lil hinn mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, is-somom imħallsa indebitament bħala allowance għall-ulied dipendenti.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 67 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“1.      L-allowances tal-familja għandhom ikunu magħmula minn:

[…]

(b)      allowance għal tfal dipendenti;

[…]

2.       L-uffiċjali li jirċievu allowance tal-familja speċifikati f’dan l-Artikolu għandhom jiddikjaraw il-benefiċċji ta’ l-istess natura mħallsa minn sorsi oħra; it-tali allowance ta’ l-aħħar għandhom jitnaqqsu minn dawk imħallsa taħt l-Artikoli 1, 2 u 3 ta’ l-Anness VII [tar-Regolamenti tal-Persunal].

[…]”

3        Skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Kull somma li tħallset żejda għandha tkun irkuprata jekk ir-riċevitur ma kienx jaf [kien jaf] li ma kien hemm l-ebda raġuna dovuta għall-pagament jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien tali evidenti li ma setax jinduna [ma setax ma jindunax] bih.

It-talba għall-irkuprar trid issir mhux aktar tard minn ħames snin mid-data meta s-somma tħallset. Fejn l-Awtorità tal-Ħatra kapaċi tistabbilixxi li r-riċevitur deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni bil-ħsieb li jikseb is-somma kkonċernata, it-talba għall-irkuprar ma tkunx invalidata jekk dan il-perjodu jkun skada.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Ir-rikorrent, uffiċjal fil-grad AD 12, daħal fil-kariga tiegħu mal-Parlament fl-1 ta’ Lulju 1983 u, minn dik id-data, okkupa fi ħdan il-Parlament diversi pożizzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u Mejju 2008, huwa kien assenjat mas-Servizz Legali fejn, bejn l-1 ta’ Frar 2005 u t-30 ta’ April 2008, kien jagħmel parti minn unità li kienet taħdem fuq id-drittijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

5        Missier ta’ erbat itfal, ir-rikorrent ibbenefika, minn Ottubru 1991, mill-allowance għall-ulied dipendenti prevista fl-Artikolu 67(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal.

6        Permezz ta’ nota tat-13 ta’ Ottubru 2011, il-Kap tad-Diviżjoni “Drittijiet individwali u remunerazzjonijiet”, fi ħdan id-Direttorat “Ġestjoni tal-ħajja amministrattiva” tad-Direttorat Ġenerali għall-Persunal tal-Parlament, informa lir-rikorrent li l-informazzjoni li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-Parlament kienet tindika li r-rikorrent kien intitolat jibbenefika minn allowances għall-ulied dipendenti mħallsa mill-awtoritajiet Franċiżi u talbu sabiex jippreżenta dokument ta’ sostenn mill-Caisse d’allocations familiales (Fond tal-allowances tal-familja Franċiż, iktar ’il quddiem is-“CAF”) tal-post tar-residenza tiegħu dwar is-sitwazzjoni tiegħu, jiġifieri jew attestazzjoni ta’ ħlas jew rifjut ta’ ħlas. F’din in-nota kien indikat ukoll li, jekk dan id-dokument ta’ sostenn ma jiġix ippreżentat sal-31 ta’ Ottubru 2011, l-ewwel nett, l-allowance għall-ulied dipendenti mħallsa sa dak iż-żmien kienet ser titnaqqas bl-ammont li r-rikorrent seta’ kien qiegħed jirċievi mis-CAF u, it-tieni nett, l-amministrazzjoni kienet ser twettaq reviżjoni ddettaljata tal-fajl tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, kienet ser tirkupra kull somma mħallsa indebitament.

7        Wara li rċieva n-nota tat-13 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrent ikkuntattja lis-CAF sabiex jitlob id-dokument ta’ sostenn meħtieġ mill-Parlament u informa lill-amministrazzjoni tal-Parlament li fil-fehma tiegħu ma kienx ser jirnexxilu jikseb dan id-dokument fit-terminu ffissat.

8        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Novembru 2011, il-Kap tad-Diviżjoni “Drittijiet individwali u remunerazzjonijiet” informa lir-rikorrent li, peress li ma kienx ipprovda d-dokument ta’ sostenn meħtieġ fit-terminu mogħti, l-allowance għall-ulied dipendenti mogħtija mill-Parlament kienet ser titnaqqas ex officio, minn Diċembru 2011, bl-ammont li jirrappreżenta s-somma li r-rikorrent seta’ kien qiegħed jirċievi mis-CAF. In-nota żiedet li dan it-tnaqqis kien ser jiġi applikat retroattivament sad-data tat-twelid tat-tieni wild tar-rikorrent, f’Jannar 1996, avveniment li intitolah għall-allowance mħallsa mis-CAF.

9        Permezz ta’ nota tad-9 ta’ Diċembru 2011, id-Direttur tad-Direttorat “Ġestjoni tal-ħajja amministrattiva” (iktar ’il quddiem id-“Direttur”) informa lir-rikorrent li mill-eżami tal-fajl tiegħu seta’ jiġi kkonstatat li kien ibbenefika minn allowances tal-familja mħallsa mis-CAF “sa minn Settembru 1999, sussegwentement għat-twelid tat-tieni wild [tiegħu]”. Skont id-Direttur, ir-rikorrent kien “deliberatament qarraq bl-amministrazzjoni sabiex jikseb il-ħlas tal-allowances tal-familja mingħajr tnaqqis tal-ammonti tal-istess natura mħallsa minn sors ieħor” peress li kien naqas milli jinforma lill-amministrazzjoni dwar l-allowances nazzjonali li kien jirċievi u kien naqas milli jaġġorna l-informazzjoni dwaru fil-formola annwali ta’ informazzjoni fl-aħħar sentejn. Għaldaqstant, peress li kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu ssodisfatti, id-Direttur informa lir-rikorrent li, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, huwa kien iddeċieda li jirkupra s-somom imħallsa indebitament mhux biss fl-aħħar ħames snin iżda minn Settembru 1999 permezz ta’ żamma mir-remunerazzjoni tar-rikorrent bejn Jannar 2012 u Jannar 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

10      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2012, is-CAF wieġeb għat-talba għal informazzjoni tar-rikorrent u ħariġlu rendikont għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2011 tal-benefiċċji li kien irċieva mingħand is-CAF, fosthom benefiċċju msejjaħ “allowance tal-familja” mħallas minn Settembru 1999. Barra minn hekk, is-CAF indika lir-rikorrent li ma kienx possibbli li jistabbilixxi attestazzjoni minn Jannar 1996.

11      Fis-7 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrent ressaq ilment fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni kontenzjuża unikament sa fejn kienet timponi l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament lil hinn mill-perijodu ta’ ħames snin. Fil-fatt, ir-rikorrent ma kkontestax l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament matul il-ħames snin preċedenti.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, li jaġixxi bħala Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment filwaqt li informa lir-rikorrent li d-dipartiment kompetenti kien għamel kalkolu ġdid tal-ammont li kellu jiġi rkuprat fuq il-bażi tal-informazzjoni kkomunikata permezz tal-ittra tas-CAF tal-5 ta’ Jannar 2012.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ nota li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-1 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament. Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Mejju 2013, il-President tat-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ din it-talba, kif ukoll it-talbiet għal kunfidenzjalità mressqa rispettivament mir-rikorrent u mill-Parlament u li kienu jikkonċernaw l-annessi mehmuża mar-rikors u mar-risposta.

14      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, iddeċidiet li għandhom jiġu rkuprati l-ammonti kollha mħallsa indebitament sa minn Settembru 1999 u mhux biss dawk imħallsa indebitament matul il-ħames snin preċedenti;

–        sa fejn ikun meħtieġ, jannulla d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2012, li tiċħad l-ilment tiegħu;

–        jikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

15      Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

16      Il-Kunsill jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara infondata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra t-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artiklu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment

17      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament imressqa formalment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom, fil-każ li din id-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, l-effett li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8).

18      Fil-kawża ineżami, mill-annessi fil-proċess jirriżulta li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2012 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent tikkonferma d-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li tispeċifika l-motivi invokati insostenn ta’ din tal-aħħar. Issa, f’tali każ, hija fil-fatt il-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, peress li huwa preżunt li din il-motivazzjoni tikkoinċidi ma’ dan l-att (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-18 ta’ April 2012, Buxton vs Il‑Parlament, F‑50/11, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ma għandhomx kontenut awtonomu u, għalhekk, għandhom jitqiesu li huma mressqa formalment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, kif speċifikata permezz tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, punt 32).

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża

19      Ir-rikors għandu jiġi interpretat fis-sens li, insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa jqajjem essenzjalment żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, it-tieni wieħed, fuq l-illegalità, imqajma bħala eċċezzjoni, tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

20      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina fl-ewwel lok il-motiv ibbażat fuq l-illegalità, imqajma bħala eċċezzjoni, tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li, jekk tintlaqa’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, ma jkunx għadu meħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

 Fuq il-motiv ibbażat, bħala eċċezzjoni, fuq l-illegalità tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal

21      Ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata peress li hija bbażata fuq it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, dispożizzjoni li hija stess hija illegali. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, din id-dispożizzjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn ma tipprevedix terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjoni tal-amministrazzjoni meta uffiċjal ikun qarraq biha deliberatament.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

22      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal b’ebda mod ma ġiet invokata fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża.

23      Huwa minnu li l-konvenut u l-intervenjent ma invokawx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-konfront tar-rikorrent. Għall-kuntrarju, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, matul is-seduta, staqsihom dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità fid-dawl tar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors sussegwenti, kemm il-konvenut u kemm l-intervenjent qablu li għandha ssir distinzjoni bejn il-każijiet ta’ eċċezzjonijiet ta’ illegalità, li għalihom ma għandhiex tiġi applikata r-regola ta’ konkordanza, u l-każijiet tal-motivi l-oħra, li għalihom għandha tiġi applikata r-regola ta’ konkordanza, kif imfakkra mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Moschonaki (T‑476/11 P, punti 70 sa 80 u 82), u, għaldaqstant, ma talbux lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddikjara inammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma.

24      Madankollu, il-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors, li minnha tiddependi l-ammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha teżamina ex officio (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-17 ta’ Lulju 2012, BG vs L‑Ombudsman, F‑54/11, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑406/12 P).

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni huwa ammissibbli biss jekk qabel ikun tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra.

26      Mill-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ġurisprudenza tislet regola ta’ konkordanza bejn l-ilment, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u r-rikors ippreżentat sussegwentement għall-ilment. Din ir-regola teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni għandu jkun tqajjem diġà fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża b’tali mod li l-Awtorità tal-Ħatra kienet f’pożizzjoni li tkun taf il-kritika li l-persuna kkonċernata tkun qiegħda tressaq fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-regola ta’ konkordanza hija ġġustifikata mill-finalità stess tal-proċedura prekontenzjuża, li għandha l-għan li tippermetti ftehim bonarju tat-tilwim li jqum bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Moschonaki, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tispeċifika li l-implementazzjoni tar-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment, kif ukoll l-istħarriġ tagħha mill-qorti tal-Unjoni, għandhom jiggarantixxu l-osservanza simultanjament, minn naħa, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tikkontesta b’mod validu deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalha preġudizzju, u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun f’pożizzjoni li tkun taf, sa mill-istadju tal-ilment, il-kritika li l-persuna kkonċernata tkun qiegħda tressaq fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Il‑Kummissjoni vs Moschonaki, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

28      Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza applikat ir-regola ta’ konkordanza għal rikors li jqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità filwaqt li kkonfermat li, sabiex tkun ammissibbli, tali eċċezzjoni għandha tkun tqajmet fl-ilment (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Diċembru 2008, Reali vs Il‑Kummissjoni, F‑136/06, punti 44 sa 51, ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ottubru 2010, Reali vs Il‑Kummissjoni, T‑65/09 P, punti 46 sa 49).

29      Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, minn wara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2010, Reali vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kien hemm żvilupp fil-ġurisprudenza dwar il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta [ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, punti 54 sa 63, u tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland (li kienet Sachsa Verpackung) vs Il‑Kummissjoni, C‑40/12 P, punti 75 u 76; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2011, Koninklijke Grolsch vs Il‑Kummissjoni, T‑234/07, punti 39 u 40] li jiġġustifika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina mill-ġdid jekk huwiex opportun li r-regola ta’ konkordanza tiġi applikata meta eċċezzjoni ta’ illegalità titqajjem għall-ewwel darba fir-rikors.

30      B’mod partikolari, fis-sentenza Koninklijke Grolsch vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tobbliga lid-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi tagħha matul il-proċedura amministrattiva għaliex inkella ma jkunx jista’ jagħmel dan sussegwentement fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni Ewropea li kienet qiegħda tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ motiv minħabba li ma kienx tqajjem b’mod ċar u preċiż matul il-fażi amministrattiva (punti 37 u 39). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi deskritti, tali argument kien iwassal sabiex jiġi limitat l-aċċess tar-rikorrent għall-ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, id-dritt tiegħu li l-kawża tiegħu tinstema’ minn qorti. Issa, kif fakkret il-Qorti Ġenerali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (punt 40).

31      Għalkemm huwa minnu li l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza ġiet żviluppata f’oqsma differenti minn dak tas-servizz pubbliku, is-sentenza Koninklijke Grolsch vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna l-kompatibbiltà mal-Artikolu 47 tal-Karta ta’ limitazzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja li ma tkunx prevista b’mod espliċitu mil-leġiżlatur. Din għalhekk hija sitwazzjoni li tippreżenta numru ta’ analoġiji mal-applikazzjoni tar-regola ta’ konkordanza fil-każ ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, regola li, għalkemm ibbażata fuq l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, hija regola li ħarġet mill-ġurisprudenza.

32      Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw, rispettivament, il-finalità tal-proċedura prekontenzjuża, in-natura tal-eċċezzjoni ta’ illegalità u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jipprekludu li eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba f’rikors tiġi ddikjarata inammissibbli għas-sempliċi raġuni li ma tkunx tqajmet fl-ilment li jkun sar qabel l-imsemmi rikors.

33      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-finalità tal-proċedura prekontenzjuża, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din il-proċedura ma jkollhiex skop meta l-ilmenti jkunu mressqa kontra deċiżjoni li l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx tista’ tibdel (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 1978, Ritter von Wüllerstorff und Urbair vs Il‑Kummissjoni, 7/77, punt 7, u tal-14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, punt 16; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il‑Parlament, T‑386/00, punt 34). B’hekk, il-ġurisprudenza eskludiet in-neċessità li jitressaq ilment kontra deċiżjonijiet adottati minn bordijiet tal-għażla ta’ kompetizzjonijiet (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-20 ta’ Ġunju 2012, Cristina vs Il‑Kummissjoni, F‑66/11, punt 34) jew kontra rapport ta’ evalwazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1980, Grassi vs Il‑Kunsill, 6/79 u 97/79, punt 15).

34      Bl-istess mod, l-obbligu li eċċezzjoni ta’ illegalità titqajjem fl-ilment, taħt piena ta’ inammissibbiltà, ma jistax jissodisfa l-finalità tal-proċedura prekontenzjuża kif imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza.

35      Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tibqa’ kompletament fis-seħħ sakemm l-illegalità tagħha ma tkunx ġiet stabbilita minn qorti kompetenti [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria, 101/78, punt 4; tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 63/87, punt 10, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, punt 18; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1998, Losch vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑13/97, punt 99; tat-30 ta’ Settembru 1998, Chvatal et vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑154/96, punt 112; tat-12 ta’ Lulju 2001, Kik vs UASI (Kik), T‑120/99, punt 55; u tas-17 ta’ Settembru 2008, Neurim Pharmaceuticals (1991) vs UASI – Eurim-Pharm Arzneimittel (Neurim PHARMACEUTICALS), T‑218/06, punt 52], l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tagħżel li ma tapplikax att ġenerali li jkun fis-seħħ u li, fil-fehma tagħha, jmur kontra dispożizzjoni legali ta’ livell superjuri, bis-sempliċi għan li tippermetti li tinstab soluzzjoni extraġudizzjarja għat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Ġunju 2011, Mantzouratos vs Il‑Parlament, F‑64/10, punt 22).

36      Tali għażla għandha tiġi eskluża a fortiori meta l-Awtorità tal-Ħatra kkonċernata taġixxi f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, bħalma jkun il-każ meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu ssodisfatti u meta l-amministrazzjoni tkun obbligata tirkupra s-somom imħallsa indebitament lil wieħed mill-membri tal-persunal tagħha. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ kompetenzi limitati, l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx f’pożizzjoni li tirtira jew li temenda d-deċiżjoni kkontestata mill-membru tal-persunal, u dan anki jekk tqis li eċċezzjoni ta’ illegalità, mqajma kontra d-dispożizzjoni li fuqha tkun ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, hija fondata.

37      Barra minn hekk, il-fatt li eċċezzjoni ta’ illegalità titqajjem għall-ewwel darba fir-rikors ma jistax jaffettwa l-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li, anki li kieku l-Awtorità tal-Ħatra kienet taf bl-eċċezzjoni ta’ illegalità sa mill-istadju tal-ilment, hija xorta waħda ma kinitx tkun tista’ tuża din iċ-ċirkustanza sabiex taqta’ t-tilwima mal-membru tal-persunal tagħha permezz ta’ ftehim bonarju.

38      Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ att li kontrih tista’ tippreżenta rikors, il-validità ta’ att preċedenti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-att ikkontestat, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt tippreżenta rikors dirett kontra tali att li tiegħu tkun qiegħda b’hekk tbati l-konsegwenzi mingħajr ma kellha l-opportunità li titlob l-annullament tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, punt 39, u tad-19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il‑Parlament, 262/80, punt 6). Għalhekk, l-għan tal-Artikolu 277 TFUE huwa li jipproteġi lill-individwi kontra l-applikazzjoni ta’ att normattiv illegali, bil-kundizzjoni li l-effetti ta’ sentenza li tikkonstata l-inapplikabbiltà jkunu limitati biss għall-partijiet fil-kawża u bil-kundizzjoni li din is-sentenza ma ddaħħalx inkwistjoni l-att stess, li ma jkunx għadu jista’ jiġi kkontestat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il‑Kummissjoni, T‑173/04, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Issa, jekk jitqies li l-obbligu li eċċezzjoni ta’ illegalità titqajjem fl-ilment, taħt piena ta’ inammissibbiltà, jista’ jissodisfa l-finalità tal-proċedura prekontenzjuża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li n-natura stess tal-eċċezzjoni ta’ illegalità hija dik li tikkonċilja l-prinċipju ta’ legalità u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

40      Fl-aħħar nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE jirriżulta li l-possibbiltà li jiġi kkontestat att ta’ portata ġenerali wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors hija miftuħa għal parti biss fil-kuntest ta’ kawża quddiem qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali eċċezzjoni ma jistax ikollha l-effetti kollha tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ lment amministrattiv.

41      Fit-tielet u fl-aħħar lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li fil-preżent huwa espress fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ [...] minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita [...] bil-liġi [...]”. Dan il-paragrafu jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, punti 40 u 42).

42      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li għaliha għandu jsir riferiment skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, jirriżulta li d-dritt għal smigħ minn qorti ma huwiex assolut. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa limitat, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors. Għalkemm il-persuni kkonċernati għandhom jistennew li jiġu applikati regoli li jimponu kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma għandhiex madankollu tipprekludi lill-individwi milli jinvokaw rimedju disponibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-6 ta’ Diċembru 2011, Anastasakis vs Il‑Greċja, rikors Nru 41949/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fir-Recueil des arrêts et décisions, § 24; sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni, C‑73/10 P, punt 53).

43      B’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem speċifikat li l-limitazzjonijiet għad-dritt għal smigħ minn qorti dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors ma jistgħux jillimitaw l-aċċess minn individwu b’mod jew sa punt tali li d-dritt tiegħu għal smigħ minn qorti jiġi mċaħħad mill-essenza stess tiegħu. Tali limitazzjonijiet jkunu kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB biss jekk ikollhom għan leġittimu u jekk ikun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan mixtieq (ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta’ Mejju 2006, Liakopoulou vs Il‑Greċja, rikors Nru 20627/04, mhux ippubblikata fir-Recueil des arrêts et décisions, § 17; tal-24 ta’ April 2008, Kemp et vs Il‑Lussemburgu, rikors Nru 17140/05, mhux ippubblikata fir-Recueil des arrêts et décisions, § 47, u tad-9 ta’ Jannar 2014, Viard vs Franza, rikors Nru 71658/10, § 29). Fil-fatt, id-dritt ta’ aċċess għal qorti jkun ippreġudikat meta l-mod kif dan id-dritt ikun irregolat ma jibqax jaqdi l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jikkostitwixxi forma ta’ ostakolu li jipprekludi lill-individwu milli jkollu l-kawża tiegħu maqtugħa fil-mertu mill-qorti kompetenti (ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 sa 60; sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta’ Frar 2009, L’Erablière vs Il‑Belġju, rikors Nru 49230/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fir-Recueil des arrêts et décisions, § 35).

44      Issa, is-sanzjoni tal-inammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba fir-rikors tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li ma hijiex proporzjonata mal-għan segwit mir-regola ta’ konkordanza, jiġifieri li tippermetti ftehim bonarju tat-tilwima bejn l-uffiċjal ikkonċernat u l-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Liakopoulou vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, § 20).

45      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, skont il-ġurisprudenza, kull uffiċjal normalment diliġenti huwa preżunt li jaf ir-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑34/96 u T‑163/96, punt 168, u l-ġurisprudenza ċċitata) u, b’mod iktar partikolari, ir-regoli li jirregolaw it-trattament tiegħu (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-21 ta’ Novembru 2013, Roulet vs Il‑Kummissjoni, F‑72/12 u F‑10/13, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, eċċezzjoni ta’ illegalità tista’ twassal lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jevalwa l-legalità ta’ regoli, li l-uffiċjali huma preżunti li jafu, fid-dawl ta’ prinċipji ġenerali jew ta’ dispożizzjonijiet legali ta’ livell superjuri li jistgħu jmorru lil hinn mill-qafas tar-regoli li joħorġu mir-Regolamenti tal-Persunal. Minħabba n-natura stess ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, kif ukoll minħabba r-raġunament li jwassal lill-persuna kkonċernata sabiex tirriċerka u tqajjem tali illegalità, ma jistax jiġi rikjest li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jressaq l-ilment, u li ma jkollux neċessarjament il-kompetenzi legali adegwati, għandu jqajjem tali eċċezzjoni fl-istadju prekontenzjuż, u dan taħt piena ta’ inammissibbiltà sussegwenti. Tali dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tikkostitwixxi, għalhekk, sanzjoni sproporzjonata u mhux iġġustifikata għall-membru tal-persunal ikkonċernat.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

–       Fuq l-ewwel parti tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

47      Ir-rikorrent isostni essenzjalment li l-assenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjoni tal-amministrazzjoni fil-kuntest tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra tistenna b’mod indefinit sabiex teżerċita l-poteri tagħha fil-qasam tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament. B’hekk, din id-dispożizzjoni hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ ċertezza legali u, fil-kawża ineżami, minflok din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata l-preskrizzjoni ta’ ħames snin.

48      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar, fl-ewwel lok, li l-preskrizzjoni, billi tipprekludi li sitwazzjonijiet ikkonsolidati bil-mogħdija taż-żmien jkunu jistgħu jibqgħu jiġu kkontestati b’mod indefinit, tiffavorixxi ċ-ċertezza legali, għalkemm tista’ tippermetti wkoll il-konsolidazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li kienu, minn tal-inqas inizjalment, kuntrarji għal-liġi. Għaldaqstant, il-portata tal-użu tal-preskrizzjoni tirriżulta minn ibbilanċjar bejn ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali u dawk tal-legalità, li jiddependi miċ-ċirkustanzi storiċi u soċjali prevalenti fis-soċjetà fi żmien partikolari. Għalhekk, din il-portata taqa’ fl-għażla esklużivament tal-leġiżlatur. Dan ifisser li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tikkritika lil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-għażliet li huwa jagħmel fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ regoli ta’ preskrizzjoni u fir-rigward tal-iffissar tat-termini korrispondenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, punti 82 u 83).

49      Għaldaqstant, il-fatt li t-terminu ta’ ħames snin għall-eżerċizzju tal-azzjoni għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament ma jistax jiġi infurzat fir-rigward tal-amministrazzjoni meta din tkun tista’ turi li l-persuna kkonċernata kienet qarrqet biha deliberatament ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, illegalità fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

50      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent fis-sens li, fl-assenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, l-amministrazzjoni tista’ tistenna b’mod indefinit sabiex tressaq l-azzjoni tagħha huwa infondat fid-dritt. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fl-assenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ffissat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-amministrazzjoni tkun tista’ tistenna b’mod indefinit sabiex teżerċita l-poteri tagħha (ara, fir-rigward tal-ħlas lura ta’ għajnuna mill-Istat, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, punt 100). F’tali sitwazzjoni, l-amministrazzjoni kkonċernata hija obbligata taġixxi f’terminu raġonevoli wara li tkun saret taf bil-fatti (ara, fir-rigward tal-irkupru ta’ allowance tad-dar imħallsa indebitament, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il‑Kummissjoni, T‑205/01, punt 52; ara wkoll, fir-rigward tal-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il‑Kummissjoni, T‑307/01, punti 48 u 49; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑12/10, punti 124 u 125).

51      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma huwa meħtieġ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jindirizza l-kwistjoni ta’ jekk, fil-kawża ineżami, l-amministrazzjoni aġixxietx f’terminu raġonevoli peress li r-rikorrent ma kkritikax lill-amministrazzjoni f’dan ir-rigward.

–       Fuq it-tieni parti tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

52      Ir-rikorrent jikkunsidra li n-nuqqas ta’ infurzabbiltà tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

53      B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li l-ġurisprudenza fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni rrikonoxxiet termini ta’ preskrizzjoni ta’ bejn tliet u ħames snin. Għall-kuntrarju, skont ir-rikorrent, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena fil-kontenzjuż dwar ir-rimbors tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni magħmula indebitament fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

54      Barra minn hekk, ir-rikorrent josserva li l-Artikolu 73a tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), introdott permezz tal-emenda tal-imsemmi regolament bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, p. 1), jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin fir-rigward tad-“drittijiet tal-[Unjoni] fir-rigward ta’ partijiet terzi u d-drittijiet ta’ partijiet terzi fir-rigward tal-[Unjoni]”.

55      Issa, fil-kawża ineżami, l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament qiegħed isir fir-rigward ta’ perijodu ta’ iktar minn tnax-il sena, sitwazzjoni din li, skont ir-rikorrenti, esponietu għal perijodu twil ta’ inċertezza legali u għar-riskju li ma jkunx għadu f’pożizzjoni li jkun jista’ jipprova li aġixxa b’mod regolari.

56      L-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent fis-sens li, jekk tiġi segwita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 30 sena jkun fih innifsu inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, l-assenza ta’ kwalunkwe terminu ta’ preskrizzjoni tista’ tkun biss illegali.

57      Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading (C‑201/10 u C‑202/10), invokata mir-rikorrent insostenn tat-teżi tiegħu, kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), li jikkonċerna l-verifiki, il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-irregolaritajiet imwettqa minn operaturi ekonomiċi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Novembru 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑282/04, punt 83), u, għaldaqstant, ma hijiex rilevanti għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħhom.

58      Fi kwalunkwe każ, is-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex ta’ natura li ssostni t-teżi tar-rikorrent. Fil-fatt, fil-punti 41 u 43 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma huwiex eskluż li regola ta’ preskrizzjoni trentennali li tirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt ċivili tista’ tkun tidher neċessarja u proporzjonata [...] fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-imsemmija regola u ddefinit mill-leġiżlatur nazzjonali”, iżda li, fil-kawża ineżami, dan it-terminu kien imur lil hinn minn dak li kien neċessarju “fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li fir-rigward tiegħu il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, anki ta’ tliet snin, kien diġà fih innifsu perijodu suffiċjenti”.

59      Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fir-rigward tal-amministrazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament previst fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma huwiex kuntrarju, fih innifsu, għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-għan segwit mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur kisirx, f’dan il-każ partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

60      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar, qabel kollox, li skont il-ġurisprudenza, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-mezzi implementati minnha jkunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimament segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u għall-kundizzjoni li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel, bħala prinċipju, dik li tkun l-inqas oneruża (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta’ Marzu 2012, Rapone vs Il‑Kummissjoni, F‑36/10, punt 50).

61      L-għan segwit mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa manifestament dak tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-kuntest speċifiku tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħhom, jiġifieri persuni li huma marbuta ma’ dawn l-istituzzjonijiet bid-dmir speċifiku ta’ lealtà previst fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jeżiġi, b’mod partikolari, li l-uffiċjal għandu jaġixxi “biss bl-interessi tal-Unjoni f’moħħu” u għandu jwettaq id-dmirijiet fdati lilu billi “jżomm id-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-Unjoni”.

62      Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal tobbliga lill-amministrazzjoni tirkupra kompletament is-somom imħallsa indebitament fis-sitwazzjoni partikolari fejn tkun tista’ tistabbilixxi li l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun deliberatament qarraq biha u dan bi ksur tad-dmir speċifiku ta’ lealtà msemmi iktar ’il fuq.

63      F’tali kuntest, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li n-nuqqas ta’ infurzabbiltà tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

64      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fir-rigward tal-amministrazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin sabiex tirkupra l-ammonti mħallsa indebitament fil-każ previst fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa kompatibbli mal-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju, li jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin “[b]la preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti speċifiċi”. Fil-fatt, it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal hija preċiżament “regolament speċifiku” li tikkonċerna l-każ partikolari ta’ membru tal-persunal li jkun qarraq deliberatament bl-amministrazzjoni tiegħu.

65      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal

66      Ir-rikorrent josserva li l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għall-prova, min-naħa tal-amministrazzjoni, tal-intenzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat li jqarraq biha u jikkunsidra li, fil-kawża ineżami, l-Awtorità tal-Ħatra applikat l-imsemmija dispożizzjoni mingħajr ma pproduċiet din il-prova. B’mod partikolari, skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq “sempliċi konstatazzjonijiet” li, fid-dawl tal-interpretazzjoni “restrittiva ħafna” li għandha tingħata lit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma humiex suffiċjenti sabiex juru r-rieda tiegħu li jqarraq bl-amministrazzjoni.

67      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar qabel kollox li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-talba għall-irkupru ta’ somma mħallsa indebitament għandha ssir sa mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin li jiddekorri mid-data meta tkun tħallset is-somma. Madankollu, dan it-terminu ta’ ħames snin ma jistax jiġi infurzat fir-rigward tal-Awtorità tal-Ħatra meta din tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-persuna kkonċernata kienet deliberatament qarrqet bl-amministrazzjoni sabiex tikseb il-ħlas tas-somma kkunsidrata.

68      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod ċar li l-amministrazzjoni għandha tipprova l-intenzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat li jqarraq biha, punt dan li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

69      Fil-kawża ineżami, ir-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża biss sa fejn tikkonċerna l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel il-ħames snin imsemmija iktar ’il fuq. Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma huwiex qiegħed jikkontesta li kien jaf bl-irregolarità tal-ħlas tal-allowance tal-familja jew li din tant kienet evidenti li ma setax ma kienx jaf biha.

70      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-Awtorità tal-Ħatra osservat li r-rikorrent kien naqas milli jiddikjara mal-amministrazzjoni l-allowances imħallsa mis-CAF, minkejja l-fatt li, permezz tad-diversi funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-Parlament, huwa kien tqiegħed f’pożizzjoni partikolarment privileġġata sabiex ikun jaf li kellu jagħmel dan. L-Awtorità tal-Ħatra semmiet ukoll li r-rikorrent lanqas ma kien wieġeb għat-talba sabiex jaġġorna l-informazzjoni fil-formola annwali ta’ informazzjoni għall-2009 u għall-2010.

71      Fit-tielet lok, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra ssemmi li r-rikorrent kien “wettaq diversi drabi dikjarazzjonijiet foloz kemm meta mela l-formoli annwali ta’ informazzjoni għas-snin 1996-2005 u kemm meta mela l-formoli ta’ informazzjoni [...] mibgħuta fl-okkażjoni tat-twelid tal-ulied [tiegħu]” u, fir-rigward tal-formoli annwali ta’ informazzjoni, li, matul il-perijodu bejn l-1996 u l-1998, huwa kien dejjem iddikjara li la huwa stess u lanqas il-konjuġi tiegħu ma kienu rċevew “barra mill-Komunitajiet” allowances tal-familja fir-rigward tal-ulied tagħhom. Bl-istess mod, għall-perijodu bejn l-1999 u l-2005, ir-rikorrent kien ikkonferma permezz tal-firma tiegħu li ma kienx irċieva allowances minn sors ieħor, peress li ma kienx indika l-kaxxa li ssemmi dawn l-allowances. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-istruzzjonijiet mogħtija fuq il-formoli annwali ta’ informazzjoni, huwa qatt ma kien ehmeż mad-dikjarazzjonijiet tiegħu attestazzjonijiet mis-CAF. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra ssostni li, “fl-okkażjoni tat-twelid tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ wild [tiegħu], [ir-rikorrent kien] għamlet dikjarazzjonijiet foloz meta kull darba ddikjara, fuq il-formola ta’ informazzjoni li għandha timtela sabiex jinkisbu l-allowances għall-ulied dipendenti, li ma kienx jirċievi allowance ta’ din in-natura minn sorsi oħra”. Fl-aħħar nett, l-Awtorità tal-Ħatra osservat, minn naħa, li r-rikorrent ma kienx qiegħed jikkontesta l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fir-rigward tal- ħames snin preċedenti u, min-naħa l-oħra, li, minħabba l-grad għoli tiegħu, minħabba l-formazzjoni ta’ ġurist tiegħu u minħabba li kien ħadem fil-qasam tas-servizz pubbliku, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni partikolarment tajba sabiex ikun jaf bl-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li jiddikjara l-allowances tal-istess natura bħall-allowance għall-ulied dipendenti.

72      Għandu jiġi kkonstatat li l-Awtorità tal-Ħatra ma bbażatx id-deċiżjoni kontenzjuża fuq “sempliċi konstatazzjonijiet” kif isostni r-rikorrent iżda fuq il-fatt li dan tal-aħħar kien għamel diversi drabi dikjarazzjonijiet foloz lill-amministrazzjoni u li dawn id-dikjarazzjonijiet foloz saru minn uffiċjal li kien fi grad għoli, li għandu esperjenza ta’ ġurist fil-qasam tas-servizz pubbliku u li ma huwiex qiegħed jikkontesta li kien jaf bl-irregolarità tal-ħlas jew li kien imissu kien jaf biha.

73      Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-elementi msemmija iktar ’il fuq jistgħu jipprovaw, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-rieda tar-rikorrent li jqarraq bl-amministrazzjoni u li għalhekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ssodisfatti.

74      L-affermazzjoni tar-rikorrent, fis-sens li, wara t-twelid tat-tieni wild tiegħu, huwa kien ikkuntattjat bit-telefown mill-amministrazzjoni tal-Parlament fejn kien informat li ma kienx neċessarju li jiddikjara l-allowances imħallsa mis-CAF, ma jista’ jkollha ebda impatt fuq din il-konklużjoni. Fil-fatt, minbarra li r-rikorrent ma pprovda lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ebda element li jista’ jipprova tali affermazzjoni, ir-rikorrent lanqas ma jislet xi konklużjoni jew argument minn din l-affermazzjoni.

75      Għaldaqstant, il-motiv ineżami għandu jiġi miċħud bħala infondat fid-dritt.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess Regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

78      Mir-raġunijiet mogħtija f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrent tilef il-kawża. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, il-Parlament talab b’mod espliċitu li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż esposti mill-Parlament.

79      Skont l-Artikolu 89(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CR għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż esposti mill-Parlament Ewropew.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Van Raepenbusch

Barents

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2014.

W. Hakenberg

 

      S. Van Raepenbusch

Ir-Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.