Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Jannar 2020 – Flightright GmbH vs Eurowings GmbH

(Kawża C-10/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Flightright GmbH

Konvenuta: Eurowings GmbH

Domandi preliminari

Il-leġiżlazzjoni dwar il-ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ annullament skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-istess regolament, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-passiġġieri li jiġu ttrasportati, fuq titjira b’rotta differenti, lejn id-destinazzjoni finali tagħhom iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq previst u li, b’din is-soluzzjoni alternattiva ta’ trasport, jaslu għalhekk f’din id-destinazzjoni finali iktar kmieni milli kien ikun il-każ bit-titjira prevista (annullata), jirċievu huma wkoll kumpens b’applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament?

a)    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: dan il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, li fil-prinċipju għandu jingħata, jista’ jitnaqqas skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, skont id-distanza tat-titjira, jekk il-ħin tal-wasla tat-titjira b’rotta differenti jkun qabel il-ħin tal-wasla previst tat-titjira rriżervata inizjalment?

b)    Jekk id-domanda 2(a) tingħata risposta fl-affermattiv: il-possibbiltà li l-kumpens jitnaqqas hija eskluża jekk il-ħin tal-wasla tat-titjira b’rotta differenti jkun wisq qabel il-ħin tal-wasla previst tat-titjira rriżervata inizjalment, pereżempju iktar minn tliet sigħat qabel?

____________

1 Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).